SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n. 6

“Trejjqu b’xi ħaġa ta’ l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom”  (Atti 27, 34)

minn Fr Martin Micallef OFMCap

Ir-rakkont tal-vjaġġ ta’ Pawlu lejn Malta li nsibuh irrakkuntat fil-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli (Atti 27, 6-44) huwa wieħed li juri l-kapaċità ta’ San Luqa fl-arti tan-narrattiva. San Luqa jirnexxielu jurina li dan il-vjaġġ iebes ta’ Pawlu, wassal biex minkejja l-qtiegħ il-qalb, dawk kollha li kienu fuq il-ġifen salvaw ilkoll. L-awtur jorbot dan l-aspett ta’ salvazzjoni ma’ l-aspett ta’ l-ikel, tema oħra favurita għal dan l-Evanġelista. Diġà fl-Evanġelju, San Luqa jirrakkonta daqs għaxar ikliet. Fil-bidu ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, imbagħad, meta jiġi biex jagħtina d-deskrizzjoni tal-ħajja ta’ l-ewlenin insara, San Luqa jerġa’ jinkludi dan l-element, meta jikteb hekk:

“U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’ l-appostli u fl-għaqda ta’ bejneithom, u fil-qsim tal-ħobż u fit-talb … U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja ...” (Atti 2: 42-47. Ara wkoll 4: 32-35; 5:12-16).

Hemm imbagħad l-episodju tal-qsim tal-ħobż fi Troas li nsibuh fl-Atti 20, 7-12, meta l-Appostlu Pawlu, flimkien ma’ l-insara tal-post inġabru “fl-ewwel jum tal-ġimgħa” biex jaqsmu l-ħobż, espressjoni li kienet tintuża fil-knisja tal-bidu b’referenza għall-Ewkaristija. Dan l-episodju jħejjina għall-aħħar referenza għall-qsim tal-ħobż fil-kitbiet ta’ San Luqa, u dan il-ġest isir proprju ftit il-bogħod mix-xtut tal-gżejjer tagħna fuq ġifen li kien qed jitfarrak biċċa biċċa waqt maltempata qalila. F’nofs dan l-episodju, San Luqa jikteb: “In-nies kieku ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: ‘Ħbieb, inwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu” (Atti 27, 22).

Dan l-aspett ta’ salvazzjoni jispikka fil-kliem li Pawlu meta jkompli jispjega: “Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli: ‘Tibżax Pawlu, ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġgaw miegħek isalvaw’ ...  Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: ‘Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw” (vv. 23-24. 31).

Din il-wegħda ta’ salvazzjoni tintrabat ma’ bżonn ta’ l-ikel. Hekk ikompli jikteb San Luqa: “Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom: ‘Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk għamlu l-qalb u trejjqu b’xi ħaġa ta’ l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m’hu ser jitlef xagħra waħda minn rasu” (v.34).

                Sabiex isalvaw, mela, dawk li kienu fuq il-ġifen kellhom jieklu. Tajjeb li nżommu f’moħħna wkoll li fl-istorja tas-sejħa ta’ Pawlu fit-triq ta’ Damasku, San Luqa diġà ippreżenta din ir-rabta bejn l-ikel u s-saħħa, meta jgħidilha: “F’daqqa waħda waqa’ bħal qxur minn għajnejh [Pawlu] u raġa’ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed, KIEL xi ħaġa, u ħa r-ruħ” (Atti 9, 18). Bħal Pawlu wara l-magħmudija tiegħu (9, 19), dawk li kienu fuq il-ġifen, kienu qed jiġu mistiedna minn Pawlu biex jieklu xi ħaġa biex jerġgħu jirċievu s-saħħa. Il-mistoqsija li faċilment nagħmlu hawn hija: kif seta’ ikel ordinarju jġib is-salvazzjoni? L-istorja għalhekk tistedinna sabiex naħsbu fuq tip ta’ ikel ieħor.

Pawlu jgħinna naraw x’inhu dan l-ikel meta fl-eżortazzjoni tiegħu lil dawk li kienu miegħu fuq il-ġifen japplika proverbu antik: “Għalhekk agħmlu l-qalb u trejqu b’xi ħaġa ta’ l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu” (27, 34).  Ġesù jagħmel referenza għal dan il-kliem f’żewġ okkażjonijiet differenti. L-ewwel, fil-vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm meta jħeġgeġ lid-dixxipli biex jagħmlu kuraġġ fi żmien ta’ persekuzzjoni (ara Lq 12, 7). Alla l-Imbierek, li jieħu ħsieb l-agħsafar ta’ l-għajru, żgur li kien ser jieħu ħsieb tad-dixxipli. It-tieni, meta Ġesù kien qed igħallem fit-Tempju, hu jgħid lid-dixxipli li kellhom jistennew persekuzzjoni (ara Lq 21, 17-19).

Meta Pawlu kellem lil dawk fuq il-ġifen, huwa uża dan l-istess lingwaġġ li permezz tiegħu San Luqa donnu qed jissuġġerixxi li l-maltempata hija simbolu tal-persekuzzjoni tad-dixxiplu. Minkejja t-tempesta, iżda, l-ebda xahra minn rashom ma kienet ser tintilef. Kif? Billi l-ewwel jipparteċipaw fil-qsim tal-ħobż, il-ġest li jagħmel Pawlu fuq il-ġifen. “Kif qal dan, Pawlu qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Imbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel huma wkoll. Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen” (vv. 35-37).

Diġà rajna kif fil-vokabularju ta’ San Luqa l-espressjoni “il-qsim tal-ħobż” kienet tintuża b’referenza għall-Ewkaristija. B’mod drammatiku Pawlu qed jurina li l-ħobż li l-Insara jaqsmu hu ħobż tas-salvazzjoni. Għalhekk naqraw kif Pawlu: “radd-il ħajr [bil-Grieg: eucharistesen] lil Alla quddiem kulħadd” (v.35). Ninnutaw ukoll ir-referenza għan-numru. Fl-episodju ta’ meta Ġesù qasam il-ħobż quddiem il-folla, naqraw in-numru ta’ dawk li kielu bli kien madwar 5,000 raġel (Lq 9, 14). Hawn ukoll fuq il-ġifen waqt il-qsim tal-ħobż, San Luqa jerġa’ jagħtina n-numru ta’ dawk preżenti: 276 ruħ.

                San Luqa mbagħad jgħaddi biex jagħtina l-aħħar fażi ta’ dan ir-rakkont. Meta l-ġifen kien kważi tkisser għall-kollox, naqraw: “Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, minn fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ” (vv. 42-44). B’hekk seħħet tassew il-wegħda ta’ salvazzjoni.

Meta nqisu dan kollu naraw kif il-qsim tal-ħobż huwa ċ-ċentru ta’ dan l-episodju li fih numru kbir ta’ nies kienu mhedda minn maltempata. Din hija l-ħajja tagħna: vjaġg mimli maltemp li fih l-Ewkaristija hija ta’ għajnuna kbira. Min jersaq lejn l-Ewkaritija b’fidi, għalih ukoll hemm xtajta tistennih, li aħna nsejħulha il-Ġenna, il-post fejn igħammar Alla u l-maħbubin tiegħu.