SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n. 7

“Aħna nxandru ’l Kristu msallab,

Skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1, 22)

minn Fr Martin Micallef OFMCap

Il-mewt ta’ Ġesù Kristu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu mill-imwiet jikkostitwixxu l-istqarrija ewlenija ta’ l-Appostlu San Pawlu f’rabta mat-tradizzjoni nisranija bikrija li huwa wiret. Hekk jistqarr Pawlu fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura, difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15, 3-5).

Il-persekuzzjoni ta’ Pawlu lejn l-insara qabel is-sejħa li huwa rċieva fit-triq ta’ Damasku kienet waħda motivata mill-konvinzjoni tiegħu li Ġesù ma jistax ikun li huwa “il-Messija” imwiegħed li miet imsallab. Fl-Ittra tiegħu lil Galatin, 3, 13 Pawlu jesprimi din il-polemika Lhudija meta jikkwota mill-ktieb tad-Dewteronomju 21,23: “Misħut min ikun imdendel ma’ l-għuda.” Imma issa għal Pawlu l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib saret iċ-ċentru redentiv ta’ l-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem midneb. Hekk jistqarr fl-Ewwel Ittra lil Korintin, waħda mill-isbaħ li ħallielna dan l-appostlu. “Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf; imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, SKANDLU għal-Lhud u BLUHA għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1, 22-24).

F’dan il-konflitt bejn il-Lhud u l-Insara tal-bidu fuq il-Messija msallab, jispikka ħafna Pawlu bil-messaġġ tiegħu li ħallielna fl-Ittri li kiteb. F’1 Kor 2, 1-3 huwa jfakkar lill-insara ta’ din il-komunità: “Meta jien wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kburi jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l DAN IMSALLAB.” Filwaqt li fl-Ittra lill-Galatin, Pawlu jikteb: “Ja Galatin bla moħħ, min saħħarkom bi kliemu? Intom li Ġesù Kristu tpinġa IMSALLAB quddiem għajnejkom!” (Gal 3,1).

Pawlu ħa l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù bħala l-punt tat-tluq għat-tagħlim tiegħu fuq il-mod kif huwa jitkellem fuq is-salvazzjoni. F’kuntrast man-narrattiva ta’ l-Evanġelju li nkiteb wara li Pawlu kien kiteb l-Ittri tiegħu, dan l-Appostlu mhuwiex interessat li joqgħod jidħol fid-dettalji jew fuq ir-raġunijiet storiċi li waslu sabiex Ġesù jiġi mdendel ma’ salib. Minflok l-Appostlu San Pawl jikkonċentra fuq bżonn ‘teoloġiku’, jekk nistgħu nsejħulu hekk. Is-salib ta’ Ġesù kellu jkun mezz li bih jinħafer id-dnub tal-bniedem u l-mod li bih il-bniedem għadda mill-ħakma tad-dnub għal taħt il-qawwa ta’ Alla u ta’ Ibnu Ġesù Kristu. Huwa ghalhekk li fil-bidu ta’ l-Ewwel Ittra lil Korintin huwa jikteb: “Il-predikazzjoni tas-salib hija BLUHA għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-QAWWA TA’ ALLA” (1 Kor 1, 18).

Pawlu jesprimi dan kollu permezz ta’ lingwaġġ partikulari li jirrepetih ta’ spiss fl-Ittri li kiteb u li permezz tiegħu huwa jagħtina t-tifsira SAGRIFIKALI TAS-SALIB. Parti minn dan il-linwaġġ hija l-espressjoni li tippreżentalna lil Ġesù “li ingħata” għas-salvazzjoni tagħna. Hekk, per eżempju, f’Rumani 4, 25 huwa jikteb: “Ġesù Kristu, li kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.” Aktar tard fl-istess Ittra insibu hekk: “Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” (8,32). Fil-bidu ta’ l-Ittra lill-Galatin nerġgħu naqraw: “Grazzja u sliem lilkom mingħand Alla Missierna u mingħand Sidna Ġesù Kristu, li TA LILU NNIFSU għal dnubietna, biex jeħlisna min din id-dinja ħażina” (Gal 1,4,), filwaqt li aktar tard f’din l-istess Ittra nsibu dawn il-kelmiet: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni U TA LILU NNIFSU GĦALIJA” (Gal 2,20).

L-espressjoni “Kristu miet għalina” hija waħda mill-aktar stqarrija frekwenti u importanti fl-Ittri ta’ San Pawl. Filwaqt li s-salib u l-mewt ta’ Kristu huma l-bażi tat-teoloġija Pawlilna, hekk ukoll nistgħu ngħidu li dan l-appostlu donnu ma jgħejja qatt iżid xbiehat ġodda fil-vokabularju interpretattiv tiegħu sabiex ikompli joħroġ it-tifsira ta’ din il-ġrajja. Pawlu jidher kien tassew kapaċi jfassal l-argumenti tiegħu skond il-bżonijiet tal-komunità nisranija li għaliha kien qed jikteb. Pawlu, per eżempju, ifakkar lill-Korintin li “bil-għoli kontu mixtrija” (1 Kor 6,20). Mhemmx dubju li dan il-prezz għoli jalludi għas-salib ta’ Kristu. Is-salib huwa l-prezz għoli li Kristu ħallas biex fdiena u ksibna l-maħfra tad-dnubiet.

Skond il-ħsieb ta’ Pawlu, il-mewt ta’ Ġesù fuq is-sallib u l-qawmien tiegħu jimmarkaw żmien ġdid li għandu jwassal sat-Tieni Miġja ta’ Kristu. Din ifisser bidla fil-mod kif ngħixu f’kuntrast mal-mod kif konna ngħixu. Pawlu għalhekk jorbot is-Salib ta’ Kristu mal-Magħmudija tan-nisrani, ir-rit li bih aħna nistgħu nibdew ngħixu “fi Kristu.” L-aktar test importanti hawnhekk huwa dak li nsibu fl-Ittra lir-Rumani 6, 1-6: “Xi ngħidu mela? Nibqgħu fid-dnub biex toktor il-grazzja? Ma jkun qatt! Aħna li mitna għad-dnub kif nistgħu ngħixu fih? Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida. Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub.”

Għal Pawlu it-teoloġija tas-Salib mhijiex teorija. Hekk qal il-Papa Benedittu XVI fil-Katekeżi li ta’ nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Novembru 2008. “It-teoloġija tas-Salib mhijiex teorija - minflok din hija r-realtà tal-Ħajja Nisranija. Li tgħix it-twemmin f’Ġesù Kristu, li tgħix fil-verità u l-imħabba jimplika sagrifiċċju ta’ kuljum, jimplika tbatija” (Osservatore Romano, weekly edition in English, n. 46, 12th November 2008, p.32). Ejjew ma nkunux aħna dawk li Pawlu bid-dmugħ f’għajnejh isejħilhom “għedewwa tas-salib ta’ Kristu” (Fil 3,18).