|
IL-BELT VALETTA - 18.04.2010 - 17.15 |
|
Valletta Waterfront |
|
Laqgħa maż-Żgħażagħ |
|
Traduzzjoni mit-test Oriġinali Ingliż |
|
|
|
|
|
Għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, jien kuntent ħafna li ninsab magħkom.
|
|
Hu tassew ferħ kbir għalija li nkun magħkom illum fuq art twelidkom! F'dan l-anniversarju sinifikanti, aħna nirringrazzjaw lil Alla li bagħat lill-Appostlu Pawlu f'dawnil-gżejjer li hekk kienu fost tal-ewwel li rċevew l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Tagħna Ġesù Kristu. |
|
|
|
Jien nagħti merħba lill-Arċisqof Cremona, u wkoll lill-Isqof Grech li nirringrazzjah għall-kliem ġentili tiegħu, u lill-isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi li hawn hawnhekk. B'mod speċjali nagħti merħba lilkom, żgħażagħ ta' Malta u Għawdex, u nirringrazzjakom li tkellimtu miegħi fuq suġġetti li l-aktar jolqtukom mill-qrib. Jien napprezza x-xewqa tagħkom li tfittxu u ssibu l-verità, u li tkunu tafu x'għandkom tagħmlu biex tilħqu l-milja tal-ħajja. San Pawl, bħala żagħżugħ, għadda minn esperjenza li bidlitu għal ħajtu kollha.
|
|
Kif tafu, hu darba kien għadu tal-Knisja, u għamel kulma seta' biex jeqridha. Filwaqt li kien jivvjaġġa lejn Damasku, bil-ħsieb li jaqbad u jarresta lil kull Nisrani li seta' jsib hemm, il-Mulej deherlu f'viżjoni. Dawl li jagħma idda madwaru u hu sema' leħen jgħid, “Għaliex qiegħed tippersegwitani?... Jien Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 9:4-5). Pawlu kien megħlub għal kollox minn din il-laqgħa mal-Mulej, u ħajtu kollha nbidlet. Sar dixxiplu, u baqa' sejjer biex sar appostlu u missjunarju kbir. Hawn Malta għandkom raġuni partikolari biex troddu ħajr għall-ħidmiet missjunarji ta' Pawlu li xerrdu l-Evanġelju mal-Mediterran kollu. |
|
|
|
Kull laqgħa personali ma' Ġesù hija esperjenza irreżistibbli ta' mħabba. Qabel, kif Pawlu nnifsu jammetti, hu kien “ippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta' Alla u fittex li jeqridha” (Gal 1:13). Iżda l-mibegħda u r-rabja espressi f'dan il-kliem inkinsu 'l barra għal kollox mis-setgħa tal-imħabba ta' Kristu. Tul il-bqija ta' ħajtu Pawlu kellu xewqa ħerqana li jxandar l- ta' dik l-imħabba sa truf l-art. |
|
|
|
Jista' jkun li wħud minnkom jgħiduli, San Pawl hu spiss sever fil-kitbiet tiegħu. Kif nista' ngħid li hu kien qed ixerred messaġġ ta' mħabba? It-tweġiba tiegħi hi din. Alla jħobb lil kull wieħed minna bi profondità u intensità li bilkemm nistgħu nibdew nimmaġinaw. U hu jafna intimament, jaf is-saħħiet kollha tagħna u n-nuqqasijiet kollha tagħna. Għaliex iħobbna daqstant, hu jrid jippurifikana mid-difetti tagħna u jibni l-virtujiet tagħna biex jista' jkollna l-ħajja bil-kotra. Meta jisfidana għaliex xi ħaġa f'ħajjitna ma tkunx togħġbu, ma jkunx qed ikeċċina iżda jkun qed jitlobna ninbidlu u nsiru aktar perfetti. |
|
|
|
Dan hu dak li talab lil San Pawl fit-Triq ta' Damasku. Alla ma jwarrab lil ħadd. U l-Knisja ma twarrab lil ħadd. Iżda fl-imħabba kbira tiegħu Alla jisfida lil kollha kemm aħna biex ninbidlu u nsiru aktar perfetti.
|
|
San Ġwann jgħidilna li l-imħabba perfetta tkeċċi l-biża' (ara 1 Ġw 4:18). U hekk ukoll ngħid lilkom ilkoll, “Tibżgħux!” Kemm-il darba nisimgħu dan il-kliem fl-Iskrittura? Huma indirizzati mill-anġlu lil Marija fl-Annunzjazzjoni, minn Ġesù lil Pietru meta sejjaħlu biex ikun dixxiplu, u mill-anġlu lil Pawlu lejliet in-nawfraġju tiegħu. Lilkom kollha li tixtiequ timxu wara Kristu, bħala koppji miżżewġin, bħala ġenituri, bħala saċerdoti, bħala reliġjużi, bħala fidili lajċi, u tsawwlu l-messaġġ tal-Evanġelju lid-dinja, jien ngħid, tibżgħux! Tistgħu żgur tiltaqgħu ma' oppożizzjoni għall-messaġġ tal-Evanġelju. Il-kultura tal-lum, bħal kull kultura, tmexxi 'l quddiem ideat u valuri li xi drabi ma jaqblux ma' dawk megħuxin u ppritkati mill-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Spiss huma ppreżentati b'qawwa persważiva kbira, imsaħħin mill-midja u minn pressjoni soċjali minn gruppi ostili għall-fidi Nisranija. Hu faċli, meta nkunu żgħażagħ u impressjonabbli, li nkunu influwenzati minn sħabna biex naċċettaw ideat u valuri li nafu li mhumiex dawk li l-Mulej irid tassew li nħaddnu. Hu għalhekk li jien ngħidilkom: tibżgħux, iżda ifirħu fl-imħabba tiegħu għalikom; afdaw fih, wieġbu s-sejħa tiegħu għad-dixxipulat, u sibu l-ikel u l-fejqan spiritwali fis-sagramenti tal-Knisja. |
|
|
|
Hawn Malta intom tgħixu f'soċjetà li hi mgħaddsa fil-fidi u l-valuri Nsara. Intom għandkom tkunu kburin li pajjiżkom jiddefendi t-trabi mhux imweldin u jħeġġeġ ħajja familjari stabbli billi jgħid "le" għall-abort u d-divorzju. Jien inħeġġiġkom li żżommu din ix-xhieda kuraġġuża għall-qdusija tal-ħajja u ċ-ċentralità taż-żwieġ u tal-ħajja familjari għal soċjetà b'saħħitha. |
|
|
|
F'Malta u Għawdex, il-familji jafu kif jivvalutaw u jikkuraw lill-anzjani u lil dawk li ma jifilħux tagħhom, u jilqgħu lill-ulied bħala rigali mingħand Alla. Nazzjonijiet oħrajn jistgħu jitgħallmu mill-eżempju Nisrani tagħkom. Fil-kuntest tas-soċjetà Ewropea, il-valuri tal-Evanġelju qed isiru mill-ġdid kontro-kulturali, sewwasew kif kienu fi żmien San Pawl.
|
|
F'din is-Sena tas-Saċerdoti jien nitlobkom li tkunu mituħin għall-possibilità li l-Mulej jista' jkun qed isejjaħ lil xi wħud minnkom biex tatu lilkom infuskom totalment għas-servizz tal-poplu tiegħu fis-saċerdozju jew fil-ħajja kkonsagrata. Pajjiżkom ta lill-Knisja ħafna saċerdoti u reliġjużi mill-aħjar. Kunu ispirata mill-eżempju tagħhom, u agħrfu l-ferħ profond li jiġi mid-dedikazzjoni tal-ħajja ta' dak li jkun biex ixandar il-messaġġ tal-imħabba ta' Alla għall-bnedmin kollha, bla eċċezzjoni. |
|
|
|
Jien diġà tkellimt fuq il-ħtieġa tal-kura ta' dawk żgħar ħafna, u tal-anzjani u dawk neqsin mis-saħħa. Iżda Nisrani hu msejjaħ biex jgħaddi l-messaġġ li jfejjaq tal-Evanġelju lil kulħadd. Alla jħobb lil kull persuna fid-dinja waħda waħda, fis-sewwa hu jħobb lil kull min qatt għex tul l-istorja kollha tad-dinja. Fil-Mewt u l-Qawmien ta' Ġesù, li jsiru preżenti kull meta niċċelebraw il-Quddiesa, hu joffri ħajja bil-kotra lil dawk in-nies kollha. Bħala Nsara aħna msejħin biex nuru l-imħabba ta' Alla li tħaddan kollox. Għaldaqstant għandna nfittxu lill-foqra, lill-vulnerabbli, lill-emarġinati; għandu jkollna kura speċjali għal dawk li għaddejjin minn inkwiet, dawk li jbatu minn dipressjoni jew ansjetà; għandna nieħdu ħsieb id-diżabilitati, u nagħmlu kulma nistgħu biex nippromwovu d-dinjità u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; għandna nagħtu attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-immigranti u dawk li qed ifittxu ażil fostna; għandna nestendu l-id ta' ħbiberija lil dawk li jemmnu u li ma jemmnux. Din hija s-sejħa nobbli tal-imħabba u servizz li rcevejna kollha kemm aħna. Ħalluha tispirakom biex tiddedikaw ħajjietkom biex timxu wara Kristu. La tibżgħux tkunu ħbieb intimi ta' Kristu. |
|
Għeżież żgħażagħ, waqt li se nħallikom irridkom tkunu tafu li jien qrib tagħkom u niftakar fikom u fil-familja u l-ħbieb tagħkom fit-talb tiegħi.
|
|
“Selluli għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha.”
|