IL-ĦAMES MISTERI TAL-FIDWA

Kitba ta' Joe Farrugia

Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi 2012 -2013

L-Ewwel Misteru. Alla jwiegħed Feddej li kellu jitwieled mill-Mara ...

It-Tieni Misteru. Il-Konċepiment Immakulat tal-Mara mwegħda minn Alla u li kellha tkun Omm il-Feddej ...

It-Tielet Misteru. It-Twelid ta’ Marija, il-Mara msejħa minn Alla biex tkun Omm il-Feddej ...

Ir-Raba' Misteru. Il-Maternità Verġinali ta’ Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja ...

Il-Ħames Misteru. Is-Sinjal il-Kbir. Il-Mara liebsa x-Xemx, bil-qamar taħt riġleha u kuruna ta' tnax-il kewkba madwar rasha ...

 

Wara l-ħames posta, minflok is-Salve Reġina jintalab il-Kantiku ta’ Marija; Il-Magnificat ...

Il-Misteru tal-Fidwa fil-Maġisteru tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. Kitba ta' Dun Hector Scerri.


Daħla

Fir-Rużarju, kif  ġie stabbilit bl-approvazzjoni tal-awtorità tal-Knisja, insibu biss xi wħud mill-misteri tal-ħajja ta’ Kristu. L-għażla ġiet determinata mill-oriġini ta’ din it-talba li tfasslet fuq in-numru 150, l-għadd tas-Salmi.  Imma nħoss li biex tissaħħaħ il-qawwa Kristoloġika tar-Rużarju,  tkun ħaġa f’waqtha li  ssir żieda, li filwaqt li titħalla għal-libertà tal-individwi u tal-komunitajiet,  twassal biex inkunu nistgħu nħaddnu anki  l-misteri tal-ħajja pubblika ta’ Kristu mill-Magħmudija sal-Passjoni tiegħu. ..”

(Papa Ġwanni Pawlu Ii fl-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju, 16 Ottubru  2002)

Kien permezz ta’ din l-Ittra Appostolika, li l-Papa Ġwanni Pawlu II, flimkiem mal-ħmistax-il posta tradizjonali tar-Rużarju Mqaddes - ħamsa tal-ferħ, ħamsa tat-tbatija u ħamsa tal-glorja – żied ukoll ħames posti oħra, msejjħa tad-dawl li fihom nimmeditaw mumenti oħra fil-ħajja publika tal-Mulej Ġesù.

B’dan il-mod, il-Papa wera li għalkemm it-tradizzjoni antika tal-ħmistax-il-posta oriġinali kellha titkompla b’ħeġġa u qima, madankollu dan ma jfissirx li l-insara m’għandhomx isibu mumenti ta’ ġabra li fihom, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù, jitolbu u jimmeditaw dwar mumenti oħra fl-istorja tas-Salvazzjoni tagħna.

Fl-ewwel wieħed fost il-misteri tradizzjonali, aħna nimmeditaw dwar il-mument ta’ l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla permezz ta’ l-“iva” ta’ Marija. Dan seħħ waqt id-dehra li hija kellha mill-Arkanġlu Gabriel.  Kien il-waqt li fih il-Kelma ta’ Alla saret laħam fil-ġuf verġni tagħha u minn dak il-mument Alla sar bniedem bħalna.

Imma kif naraw mill-Kotba Mqaddsa, il-ġrajja tal-Fidwa kienet ilha mħabbra minn Alla nnifsu sa minn meta l-ewwel ġenituri tagħna wettqu d-dnub oriġinali.  Kien propju f’dak il-mument li tħabbar il-pjan ta’ Fidwa tagħna, li laħaq il-milja tiegħu fil-ġrajja tal-Għid.  U f’dan il-pjan kien hemm “Il-Mara” li permezz tan-nisel tagħha kellha titwettaq il-Fidwa.

Il-Misteri tal-Fidwa

Il-misteri tal-Fidwa huma ħames mumenti importanti f’din l-istorja tas-Salvazzjoni.  Huma ħames mumenti qawwija li għalkemm fihom kollha tidher “Il-Mara”, madankollu, iċ-ċentru ta’ kull wieħed minnhom huwa dejjem Binha.  Hija, fl-ebda waqt ma tisraq l-attenzjoni tagħna għaliha nfisha, imma dejjem turi lil Binha u għalhekk, bħal f’kull misteru ieħor kontemplat fit-talba tar-Rużarju Mqaddes, iċ-ċentru ta’ dawn il-ħames posti huwa dejjem Kristu nnifsu.

Mill-banda l-oħra dawn il-Misteri tal-Fidwa jgħinuna nħarsu lejn il-ġrajja ta’ Kristu fid-dawl ta’ dak li seħħ sa mill-bidu tal-ġrajja umana, għaliex kif naqraw fil-prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, Kristu huwa l-istess Kelma, preżenti ma’ Alla sa mill-bidu u li permezz tagħha kien maħluq kollox – għax il-Kelma kienet Alla.

 

Fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna, eħles għinna u ieqaf magħna.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,  kif kien fil-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

Qabel it-tħabbira ta’ kull misteru

Marija Santissima wrina li inti ommna: għalik jisma’ t-talb tagħna, dak li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna. 

O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar ta’ l-infern, ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar lil dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.    

 

1. Nikkunsidraw fl-Ewwel Misteru tal-Fidwa. “Alla jwiegħed Feddej li kellu jitwieled mill-Mara.”  

(Ġen 3:9-15)

U l-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?”  U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.”  U staqsieh: “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X'inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt.” U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt dan, misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi. Għal żaqqek titkaxkar, u t-trab ta' l-art tiekol il-jiem kollha ta' ħajtek. U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara,  bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek  u int tisħaqlu għarqubu.”

Wara r-riflessjoni ta’ dan il-misteru tintalab it-talba tal-Missierna, Sliema għal għaxar darbiet u l-Glorja.

 

2. Nikkunsidraw fit-Tieni Misteru tal-Fidwa. “Il-Konċepiment Immakulat tal-Mara mwegħda minn Alla u li kellha tkun Omm il-Feddej.”

(Papa Piju IX, Ineffabilis Deus, 8 Diċembru 1854)

Wara li offrejna bla ma naqtgħu, fl-umiltà u fis-sawm, it-talb privat Tagħna u dak pubbliku tal-Knisja ta’ Alla l-Missier, permezz ta’ Ibnu, sabiex hu jogħġbu jmexxi lil moħħ Tagħna bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu; wara li aħna tlabna l-għajnuna tal-Qtajjiet kollha tas-sema, u wara li tlabna bl-ilfiq lill-Ispirtu difensur, bl-ispirazzjoni tiegħu, għall-ġieħ tat-Trinità qaddisa u mhux mifruda, għas-sbuħija u l-ġmiel tal-Verġni Omm Alla, għall-eżaltazzjoni tal-fidi kattolika, u għat-tkabbir tar-reliġjon nisranija, bl-awtorità tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, tal-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu u bl-awtorità Tagħna, niddikjaraw, inlissnu u niddefinixxu: Id-duttrina, li żżomm li l-Verġni wisq qaddisa Marija mill-ewwel mument tal-Kunċizzjoni tagħha, bi grazzja singulari u privileġġ ta’ Alla li jista’ kollox, li ra minn qabel il-merti ta’ Ġesù Kristu, Feddej tal-bnedmin kollha, ġiet ippreservata u mhix mimsusa minn kull tebgħa ta’ dnub oriġinali, hi rivelata minn Alla u għaldaqstant hi ta’ min jemminha bil-qawwa u mingħajr ma jmissha, u dan mill-fidili kollha.

Wara r-riflessjoni ta’ dan il-misteru tintalab it-talba tal-Missierna, Sliema għal għaxar darbiet u l-Glorja.

 

3. Nikkunsidraw fit-Tielet Misteru tal-Fidwa. "It-Twelid ta’ Marija, il-Mara msejħa minn Alla biex tkun Omm il-Feddej." 

(Mikea 5:1-4) 

Imma int, Betlehem ta' Efrata, ċkejkna fost il-familji ta' Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f'Iżrael; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem ta' dejjem. Għalhekk il-Mulej jitlaqhom sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas; mbagħad il-bqija ta' ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael. U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta' isem il-Mulej, Alla tiegħu. U huma jgħammru fiż-żgur, għax issa tkun kbira setgħetu, sa trufijiet l-art. U dan ikun is-sliem!

Wara r-riflessjoni ta’ dan il-misteru tintalab it-talba tal-Missierna, Sliema għal għaxar darbiet u l-Glorja.

 

 

4. Nikkunsidraw fir-Raba’ Misteru tal-Fidwa. "Il-Maternità Verġinali ta’ Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja." 

(Ġwanni 19:25-27)

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek."  Mbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Wara r-riflessjoni ta’ dan il-misteru tintalab it-talba tal-Missierna, Sliema għal għaxar darbiet u l-Glorja.

 

 5. Nikkunsidraw fil-Ħames Misteru tal-Fidwa. "Is-Sinjal il-Kbir – Il-Mara liebsa x-Xemx, bil-qamar taħt riġlejha u kuruna ta' tnax-il kewkba madwar rasha."

(Apokalissi 12:2-6)

U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b'kuruna ta' tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet  fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles. Mbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b'sebat irjus u għaxart iqrun, u b'seba' dijademi fuq irjusu. U b'denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-Mara li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b'xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert, hemmhekk fejn għandha post imħejji minn Alla, biex hemm jitimgħuha għal elf, mitejn u sittin jum.

 

Wara r-riflessjoni ta’ dan il-misteru tintalab it-talba tal-Missierna, Sliema għal għaxar darbiet u l-Glorja.

 

 

Minflok is-Salve Reġina jintalab il-Kantiku ta’ Marija - il-Magnificat.

 

Il-Kantiku ta' Marija - Il-Magnificat

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *


Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *
qaddis hu l-isem tiegħu.


Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.


Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

 

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
- bħalma wiegħed lil missirijietna - *
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.  
Glorja …

 

 

Skont il-fehma tal-Papa - Missierna, Sliema u Glorja. Fl-aħħar tintalab il-Litanija tal-Madonna.