|
ĦAL LUQA - 18.04.2010 - 18.40 |
|
Ajruport Internazzjonali ta’ Malta |
|
Traduzzjoni mit-test Originali Ingliż
|
|
Wasalli l-ħin li nagħti l-addijo lil Malta.
Nirringrazzja lil Alla għall-opportunità li tani
li niltaqa’ ma’ tant minnkom u li nżur din
il-gżira sabiħa. Nirringrazzja lill-President
għall-kliem mimli kortesija tiegħu u
nirringrazzjakom ilkoll li tajtuni merħba
daqstant mill-qalb u ġeneruża. Il-vjaġġ tiegħi
tani apprezzament aktar profond ta’ kif l-Evanġelju
mxandar minn San Pawl fassal l-identità
spiritwali tal-poplu Malti. Waqt li qed
nitlaqhom ħalluni nħeġġiġkom għal darb’oħra biex
trawmu għarfien profond tal-identità tagħkom u
tħaddnu r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha,
l-aktar billi tippromwovu l-valuri tal-Evanġelju
li jagħtukom viżjoni ċara tad-dinjità umana u
tal-oriġini u d-destin komuni tal-umanità.
|
|
Kunu ta’ eżempju, f’artkom u barra minn artkom,
ta’ ħajja Nisranija dinamika. Kunu kburin
bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt
reliġjuż u kulturali tagħkom. Ħarsu lejn
il-futur b’tama, b’rispett profond għall-ħolqien
ta’ Alla, b’reverenza għall-ħajja umana, u bi
stima għolja għaż-żwieġ u għall-integrità
tal-familja! Kunu wlied denji ta’ San Pawl!
|
|
Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha
fil-qalba tal-Mediterran, ħafna immigranti jaslu
fuq xtut Malta, uħud maħrubin minn
sitwazzjonijiet ta’ vjolenza u persekuzzjoni,
oħrajn biex ifittxu kondizzjonijiet ta’ ħajja
aħjar. Jien naf bid-diffikultajiet li jista’
jikkaġuna l-ilqugħ ta’ għadd kbir ta’ nies,
diffikultajiet li ma jistgħux ikunu solvuti minn
xi pajjiż waħdu meta jaslu l-ewwel fih. Fl-istess
ħin jien fiduċjuż li, bis-saħħa tal-għeruq
Insara tagħha u l-istorja twila u kburija fl-ilqugħ
tal-istranjieri, Malta se tagħmel li tista’,
bl-appoġġ ta’ Stati oħra u organizzazzjonijiet
internazzjonali, biex tgħin lil dawk li jaslu
hawn u tiżgura r-rispett tad-drittijiet tagħhom.
|
|
Dawn l-għanijiet nobbli jiddependu fuq
dedikazzjoni kostanti għall-ħidma mimlija sfidi
favur djalogu u kooperazzjoni fl-ambitu
tal-komunitajiet internazzjonali u Ewropej,
entitajiet importanti fejn Malta tagħti xhieda
tal-valuri Nsara li għenu biex tissawwar l-identità
tagħha. Unità, solidarjetà u rispett reċiproku
huma l-bażi tal-ħajja soċjali u politika tagħkom.
Ispirati mill-fidi Kattolika tagħkom, huma l-boxxla
li tiggwidakom fit-tfittxija ta’ żvilupp
awtentiku u integrali. It-teżor tat-tagħlim
soċjali tal-Knisja jispira u jiggwida dawn l-isforzi.
Qatt tħallu li l-identità vera tagħkom tkun
kompromessa mill-indifferentiżmu jew
mir-relativiżmu. Jalla tibqgħu dejjem fidili
għat-tagħlim ta’ San Pawl li jeżortakom biex
“tishru, iżżommu sħiħ fil-fidi, tkun qalbenin,
issaħħu ruħkom. Ħa jsir kollox fostkom
bl-imħabba” (1 Kor 16:13-14).
|
|
Grazzi ħafna, il-Bambin iberikkom!
|
|
|