|
Editorjal ta’ Fr. Lombardi: Il-Vjaġġ
tal-Papa f’Malta, festa mill-isbaħ ta’ fidi
Ferħ u konsolazzjoni.
Dawn kienu ż-żewġ sentimenti ewlenin li tqanqlu f’Benedittu
XVI bil-festa li l-Maltin hejjew għalih meta kien qed
jagħmel iż-żjara appostolika tiegħu fil-Gżira
tal-Mediterran matul is-Sibt u l-Ħadd li għaddew. U
flimkien mal-imħabba li ntweriet lejh, il-Papa ġarrab ukoll
sentiment qawwi ta’ ħniena f’laqgħa oħra biex il-Knisja
tkompli l-mixja tagħha ta’ fejqan. F’din in-nota,
id-direttur ġenerali, Fr. Federico Lombardi, jitkellem dwar
l-aspetti differenti li kkaratterizzaw il-vjaġġ
internazzjonali ta’ Benedittu XVI:
L-ewwel vjaġġ ta’ din is-sena li l-Papa għamel f’art
barranija kien tassew meraviljuż. Għal darb’oħra,
il-preokkupazzjonijiet u l-biżgħat ta’ qabel ma kinux
ġustifikati. Il-merħba li l-qlub Maltin u l-għeruq kattoliċi
tagħhom hejjew għal Benedittu XVI kienet waħda mimlija
spontanjetaˋ u ħeġġa memorabbli. Din kompliet dejjem
aktar tiżdied sakemm saret festa fuq il-baħar meta
d-dgħajjes akkumpanjaw lill-Papa fil-Port il-Kbir u meta
fl-aħħar iż-żgħażagħ laqgħuh b’entużjażmu kbir, tassew innu
ta’ vitalitaˋ u tama.
Paradossalment, il-mument tant mistenni mill-media dinjija
u li l-aktar tkellmet dwaru – il-laqgħa ma’ xi wħud
mill-vittmi tal-abbuż sesswali - kien l-uniku wieħed li
ħarab minn taħt għajnejha għax sar f’atmosfera diskreta
ta’ talb u ta’ intimitaˋ personali. Imma l-mod li
tkellmu dwaru xi wħud minn dawk li ħadu sehem fih laqat
b’mod profond għadd kbir ta’ nies: tneħħa piż kbir minn
qlubhom, il-fejqan beda, twieldu mill-ġdid il-fiduċja u
t-tama. L-Erbgħa ta’ wara l-Papa qal “qsamt magħhom
it-tbatija” u “ħassejt ħafna għalihom”. Xi ġranet qabel kien
qal li l-penitenza hi grazzja, u meta wasal Malta biex
ifakkar in-nawfraġu ta’ San Pawl, qal li dak in-nawfraġu
kien bidu ġdid li minnu ħarġet il-fidi u t-tama għal dawk li
kienu jgħixu fil-gżira.
Hekk il-laqgħa mal-vittmi sabet it-tifsira tagħha ta’ tama
fil-kuntest tal-laqgħa tal-Papa ma’ Knisja ħajja fil-mixja
tagħha, li kapaċi tagħraf il-ġrieħi tagħha b’mod sinċier,
imma wkoll li taqla’ l-grazzja tal-fejqan. Dan hu messaġġ li
kellna bżonnu. |