|
IL-FURJANA - 18.04.2010 - 10.00 |
|
Traduzzjoni mit-test Oriġinali Ingliż |
|
Għeżież Ħuti fi Kristu Ġesù, |
|
Jien ferħan ħafna li qiegħed hawn magħkom ilkoll illum
quddiem il-knisja sabiħa ta’ San Publju biex niċċelebra l-misteru
kbir tal-imħabba ta’ Alla muri fl-Ewkaristija Mqaddsa. F’dan
iż-żmien, il-ferħ tal-istaġun tal-Għid jimla lil qlubna
għaliex qed niċċelebraw ir-rebħa ta’ Kristu, ir-rebħa
tal-ħajja fuq id-dnub u fuq il-mewt. Huwa ferħ li
jittrasforma ħajjietna u jimliena bit-tama fit-twettiq
tal-wegħdiet ta’ Alla. Kristu qam, alleluja! |
|
Jien nagħti merħba lill-President tar-Repubblika u
lis-Sinjura Abela, lill-awtoritajiet ċivili ta’ din in-Nazzjoni
għażiża, u lill-poplu kollu ta’ Malta u Għawdex.
Nirringrazzja lill-Arċisqof Cremona għall-kliem ġentili
tiegħu, u nagħti merħba wkoll lill-Isqof Grech u lill-Isqof
Depasquale, lill-Arċisqof Mercieca, lill-Isqof Cauchi u
lill-isqfijiet l-oħra u s-saċerdoti preżenti, u wkoll
lill-fidili Nsara kollha tal-Knisja f’Malta u Għawdex. Sa
mill-wasla tiegħi lbieraħ filgħaxija kelli l-esperjenza
tal-istess merħba mill-qalb li l-antenati tagħkom taw lill
Appostlu Pawlu fis-sena sittin. |
|
Ħafna vjaġġaturi żbarkaw hawn fil-kors tal-istorja tagħkom.
L-għana u l-varjetà tal-kultura Maltija huma sinjal li l-poplu
tagħkom gawda bil-kbir mill-iskambju ta’ rigali u ospitalità
ma’ viżitaturi baħħara. U dan hu sinjal li intom kontu tafu
kif tiddixxernu meta ġejtu biex tieħdu l-aħjar ta’ dak li
kellhom x’joffrulkom. |
|
Jien inħeġġiġkom li tibqgħu tagħmlu hekk. Mhux kulma
tipproponi d-dinja tal-lum jistħoqqlu jkun aċċettat mill-poplu
ta’ Malta. Ħafna ilħna jippruvaw jipperswaduna li nwarrbu l-fidi
tagħna f’Alla u fil-Knisja tiegħu, u li nagħżlu għalina
nfusna l-valuri u t-twemmin li bihom ngħixu. Huma jgħidulna
li m’għandniex bżonn ta’ Alla jew tal-Knisja. Jekk inkunu
ttentati nemmnuhom, għandna niftakru fl-inċident
tal-Evanġelju tal-lum meta d-dixxipli, kollha kemm huma
sajjieda ta’ esperjenza, stinkaw il-lejl kollu iżda ma
qabdux ħuta waħda. Imbagħad, meta deher Ġesù fuq ix-xatt,
indikalhom biex jistadu għal qabda tant kbira li bilkemm
setgħu jtellgħuha. Weħidhom, l-isforzi tagħhom ma swew għal
xejn; meta Ġesù kien ħdejhom, qabdu kwantità enormi ta’ ħut.
Ħuti għeżież, jekk inqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-Mulej u
nsegwu t-tagħlim tiegħu, dejjem naħsdu frott kbir.
|
|
L-ewwel qari li kellna fil-Quddiesa tal-lum hu wieħed li naf
li tħobbu tisimgħu, ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Pawlu fuq
ix-xtajta ta’ Malta, u l-laqgħa mill-qalb li tah il-poplu ta’
dawn il-gżejjer. Innutaw kif l-ekwipaġġ tal-bastiment, biex
isalvaw, kellhom jitfgħu ’l baħar it-tagħbija, it-tagħmir
tal-ġifen, u saħansitra l-qamħ li kien l-ikel waħdani
tagħhom. Pawlu ħeġġiġhom biex iqiegħdu l-fiduċja tagħhom
f’Alla biss, filwaqt li l-bastiment kien qed jitbandal mal-mewġ.
Aħna wkoll irridu nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih biss. Tiġina
t-tentazzjoni li naħsbu li t-teknoloġija avvanzata tal-lum
tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet kollha tagħna u tħarisna mill-perikli
kollha li jhedduna. Iżda mhux hekk. F’kull mument ta’
ħajjitna aħna niddependu għal kollox minn Alla li fih aħna
ngħixu u niċċaqalqu u għandha l-esseri tagħna. Hu biss jista’
jħarisna mid-deni, hu biss jista’ jiggwidana tul il-maltemp
tal-ħajja, hu biss li jwassalna f’port fiż-żgur, kif għamel
fil-każ ta’ Pawlu u sħabu mitluqin għal riħhom ’il barra
mix-xtajta ta’ Malta. Huma għamlu kif ħeġġiġhom Pawlu, u
kien għalhekk li “kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ” (Atti
27:44). |
|
Aktar minn kull tagħbija li nistgħu nġorru magħna –
f’termini ta’ kisbiet umani, il-propjetajiet tagħna, it-teknoloġija
tagħna – hija r-relazzjoni tagħna mal-Mulej li tagħtina ċ-ċavetta
għall-kuntentizza tagħna u għat-twettiq uman tagħna. U hu
jsejħilna għal relazzjoni ta’ mħabba. Ara l-mistoqsija li
għamel tliet darbiet lil Pietru fuq ix-xatt tal-għadira:
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Fuq il-bażi tat-tweġiba
affermattiva ta’ Pietru, Ġesù jassenjalu biċċa xogħol – ix-xogħol
li jitma’ lill-merħla tiegħu. Hawn naraw il-bażi
tal-ministeru pastorali kollu fil-Knisja. Hija l-imħabba
għall-Mulej li għandha ssawwar kull aspett tal-predikazzjoni
u t-tagħlim tagħna, iċ-ċelebrazzjoni li nagħmlu
tas-sagramenti, u l-kura li nieħdu tal-poplu ta’ Alla. Hija
l-imħabba tagħna għall-Mulej li timbuttana biex inħobbu lil
dawk li hu jħobb, u li naċċettaw bil-ferħ ix-xogħol li
nikkomunikaw l-imħabba tiegħu lil dawk li aħna naqdu.
|
|
Waqt il-Passjoni tal-Mulej tagħna, Pietru ċaħdu tliet
darbiet. Issa, wara l-Qawmien, Ġesù jistiednu tliet darbiet
biex jistqarr l-imħabba tiegħu, u hekk joffrilu fejqan u
maħfra u fl-istess ħin jafdalu l-missjoni tiegħu. Il-qabda
mirakuluża tal-ħut tenfasizza d-dipendenza tal-appostli fuq
Alla għas-suċċess tal-proġetti tagħhom tad-dinja. Id-djalogu
bejn Pietru u Ġesù jenfasizza l-ħtieġa tal-ħniena divina
biex tfejjaq il-feriti spiritwali tagħhom, il-feriti tad-dnub.
|
|
F’kull qasam ta’ ħajjietna aħna neħtieġu l-għajnuna
tal-grazzja ta’ Alla. Miegħu aħna nistgħu nagħmlu kollox:
mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn. |
|
Aħna nafu mill-Evanġelju ta’ San Mark is-sinjali li
jakkumpanjaw lil dawk li jqiegħdu l-fiduċja tagħhom f’Ġesù:
huma jaqbdu s-sriep b’idejhom u ma jiġrilhom xejn, huma
jqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu (ara Mk
16:18). Dawn is-sinjali ntgħarfu mill-ewwel mill-antenati
tagħkom meta Pawlu ġie fosthom. Lifgħa qabdet ma’ idu, imma
hu sempliċement farfarha fin-nar u ma ġratlu ebda ħsara. Hu
ttieħed biex jara lil missier Publju, il-proto
tal-gżira, u wara li talab u qiegħed idejh fuqu Pawlu fejqu
mid-deni li kellu. Fost ir-rigali kollha li ġew fuq dawn ix-xtut
fil-kors tal-istorja tal-poplu tagħkom, ir-rigal miġjub minn
Pawlu kien l-akbar fost kollha, u hu mertu tagħkom li kien
aċċettat immedjatament u miżmum b’għożża. Għożżu l-fidi u l-valuri
li takom l-Appostlu Missierkom San Pawl. |
|
Komplu esploraw l-għana u l-fond tar-rigal ta’ Pawlu lilkom
u kunu żguri li tgħadduh mhux biss lil uliedkom iżda wkoll
lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom illum. Ebda viżitatur
f’Malta m’għandu jonqos li jkun impressjonat bid-devozzjoni
tal-poplu tagħkom, il-fidi vibranti murija
fiċ-ċelebrazzjonijiet nhar il-festi tagħkom, is-sbuħija
tal-knejjes u s-santwarji tagħkom. Iżda dak ir-rigal jeħtieġ
li jinqasam ma’ oħrajn, jeħtieġ li jkun artikolat. Kif Mosè
għallem lill-poplu ta’ Iżrael kliem il-Mulej “ikunu fuq
qalbek, u int tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta
tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd u
meta tqum” (Dewt 6:6-7). Dan inftiehem tajjeb mill-ewwel
Qaddis kanonizzat ta’ Malta, Dun Ġorġ Preca. Il-ħidma
kateketika bla waqfien tiegħu, li ispirat żgħażagħ u kbar
b’imħabba għad-duttrina Nisranija u devozzjoni profonda
għall-Kelma ta’ Alla Inkarnata, kienet ta’ eżempju li
nħeġġiġkom li żżommuh. Ftakru li l-iskambju tal-ġid bejn
dawn il-gżejjer u l-bqija tad-dinja hu proċess li għandu
żewġ toroq. Iżnu b’attenzjoni dak li tirċievu, u żguraw li
taqsmu ma’ oħrajn dak li għandkom li hu ta’ valur.
|
|
Nixtieq nindirizza kelma partikolari lis-saċerdoti preżenti
hawn, f’din is-sena dedikata għaċ-ċelebrazzjoni tad-don kbir
tas-saċerdozju. Dun Ġorġ kien saċerdot ta’ umiltà, tjubija,
manswetudni u ġenerożità eċċeżżjonali, mogħti b’mod profond
għat-talb u b’passjoni biex jikkomunika l-veritajiet
tal-Evanġelju. Ħalluh iservi ta’ mudell għalikom fl-isforz
biex twettqu l-missjoni li rċevejtu biex titimgħu l-merħla
tal-Mulej. Ftakru wkoll il-mistoqsija li l-Mulej Imqajjem
għamel tliet darbiet lil Pietru: “Inti tħobbni?” Dik hi l-mistoqsija
li se jistaqsi lil kull wieħed minnkom. Intom tħobbuh? Intom
tixtiequ taqduh permezz tad-don ta’ ħajjietkom kollha.
Tixxennqu twasslu lil oħrajn biex isiru jafuh u jħobbuh?
|
|
Ma’ Pietru, ikollkom il-kuraġġ twieġbu: “Iva, Mulej, int taf
li nħobbok,” u aċċettaw bi qlub grati l-ħidma li assenjalkom.
Il-missjoni fdata lis-saċerdoti hija tassew servizz
lill-ferħ, lill-ferħ ta’ Alla li jixxennaq li jidħol fid-dinja
(ara Omelija, 24 April 2005). |
|
Waqt li nħares madwari issa lejn il-folol kbar miġburin hawn
il-Furjana għaċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-Ewkaristija, tiġini
f’moħħi x-xena desrrkitta fit-tieni qari tagħna tal-lum li
fih għexur ta’ eluf u eluf ta’ eluf għaqqdu leħenhom
f’għanja kbira ta’ sebħ: “Lil Dak li qiegħed fuq it-tron
u lill-Ħaruf, jingħata t-tifħir u l-ġieħ, u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 5:13).
|
|
Komplu għannu dik l-għanja b’ġieħ il-Mulej Imqajjem u b’radd
il-ħajr għad-doni ta’ bosta suriet tiegħu. Fi kliem San
Pawl, Appostlu ta’ Malta, jien nagħlaq kliemi lilkom f’din
l-għodwa: “L-imħabba tiegħi magħkom ilkoll fi Kristu Ġesù”
(1 Kor 16:24). |
|
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu! |
|