|
IR-RABAT - 17.04.2010 - 20.00 |
|
Żjara lill-Grotta ta’ San Pawl |
|
Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Malta beda b’mument ta’
talba fis-skiet fil-Grotta ta’ San Pawl li ġab
għall-ewwel darba l-fidi lil dawn il-gżejjer.
Jien imxejt fuq il-passi ta’ dawk il-pellegrini
li ma tgħoddhomx li tul is-sekli talbu f’dan il-post
qaddis u fdaw lilhom infushom, lill-familji
tagħhom u lil din in-nazzjon f’idejn l-interċessjoni
tal-Appostlu tal-Ġentili. Jien nifraħ li, fl-aħħar
, ninsab fostkom u nagħtikom ilkoll merħba
b’imħabba kbira fil-Mulej!
|
|
In-nawfraġju ta’ Pawlu u l-qagħda tiegħu f’Malta
tul tliet xhur ħallew marka li ma titħassarx fl-istorja
ta’ pajjiżkom. Kliemu lil dawk li kienu miegħu
qabel ma wasal Malta huma reġistrati għalina fl-Atti
tal-Appostli u għandhom tema speċjali fit-tħejjija
għaż-żjara tiegħi. |
|
Dawk il-kelmiet – “Jeħtieg iżda li naslu fi
gżira” (Atti 27:26) – fil-kuntest
oriġinali tagħhom huma sejħa għall-kuraġġ
quddiem dak li mhux magħruf u fiduċja kostanti
fil-provvidenza misterjuża ta’ Alla. In-nawfragi,
fil-fatt, intlaqgħu bil-qalb mill-poplu Malti li
mexa wara l-gwida mogħtija minn San Publju.
Fil-pjan ta’ Alla, San Pawl b’hekk sar
missierkom fil-fidi Nisranija. Bis-saħħa
tal-preżenza tiegħu fostkom, l-Evanġelju ta’
Ġesù Kristu rabba għeruq sodi u ta frott mhux
biss fil-ħajjiet ta’ individwi, familji u
komunitajiet iżda wkoll fil-formazzjoni
tal-identità nazzjonali ta’ Malta u tal-kultura
vibranti u distintiva tagħha. |
|
Il-ħidmiet appostoliċi ta’ Pawlu taw ukoll ħsad
għani fil-ġenerazzjonijiet ta’ predikaturi li
segwew il-passi tiegħu, u b’mod partikolari fl-għadd
kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi li imitaw iż-żelu
missjunarju tiegħu billi ħallew Malta biex
iwasslu l-Evanġelju fi xtut imbiegħda. Jien
ferħan li kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’
tant minnhom illum f’din il-Knisja ta’ San Pawl
u nħeġġiġhom fis-sejħa sfidanti u spiss erojka
tagħhom. |
|
Għeżież missjunarji: Jien nirringrazzja lilkom
ilkoll, f’isem il-Knisja kollha, għax-xhieda
tagħkom għall-Mulej Imqajjem u għall-ħajjiet
imgħoddija fis-servizz tal-oħrajn. Il-preżenza u
l-attività tagħkom f’tant pajjiżi tad-dinja
tagħmel unur lil pajjiżkom u tixhed għal stimulu
evanġeliku li jinsab imħawwel fil-fond
fil-Knisja f’Malta. Ejjew nitolbu lill-Mulej
biex isejjaħ ħafna aktar irġiel u nisa ħalli
jkomplu jmexxu ’l quddiem il-missjoni nobbli
tax-xandir tal-Evanġelju u jaħdmu għall-avvanz
tas-Saltna ta’ Kristu f’kull art u poplu!
|
|
Il-miġja ta’ San Pawl f’Malta ma kinitx
ippjanata. Kif nafu, kien sejjer Ruma meta qamet
maltempata vjolenti u l-bastiment tiegħu
inkalja fuq din il-gżira. Il-baħħara jistgħu
jfasslu vjaġġ, iżda Alla, fl-għerf u l-provvidenza
tiegħu, ifassal korsa li hi tiegħu. Pawlu, li
b’mod drammatiku ltaqa’ mal-Mulej Imqajjem waqt
li kien fi triqtu lejn Damasku, kien jaf dan
tajjeb ħafna. Il-korsa ta’ ħajtu nbidlet għal
għarrieda; minn dak il-waqt ’il quddiem, għalih
li jgħix kien Kristu (ara Fil 1:21); kull
ħsieb u azzjoni tiegħu kienu diretti biex
ixandru l-misteru tas-Salib u l-messaġġ
rikonċiljattiv tiegħu tal-imħabba ta’ Alla. Dik
l-istess kelma, il-kelma tal-Evanġelju, għad
għandha s-setgħa li tidħol f’ħajjietna u tibdel
it-triqat tagħhom.
|
|
Illum dak l-istess Evanġelju li Pawlu xandar
jibqa’ jsejjaħ lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer
għall-konverżjoni, għal ħajja ġdida u għal
ġejjieni ta’ tama. Waqt li jien fostkom bħala s-Suċċessur
tal-Appostlu Pietru, jien nistedinkom biex
tisimgħu l-kelma ta’ Alla mill-ġdid, kif għamlu
l-antenati tagħkom, u tħalluha tisfida l-modi ta’
kif taħsbu u l-mod kif tgħixu ħajjietkom.
|
|
Minn dan il-post qaddis minn fejn
il-predikazzjoni appostolika xterdet ma’ dawn
il-gżejjer kollha, jien insejjaħ lil kull wieħed
u waħda minnkom biex tidħlu għal din l-isfida
eċċitanti tal-evanġelizzazzjoni ġdida. Għixu l-fidi
tagħkom b’mod dejjem isħaħ mal-membri
tal-familji tagħkom, fl-inħawi fejn tgħixu, fil-post
tax-xogħol u fit-tessut sħiħ tas-soċjetà Maltija.
B’mod partikolari jien inħeġġeġ lill-ġenituri,
lill-għalliema u lill-katekisti biex jitkellmu
ma’ oħrajn fuq il-laqgħa ħajja tagħkom infuskom
ma’ Ġesù Mqajjem, l-aktar maż-żgħażagħ li huma
l-futur ta’ Malta. “Il-fidi tissaħħaħ meta
tingħadda lil oħrajn!” (ara Redemptoris
Missio, 2). Emmnu li l-mumenti tagħkom ta’
fidi jiżguraw laqgħa ma’ Alla li fis-setgħa
qawwija tiegħu jmiss il-qlub tal-bnedmin. B’dan
il-mod intom tintroduċu liż-żgħażagħ
għas-sbuħija u l-għana tal-fidi Kattolika u
toffrulhom katekeżi soda b’mod li tistednuhom
għal sehem dejjem aktar attiv fil-ħajja
sagramentali tal-Knisja. |
|
Id-dinja teħtieġ din ix-xhieda! Quddiem tant
theddidiet għas-sagralità tal-ħajja umana, u
għad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja,
m’għandhiex tidher il-ħtieġa li n-nies tal-lum
jitfakkru l-ħin kollu fil-kobor tad-dinjità
tagħna bħala wlied Alla u fis-sejħa sublimi li
rċevejna fi Kristu? M’għandhiex is-soċjetà l-ħtieġa
li terġa’ tagħmel tagħha u tiddefendi dawn
il-veritajiet morali fundamentali li jibqgħu l-pedament
ta’ libertà awtentika u progress ġenwin?
|
|
Iss’issa, kif kont quddiem din il-Grotta, jien
irriflettejt fuq id-don spiritwali kbir (ara
Rum 1:11) li Pawlu ta lil Malta, u jien
tlabt li intom tkun tistgħu żżommu bla mittiefes
il-wirt imħolli lilkom mill-Appostlu l-kbir.
Jalla l-Mulej iwettaq lilkom u lill-familji
tagħkom fil-fidi li topera permezz tal-imħabba (ara
Gal 5:6) u tagħmilkom xhieda ferrieħa
tat-tama li qatt ma tqarraq (ara Rum
5:5). Kristu qam! Tassew qam! Alleluja!
|
|
|