SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n.1 

“Int hawn, inti li qiegħed taqleb lil Iżrael ta’ taħt fuq”

 minn Patri Martin Micallef OFMCap

Pawlu kien u aktarx jibqa’ l-aktar persuna kontroversjali fl-istorja tal-Kristjaneżmu. L-opinjonijiet dwar Pawlu minn dejjem kienu f’konflitt ma’ xulxin. Qabel is-sejħa tiegħu li seħħet allarieda fit-triq ta’ Damasku, Pawlu kien bniedem li qajjem moviment qawwi kontra dawk li riedu jimxu wara Ġesù ta’ Nazaret. Hekk jitfaċċa Pawlu fix-xena biblika bħala Lhudi “żelota” (Atti 22,3). Huwa jiġi ppreżentat bħala wieħed li kien iqis iż-żelu tiegħu mill-mod kif kien qed jipprova “jeqred” b’mod vjolenti (Gal 1,13; Fil 3,6) “is-setta tan-Nazzarenu” li kienet għadha kemm twieldet fi ħdan il-Ġudaiżmu ta’ l-ewwel seklu.

Fl-istess ħin, Pawlu baqa’ suġġett ta’ kontroversji saħansitra wara din sejħa tiegħu fi triq ta’ Damasku li waslitu sabiex jingħaqad ma’ dawk li qabel kien qed jippersegwita (Atti 9; Gal 1,13-16). Wara li ltaqa’ ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku, Pawlu ngħata kollu kemm hu sabiex jirbaħ il-Pagani u jdawwarhom lejn l-Evanġelju ta’ Kristu (Rum 11,13; 15,18-20). Pawlu wera l-istess impenn passjonali, jew aħjar l-istess “żelu” li kellu qabel.

Dan l-impenn kbir tiegħu lejn l-Evanġelju wassal sabiex bosta jeħduha kontrih, u dan kemm min-naħa tal-Lhud sħabu li kienu emmnu f’Ġesù Kristu imma li ma kienux jaħsbuha bħalu, kif ukoll minn dawk il-Lhud l-oħra li baqgħu ma emmnux f’Ġesù bħala il-Messija ta’ Iżrael (ara Atti 21,20-21; Rum 3,8; 15,31; 2 Kor 11,22.24). L-akkuża miġjuba kontra l-profeta Elija mis-Sultan ta’ Iżrael, Aħab, “Int hawn, inti li qiegħed taqleb lil Iżrael ta’ taħt fuq” (1 Slat 18,17), nistgħu għalhekk napplikawha wkoll għall-appostlu Pawlu.

            Pawlu jibqa’ figura kontroversjali għall-ġenerazzjonijiet li ġew warajh. Biżżejjed ngħidu li fit-Tieni Seklu W.K., kien hemm ukoll bosta movimenti Eretiċi li ħarġu mill-Kristjaneżmu, bħalma huma, Marċjone, il-Valentinjani u l-Gnostiċiżmu, li ħadu l-ispirazzjoni ewlenija tal-ħsieb tagħhom mill-kitbiet ta’ San Pawl. Minħabba f’hekk Tertuljanu wasal biex sejjaħ lil Pawlu saħansitra bħala “l-appostlu ta’ l-eretiċi” (adv. Marc. 3.5).

            Fl-istess ħin, l-influwenza pożittiva ta’ l-Appostlu tal-Ġnus fuq il-Kristjaneżmu li ġie wara hija waħda li ma tistax tkejjilha. Mhux ta’ b’xejn li daqs seklu ilu San Pawl ġie mfaħħar bħala “it-tieni fundatur tal-Kristjaneżmu” (W. Wrede, Paul, London 1907, 180).  Il-ħsieb ta’ Pawlu baqa’ jisfida ġenerazzjonijiet waħda wara oħra bħalma għamel lil dik ta’ żmienu sabiex dawn japprezzaw dak li Pawlu stess sejjaħ bħala “il-verità ta’ l-Evanġelju.” B’hekk illum ukoll huwa jibqa’ jipprovoka l-esponenti ewlenin tal-Kristjaneżmu sabiex jerġgħu jagħrblu mill-ġdid xi tfisser tkun “nisrani” u “knisja.”

            F’din is-serje ta’ artikli li ser nippubblikaw bħala kontribut għas-Sena Pawlina li l-Papa Benedittu XVI fetaħ fit-29 ta’ Ġunju 2008 u li tagħlaq fl-istess jum tas-sena ta’ wara, ser inħarsu lejn min kien Pawlu u x’għallem dan l-appostlu kbir. Ser naraw jekk nistgħux nibqgħu ngħidu li l-14-il Ittra li tradizzjonalament huma attribwiti lill-Pawlu humiex tassew kollha tiegħu? X’kien ir-rwol ta’ Pawlu fl-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu? Kif wassal lill-Kristu u l-Evanġelju? Fejn mar u min laqgħu? Xi prezz kellu jħallas sabiex jevanġelizza tant persuni li kienu għadhom ma semgħux b’Ġesù? Kif ħares lejn ħutu l-Lhud l-oħra u jekk Pawlu fehemx li huwa kien għadu Lhudi jew inkella li kien daħal f’reliġjon oħra? X’inhuma l-punti ewlenin li Pawlu jittratta fl-Ittri tiegħu u kif dawn ġew interpretati matul iż-żminijiet? L-għan tagħna huwa li nsiru nafu aktar lil dan il-personaġġ bibliku u l-messaġg tiegħu u filwaqt li nagħmlu dan nsaħħu t-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu li għalih Pawlu jgħid: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih” (Fil 3,8-9).