LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

Stampa t-test ....

Fuq l-indissolubbiltà taż-żwieġ u d-dibattitu dwar dawk li reġgħu żżewġu ċivilment u s-sagramenti

 

IL-QAWWA TAL-GRAZZJA

L-Arċisqof Gerhard Ludwig Müller

Arċisqof Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

23 ta’ Ottubru 2013

 

Wara li tħabbar is-sinodu straordinarju li ħa jsir f’Ottubru 2014 dwar il-kura pastorali tal-familji, qamet spekulazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ dawk fost il-fidili Nsara li ddivorzjaw u daħlu għat-tieni żwieġ u r-relazzjoni tagħhom mas-sagramenti.  Biex ninżlu iktar fil-fond ta’ l-għarfien fuq din il-materja importanti biex il-kleru jista’ jakkumpanja lill-merħla aħjar u jagħtiha dawl konformi mal-verità tad-Duttrina Kattolika, qed inxandru kontribuzzjoni estensiva mill-Arċisqof Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

 

Il-problema dwar membri tal-Knisja li daħlu f’unjoni ċivili ġdida wara li ddivorzjaw m’hijiex ġdida.  Il-Knisja dejjem ħadet din il-kwistjoni bl-ikbar serjetà, bl-għan li tgħin lill-persuni li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni.  Iż-Żwieġ hu sagrament li jaffettwa lin-nies b’mod partikulari u profond fiċ-ċirkustanzi personali, soċjali u storiċi tagħhom.  Meta wieħed jara l-għadd dejjem jikber ta’ persuni milquta b’dan il-mod f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija qadima, din il-problema pastorali ħadet fuqha dimensjonijiet sinifikanti.  Il-lum kull persuna li tħaddan il-fidi b’konvinzjoni qed tistaqsi: Tista’ l-Knisja ma tħallix lid-divorzjati li qegħdin fit-tieni żwieġ jersqu lejn is-sagramenti ta’ l-inqas b’ċerti kundizzjonijiet?  Fuq din il-ħaġa għandha jdejha marbuta għal dejjem?  It-teologi esploraw l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi kollha?

 

Jeħtieġ niflu dawn il-mistoqsijiet b’mod li jkun konsistenti mat-tagħlim Nisrani fuq iż-żwieġ.  Ragħaj responsabbli jibni l-aġir tiegħu fuq teoloġija li “lil Alla li jirrevela ruħu jagħtih, għax irid, il-qima kollha ta’ l-intellett u tar-rieda, u  jilqa’ bil-qalb ir-rivelazzjoni mogħtija minnu” (Dei Verbum, 5).  Biex it-tagħlim awtentiku tal-Knisja nagħmluh jinftiehem, jeħtieġ nibdew bil-kelma ta’ Alla li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa, imwessgħa fit-Tradizzjoni tal-Knisja u interpretata mill-Maġisteru b’mod li jorbot.

 

 

 

Ix-Xhieda ta’ l-Iskrittura Mqaddsa

Jekk infittxu direttament fit-Testment il-Qadim tweġibiet għall-mistoqsija tagħna nsibu ma’ wiċċna xi diffikultajiet, għax f’dak iż-żmien iż-żwieġ kien għadu m’hux meqjus sagrament.  Imma l-kelma ta’ Alla fil-Patt il-Qadim għandha tifsira għalina għax Ġesù ġej minn din it-tradizzjoni u fuqha jibni l-argumenti tiegħu.  Fid-Dekalogu nsibu l-kmandament “la tagħmilx adulterju” (Eż 20:14), imma xi mkien ieħor id-divorzju hu ppreżentat bħala possibbiltà.  Skond Dt 24:1-4, Mosè ħalla li r-raġel jista’ jagħti lil martu l-kitba tad-divorzju u jkeċċiha minn daru, jekk din ma tibqax togħġbu.  Minn hemm, kemm ir-raġel u kemm il-mara jistgħu jidħlu għal żwieġ ġdid.  Barra din l-aċċettazzjoni tad-divorzju, it-Testment il-Qadim jesprimi wkoll ċerti riservi dwaru.  It-tixbiha li jagħmlu l-profeti bejn il-patt ta’ Alla ma’ Israel u r-rabta taż-żwieġ tinkludi mhux biss l-ideal tal-monogamija, imma wkoll dak ta’ l-indissolubbiltà.  Il-profeta Malakija dan jesprimih b’mod ċar: “Qisu li ħadd ma jqarraq bil-mara ta żgħożitu… li magħha ntrabatt” (Mal 2:14-15).

 

Fuq kollox, kien fil-kontroversji tiegħu mal-Fariżej li Ġesù sab l-okkażjoni biex jindirizza dan is-suġġett.  Hu espliċitament tbiegħed mill-prattika tad-divorzju fit-Testment il-Qadim, li Mosè kien ippermetta għax in-nies kienu daqshekk “rashom iebsa”, u fakkarna fir-rieda oriġinali ta’ Alla: “Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.  Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru ul ommu u… it-tnejn isiru ġisem wieħed.  Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mk 10:5-9; ara Mt 19:4-9; Lq 16:18).  Il-Knisja Kattolika sa minn dejjem bniet it-tagħlim u l-prattika tagħha fuq dan li qal Ġesù hawn fuq l-indissolubbiltà taż-żwieġ.  Ir-rabta li minn ġewwa tgħaqqad lill-għarajjes ma’ xulxin ġiet minsuġa minn Alla nnifsu.  Hi toħloq realtà li ġejja minn Alla u għalhekk m’għadhiex f’idejn il-bniedem biex jużaha kif jogħġbu.

 

Il-lum xi eseġeti huma tal-fehma li anki fl-era Appostolika dawn il-kelmiet ta’ Kristu ġew applikati b’ċerta flessibbiltà: speċjalment fil-każ ta’ porneia/żinà (ara Mt 5:32; 19:9) u fil-każ ta’ separazzjoni bejn parti Nisranija u parti oħra li m’hix (ara 1 Kor 7:12-15).  Il-klawsoli dwar iż-żinà sa mill-bidu kienu fil-mira ta’ dibattitu jaħraq bejn l-eseġeti.  Ħafna jaħsbu li dawn jirriferu mhux għal eċċezzjonijiet għall-indissolubbiltà taż-żwieġ, imma għal rabtiet invalidi ta’ żwieġ.  Madankollu, ċertament il-Knisja ma tistax tibni d-duttrina u l-prattika tagħha fuq ipoteżijiet eseġetiċi kontroversjali.  Hi għandha toqgħod fuq it-tagħlim ċar ta’ Kristu.

 

San Pawl jippreżenta l-projbizzjoni fuq id-divorzju bħala r-rieda ċara ta’ Kristu: “Lil dawk li huma miżżewġin nordnalhom, mhux jien, iżda l-Mulej, li l-mara ma għandhiex tħalli lil żewġha – jekk tiġi li tħallih, għandha tibqa’ bla tiżżewweġ jew terġa’ tagħmel paċi ma’ żewġha – u r-raġel ma għandux jitlaq lil martu” (1 Kor 7:10-11).  Fl-istess ħin hu jippermetti, bl-awtortità tiegħu stess, li wieħed li m’hux Nisrani jissepara minn ma’ parti oħra li saret Nisranija.  F’dan il-każ, in-Nisrani “m’hux marbut” li jibqa’ ma jiżżewwiġx (1 Kor 7:12-16).  Il-Knisja telqet minn dan it-test biex bdiet tagħraf li żwieġ bejn raġel mgħammed u mara mgħammda biss hu sagrament fil-veru sens tal-kelma, u f’dan il-każ biss tapplika l-indissolubbiltà inkondizzjonata.  Iż-żwieġ bejn dawk li m’humiex mgħammdin hu tabilħaqq orjentat lejn l-indissolubbiltà, imma jista’ f’ċerti ċirkustanzi – minħabba f’ġid ogħla – jiġi maħlul (privilegium Paulinum).  Mela hawn m’aħniex nitkellmu dwar eċċezzjoni għat-tagħlim tal-Mulej.  L-indissolubbiltà taż-żwieġ sagramentali, jiġifieri taż-żwieġ li jsir fi ħdan il-misteru ta’ Kristu, tibqa’ sħiħa.

 

Tifsira ogħla għall-bażi Biblika tax-xbieha sagramenti taż-żwieġ insibuha fl-Ittra lill-Efesin, fejn naqraw: “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha” (Efes 5:25).  U ftit wara, l-Appostlu jżid: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed.  Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!” (Efes 5:31-32).  Iż-żwieġ Nisrani hu sinjal effettiv tal-patt bejn Kristu u l-Knisja.  Billi jfisser u jagħti l-grazzja ta’ dan il-patt, iż-żwieġ bejn l-imgħammdin hu sagrament.

 

Ix-Xhieda tat-Tradizzjoni tal-Knisja

Missirijiet il-Knisja u l-Konċilji jagħtuna xhieda importanti dwar il-mod kif maż-żmien żviluppat il-pożizzjoni tal-Knisja.  Għas-Santi Padri, jorbtu l-preċetti Bibliċi dwar is-suġġett.  Huma ma jaċċettawx il-liġijiet tad-divorzju ta’ l-Istat, għax dawn ma jaqblux mat-tagħlim ta’ Ġesù.  Il-Knisja tas-Santi Padri la aċċettat id-divorzju u lanqas it-tieni żwieġ, u dan għamlitu f’ubbidjenza lejn il-Vanġelu.  Dwar din il-kwistjoni, ix-xhieda ta’ Missirijiet il-Knisja hi unanima.

 

Fiż-żminijiet Patristiċi, l-Insara divorzjati li jkunu żżewġu mill-ġdid ċivilment, lanqas wara perjodu ta’ penitenza ma setgħu jersqu iżjed għas-sagramenti.  Xi kitbiet Patristiċi, imma, donnhom iridu jimplikaw li l-abbużi mhux dejjem kienu jiġu kkoreġuti rigorożament u li minn żmien għal żmien kienu jinstabu soluzzjonijiet pastorali għal xi każi rari fejn kien ikun hemm dubju.

 

F’bosta reġjuni, iktar tard bdew isiru kompromessi ikbar, partikularment frott ta’ l-interdipendenza dejjem tikber bejn Knisja u Stat.  Fil-Lvant dan l-iżvilupp kompla jevolvi, u speċjalment wara s-separazzjoni mis-Sede ta’ Pietru, mexa lejn prassi dejjem iżjed liberali.  Il-lum fil-Knejjes Ortodossi, hemm iktar minn bażi waħda għad-divorzju, u dawn huma ġeneralment iġġustifikati f’termini ta’ oikonomia, jew klemenza pastorali f’każi individwali diffiċli, u dawn jiftħu t-triq għat-tieni jew it-tielet żwieġ immarkati minn karattru penitenzjali.  Din il-prattika ma nistgħux nirrikonċiljawha mar-rieda ta’ Alla, kif espressa b’mod ċar f’dak li qal Ġesù dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ.  Imma tirrappreżenta problema ekumenika li ma nistgħux nissottovalutawha.

 

Fil-Punent, ir-riforma Gregorjana wieġbet għal dawn it-tendenzi liberali u tat impetu frisk lill-għarfien oriġinali ta’ l-Iskrittura u s-Santi Padri.  Il-Knisja Kattolika ddefendiet l-indissolubbiltà assoluta taż-żwieġ anki jekk dan swielha sagrifiċċju għoli u tbatija kbira.  Ix-xiżma ta’ “Knisja Anglikana” mifruda mis-Suċċessur ta’ Pietru ma seħħitx minħabba differenzi duttrinali, imma għax il-Papa, b’ubbidjenza lejn kliem Ġesù, ma setax jakkomoda t-talbiet li għamillu r-Re Enriku VIII biex iħollu ż-żwieġ tiegħu.

 

Il-Konċilju ta’ Trento kkonferma d-duttrina dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ sagramentali u spjega li din tikkorrispondi mat-tagħlim tal-Vanġelu (ara DH 1807).  Xi kultant insibu min isostni li l-Knisja de facto kienet tittollera l-prattika Orjentali.  Imma dan m’hux minnu.  Il-kanonisti kontinwament kienu jirriferu għaliha bħala abbuż.  U hemm evidenza li gruppi ta’ Nsara Ortodossi meta jsiru Kattoliċi kellhom jagħmlu dikjarazzjoni espressa li jagħrfu li ma jistax ikun hemm it-tieni jew it-tielet żwieġ.

 

Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes fuq “Il-Knisja fid-Dinja tal-Lum”, jippreżenta tagħlim teoloġikament u spiritwament profond fuq iż-żwieġ.  Hu jżomm l-indissolubbiltà taż-żwieġ b’mod ċar u distint.  Iħares lejn iż-żwieġ bħala komunjoni li tħaddan fiha b’mod sħiħ ħajja u mħabba, ġisem u ruħ, bejn raġel u mara li jingħataw għal xulxin u jirċievu lil xulxin bħala persuni.  Permezz ta’ l-att personali ħieles tal-kunsens reċiproku tagħhom, tissawwar istituzzjoni li tibqa’ għal dejjem u għandha ordinament divin, orjentata lejn il-ġid ta’ l-għarajjes u ta’ wliedhom u mhux iżjed dipendenti fuq il-kapriċċ uman: “Din l-għaqda intima, bħala donazzjoni ta żewġ persunni lil xulxin, u wkoll il-ġid ta l-ulied, jitolbu l-fedeltà sħiħa tal-miżżewġin u jridu unità li ma tinħallx” (nru 48).  Permezz tas-sagrament Alla jagħni bi grazzja speċjali lill-għarajjes: “Għaliex kif darba Alla ltaqa mal-poplu tiegħu bil-patt ta mħabba u ta fedeltà, hekk is-Salvatur tal-bnedmin u l-Għarus tal-Knisja jiltaqa mal-miżżewġin Insara bis-sagrament taż-żwieġ.  Jibqa wkoll magħhom biex kif huwa ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, hekk ukoll il-miżżewġin jinħabbu bejniethom bfedeltà li ma tiġix nieqsa billi jagħtu ruħhom lil xulxin”.  Permezz tas-sagrament, l-indissolubbiltà taż-żwieġ tikseb tifsira ġdida u iktar profonda: issir ix-xbieha ta’ l-imħabba dejjiema ta’ Alla għall-poplu tiegħu u tal-fedeltà li qatt ma tonqos ta’ Kristu lejn il-Knisja.

 

Iż-żwieġ nistgħu nifhmuh u ngħixuh bħala sagrament biss fil-kuntest tal-misteru ta’ Kristu.  Jekk iż-żwieġ jiġi sekularizzat jew meqjus bħala realtà purament naturali, il-karattru sagramentali tiegħu jisfa mdallam.  Iż-żwieġ sagramentali hu propjetà ta’ l-ordni tal-grazzja, u jsiru parti mill-komunjoni definittiva ta’ mħabba bejn Kristu u l-Knisja tiegħu.  L-Insara huma msejħa jgħixu ż-żwieġ tagħhom fil-kuntest ta’ l-orizzont eskatoloġiku tal-miġja tas-saltna ta’ Alla f’Ġesù Kristu, il-Kelma inkarnata ta’ Alla.

 

Ix-Xhieda tal-Maġisteru l-lum

L-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio – imxandra minn Ġwanni Pawlu II fit-22 ta’ Novembru 1981 fid-dawl tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq il-familja Nisranija fid-dinja moderna, u ta’ importanza fundamentali minn dak in-nhar ’l hawn – tikkonferma b’ċerta enfasi t-tagħlim dommatiku tal-Knisja fuq iż-żwieġ.  Imma turi interess pastorali f’dawk il-fidili li reġgħu żżewġu ċivilment imma li għadhom marbuta bi żwieġ li l-Knisja tqisu validu.  Il-Papa jinteressa ruħu ħafna u jifhem is-sitwazzjoni.  Paragrafu 84 fuq “divorzjati miżżewġin mill-ġdid” fih dawn id-dikjarazzjonijiet importanti: 1. Ir-rgħajja huma obbligati mill-imħabba għall-verità li “jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra”.  2. Rgħajja u komunitajiet parrokkjali huma marbuta li jgħinu bi “mħabba ħerqana” lill-fidili li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni.  Huma wkoll jagħmlu parti mill-Knisja, għandhom dritt għall-kura pastorali u għandhom jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja.  3. Safrattant ma jistgħux jersqu biex jirċievu l-Ewkaristija.  Jingħataw żewġ raġunijiet għal dan: a) “il-qagħda u l-kundizzjoni tagħhom hi fiha nfisha għal kollox kuntrarja għall-għaqda ta’ mħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu, imħabba li tfisser u sseħħ fl-Ewkaristija; b) “jekk dawn id-divorzjati jkunu jistgħu jitqarbnu, il-fidili jistgħu jitqarrqu u jitħawdu dwar it-tagħlim tal-Knisja fuq iż-żwieġ li ma jinħall qatt”.  Ir-rikonċiljazzjoni permezz tal-Qrara sagramentali, li tiftaħ it-triq biex wieħed jista’ jirċievi l-Ewkaristija, tista’ tingħata biss fil-każ ta’ ndiema għal dak li ġara u jekk huma “lesti jgħixu bis-sinċerità kollha ħajja li ma tmurx aktar kontra l-fatt li ż-żwieġ ma jitħassar qatt”.  Fil-konkret dan ifisser li jekk għal raġunijiet serji, bħalma huma t-trobbija ta’ l-ulied, ir-rabta l-ġdida ma tistax tinħall, allura ż-żewġ partijiet iridu “jimpenjaw ruħhom li jgħixu ħajja ta’ kontinenza sħiħa 4. Il-kleru għall-ebda raġuni m’għandu permess, minħabba raġunijiet intrinsikament sagramentali u teoloġiċi u mhux taħt xi pressjonijiet legalistiċi, “jagħmel xi ċerimonja” għal persuni divorzjati li reġgħu żżewġu ċivilment, sakemm għadu fis-seħħ l-ewwel żwieġ validu sagramentalment.

 

Id-dikjarazzjoni tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi ta’ l-14 ta’ Settembru 1994 dwar it-tqarbin lil dawk l-Insara divorzjati li reġgħu żżewġu tenfasizza li l-prattika tal-Knisja f’din il-kwistjoni ma tistax tinbidel minħabba f’sitwazzjonijiet differenti” (nru 5).  Hi tagħmilha ċara wkoll li l-fidili konċernati ma jistgħux jippreżentaw ruħhom għat-tqarbin fuq il-bażi tal-kuxjenza tagħhom: “Jekk fil-ġudizzju tagħhom dan hu possibbli, ir-rgħajja u l-konfessuri… għandhom id-dmir serju li jwissuhom li ġudizzju tal-kuxjenza bħal dan apertament imur kontra t-tagħlim tal-Knisja” (nru 6).  Jekk jibqgħu xi dubji dwar il-validità ta’ żwieġ li tfarrak, dawn għandhom jiġu eżaminati mit-tribunali taż-żwieġ kompetenti (ara nru 9).  Jibqa’ ta’ importanza kbira li “bi mħabba ħerqana nagħmlu kull ma hu possibbli biex insaħħu fl-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja lil dawk il-fidili li qegħdin f’sitwazzjonijiet ta’ żwieġ irregolari.  Hekk biss ikun possibbli għalihom li jilqgħu b’mod sħiħ il-messaġġ taż-żwieġ Nisrani u jġarrbu bil-fidi d-diqa tas-sitwazzjoni li jkunu fiha.  Fl-azzjoni pastorali wieħed għandu jagħmel kull ma hu possibbli biex jiżgura li din ma tinftiehemx bħala xi kwistjoni ta’ diskriminazzjoni, imma biss bħala waħda ta’ fedeltà assoluta għar-rieda ta’ Kristu li ġedded u fdalna mill-ġdid f’idejna l-indissolubbiltà taż-żwieġ bħala don tal-Ħallieq” (nru 10).

 

Fl-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Sacramentum Caritatis tat-22 ta’ Frar 2007, Benedittu XVI jagħmel ġabra fil-qosor tal-ħidma tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq it-tema ta’ l-Ewkaristija u jkompli jiżviluppaha.  Fin-Nru 29 hu jindirizza s-sitwazzjoni tal-fidili divorzjati li reġgħu żżewġu.  Għal Benedittu XVI ukoll, din hi “problema pastorali kumplessa u inkwetanti”.  Hu jikkonferma “il-prattika tal-Knisja, imsejsa fuq l-Iskrittura Mqaddsa (ara Mk 10:2-12), li ma tħallix divorzjati li reġgħu żżewġu jersqu lejn is-sagramenti”, imma fl-istess waqt iħeġġeġ lir-rgħajja biex juru “għożża speċjali” ma’ dawk milquta: fix-xewqa li huma “jgħixu b’mod sħiħ kemm jistgħu l-ħajja Nisranija permezz tas-sehem regolari fil-Quddiesa, anki jekk ma jirċevux it-tqarbin, is-smigħ tal-kelma ta’ Alla, l-adorazzjoni Ewkaristika, it-talb, is-sehem fil-ħajja tal-komunità, djalogu onest ma’ saċerdot jew direttur spiritwali, dedikazzjoni għall-ħajja tal-karità, ħidmiet ta’ penitenza, u impenn lejn l-edukazzjoni ta’ wliedhom”.  Jekk hemm dubji dwar il-validità taż-żwieġ li tfarrak, dawn għandhom jiġu eżaminati bl-ikbar reqqa mit-tribunali taż-żwieġ kompetenti.  Il-mentalità tal-lum fil-parti l-kbira tagħha teħodha kontra l-mod kif id-duttrina Nisranija tifhem iż-żwieġ, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-indissolubbiltà tiegħu u l-ftuħ tiegħu għall-ħajja.  Billi ħafna Nsara huma influwenzati minn dan, il-lum iż-żwiġijiet aktarx huma invalidi ħafna iżjed spiss milli kienu qabel, għax hemm nuqqas ta’ xewqa għal żwieġ skond it-tagħlim Kattoliku, u hemm ukoll ftit li xejn soċjalizzazzjoni f’ambjent ta’ fidi.  Għalhekk li wieħed jeżamina l-validità ta’ żwieġ hu importanti u dan jista’ jgħin biex isolvi l-problemi.  Fejn ma tistax tiġi ppruvata n-nullità ta’ żwieġ, dak li, skond il-prattika stabbilita u approvata mill-Knisja, għandha tagħmel koppja biex tista’ tirċievi l-assoluzzjoni u t-tqarbin, hu li tgħix “bħal ħbieb, bħal aħwa”.  It-tberik ta’ unjonijiet irregolari għandu jiġi evitat, “biex ma tinħoloqx konfużjoni fost il-fidili dwar il-valur taż-żwieġ”.  Barka (bene-dictio: sanzjoni divina) ta’ relazzjoni li tmur kontra r-rieda ta’ Alla hi kontradizzjoni fiha nfisha.

 

Matul l-omelija tiegħu fis-Seba’ Laqgħa Dinjija tal-Familji f’Milan fit-3 ta’ Ġunju 2012, Benedittu XVI għal darb’oħra sab l-okkażjoni biex jitkellem fuq din il-problema ta’ wġigħ ta’ qalb: “Nixtieq ukoll ngħid kelma lill-fidili li, anki jekk jaqblu mat-tagħlim tal-Knisja fuq il-familja, kellhom esperjenzi iebsa ta’ tifrik u separazzjoni.  Irridkom iżżommu f’moħħkom li l-Papa u l-Knisja qed isostnukom intom u tissieltu.  Inħeġġiġkom tibqgħu magħquda mal-komunitajiet tagħkom, u nittama minn qalbi li d-djoċesijiet tagħkom qed jiżviluppaw inizjattivi xierqa biex jilqgħukom u jakkumpanjawkom”.

 

L-aktar Sinodu riċenti ta’ l-Isqfijiet bit-tema “L-evanġelizzazzjoni ġdida għat-trasmissjoni tal-fidi Nisranija” (7-28 ta’ Ottubru 2012) jindirizza mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-fidili li wara l-falliment ta’ relazzjoni fiż-żwieġ tagħhom (mhux falliment taż-żwieġ, għax dan hu sagrament li jibqa’) daħlu f’unjoni ġdida u qed jgħixu flimkien mingħajr ir-rabta sagramentali taż-żwieġ.  Fil-Messaġġ ta’ l-Għeluq, il-Padri Sinodali jindirizzaw hekk lil dawk konċernati: “Lil dawn kollha nixtiequ ngħidulhom li l-imħabba tal-Mulej ma titlaq lil ħadd waħdu, li anki l-Knisja tħobbhom u hi dar li tilqa’ lil kulħadd, li huma jibqgħu membri tal-Knisja anki jekk ma jistgħux jirċievu l-assoluzzjoni sagramentali u l-Ewkaristija.  Il-komunitajiet Kattoliċi għandhom jilqgħu lil kull min qed jgħix f’sitwazzjonijiet bħal dawn u jsostnu mixjiet ta’ konverżjoni u ta’ rikonċiljazzjoni”.

 

Osservazzjonijiet imfassla fuq l-Antropoloġija u t-Teoloġija Sagramentali

Fl-isfond ta’ ambjent sekularizzat, id-duttrina ta’ l-indissolubbiltà taż-żwieġ spiss sabet min ma jifhimhiex.  Fejn intilfu l-prinċipji fundamentali tal-fidi Nisranija, l-affiljazzjoni ekkleżjali ta’ natura purament konvenzjonali m’għadhiex biżżejjed biex twieżen deċiżjonijiet kbar fil-ħajja jew tipprovdi pedament b’saħħtu qalb dawn il-kriżijiet taż-żwieġ – kif ukoll il-kriżijiet fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża.  Ħafna nies jistaqsu: Kif nista’ nintrabat ma’ mara waħda jew raġel wieħed għal ħajti kollha?  Min jista’ jgħidli kif ħa jkun iż-żwieġ tiegħi fi żmien għaxra, għoxrin, tletin, erbgħin sena oħra?  Wara kollox hi possibbli rabta definittiva ma’ persuna waħda?  L-għadd ta’ relazzjonijiet fiż-żwieġ li qed jitfarrku l-lum isaħħu x-xettiċiżmu taż-żgħażagħ dwar l-għażliet definittivi fil-ħajja.

 

Min-naħa l-oħra, l-ideal – mibni fl-ordni tal-ħolqien – tal-fedeltà bejn raġel wieħed u mara waħda ma tilef xejn mill-faxxinu tiegħu, kif joħroġ minn bosta stħarriġ riċenti fost iż-żgħażagħ.  Ħafna minnhom jixtiequ relazzjoni stabbli u fit-tul, f’sintonija man-natura spiritwali u morali tal-persuna umana.  Fuq kollox, wieħed ma jridx jinsa l-valur antropoloġiku taż-żwieġ indissolubbli: hu jaqla’ lill-partijiet minn ħajja ta’ kapriċċ u mit-tirannija ta’ l-emozzjonijiet tal-mument u l-burdati.  Jgħinhom iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet personali u jirbħu esperjenzi ta’ tbatija.  Fuq kollox hu jħares l-ulied, li l-aktar li jistgħu jbatu minn tifrik fiż-żwieġ.

 

L-imħabba hi wisq iżjed minn sempliċi emozzjoni jew stint.  Min-natura tagħha hi tingħata.  Fl-imħabba taż-żwieġ, tnejn min-nies kuxjentement u intenzjonalment jgħidu lil xulxin: int biss – u int għal dejjem.  Il-kliem tal-Mulej: “Dak li għaqqad Alla” jaqbel mal-wegħda ta’ l-għarajjes: “Jien nieħu lilek b’żewġi…  Jien nieħu lilek b’marti… inħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha”.  Is-saċerdot ibierek il-patt li l-għarajjes issiġillaw ma’ xulxin quddiem Alla.  Jekk xi ħadd għandu dubju jekk ir-rabta taż-żwieġ hix ontoloġika, ħa jisma’ dak li tgħid il-kelma tal-Mulej: “Sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal: ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru ul ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’ Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed” (Mt 19:4-6).

 

Għall-Insara, iż-żwieġ bejn l-imgħammdin imqiegħed fil-Ġisem ta’ Kristu għandu karattru sagramentali u għalhekk jirrappreżenta realtà sopranaturali.  Problema pastorali serja toħroġ mill-fatt li ħafna nies il-lum iħarsu lejn iż-żwieġ Nisrani esklussivament skond kriterji tad-dinja u pragmatiċi.  Dawk li jaħsbuha skond “l-ispirtu ta’ din id-dinja” (1 Kor 2:12) ma jistgħux jifhmu s-sagramentalità taż-żwieġ.  Il-Knisja, quddiem din ir-realtà dejjem tikber ta’ dawk li m’humiex jifhmu l-qdusija taż-żwieġ, ma tistax twieġeb billi pragmatikament takkomoda dak li preżumibbilment hu inevitabbli, anzi għandha biss tafda fl-“Ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina” (1 Kor 2:12).  Iż-żwieġ sagrament hu xhieda tal-qawwa tal-grazzja, li tibdel il-bniedem u tħejji lill-Knisja kollha għall-belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, il-Knisja, li hi mħejjija “bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha” (Apok 21:2).  Il-Vanġelu tal-qdusija taż-żwieġ għandu jiġi mxandar b’sinċerità profetika.  Jekk iċedi għall-ispirtu ta’ żmienu, il-profeta għajjien ikun qed ifittex is-salvazzjoni tiegħu u mhux is-salvazzjoni tad-dinja f’Ġesù Kristu.  Il-fedeltà lejn il-kunsens taż-żwieġ hi sinjal profetiku tas-salvazzjoni li Alla jxerred fuq id-dinja.  “Min jista’ jifhem, jifhem!” (Mt 19:12).  Bil-grazzja sagramentali, l-imħabba fiż-żwieġ hi msoffija, imsaħħa u mqawwija.  “Ikkonfermata bil-fedeltà lejn xulxin u fuq kollox imqaddsa bsagrament ta Kristu, tinżamm sħiħa bla ma tonqos qatt fil-hena u fil-hemm, fil-ġisem u fil-ħsieb, u għalhekk teskludi kull adulterju jew divorzju” (Gaudium et Spes, 49).  Fil-qawwa tas-sagrament taż-żwieġ, l-għarajjes jieħdu sehem fl-imħabba definittiva u irrevokabbli ta’ Alla.  Għalhekk huma jistgħu jkunu xhieda ta’ l-imħabba fidila ta’ Alla, imma jeħtieġ li jħarsu dejjem imħabbithom billi jgħixu bil-fidi u l-imħabba.

 

Fir-realtà jeżistu sitwazzjonijiet – kif jaf kull ragħaj – fejn il-koabitazzjoni fiż-żwieġ issir impossibbli minħabba raġunijiet konvinċenti biżżejjed, bħalma hi l-vjolenza fiżika jew psikoloġika.  F’każi iebsin bħal dawn, il-Knisja dejjem ippermettiet lill-miżżewġin li jisseparaw u ma jgħixux iżjed flimkien.  Imma rridu niftakru li r-rabta taż-żwieġ li saret b’mod validu quddiem Alla tibqa’ sħiħa, u l-partijiet individwali m’humiex ħielsa li jidħlu għal żwieġ ieħor, sakemm il-parti l-oħra għadha ħajja.  Ir-rgħajja u l-komunitajiet Insara għalhekk għandhom jirsistu biex jippromovu toroq ta’ rikonċiljazzjoni f’dawn il-każi wkoll, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex jgħinu lill-persuni konċernati jikkonfrontaw is-sitwazzjoni diffiċli tagħhom bil-fidi.

 

Osservazzjonijiet imsejsa fuq it-Teoloġija Morali

Spiss issib min jissuġġerixxi li d-divorzjati li reġgħu żżewġu għandhom jitħallew jiddeċiedu huma stess, skond il-kuxjenzi tagħhom, jekk għandhomx jew le jersqu għat-tqarbin imqaddes.  Dan l-argument, mibni fuq il-kunċett problematiku ta’ “kuxjenza”, ġie miċħud minn dokument tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fl-1994.  Naturalment, il-fidili kull darba li jattendu għall-Quddiesa għandhom jaraw hux possibbli għalihom li jirċievu t-tqarbin, u dnub gravi li ma jkunux qerruh dejjem hu impediment.  Fl-istess waqt huma għandhom id-dmir li jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom u li jaraw li din tkun taqbel mal-verità.  Huma u jagħmlu dan huma jridu jisimgħu wkoll x’jgħid il-Maġisteru tal-Knisja, li jgħin lill-persuna “biex ma titbigħedx mill-verità tal-ġid tal-bniedem, iżda tkun żgura dwar il-verità u tibqa’ fiha, l-aktar fi problemi diffiċli ħafna” (Veritatis Splendor, 64).  Jekk id-divorzjati li reġgħu żżewġu huma konvinti b’mod suġġettiv fil-kuxjenza tagħhom li ż-żwieġ ta’ qabel kien invalidu, dan irid jiġi ppruvat oġġettivament mit-tribunali taż-żwieġ kompetenti.  Iż-żwieġ m’hux sempliċement xi ħaġa li tolqot ir-relazzjoni ta’ żewġ persuni ma’ Alla, hu wkoll realtà tal-Knisja, sagrament, u l-individwi milquta ma jistgħux jaqbdu u jiddeċiedu huma dwar il-validità tiegħu, imma hi l-Knisja li tista’ tagħmel dan, li fiha l-individwi huma mqiegħda bil-fidi u l-Magħmudija.  “Jekk iż-żwieġ li kienu fih qabel żewġ divorzjati Nsara li reġgħu żżewġu kien validu, fl-ebda ċirkustanza r-rabta ġdida tagħhom ma tista’ titqies leċita, u għalhekk hu intrinsikament impossibbli li jirċievu s-sagramenti.  Il-kuxjenza ta’ l-individwi hi marbuta mingħajr eċċezzjoni b’din in-norma” (Kardinal Joseph Ratzinger, “The Pastoral approach to marriage must be founded on truth”, f’L’Osservatore Romano, English edition, 7 December 2011, p. 4). 

 

Lanqas it-tagħlim dwar l-epikeia – jiġifieri li liġi tista’ tkun valida b’mod ġenerali, imma mhux dejjem tapplika għal sitwazzjonijiet umani konkreti – ma jista’ jiġi applikat hawn, għax fil-każ ta’ l-indissolubbiltà taż-żwieġ sagramentali għandna quddiemna norma divina li m’hix f’idejn il-Knisja biex tagħmel biha li trid hi.  Madankollu – kif naraw mill-privilegium Paulinum – il-Knisja għandha l-awtorità tiċċara l-kundizzjonijiet li jridu jitwettqu biex iseħħ żwieġ indissolubbli kif mgħallem minn Ġesù.  Fuq din il-bażi, il-Knisja stabbiliet liema huma l-impedimenti għal żwieġ, għarfet liema hi l-bażi għal annullament, u żviluppat proċess dettaljat biex teżaminahom.

 

Każ ieħor fejn wieħed jista’ jargumenta favur li d-divorzjati li reġgħu żżewġu jirċievu s-sagramenti hu billi jagħmel dan f’termini ta’ ħniena.  Billi Ġesù stess wera solidarjetà ma’ dawk li qed ibatu u xerred l-imħabba kollha ħniena tiegħu fuqhom, il-ħniena hi meqjusa kwalità li tagħżel id-dixxiplu l-veru.  Dan hu korrett, imma ma jgħoddx meta jintuża bħala argument fil-qasam tat-teoloġija sagramentali.  L-ekonomija sagramentali kollha kemm hi hi ħidma tal-ħniena divina u tistax titwarrab għall-ġenb billi wieħed jirrikorri għall-istess ħniena.  Meta wieħed, b’mod oġġettivament falz, jappella għall-ħniena, ikun ukoll qed jirriskja li jittrivjalizza x-xbieha ta’Alla, billi jimplika li Alla ma jistax jagħmel ħaġa oħra ħlief jaħfer.  Il-misteru ta’ Alla jinkludi mhux biss il-ħniena tiegħu imma wkoll il-qdusija u l-ġustizzja tiegħu.  Jekk wieħed kellu jneħħi dawn il-karatteristiċi ta’ Alla u jirrifjuta li jieħu d-dnub bis-serjetà, fl-aħħar lanqas ikun possibbli jwassal il-ħniena ta’ Alla lill-bnedmin.  Ġesù laqa’ lill-mara adultera bi ħniena kbira, imma qalilha: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11).  Il-ħniena ta’ Alla ma teħlisniex milli nimxu skond il-kmandamenti tiegħu jew mar-regoli tal-Knisja.  Anzi hi tagħtina l-grazzja u l-qawwa meħtieġa biex inwettquhom, biex inqumu wara li naqgħu, u biex ngħixu l-ħajja fil-milja tagħha skond ix-xbieha ta’ Missierna tas-Sema.

 

Kura pastorali

Anki jekk m’hemm l-ebda possibbiltà li d-divorzjati li reġgħu żżewġu jersqu għas-sagramenti, minħabba fin-natura intrinsika tagħhom, iktar u iktar hu essenzjali li nuru interess pastorali f’dawn il-membri tal-Knisja, biex nindirizzawhom b’mod ċar lejn dak li t-teoloġija tar-rivelazzjoni u l-Maġisteru għandhom x’jgħidu.  It-triq indikata mill-Knisja m’hix ħafifa għal dawk milquta mill-problema.  Madankollu għandhom ikunu jafu u jħossu li l-Knisja bħala komunità ta’ salvazzjoni tinsab miexja magħhom fil-vjaġġ tagħhom.  Skond kemm il-partijiet jagħmlu sforz biex jifhmu l-prattika tal-Knisja u jastjenu mit-tqarbin, huma jkunu qed jagħtu l-istess xhieda tagħhom għall-indissolubbiltà taż-żwieġ.

 

Ċertament, il-kura tad-divorzjati li reġgħu żżewġu m’għandhiex tillimita ruħha biss għall-kwistjoni ta’ jekk għandhomx jirċievu l-Ewkaristija jew le.  Fiha jidħol metodu pastorali ħafna usa’, li jfittex li jagħmel ġustizzja mas-sitwazzjonijiet differenti.  Importanti nirrealizzaw li hemm modi oħra, barra l-komunjoni sagramentali, li bihom nistgħu nkunu f’għaqda ma’ Alla.  Wieħed jista’ jersaq lejn Alla billi jdur lejh bil-fidi, it-tama u l-imħabba, bi ndiema u fit-talb.  Alla jista’ jagħmel li l-bniedem iħossu qrib tiegħu u jduq is-salvazzjoni tiegħu f’diversi toroq, anki jekk dan isib ruħu jgħix sitwazzjoni kontradittorja.  Kif enfasizzaw dokumenti riċenti tal-Maġisteru, ir-rgħajja u l-komunitajiet Insara huma msejħa jilqgħu b’mod miftuħ u sinċier lil dawk li jinsabu f’sitwazzjoni irregolari, ikunu qrib tagħhom bis-simpatija u l-għajnuna tagħhom, u jġibuhom konxji mill-imħabba tar-Ragħaj it-Tajjeb.  Jekk il-kura pastorali tkun imsejsa fuq il-verità u l-imħabba, hi tiskopri b’modi dejjem ġodda toroq u metodi tajbin.

 

L-Arċisqof Gerhard Ludwig Müller

L’Osservatore Romano (Edizzjoni Ingliża), 23 ta’ Ottubru 2013

 

 

miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link