|
Indirizz mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pawlu Cremona O.P.
|
|
Lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI |
|
Fl-Okkażjoni Taż-Żjara Pastorali tiegħu |
|
waqt
iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa
|
|
IL-FOSOS TAL-FURJANA, Malta |
|
Għada tkun qed tiċċelebra l-Ħames Anniversarju tal-Elezzjoni
tiegħek għall-Papat nhar id-19 ta’ April 2005. Aħna
nirringrazzjawk li aċċettajt din il-Missjoni u nawgurawlek
Ad Multos Annos.
|
|
Aħna mlaqqgħin illum hawnhekk madwarek għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija Mqaddsa. Qegħdin hawn biex nissaħħu
bil-messaġġ tiegħek illum, u billi nirċievu l-Ewkaristija.
Il-preżenza tiegħek fostna llum se tagħti qawwa ġdida u
dimensjoni ġdida lill-Komunità tal-Knisja Kattolika f’dawn
il-Gżejjer.
|
|
Il-Knisja Kattolika f’Malta għandha għeruq kulturali fondi
fil-qlub tal-poplu tagħna. Ir-relazzjoni profonda bejn
il-Poplu tagħna u l-Knisja Kattolika f’Malta tidher l-aktar
fl-imħabba u d-devozzjoni kbar li bihom il-Maltin bnew
il-Knejjes u postijiet ta’ kult tagħhom. Illum din tidher
ukoll fin-numru kbir tal-popolazzjoni tagħna li għadhom
jieħu sehem fedelment fil-ħajja tal-Knisja.
|
|
Il-Knisja Kattolika dejjem ikkontribwixxiet u għadha tagħmel
dan għall-benessri soċjali tas-Soċjetà Maltija. Hi dejjem
ħadet ħsieb u għadha tieħu ħsieb ħtiġijiet differenti
tas-soċjetà tagħna: persuni b’diżabilità, anzjani, nies bi
problemi tal-vizzju tad-droga, istituzzjonijiet għat-tfal,
persuni li jfittxu ażil, u vittmi ta’ vjolenza domestika, u
wkoll fis-settur tal-edukazzjoni. Dan jidher ukoll fl-appoġġ
mogħti lil nies f’livell parrokkjali permezz ta’ parroċċi
differenti. Dan hu wkoll affermat mill-kontribut li
individwi, ispirati minn ideali Nsara, taw lir-realtà
politika, kulturali u soċjali ta’ Pajjiżna. |
|
Iżda llum aħna qed infittxu l-aktar evanġelizzazzjoni ġdida.
Is-soċjetà nbidlet u hija sfida għall-Knisja Kattolika li
teżamina lilha nnifisha u l-metodu ta’ evanġelizzazzjoni
tagħha. Aħna nafu li issa l-Knisja tqis lilha nnifisha bħala
Komunità li temmen fost il-popolazzjoni akbar Maltija. Hi
għandha missjoni ta’ mħabba f’isem Kristu biex tixhed
għall-fidi u għal dawk il-valuri inerenti f’din il-fidi, l-aktar
dawk li jiċċentraw madwar il-qdusija tal-ħajja sa mill-mument
tal-konċepiment, id-dinjità ta’ kull persuna u l-importanza
fundamentali ta’ familja stabbli msejsa fuq iż-żwieġ.
|
|
Aħna nafu li fid-dawl ta’ dawn il-kondizzjonijiet li qed
jinbidlu ma nistgħux biss nintrabtu ma’ mudell ta’ Knisja li
drajna bih sekli sħaħ. Aħna rridu mmorru lura għall-Knisja
kif tinkixef ftit ftit fl-Atti tal-Appostli: Knisja li
tiċċentra madwar is-smigħ u l-qsim tal-Kelma u l-Ewkaristija;
Knisja li tikber u titqawwa bl-esperjenza personali ta’
Kristu; Knisja li fiha l-membri tagħha mhumiex imfixklin
bil-persekuzzjoni iżda jkomplu jixhdu bi mħabba għat-tagħlim
tal-Mulej; Knisja li għaddiet mill-umiljazzjoni li
ttradixxiet lill-Mulej fil-mument tal-Kruċifissjoni tiegħu
għall-umiltà tal-predikazzjoni tal-Kelma bbażata fuq
il-qawwa tal-Ispirtu Qaddis aktar milli fuq is-saħħa
tal-membri tagħha; Knisja umli biżżejjed biex tagħraf
il-fallimenti u d-dnubiet tal-membri tagħha iżda b’saħħitha
biżżejjed biex tafda fuq il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu;
Knisja li ma tfittixx privileġġi iżda tistinka biss biex
twassal l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej.
|
|
Santità, f’din l-evanġelizzazzjoni ġdida aħna ispirati
mit-temi ewlenin tal-Ittri Enċikliċi tiegħek: |
|
Fid-dawl tad-Deus Caritas Est aħna nafu li l-Knisja hija l-frott
tal-imħabba kbira li Alla l-Missier għandu għal kull persuna,
hi x’inhi n-nazzjonalità, razza u twemmin.
|
|
Mill-iSpe Salvi nafu li fir-Reliġjon Nisranija l-bniedem u
s-salvazzjoni tiegħu qiegħed fiċ-ċentru tad-Divinità. Alla
ma jibqax imbiegħed u maqtugħ, iżda jiġi fostna. Il-bniedem
hu fiċ-ċentru tal-Missjoni tal-Mulej Tagħna.
|
|
Mill-Caritas in Veritate aħna nagħfu li l-Missjoni
tal-Knisja hi li timmedja din ix-xorta ta’ Mħabba Divina.
Il-Knisja tgħix din l-Imħabba madwar il-ħajja u t-tagħlim
tal-Mulej Tagħna, tiċċelebraha fil-Komunità madwar l-Ewkaristija,
u tixhed għaliha fil-ħajja ta’ kuljum.
|
|
Santità, dan hu possibbli biss jekk, wara li tagħti glorja
lil Alla u lill-Mulej Tagħna Ġesù Kristu, il-Komunità
tal-Knisja kollha kemm hi, kull wieħed minna, isir il-Glorja
Tiegħu, u jippermetti lill-Mulej li jagħrafna bħala wliedu.
|
|
Missier Qaddis, aħna qed nistennew ħerqana l-messaġġ tiegħek
illum biex tagħtina dawl u gwida ħalli tgħinna nwettqu din
is-Sejħa u Missjoni Nisranija. |
|