SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n. 8

“Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom …

intom, irġiel miżżewġa, ħobbu n-nisa tagħkom”  (Kol 3, 18-19)

minn Fr Martin Micallef OFMCap               

Waħda mit-temi sbieħ li l-Appostlu San Pawl imiss fl-Ittri tiegħu hija dik taż-żwieġ u l-familja. Meta Pawlu jitkellem fuq hekk, huwa qatt ma jitkellem fuq ir-raġel biss jew fuq il-mara biss, imma dejjem fir-rabta tar-raġel ma’ martu, u l-mara fir-rabta tagħha ma’ żewġha, bħala tnejn li għandhom obbligazzjoni lejn xulxin. Hemm żewġ testi importanti li jixxiebhu li jitkellmu miż-żwieġ u dawn insibuhom fiż-żewġ Ittri li jixbhu lil xulxin, u li mhux kulħadd jaqbel li ħarġu mill-pinna ta’ l-Appostlu Pawlu.

L-ewwel silta hija meħuda mill-Ittra lil Kolossin 3, 18-22: “Intom, nisa miżżewwġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej. Intom imbagħad, irġiel miżżewwġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom. Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom. Intom, ilsiera, isimgħu f’kollox mis-sidien tagħkom bnedmin.”

Hawn għandna pattern ta’ kif kienet tkun iffurmata l-household (il-familja) f’dak iż-żmien: ir-raġel, il-mara, l-ulied, l-ilsiera. F’din is-silta, San Pawl qed jordna lin-nisa UBBIDJENZA lejn żwieġhom. Ma rridux ninsew li hawnhekk qegħdin f’kultura ta’ l-ewwel seklu fejn in-nisa mhux dejjem kellhom id-drittijiet li għandna llum. Imma jekk lin-nisa Pawlu qed jitlob minnhom ubbidjenza lejn żwieġhom, minn żwieġhom huwa qed jitlob xi ħaġa akbar: “ĦOBBU lin-nisa tagħkom.”                                  

It-tieni silta hija meħuda mill-Ittra lill-Efesin, fil-kapitlu 5. Dak li rridu ninnutaw hawn hija li din is-sezzjoni ta’ l-Ittra li titkellem fuq iż-żwieġ hija intenzjonata bħala parti mill-argument ta’ Pawlu biex juri kif l-insara għandhom iġibu ruħhom f’din id-dinja b’mod li jiddistingwi ruħhom mill-mod kif kienu igħixu l-pagani. Hawn San Pawl l-ewwel jibda l-argument tiegħu billi jippreżenta l-għaqda bejn Kristu u l-Knisja bħala mudell għall-miżżewġin. “Oqgħodu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox” (Efes 5, 22-24). Mela mill-ġdid f’din is-silta, San Pawl qed jirrikomanda lin-nisa biex jidħlu f’atteġġjament ta’ UBBIDJENZA lejn żwieġhom. Din id-darba, iżda, San Pawl jagħti tifsira teoloġika: bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, ir-ras tagħha. Din l-idea ssib l-għeruq tagħha fit-Testment il-Qadim, fejn Alla jidħol f’Patt mal-poplu ta’ Iżrael, u Iżrael isir bħal mara għal Alla, mara li wegħdet ubbidjenza u lealtà lejn żewġha (Alla). Biżżejjed jekk naqraw il-ktieb ta’ Hosea.

Lill-Irġiel, Pawlu, imbagħad jgħidilhom: “Intom, IRĠIEL, ĦOBBU n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma u l-kelma, u biex iressaqha quddiemu, din l-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (Efes 5, 25-27). Mill-ġdid, San Pawl qed jippreżenta eżortazzjoni sabiex l-Irġiel “iħobbu” lil marthom u mhux JIKKMANDAWHOM. U hawn ukoll jagħti raġuni teoloġika: kif Kristu ħabb lil Knisja billi ta ħajtu għaliha.

X’ifisser, mela, tati ħajtek għal xi ħadd li tħobb? Pawlu jwieġeb għal din il-mistoqsija meta jħeġġeġ biex l-irġiel iħobbu lil marthom bħalhom infushom: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru - qed ngħid għal Kristu u għall-Knisja - huwa Kbir! Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha” (vv 31-33). Hawnhekk Pawlu qed jagħti l-oriġini divina taż-żwieġ billi jikkwota direttament mill-ktieb tal-Ġenesi. Iż-żwieġ jagħmel parti mill-pjan ta’ Alla għal bniedem, proverbju li Ġesù stess juża meta jitkellem fuq ir-               rabta taż-żwieġ li ma tinħalx.

Kif ser tissarraf din l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara li minnha jitkellem San Pawl f’dawn it-testi? Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija irridu niftakru f’żewġ siltiet oħra li kiteb San Pawl. L-ewwel, 2 Fil 1-5 - “Aħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù.” L-Appostlu Missierna jipproponilna lil Ġesù Kristu bħala l-mudell ta’ l-imħabba vera. Li jkollna, mela s-sentimenti ta’ Ġesù Kristu jagħmilna nixbhu lilu. Din hi l-ħajja ġdida, il-bidla fi Kristu, li Pawlu kontinwament iħambaq fuqha fl-Ittri. Imbagħad ikompli jgħidilna San Pawlu: “Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadtx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi OBDA sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib”  (vv 6-8).

Ġesù kien Alla u sar XEJN, u f’relazzjonijiet taż-żwieġ faċli li neqilbu dan il-kliem: aħna li aħna XEJN, xi drabi naħsbu li sirna allat! Meta xi ħadd jgħolli rasu fuq il-mara/raġel, hemm inkunu qed nitbegħdu mis-sentimenti ta’ Ġesù li minnu qed jitkellem San Pawl, u meta jiġri hekk, tidħol is-suppervja f’kuntrast ma’ l-umiltà li tagħha Ġesù ħallielna eżempju.

Dan iġibna għat-tieni silta importanti li tinqara ħafna fit-tiġijiet. 1 Kor 13, 1-8 -

“Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta’ l-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli l-imħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid. L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittix dak li hu tagħha; xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tistaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.”

Kliem bħal dan irid jgħina ngħarblu kif qed tiġi mgħejxa r-relazzjoni ta’ mħabba bejn tnejn miżżewġin, imħabba li ħafna drabi titlob sagrifiċċji kbar, kif igħid San Pawl, li l-imħabba “ma tfittix dak li hu tagħha.” Huma biss dawk li qed jgħixu dan il-kliem. Min jemmen fl-imħabba vera, jaf kemm għandu raġun Pawlu!