SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n. 9

"Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi”  (1 Kor 11, 27-28).

minn Fr Martin Micallef OFMCap

Minkejja li l-Appostlu San Pawl iqiegħed lil Ġesù Kristu u l-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni bħala ċ-ċentru tal-predikazzjoni tiegħu, huwa kważi qatt ma jirreferi għall-azzjonijiet ta’ Ġesù, jekk mhux dik tal-mewt u l-qawmien tiegħu. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għat-tagħlim tiegħu li fih l-Appostlu Pawlu jagħti istruzzjonijiet li jixbhu ħafna lil dawk ta’ Ġesù, b’danakollu huwa rari ħafna jikkwota direttament mit-tagħlim ta’ Ġesù. Fil-fatt biex inkunu korretti hemm sitt referenzi espliċiti għall-“kliem tal-Mulej” fl-Ittri ta’ San Pawl. Dawn insibuhom f’1 Kor 7, 10-11; 9, 14; 11,23-25; 14,37; 2 Kor 12,9; 1 Tess 4,15-17.

Fost dawn tispikka 1 Kor 11, 23-25: “Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: ‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: ‘Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.” Ladarba Pawlu kiteb qabel ma nkitbu l-Evanġelji, allura nistgħu nqisu dawn il-kelmiet bħala l-ewwel rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija fit-Testment il-Ġdid.

B’mod tassew sabiħ, l-Appostlu San Pawl jorbot it-tagħlim tiegħu fuq l-Ewkaristija ma’ dak fuq il-Knisja bħala l-Ġisem ta’ Kristu. Fil-fatt dan narawh ftit versi qabel din is-silta li għadna kemm semmejna. Hawnhekk Pawlu jikteb hekk lill-Insara ta’ Korintu: “Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10, 16-17). Dak li jidher f’dan il-kliem huwa li l-ħobż u l-kalċi jsiru espressjoni ta’ l-għaqda flimkien ta’ dawk li jemmnu u jieħdu sehem mill-Ewkaristija.

Jekk imbagħad nimxu ftit versi lura nkomplu naqraw kif l-Appostlu Pawlu issa jorbot dan kollu ma ġrajja li naqraw fuqha fil-paġni tat-Testment il-Qadim. F’ 1 Kor 10, 1-4, huwa jikteb: “Għax ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti; missirjietna lkoll kienu taħt is-sħaba, lkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar. Ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kient Kristu.” Pawlu hawn qed jieħu x-xbieha tal-blata li minnha l-Lhud xorbu fil-mixja tagħhom fid-deżert u jxebbaħha mal-persuna ta’ Kristu. Kristu huwa l-għejjun/in-nixxiegħa spiritwali li minnha nistgħu nixorbu fil-mixja tal-ħajja tagħna. Imma l-Appostlu jkomplu jikteb: “madanakollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert. Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxenqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. Tmorrux wara l-allat foloz, kif għamlu xi wħud minnhom” (vv 5-7).

Dan l-ikel u dan ix-xorb, mela, li minnu qed jitkellem l-Appostlu San Pawl b’riferenza għall-Ewkaristija, ma jistax la jgħaqqadna flimkien u wisq aktar ma’ Kristu Ġesù jekk ħajjitna m’aħniex ngħixuha tajjeb. Fil-fatt San Pawl hawnhekk jgħaddi biex isemmi lista ta’ dnubiet, l-ewwel f’din il-lista  huwa jimmarka l-idolatrija. Jekk inkomplu naqraw din l-Ewwel Ittra lill-Korintin, naraw kemm Pawlu jsemmi tant każi li jikxfu l-mod ħażin li bih kienu qegħdin igħixu ħajjithom u jiċċelebraw l-Ewkaristija dawn l-insara fil-belt ta’ Korintu. Huwa qawwi ħafna, mela, l-kliem ta’ Pawlu: “dan ġara b’eżempju għalikom.” Dan ifisser li aħna rridu niftħu għajnejna, nitgħallmu minn dak li għamlu oħrajn biex ma nagħmlux bħalhom.

Fil-fatt, wara li Pawlu jagħtina l-kliem ta’ Ġesù fil-ġesti li għamel fl-aħħar ċena, huwa jkompli jgħid: “Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi” (1 Kor 11, 27-28). Pawlu jagħlaq dan l-argument billi jwissina li min ikun qed jagħmel hekk, l-Ewkaristija minflok issir barka timbidel għalih f’ġudizzju: “Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess” (v.29).

Ejjew nieħdu dan il-kliem bis-serjeta!