laikos.org

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Il-Kardinal Malti Prospero Grech jikteb lil-Laikos dwar il-Papa Franġisku

 

 

Il-Kardinal Prospero Grech, jikkonċelebra mal-Papa Franġisku.


Fil-ftuħ tal-Konklavi li fihom il-Papa Franġisku kien elett bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru, il-Kardinal Malti Prospero Grech kien mexxa l-meditazzjoni lill-Kardinali Eletturi.  Ara d-diskors kollu li kien għamel il-Kardinal Grech dakinhar, 12/03/2013. 

Ikklikkja hawn

 

 

(Messaġġ li rċevejna b’email minn għand il-Kardinal Prospero Grech)

23 ta' Frar 2014

Malli deher fil-gallarija ta’ San Pietru u qal “Buona sera, io sono il vescovo di Roma” digà rebaħ qalb kulħadd.  Tridu taraw il-folol fil-pjazza kull nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Ħadd!

Jumejn wara l-elezzjoni tiegħu ikkonċelebrajt miegħu fil parroċċa ta’  Sant. Anna. Wara l-quddiesa dam xi nofs siegħa jiżżuffjetta man-nies, imbagħad daħal fis-sagristija, u lili qalli: “Inti għamiltilna meditazzjoni sabiħa fil-konklavi, imma (ippunta lejn sidru) ara ftit x’ħareġ minnha!” Jien weġibtu. “Isma', aħna mhux kollha infallibbili bħalek, żbalji nagħmlu.”  Beda jidħak u berikna.

Dan hu l-Papa Franġisku. Imma l-istorja ma tispiċċax hawn. Mill-ewwel bdew is-sorpriżi: ma riedx joqgħod fil-palazz tal-Vatikan, mar joqgħod fil-lukanda ta’ Santa Marta,  jiekol man-nies. Tfittxux deheb fuqu, is-salib pettorali tal-metall mixtri minn ħanut f’Borgo Pio.  Il-priedki tiegħu jinżlu għall-livell tal-bniedem l-iżjed sempliċi, imma mimlijin spirtu.  Kultant jgħid xi ħaġa li l-ġurnalisti jinterpretawha ħażin, per eżempju meta qalu li jrid jiftaħ għaż-żwieġ tal-gays.

Dan l-aħħar, iltqajt mal-kap tas-security, u biex niċċajta staqsejtu jekk hux qiegħed jgħassu sew. Weġibni: “Ħallini, ma nistgħux nilħqu miegħu, jaħirbilna minn kullimkien!”

Madankollu, dan il-Papa qiegħed iġib riformi kbar fil-Kurja. Barra x-xhieda tal-faqar li jrid iwassal għalina lkoll, għażel xi kardinali li jaħsbuha bħalu biex ikun hemm tmexxija kolleġġjali miegħu. Qiegħed jinżel fil-qiegħ tal-problemi finanzjarji tal-Vatikan, wara ħafna għidut tal-gażżetti fuq il-IOR. Issa li ppreżentaw ir-rapport tagħhom il-kummissjoniet finanzjarji, nistennew tibdil kbir. Kollox f’waqtu. Lis-Segretarju tiegħu Mons. Alfred Xuereb iħobbu bħal ibnu.

Nitolbu għalih biex dan it-tibdil li ilna nixtiequh, isir bil-prudenza kollha biex il-Knisja tibqa’ dejjem dawl il-ġnus.

 

 

 

 

 

 
 
 
 
 

HOME

LIBRERIJA EMAIL