Stampa t-test kollu ...

Mistoqsijiet għall-approfondiment tar-Relatio Synodi

 

Mistoqsija previa dwar it-taqsimiet kollha tar-Relatio Synodi

Il-mod kif ir-Relatio Synodi tiddeskrivi r-realtà tal-familja jikkorrispondi ma’ dak li qed nosservaw fil-Knisja u fis-soċjetà tal-lum?  Liema aspetti neqsin nistgħu ninkludu?

 

L-ewwel parti

Is-smigħ: il-kuntest u l-isfidi dwar il-familja

 

Kif indikat fl-introduzzjoni (nri 1-4), is-Sinodu straordinarju ried jindirizza lill-familji kollha tad-dinja, iduq il-ferħ, it-taħbit u t-tamiet tagħhom; lill-għadd ta’ familji Nsara fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom, is-Sinodu mbagħad wera rikonoxxenza speċjali, u ħeġġiġhom jindaħlu b’mod iżjed deċiżiv f’din is-siegħa tal-“Knisja li toħroġ”, biex jagħrfu mill-ġdid li huma s-suġġett essenzjali tal-evanġelizzazzjoni, fuq kollox biex irawmu fihom infushom u fil-familji f’diffikultà dik ix-“xewqa ta’ familja” li tibqa’ dejjem ħajja u li hi l-bażi tal-konvinzjoni ta’ kemm għandna bżonn “nerġgħu nitilqu mill-familja” biex nistgħu nħabbru b’mod effikaċi l-qalba tal-Vanġelu.

 

Il-mixja mġedda li terraq is-Sinodu straordinarju tidħol fil-kuntest usa’ tal-Knisja indikat mill-eżortazzjoni Evangelii Gaudium tal-Papa Franġisku, u għalhekk titlaq mill-“periferiji eżistenzjali”, b’pastorali li tintgħaraf mill-“kultura tal-laqgħa”, fejn aħna kapaċi nagħrfu l-ħidma ħielsa tal-Mulej anki barra mill-iskemi tagħna tas-soltu u nagħmlu tagħna mingħajr xkiel dik il-kundizzjoni ta’ “sptar fuq il-kamp tal-battalja” li tant għandha bżonn it-tħabbira tal-ħniena ta’ Alla.  Dawn l-isfidi jsibu tweġiba fin-numri tal-ewwel parti tar-Relatio Synodi fejn jiġu esposti l-aspetti li jsawru l-kwadru ta’ riferiment l-iżjed konkret dwar il-qagħda reali tal-familji li fih nistgħu nkomplu bir-riflessjoni tagħna.

 

Il-mistoqsijiet li qed jiġu proposti hawn, b’riferiment ċar għall-aspetti tal-ewwel parti tar-Relatio Synodi, iridu jiffaċilitaw ir-realiżmu meħtieġ fir-riflessjoni tal-episkopati individwali, biex jevitaw li t-tweġibiet tagħhom joħorġu skond skemi u perspettivi ta’ pastorali sempliċiment applikattiva tad-duttrina, li ma tkunx tirrispetta l-konklużjonijiet tal-Assemblea sinodali straordinarja, u tispiċċa tbiegħed ir-riflessjoni tagħhom mill-mixja li issa qbadna.

 

Il-kuntest soċjo-kulturali (nri 5-8)

1. Liema huma l-inizjattivi li għaddejjin jew qed jiġu ppjanati fid-dawl tal-isfidi li qed iqiegħdu quddiem il-familja l-kontradizzjonijiet kulturali (ara nri 6-7): dawk orjentati biex jixħtu dawl mill-ġdid fuq il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tal-familji; dawk biex jedukaw u jwaqqfu relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-persuni; dawk imfassla biex jiffavorizzu politika soċjali u ekonomika siewja għall-familja; dawk li jridu jtaffu d-diffikultajiet marbuta mal-kura tat-tfal, l-anzjani u l-familjari morda; dawk biex naffrontaw il-kuntest kulturali l-aktar speċifiku li fih hi involuta l-Knisja lokali?

 

2. Liema għodda ta’ analiżi qed titħaddem, u liema huma r-riżultati l-aktar rilevanti fid-dawl tal-aspetti (pożittivi u mhumiex) tal-bidla antropoloġika kulturali (ara nru 5)?  Fost dawn ir-riżultati hu possibbli li nsibu elementi komuni fil-pluraliżmu kulturali?

 

3. Barra t-tħabbira u l-kundanna, liema huma l-modalitajiet li għandna nagħżlu biex inkunu preżenti bħala Knisja qrib il-familji fis-sitwazzjonijiet diffiċli (ara nru 8)?  Liema strateġiji edukattivi għandna nħaddmu bħala prevenzjoni?  X’nistgħu nagħmlu biex inwieżnu u nsaħħu lill-familji li jemmnu, fidili għar-rabta?

 

4. Kif qed tirreaġixxi l-azzjoni pastorali tal-Knisja għat-tixrid tar-relattiviżmu kulturali fis-soċjetà sekularizzata u, konsegwentement, għall-mod kif ħafna qed jirriġettaw il-mudell ta’ familja magħmula minn raġel u mara magħquda fir-rabta taż-żwieġ u miftuħa għall-prokreazzjoni?

 

Ir-rilevanza tal-ħajja affettiva (nri 9-10)

5. B’liema mod, b’liema attivitajiet il-familji Nsara qed jagħtu xhieda ta’ maturazzjoni affettiva quddiem il-ġenerazzjonijiet ġodda (ara nri 9-10)?  Kif nistgħu ngħinu fil-formazzjoni tal-ministri ordnati f’dawn it-temi?  Liema figuri ta’ aġenti ta’ pastorali speċifikament kwalifikati nħossu li huma l-iżjed urġenti?

 

L-isfidi quddiem il-pastorali (nru 11)

6. Kemm, u b’liema mezzi, il-pastorali ordinarja tal-familja qed titftaħ dirgħajha għal dawk imbiegħda (ara nri 11)?  Liema huma l-linji ta’ ħidma li qed nużaw biex inqanqlu u nivvalorizzaw ix-“xewqa ta’ familja” miżrugħa mill-Ħallieq fil-qalb ta’ kull persuna, u speċjalment preżenti fiż-żgħażagħ, anki ta’ min jinsab f’sitwazzjonijiet ta’ familji li ma jikkorrispondux mal-viżjoni Nisranija?  Kif qed iwieġbu effettivament għall-missjoni indirizzata lilhom?  Fost dawk mhux mgħammda, kemm hi b’saħħitha l-preżenza ta’ żwiġijiet naturali, anki f’rabta max-xewqa li għandhom iż-żgħażagħ li jiffurmaw familja?

 

It-tieni parti

Il-ħarsa fuq Kristu: il-Vanġelu tal-familja

 

Il-Vanġelu tal-familja, fedelment imħares mill-Knisja fid-dawl tar-Rivelazzjoni Nisranija miktuba u mgħoddija, għandu jiġi mxandar fid-dinja tal-lum b’ferħ u tama mġedda, b’ħarsa kontinwa lejn Ġesù Kristu.  Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja jilħqu l-milja tagħhom fl-ordni tal-ħolqien li jevolvi f’dak tal-fidwa, miġbur hekk fl-awgurju tal-Konċilju: “L-istess miżżewġin, magħmulin xbieha ta Alla ħaj u mqiegħdin fdinjità vera ta’ persuni, għandhom ikunu magħqudin fi mħabba ugwali, fi ħsieb wieħed, fi sforz wieħed li jqaddsu lil xulxin.  B’hekk, filwaqt li jimxu wara Kristu, il-bidu tal-ħajja, fil-ferħ u fis-sagrifiċċji tas-sejħa tagħhom, permezz tal-imħabba tagħhom fidila jistgħu jsiru xiehda ta’ dak il-misteru ta’ mħabba li l-Mulej wera lid-dinja bil-mewt u l-qawmien tiegħu” (Gaudium et Spes, 52; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1533-1535).

 

F’dawn id-dawl, il-mistoqsijiet li joħorġu mir-Relatio Synodi għandhom l-għan li jqanqlu tweġibiet fidili u kuraġġjużi fir-Rgħajja u fil-poplu ta’ Alla għal tħabbira mġedda tal-Vanġelu tal-familja.

 

Il-ħarsa fuq Ġesù u l-pedagoġija divina fl-istorja tas-salvazzjoni (ara nri 12-14)

Hi u tilqa’ l-istedina tal-Papa Franġisku, il-Knisja tħares lejn Kristu fil-verità dejjiema tiegħu u fl-element tiegħu dejjem ġdid, li jdawwal ukoll lil Kull familja.  “Kristu hu l-‘Evanġelju ta’ dejjem’ (Apok 14:6), u hu ‘dak li kien, fl-imgħoddi, issa u dejjem’ (Lhud 13:8), imma l-għana u l-ġmiel tiegħu huma bla qies.  Hu dejjem żagħżugħ u għajn kostanti ta’ dak li hu ġdid” (Evangelii Gaudium, 11).

 

7. Il-ħarsa tagħna fuq Kristu tiftaħ possibbiltajiet ġodda.  “Fil-fatt, kull darba li nerġgħu lura għall-għajn tal-esperjenza Nisranija, jinfetħu quddiemna toroq ġodda u possibbiltajiet li ma konniex ħsibna fihom qabel” (nru 12).  Kif qed inħaddmu t-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa fl-azzjoni pastorali mal-familji?  Kemm qiegħda din il-ħarsa twassal għal pastorali familjari iktar kuraġġuża u fidila?

 

8. Liema valuri taż-żwieġ u tal-familji qed jaraw jitwettqu f’ħajjithom iż-żgħażagħ u l-miżżewġin?  U b’liema mod?  Hemm valuri li jista’ jinxteħet aktar dawl fuqhom (ara nru 13)?  Liema dimensjonijiet tad-dnub irridu nevitaw jew negħlbu?

 

9. Liema pedagoġija umana għandna nqisu – f’sintonija mal-pedagoġija divina – biex nifhmu aħjar dak li qed jiġi mitlub mill-pastorali tal-Knisja quddiem il-maturazzjoni tal-ħajja ta’ koppja, lejn iż-żwieġ futur (ara nru 13)?

 

10. X’nistgħu nagħmlu biex nuru l-kobor u l-ġmiel tad-don tal-indissolubbiltà, b’mod li nqanqlu x-xewqa li ngħixuha u nibnuha dejjem iżjed (ara nru 14)?

 

11. B’liema mod nistgħu ngħinu lill-persuni jifhmu li r-relazzjoni ma’ Alla tgħinna negħlbu d-dgħufijiet li jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin (ara nru 14)?  Kif nagħtu xhieda li l-barka ta’ Alla ssieħeb kull żwieġ veru?  Kif nuru li l-grazzja tas-sagrament twieżen lill-miżżewġin fil-mixja ta’ ħajjithom kollha?

 

Il-familja fil-pjan salvifiku ta’ Alla (nri 15-16)

Il-vokazzjoni, sa mill-ħolqien, tal-imħabba bejn raġel u mara, tirċievi l-forma sħiħa tagħha fil-ġrajja tal-Għid ta’ Kristu l-Mulej, li jingħata bla ebda riserva, u jagħmel lill-Knisja l-Ġisem mistiku tiegħu.  Iż-żwieġ Nisrani, li jixrob mill-grazzja divina, b’dan il-mod isir it-triq li fiha, dawk li huma msejħin għalih, jimxu lejn il-perfezzjoni tal-imħabba, li hi l-qdusija.

 

12. Kif nistgħu nfiehmu li ż-żwieġ Nisrani jikkorrispondi mal-pjan oriġinali ta’ Alla u għalhekk hu esperjenza ta’ milja u mhux ta’ limiti (ara nru 13)?

 

13. Kif nifhmu l-familja bħala “Knisja tad-dar” (ara LG 11), suġġett u oġġett tal-azzjoni ta’ evanġelizzazzjoni għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla?

 

14. Kif nagħmlu biex nippromovu l-għarfien tal-impenn missjunarju tal-familja?

 

Il-familja fid-dokumenti tal-Knisja (nri 17-20)

Il-Maġisteru tal-Knisja għandu jkun magħruf aħjar mill-Poplu ta’ Alla fl-għana kollu tiegħu.  L-ispiritwalità konjugali toħroġ mit-tagħlim kostanti tar-Rgħajja, li jieħdu ħsieb tal-merħla tagħhom, u timmatura grazzi għas-smigħ bla waqfien tal-Kelma ta’ Alla, għas-sagramenti tal-fidi u tal-karità.

 

15. Il-familja Nisranija tgħix quddiem il-ħarsa kollha mħabba tal-Mulej u fir-relazzjoni tagħha miegħU tikber bħala komunità vera ta’ ħajja u ta’ mħabba.  Kif niżviluppaw l-ispiritwalità tal-familja, u kif ngħinu l-familji jkunu mkejjen ta’ ħajja ġdida fi Kristu (ara nru 21)?

 

16. Kif niżviluppaw u nippromovu inizjattivi ta’ katekeżi li juruna u jgħinuna ngħixu t-tagħlim tal-Knisja fuq il-familja, biex possibbilment tonqos id-distanza bejn dak li ngħixu u dak li nistqarru u nippromovu mixjiet ta’ konverżjoni?

 

L-indissolubbiltà taż-żwieġ u l-ferħ li ngħixu flimkien (nri 21-22)

L-imħabba vera bejn il-miżżewġin tingħaqad mal-imħabba ta Alla u hija msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta Kristu u l-għemil ta salvazzjoni tal-Knisja biex il-miżżewġin jitwasslu tassew lejn Alla u jkollhom għajnuna u qawwa fil-missjoni għolja ta missier u omm.  Għalhekk il-miżżewġin Insara huma msaħħin bħal ikkonsagrati bsagrament speċjali għad-dmirijiet u d-dinjità tal-istat tagħhom; u meta bil-qawwa ta’ dan is-sagrament jaqdu d-dmir tagħhom taż-żwieġ u tal-familja, mimlijin bl-ispirtu ta’ Kristu li bih ħajjithom kollha timtela bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba, huma jersqu dejjem aktar lejn il-perfezzjoni tagħhom u t-tqaddis ta’ xulxin, u għalhekk flimkien jagħtu glorja lil Alla” (Gaudium et Spes, 48).

 

17. Liema huma l-inizjattivi li rridu nieħdu biex nuru l-valur taż-żwieġ indissolubbli u għammiel bħala mixja ta’ realizzazzjoni personali sħiħa (ara nru 21)?

 

18. Kif nagħmlu biex nipproponu l-familja bħala mkien, uniku f’diversi aspetti, fejn il-bnedmin isibu l-ferħ tagħhom?

 

19. Il-Konċilju Vatikan II esprima l-apprezzament tiegħu għaż-żwieġ naturali, u hekk ġedded tradizzjoni ekkleżjali antika.  Kemm qiegħda l-pastorali djoċesana tagħti valur anki lil dan l-għerf tal-popli, bħala fundamentali għall-kultura u s-soċjetà komuni (ara nru 22)?

 

Verità u ġmiel tal-familja u ħniena mal-familji miġruħa u dgħajfa (nri 23-28)

Wara li qiesu l-ġmiel taż-żwiġijiet li rnexxew u tal-familji b’saħħithom, u apprezzaw ix-xhieda ġeneruża ta’ dawk li baqgħu fidili għar-rabta anki jekk ġew abbandunati minn marthom jew żewġhom, ir-rgħajja miġmugħa fis-Sinodu staqsew lilhom infushom – b’mod miftuħ u kuraġġjuż, mhux mingħajr tħassib u kawtela – liema ħarsa l-Knisja għandha titfa’ fuq il-Kattoliċi li huma marbuta biss b’rabta ċivili, fuq dawk li għadhom jikkonvivu u fuq dawk li wara żwieġ validu ġabu d-divorzju u reġgħu żżewġu biċ-ċivil.

 

Konxji mil-limiti evidenti u l-imperfezzjonijiet preżenti f’tant sitwazzjonijiet differenti, il-Padri għamlu tagħhom il-perspettiva indikata mill-Papa Franġisku, fejn “bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor(Evangelii Gaudium, 44).

 

20. Kif infiehmu li ħadd mhu eskluż mill-ħniena ta’ Alla u kif nesprimu din il-verità fl-azzjoni pastorali tal-Knisja mal-familji, b’mod partikulari dawk miġruħa u dgħajfa (ara nru 28)?

 

21. Kif jistgħu l-fidili, mal-persuni li għadhom ma waslu għall-għarfien sħiħ tad-doni tal-imħabba ta’ Kristu, juru attitudni ta’ laqgħa u tisħib fiduċjuż, mingħajr qatt ma jiċħdu xejn mit-tħabbira ta’ dak li jitlob il-Vanġelu (ara nru 24)?

 

22. X’inhu possibbli nagħmlu biex fil-bosta forom ta’ għaqda – fejn wieħed jista’ jsib tant valuri umani – ir-raġel u l-mara jsibu r-rispett, il-fiduċja u l-inkuraġġiment min-naħa tal-Knisja biex jikbru f’dak li hu tajjeb u jsibu wkoll l-għajnuna biex jilħqu l-milja taż-żwieġ Nisrani (ara nru 25)?

 

It-tielet parti

Il-konfront: perspettivi pastorali

 

Fl-approfondiment tagħna tat-tielet parti tar-Relatio Synodi, importanti nħallu tmexxina l-bidla pastorali li s-Sinodu straordinarju beda jindika, b’għeruqu fil-Konċilju Vatikan II u fil-Maġisteru tal-Papa Franġiku.  Hu xogħol il-Konferenzi Episkopali li jkomplu jinżlu iktar fil-fond tagħha, u jinvolvu f’dan, bl-aktar mod opportun, il-komponenti ekkleżjali kollha, u jikkonkretizzawha fil-kuntest speċifiku tagħhom.  Irridu nagħmlu minn kollox biex ma nerġgħux nibdew mill-bidu nett, imma bħala punt ta’ tluq naqbdu l-mixja li diġà bdiet fis-Sinodu straordinarju.

 

Inxandru l-Vanġelu tal-familja llum, fid-diversi kuntesti (nri 29-38)

Fid-dawl tal-bżonn ta’ familja u fl-istess ħin tad-diversi sfidi kumplessi, preżenti fid-dinja tagħna, is-Sinodu għafas fuq l-importanza ta’ impenn imġedded għal tħabbira, miftuħa u sinifikattiva, tal-Vanġelu tal-familja.

 

23. Fil-formazzjoni tal-presbiteri u tal-operaturi pastorali l-oħra, kif qed tiġi kkultivata d-dimensjoni familjari?  Qed jiġu involuti l-istess familji?

 

24. Qed nintebħu li l-mod mgħaġġel kif qed tevolvi s-soċjetà tagħna jitlob attenzjoni kontinwa għal-lingwaġġ fil-komunikazzjoni pastorali?  Kif nistgħu nagħtu xhieda effikaċi tal-prijorità tal-grazzja, b’mod li l-familja tipproġetta u tgħix ħajjitha billi tilqa’ fi ħdanha lill-Ispirtu s-Santu?

 

25. Fix-xandir tal-Vanġelu tal-familja, kif nistgħu noħolqu l-kundizzjonijiet biex kull familja tkun kif Alla jridha u tiġi soċjalment rikonoxxuta fid-dinjità u l-missjoni li għandha?  Liema “konverżjoni pastorali” u x’approfondimenti oħra rridu nagħmlu f’din id-direzzjoni?

 

26. Il-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet soċjali u politiċi għall-ġid tal-familja qed inħarsu lejha fl-importanza kollha tagħha?  Kif qed titwettaq fil-verità?  Liema kriterji qed inebbħuna?  L-għaqdiet tal-familji xi rwol għandhom f’dan is-sens?  Din il-kollaborazzjoni kif tista’ tissaħħaħ anki billi ma nibżgħux nikkundannaw il-proċessi kulturali, ekonomiċi u politiċi li qed jheddu r-realtà tal-familja?

 

27. Kif niffavorixxu r-relazzjoni bejn familja, soċjetà u politika b’ġid għall-istess familja?  Kif nistgħu nippromovu anki s-sostenn tal-komunità internazzjonali u tal-Istati b’riżq il-familja?

 

Ngħinu lill-għarajjes fil-mixja tagħhom ta’ tħejjija għaż-żwieġ (nri 39-40)

Is-Sinodu għaraf il-passi li twettqu fl-aħaħr snin biex jiffavorixxu tħejjija xierqa taż-żgħażagħ għaż-żwieġ.  Imma insista wkoll fuq il-ħtieġa ta’ impenn akbar tal-komunità Nisranija kollha mhux biss fit-tħejjija imma anki fl-ewwel snin tal-ħajja tal-familja.

 

28. Kif nistgħu nipproponu l-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ b’mod li juru l-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja skond il-fidi fi Kristu?  Qed isiru bħala offerta ta’ esperjenza ekkleżjali awtentika?  Kif inġedduhom u ntejbu l-kwalità tagħhom?

 

29. Il-katekeżi tal-inizjazzjoni Nisranija kif qed tippreżenta l-ftuħ tal-qalb għall-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja?  Liema passi huma l-aktar urġenti?  Kif nistgħu nipproponu r-relazzjoni bejn Magħmudija, Ewkaristika u Żwieġ?  B’liema mod għandna nuru l-karattru ta’ katekumenat u ta’ mistagoġija li l-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ spiss jassumu?  Kif nistgħu ninvolvu l-komunità f’din it-tħejjija?

 

Insieħbu l-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ (nru 40)

30. Kemm fit-tħejjija u kemm fl-akkumpanjament tal-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ qed jingħata biżżejjed valur il-kontribut importanti ta’ xhieda u ta’ sostenn li jistgħu jagħtu familji, għaqdiet u movimenti familjari?  X’esperjenzi pożittivi jistgħu jiswew f’dan il-qasam?

 

31. Il-pastorali ta’ akkumpanjament tal-koppji fl-ewwel snin tal-ħajja tal-familja – osserva d-dibattitu sinodali – għandha bżonn tiżviluppa aktar.  Liema huma l-inizjattivi l-aktar sinifikanti li diġà ttieħdu?  X’aspetti għandna nħeġġu iżjed fuq livell parrokkjali, livell djoċesan u fil-qasam tal-għaqdiet u l-movimenti?

 

Il-kura pastorali ta’ dawk li qed jgħixu fi żwieġ ċivili jew f’koabitazzjoni (nri 41-43)

Fid-dibattitu sinodali ssemmiet id-diversità ta’ sitwazzjonijiet, dovuta għal bosta fatturi kulturali u ekonomiċi, prassi li għandhom għeruqhom fit-tradizzjoni, u d-diffikultajiet li jsibu ż-żgħażagħ biex jagħmlu għażliet li jimpenjawhom għal ħajjithom kollha.

 

32. Liema kriterji għandna nqisu għal dixxerniment pastorali korrett tas-sitwazzjonijiet partikulari, fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja, li għaliha l-elementi kostituttivi taż-żwieġ huma unità, indissolubbiltà u ftuħ għall-ħajja?

 

33. Il-komunità Nisranija kapaċi tinvolvi ruħha pastoralment f’dawn is-sitwazzjonijiet?  Kif nistgħu ngħinuha tiddixxerni dawn l-elementi pożittivi u dawk negattivi tal-ħajja ta’ persuni msieħba fi żwiġijiet ċivili b’mod li tista’ torjentahom u tweżinhom fil-mixja ta’ maturazzjoni u konverżjoni lejn is-sagrament taż-żwieġ?  Kif nistgħu ngħinu lil min qed jikkoabita biex jiddeċiedi li jagħżel iż-żwieġ?

 

34. B’mod partikulari, xi tweġibiet ħa nagħtu għall-problematiċi li għadhom joħolqu l-forom tradizzjonali ta’ żwieġ f’biċċiet jew miftiehem minn qabel bejn il-familji?

 

Nieħdu ħsieb il-familji miġruħa (separati, divorzjati li ma reġgħux iżżewġu, divorzjati li reġgħu żżewġu, familji b’ġenitur wieħed) (nri 44-54)

Mid-dibattitu sinodali ħarġet il-ħtieġa ta’ pastorali mwieżna mill-arti tal-akkumpanjament, biex “lill-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħdiha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija” (Evangelii gaudium, 169).

 

35. Il-komunità Nisrnaija lesta tieħu ħsieb tal-familji miġruħa biex iddewwaqhom il-ħniena tal-Missier?  Kif nistgħu nimpenjaw ruħna biex inwarrbu l-fatturi soċjali u ekonomiċi li spiss jiddeterminawha?  Liema passi għamilna u liema għandna nagħmlu biex nikbru f’din l-azzjoni u fl-għarfien missjunarja li jweżinha?

 

36. Kif nindividwaw aħjar fuq il-livell ta’ Knejjes partikulari linji pastorali komuni?  F’dawn ir-rigward, kif inrawmu djalogu bejn id-diversi Knejjes partikulari cum Petro e sub Petro?

 

37. Kif nagħmlu iżjed aċċessibbli u ħfief, possibbilment b’xejn, il-proċeduri għall-għarfien tal-każi ta’ annullament (nru 48)?

 

38. Il-pastorali sagramenti mad-divorzjati li reġgħu żżewġu rridu ninżlu iktar fil-fond tagħha, billi niżnu wkoll il-prassi Ortodossa u nżommu f’moħħna “id-distinzjoni bejn sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub u ċirkustanzi attenwanti” (nru 52).  X’inhuma l-perspettivi li fihom nistgħu naġixxu?  X’passi huma possibbli?  X’suġġerimenti nistgħu nagħtu biex insewwu forom ta’ impedimenti inopportuni jew mhux meħtieġa?

 

39. In-normattiva attwali qed tippermettilna li nagħtu tweġibiet validi għall-isfidi li qed ipoġġu quddiemna ż-żwiġijiet imħallta u dawk interkonfessjonali?  Hemm elementi oħra li rridu nagħtu kashom?

 

L-attenzjoni pastorali għall-persuni b’tendenza omosesswali (nri 55-56)

 

40. Il-komunità Nisranija kif qed tagħti l-attenzjoni pastorali tagħha għall-familji li għandhom fi ħdanhom persuni b’tendenzi omosesswali?  Waqt li nevitaw kull xorta ta’ diskriminazzjoni inġusta, b’liema mod qed nieħdu ħsieb ta’ persuni f’sitwazzjonijiet bħal dawn fid-dawl tal-Vanġelu?  Kif nistgħu nipproponulhom dak li jrid Alla fis-sitwazzjonijiet tagħhom?

 

It-trasmissjoni tal-ħajja u l-isfida tar-rata baxxa tat-twelid (nri 57-59)

It-trasmissjoni tal-ħajja hi element fundamentali tal-vokazzjoni-missjoni tal-familja: “Il-miżżewġin jafu li fid-dmir tat-trasmissjoni tal-ħajja umana u tat-trobbija li għandu jitqies bħala l-missjoni propja tagħhom, huma l-koperaturi tal-imħabba ta Alla li ħalaqhom bħal interpreti tagħha” (Gaudium et spes, 50).

 

41. Liema huma l-passi l-iżjed sinifikattivi li saru biex inħabbru u nippromovu b’mod effikaċi l-ftuħ għall-ħajja u l-ġmiel u d-dinjità umana tal-maternità u l-paternità, fid-dawl, ngħidu aħna, tal-Humanæ Vitæ tal-Beatu Pawlu VI?  Kif nippromovu d-djalogu max-xjenzi u t-tekonoloġija bijomedika b’mod li tiġi rrispettata l-ekoloġija umana tat-tnissil?

 

42. Maternità/paternità ġeneruża teħtieġ strutturi u għodda.  Il-komunità Nisranija qed tħaddan solidarjetà u sussidjarjetà effettiva?  Kif?  Qed tkun kuraġġjuża fil-proposta ta’ soluzzjonijiet validi fuq livell anki soċjo-politiku?  Kif inħeġġu għall-adozzjoni u l-fostering, li huma sinjali għolja ta’ ġenerożità li tħalli l-frott?  Kif nippromovu l-għożża u r-rispett tat-tfal?

 

43. In-Nisrani jgħix il-maternità/paternità tiegħu bħala tweġiba għal sejħa.  Fil-katekeżi qed issir biżżejjed insistenza fuq din il-vokazzjoni?  Liema mixjiet ta’ formazzjoni qed jiġu proposti biex din iddawwal tassew il-kuxjenzi tal-miżżewġin?  Intbaħna bil-konsegwenzi gravi tal-bidliet demografiċi?

 

44. Il-Knisja kif qed tiġġieled kontra l-pjaga tal-abort u tippromovi kultura effikaċi tal-ħajja?

 

L-isfida tal-edukazzjoni u r-rwol tal-familja fl-evanġelizzazzjoni (nri 60-61)

45. Li jiżvolġu l-missjoni tagħhom ta’ edukaturi mhux dejjem faċli għall-ġenituri: qed isibu solidarjetà u sostenn fil-komunità Nisranija?  Liema mixjiet ta’ formazzjoni ta’ min jissuġġerixxi?  X’passi rridu nagħmlu biex id-dmir edukattiv tal-ġenituri jingħaraf anki fuq livell soċjo-politiku?

 

46. Kif nippromovu fil-ġenituri u fil-familja Nisranija l-għarfien tad-dmir tat-trasmissjoni tal-fidi bħala dimensjoni intrinsika għall-istess identità Nisranija?