Filmati ta' Lectio Divina

X'inhija l-Lectio Divina u kif issir?

IL-KOTBA MQADDSA

L-Iskrittura Mqaddsa hija l-Kelma ta’ Alla miktuba mill-bniedem bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu. (Vatikan II, Dei Verbum 9)

 

B’din id-dikjarazzjoni tagħhom, l-Isqfijiet tal-Knisja miġbura fil-Konċilju Vatikan II qed jgħidulna li l-Bibbja hija l-Kelma, li l-Alla l-Missier lissen permezz ta’ l-Ispirtu Qaddis (in-Nifs) tiegħu u li l-istess Spirtu nebbah u igwida lill-bniedem biex jiktibha b’lingwa li nistgħu nifhmu aħna l-bnedmin.

Minn dan jidher li l-Kotba Mqaddsa huma qabel xejn opra tat-Trinita Qaddisa:

a.   Imlissna mill-Missier,

b.   il-Kelma nfisha hija l-Iben ta’ Alla li kif naqraw fil-prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann saret bniedem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu,

c.   bin-nifs ta’ Alla, li huwa l-Ispirtu s-Santu, li matul żminijiet differenti nebbaħ bnedmin biex jiktbuha.

 

IL-LECTIO DIVINA

a.   Il-Lectio Divina jew Qari Divin huwa stedina minn Alla biex il-bniedem permezz tal-Kotba Mqaddsa, jagħmel esperjenza personali Tiegħu, jidħol f’relazzjoni diretta Miegħu u jsir jafu iktar mill-qrib.

b.   Għalhekk il-Lectio Divina mhux studju tal-Bibbja (Bible Study). Ma nagħmlux il-Lectio Divina biex insiru nafu aħjar il-Kotba Mqaddsa.

c.   Il-Lectio Divina mhux Qari Spiritwali għaliex dan jista’ jsir anke permezz ta’ bosta kotba oħra fosthom anke kitbiet ta’ diversi qaddisin waqt li l-Lectio Divina ssir biss permezz tal-Kotba Mqaddsa.

d.   Il-Lectio Divina mhix Laqgħa ta’ Talb (Prayer Group) għaliex dan jista’ jsir b’diversi modi u meżżi oħra.

 

L-EVANĠELJU

L-ewwel esperjenza tagħna ta’ Lectio Divina bħala grupp se nagħmluha permezz tal-Evanġelju.  Iktar ‘il quddiem nistgħu nieħdu kotba oħra mill-Iskrittura Mqaddsa. Imma tajjeb li aħna wkoll bħall-ewwel dixxipli nibdew din il-mixja tagħna billi nagħmlu l-esperjenza ta’ l-Imgħallem Ġesù.

Il-kelma Evanġelju tfisser l-Aħbar it-Tajba.  Fil-predikazzjoni ta’ Ġesù nnifsu, din l-Aħbar it-Tajba kienet, “Is-Saltna ta’ Alla waslet”,  anzi, “Is-Saltna ta’ Alla qegħda fostkom.”  Fil-predikazzjoni ta’ Ġesù, is-Saltna ta’ Alla (jew f’San Mattew – Is-saltna tas-Smewwiet) kellha post prominenti ħafna.

Imma wara li Ġesù mar lura għand il-Missier, l-Aħbar it-Tajba li ppridkaw l-Appostli ma kienetx aktar iċċentrata fuq is-Saltna ta’ Alla.  Għall-Appostli, l-Aħbar it-Tajba kienet waħda Kristoloġika (dwar Kristu).  Insibuha fl-ewwel diskors ta’ Pietru, “Lil dan Ġesù li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.” (Atti 2:36)

 

L-EVANĠELJU KELMA MLISSNA MHUX MIKTUBA

Aħna l-Evanġelju aktarx nafuh bħala test miktub, imma għall-ewwel insara din l-Aħbar it-Tajba kienet kelma ħajja, ippriedkata minn dawk stess li kienu jafu lil Ġesù, li iltaqgħu miegħu personalment, kellmuh u semgħuh jippriedka, u fuq kollox rawh u kellmuh wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet. F’xi każi, wara l-Qawmienu tiegħu, saħansitra kielu miegħu. 

Kien għalhekk importanti li meta l-Ħdax ġew biex jaħtru lil xi ħadd biex jieħu post Ġuda, fi kliem Pietru nnifsu, il-kwalitajiet li fittxew kienu dawn:

“Jeħtieġ li jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù kien dieħel u ħiereġ magħna, ibda mill-magħmudija ta’ Ġwanni sa dakinhar li kien meħud minn magħna, ħalli jkun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.” (Atti 1:21-22)

 

L-EVANĠELJU ESPERJENZA ĦAJJA

Anzi għall-komunita tal-bidu nett, it-Tnax, it-Tnejn u Sebgħin, il-grupp tan-Nisa, għal dawn kollha, l-Evanġelju kien esperjenza ta’ ħajja li huma għamlu ma’ l-Imgħallem tagħhom.

Ma kienetx storja li qraw dwarha, imma esperjenza li kienu jgħixu kuljum.

Ma kienetx ġrajja li qraw dwarha fil-kotba tal-istorja jew f’xi ktieb tar-reliġjon tagħhom, kif kienu jaqraw dwar il-ġrajjiet ta’ missirijiethom, jew kif naqrawha aħna llum, imma Persuna ħajja li għix magħhom u kien kuljum “dieħel u ħiereġ magħhom”. (Atti 1:21)

Għalhekk, għalkemm għall-ewwel insara, il-kliem li qal Ġesù jew dak li għamel, kien importanti ħafna, madankollu, l-iktar importanti għalihom kienet l-esperjenza li kellhom tal-laqgħa tagħhom Miegħu. 

Kien importanti li l-ewwel isiru jafu lilu biex wara japprezzaw kliemu, li wara kollox ma kienx tiegħu imma tal-Missier li bagħtu. (Ġwanni 14:10)

Anke dawk li lil Ġesù qatt ma rawh għaliex saru dixxipli wara t-tlugħ tiegħu fis-sema; kien importanti għalihom li jagħmlu din l-esperjenza personali tiegħu.  Inkella kliemu kien jibqa’ biss kliem sabiħ, imma xejn iżjed.  U bil-kliem sabiħ biss ħadd ma jinbidel.  Irid ikun biss l-Ispirtu li Ġesù jagħti lil kull min jiltaqa’ miegħu, li jibdlilna ħajjitna u jagħtina twelid ġdid.  (ara kliem Ġesú lil Nikodemu, Ġwanni 3:4-6).

 

Fost dawn ta’ l-aħħar, ċioe’ li qatt ma raw lil Ġesú personalment matul il-ħajja tiegħu fuq l-art, kien hemm l-Appostlu Pawlu.   Huwa, lil Ġesú qatt ma rah wiċċ imb’wiċċ, lanqas fit-triq ta’ Damasku.  “Idda madwaru dawl mis-sema u sama’ leħen” (Att 9:4), imma lil Ġesú ma rahx.  L-istess jgħid Pawlu nnifsu fir-rakkont tal-konverżjoni tiegħu lis-Sultan Agrippa, “Rajt dawl qawwi, aqwa mid-dawl tax-xemx ... u smajt leħen ...”  (Atti 26:13-14)

Imma minkejja li Pawlu qatt ma ra lil Ġesú, madankollu l-esperjenza tal-laqgħa tiegħu mal-Mulej, bidlitlu ħajtu.

Għalhekk, għalina li qed ngħixu llum, kliem Ġesù lill-Appostlu Tumas, huwa importanti u ta’ kuraġġ, “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.” (Ġwanni 20:29)  Fost dawk kollha li ma rawx u emmnu, hemm jiena u int.

 

EVANĠELJU MHUX RAKKONT

Għan-nisrani, l-Evanġelju mhux rakkont ta’ x’għamel u x’qal l-Ġesú ta’ Nażarett, imma esperjenza ħajja tal-laqgħa li d-dixxiplu jagħmel mal-Imgħallem tiegħu.

Illum u fil-laqgħat li se jkollna flimkien, aħna rridu nagħmlu l-istess esperjenza li għamlu huma.  Bħal Pawlu, aħna lil Ġesú qatt ma rajnih wiċc imb’wiċc, u għalhekk bil-kelma li se jsemmalna (l-istess kelma li semma lil Pawlu) u bil-qawwa tad-dawl qawwi ta’ l-Ispirtu Tiegħu, (l-istess dawl li idda fuq Pawlu), naslu biex nagħmlu din esperjenza ħajja.

Huwa importanti għalhekk li fil-Lectio Divina, il-kelma tinqara b’vuċi li aħna stess nisemgħuha.  Dan huwa rakkomandabbli anke jekk il-Lectio nagħmluha waħedna.  Meta nkunu fil-grupp, min qed ilissen il-kliem tat-test lill-oħrajn irid jiftakar li huwa/hija mhux qed jaqra l-kelma imma jipproklamha.  Mill-banda l-oħra, min qed jisma’, jrid immur ‘il hinn mill-vuċi tal-persuna li qed taqra. 

 

NITBATTLU MINNA NFUSNA

Il-proċess kollu tal-Lectio Divina jitlob minna li nitbattlu minna nfusna.  Kemm jista’ jkun jeħtieg li nwarrbu kull ħsieb minn moħħna, anke dawk l-aktar qaddisa u spiritwali.

Irridu nersqu għal dan il-Qari Divin, bla ebda pjanijiet imfassla għalina nfusna. Bla ebda ambizzjoni ta’ kemm se nimxu ‘l quddiem fil-ħajja tar-ruħ.  Irridu nersqu bla ebda pretensjoni u bla ma nistennew xejn, la emozzjonijiet, la fervur u lanqas tqanqil spiritwali.  Jekk le, jista’ jiġri li meta ma nħossu xejn ġewwa fina, allura naqtgħu qalbna u ma nkomplux.

Niftakru kontinwament li dak li se jsir fina mhux se jitwettaq jew jitkejjel bl-emozzjonijiet li nħossu jew ma nħossux.  Il-bidla fina se jseħħ permezz tal-fidi li għandna fil-ħidma tiegħu magħna, anke jekk din il-fidi hija żgħira, imqar daqs żerriegħa tal-mustarda (Luqa 17:5).  Niftakru li biex il-bidla sseħħ fina, jrid ikollna tama qawwija li minkejja n-nuqqasijiet tagħna, Huwa kapaċi jibdilna. U fuq kollox niftakru li l-bidla se sseħħ għaliex nafu li Huwa ħabbna l-ewwel, anke qabel ħabbejnih aħna. (1Ġwanni 4:20)    

L-importanti hu li ngħidulu “Iva”, li nintelqu f’idejh u ma nirreżistuhx.

 

MA NAGĦMLU EBDA SFORZ

Fuq kollox huwa importanti li ma nagħmlu ebda sforz fuq nfusna biex nippruvaw nakkwistaw xi riżultat jew biex isseħħ fina xi bidla. 

Il-bidla tiġi, u tiġi żgur, imma tiġi minnu, tiġi biss meta jrid Hu u kif irid Hu.  Tiġi meta l-inqas li nistennewha.  Forsi lanqas biss nintebħu li l-Kelma qed tibdilna.  Spiss ikunu dawk ta’ madwarna li jibdew jindunaw li fina qiegħed iseħħ xi ħaġa, li qed tibdilna.

Imma l-bidla ma nippruvawx inġibu aħna. Kultant inkunu bla sabar u ma nkunux irridu nistennewH.  Imma jekk il-bidla fija inġibha jien flok ma jġibha Hu, allura ċert li wara ftit taż-żmien tfalli.  Ma l-ewwel ostaklu naqtgħu qalbna u nitilqu kollox.

Niftakru kontinwament – EBDA SFORZ FUQNA NFUSNA.  Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn.  Anzi aktarx jiġri l-maqlub.  Iktar ma nipprova nġib il-bidla fija, iktar inkun qiegħed nipprova nasserixxi lili nnifsi u allura nħalli inqas lilu jaħdem fija.  Jekk nikber jien, jiċkien Hu.  Forsi mhux għalhekk Ġwanni l-Għammiedi stqarr il-maqlub? “Jeħtieg jikber Hu u niċkien jien.”  (Ġwanni 3:30)  U dan mhux hemm barra fil-folla tan-nies, imma fija stess.

 

NAFDAWLU KOLLOX

Ejjew nintelqu f’idejH.  Aħna bnedmin. Diffiċli nwarrbu minn moħħna l-ħsibijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħna. Kif nista’ jiena, malli nidħol għal-Lectio Divina nitfi s-swiċċ u ninsa kollox? Preokkupazzjoni tal-ħajja, ix-xogħol, id-dar, il-familja.  Kif nista’?

Allura, minflok ma nħalli kollox warajja, fil-bidu tal-Lectio Divina, noffri kollox lill-Mulej. Npoġġilu kollox f’ħoġru;  il-ferħ u n-niket,  il-ġid u l-faqar, is-saħħa u l-mard, il-ħbieb u l-għedewwa, kollox.  “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien nserraħkom.” (Mattew 11:29)

Niftakru x’kienet tagħmel il-folla meta tkun miegħu.  Tinsa kollox, saħansitra l-ikel.  Niftakru l-miraklu tat-tkatttir tal-ħobż? “X’ħin sar filgħaxija, id-dixxipli qalulu, ‘Hawn post imwarrab u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” (Mattew 14:15)

Dan ifisser li biex marru wara Ġesù, lanqas biss ħadu ikel magħhom.  Fuq kollox, baqgħu hemm, bla ma iddeċidew minn rajhom li jmorru jfittxu l-ikel.

Kapaċi aħna, meta nidħlu għal-Lectio Divina nagħmlu l-istess?   Ngħid għalija, jiena ċert li le. Imma jiena ċert ukoll,  li jekk nagħtiH kollox, Huwa kapaċi jbattalni.

 

TLIET PASSI KIF TASLILNA L-KELMA

Nafu li lilna, l-Evanġelju jasal għandna fi tliet passi.

a.      L-ewwel pass wettqu Ġesù nnifsu meta sar bniedem, meta għix mal-bnedmin u lissen il-Kelma li huwa stess kien irċieva minn għand il-Missier.  Għax Hu ħareġ minn għand il-Missier.

b.     It-tieni pass wettquh l-Appostli meta wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema huma xandru dak li rċevew minn għand l-Imgħallem tagħhom u taw xhieda tal-ħajja, tal-mewt u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.

c.      It-tielet pass għamluh l-Evanġelisti, li ispirati mill-Ispirtu s-Santu, kitbu dak li kienu irċevew.  U dan biex kif kiteb l-Evanġelista Ġwanni nnifsu, “Dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù huwa l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (Ġwanni 20:31)

 

ATTITUDNI MEĦTIEĠA

Biex nersqu għal-Lectio Divina u nieħdu frott minnha, jeħtieġ li nersqu b’attitudni tajba.

a.      UMILTA’ – Din tgħini nintebah li jiena fadalli ħafna x’nitgħallem.  Irrid inkun lest naċċetta kemm fadalli x’nakwista mill-fidi tal-oħrajn u tal-Knisja.  Għalhekk id-domanda li għamel Ġesú lid-dixxipli, “Min jgħidu l-oħrajn li jien?”, ma kienetx domanda żejda. Il-fidi tal-Knisja f’Ġesú trid tgħini nikber fil-fidi tiegħi fiH.  L-ewwel nipprova nara min huwa Ġesú għall-oħrajn.  Għall-Knisja.  Wara, ftit, ftit, nibda nara min huwa Ġesú għalija.

b.     FIDUĊJA – Irid ikolli fiduċja sħiħa li Alla se jkompli juża il-Lectio Divina u l-Evanġelju, bħala l-art li fiha se jlaqqani ma Ibnu, Ġesú Kristu. l-istess kif elfejn sena ilu, il-Palestina kienet l-art fejn Huwa laqqgħu mad-dixxipli.  U dan minkejja d-dnub tiegħi. “Lili?” “Iva, lilek!”

c.      TALBA – Jrid ikollna l-attitudni li l-Lectio Divina hija talba.  Mhux mezz ta’ talb, imma talba fiha nfisha. Kif għidt iktar ‘il fuq, dan mhux Prayer Group, imma il-Lectio hija talba.  Jekk it-talb huwa l-għaqda tagħna mal-Missier, allura l-aqwa mod kif nistggħu nagħmlu dan huwa permezz tal-Iben.  “Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.” (Ġwanni 14:6)

 

INVOLVIMENT

Kull min b’xi mod jkollu x’jaqsam ma’ Ġesú ma jista’ qatt ma jħossux involut miegħu. U jekk aħna involuti ma’ Ġesú fil-ħajja tiegħu, kif nistgħu ma nħossuniex involuti wkoll fil-missjoni tiegħu, dik li huwa ħalla f’idejn il-Knisja? 

Dan ifisser li kull ħidma tagħna fil-familja, fil-Knisja, fost il-ħbieb, u kull xogħol pastorali li nwettqu jrid ikun bħala riżultat ta’ l-intimità li għandna mal-Imgħallem tagħna.  Għax aħna involuti Miegħu. U dak li Hu Tiegħu huwa tagħna. U dak li hu tagħna huwa Tiegħu.

 

TQASSIM TAL-LECTIO DIVINA

Il-proċess kollu tal-Lectio Divina nistgħu naqsmuh f’erba passi:

LECTIO - QARI

MEDITATIO – MEDITAZZJONI

ORATIO – TALB

CONTEMPLATIO – KONTEMPLAZZJONI

 

LECTIO – QARI

Imsejjaħ Lectio – Qari, imma fih irrid NISMA.  Anke jekk il-qari qed nagħmlu jien. Fil-veritá mhux qed naqra.  Lanqas min qed imexxi l-grupp.  Dak jew dik huma biss għodda.

Fil-QARI (LECTIO) – il-parti tiegħi hija li nisma’ l-istess kif kienu jagħmlu d-dixxipli.  Jinxteħtu f’riġlejh u joqgħodu jixtarru kliemu.

“Marija (oħr Marta u Lażżru) niżlet bilqiegħa f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.” (Luqa 10:39)  F’dawn il-laqgħat tagħna, kapaċi nagħmel bħalha?   Ninsa l-Qari, jagħmlu min jagħmlu u nkun lest Nisma.  Ngħidulu Qari Divin imma iktar huwa Smiegħ Divin.

Għalhekk il-qari jrid isir bilmod, f’ambjent kwiet u ta’ ġabra, u b’ħafna qima u rispett lejn il-Kelma mlissna u l-Ispirtu li qed iwassalha.

Alla jitkellem mal-bniedem fis-silenzju.  U dan ma jfissirx biss kwiet u ħemda minn ħsejjes li nisemġhu b’widnejna, imma jfisser b’mod speċjali silenzju interjuri li jinkiser saħansitra permezz tal-ħsieb.

Wara l-ewwel qari, ssir pawsa ta’ ftit minuti fil-ħemda.  Imbagħad jista’ jerġa jsir il-qari tat-test kollu mill-ġdid.  F’dan it-tieni qari,  forsi ta’ min jagħmel ukoll pawsiet qosra matul it-test nnifsu.

Fil-qari trid issir attenzjoni specjali għal xi kelma, frażi jew sentenza li biha Alla jkun qiegħed jipprova jitkellem magħna.

 

MEDITATIO – MEDITAZZJONI

Malli niltaqgħu ma’ din il-kelma, jew frażi jew sentenza li tmissna f’qalbna, nieqfu u nirriflettu fuqha.  Fl-Evanġelju skond San Luqa naqraw li ....

Marija (Omm Ġesù), min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Luqa 2:19)

U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.”  (Luqa 2:51)

Naqraw ukoll fil-ktieb tar-Rivelazzjonijiet ...

“U mort ħdejn l-anġlu u għedtlu jagħtini l-ktejjeb. U qalli: ‘Ħu, u ibilgħu, u jsirlek imrar ġo fik, imma ġo ħalqek jiġik ħelu għasel.’  Jien ħadt il-ktejjeb minn id l-anġlu u blajtu, u ġo ħalqi ħassejtu ħelu għasel; iżda meta kiltu, mlieni bl-imrar ġo fija.” (Apok 10:9-10)

Spiss dan jista’ jkun l-effett tal-Kelma fina.  Għal bidu tiġina ħelwa, imma meta  tibda tibdilna, aktarx inħossuha ċċanfarna u allura forsi tħalli fina l-imrar għax nirreżistuha.

Jekk il-Lectio Divina tkun qed issir fi grupp, nistgħu anke naqsmu il-meditazzjoni tagħna ma’ l-oħrajn. Dejjem fi spirtu ta’ talb, ta’ karità u ta’ umiltà.

 

ORATIO - TALB

It-tielet pass huwa it-talb. Dan irid ikun mifhum bħala djalogu ma’ Alla u mhux reċtar ta’ formoli.  U jekk it-talb huwa djalogu, allura jeħtieġ mhux biss li nitkellem jien imma wkoll li nħalli Lilu jkellimni.  Huwa l-mument fejn nistgħu nġeddu l-konsagrazzjoni tagħna  nfusna lil Alla.

Irid ikun talb li ġie mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu bil-qawwa tal-Kelma li tkun tħabbret.

U meta nkunu fi grupp, trid tkun talba li biha nitkellem ma’ Alla u mhux biex inwassal messaġġ lill-oħrajn.

 

CONTEMPLATIO – KONTEMPLAZZJONI

L-aħhar pass huwa l-mument fejn irrid nitbattal minni nnifsi u ma nagħmel xejn ħlief nintelaq f’idejH. Kontemplazzjoni.

Ma rrid nagħmel xejn.  Ma rrid ngħid xejn.  Ma rrid naħseb f’xejn.

Bħal tfajjel żgħir li jintelaq f’ħoġor missieru.  Bla ħsieb.  Bla inkwiet ta’ xejn. Kollu fiduċja. Propju għaliex iħossu fiż-żgur.

Nistqarr li għalija din hija l-iktar parti diffiċli.  U dan għaliex il-fatt li ma jkollix kontroll sħiħ tas-sitwazzjoni ta’ madwari, insibu ta’ theddida. Irrid inkun jien li kontinwament għandi r-riedni f’idejja.

Spiss jigri li nsib moħħi jtir bija.  Imma meta nintebah li b’dan, kull ma għandi nagħmel huwa li ntajjar il-ħsieb minn moħħi u nerġa nintelaq f’idejH.  Anke jekk il-ħsibijiet tiegħi huma qaddisa u spiritwali.  Irrid inbattal moħħi minnhom ukoll. Inkella nkun għadni jien li qed immexxi.  U l-Kontemplazzjoni huwa l-ħin li jrid imexxini Hu.

Aktarx li l-mumenti ta’ Kontemplazzjoni vera, ikunu qosra ħafna, forsi ftit sekondi kull darba.  Imma dan m’għandux jaqtali qalbi.  Anzi għandu jagħmilli kuraġġ għaliex kull darba li mmur lura mid-distrazzjoni lejn il-Kontemplazzjoni, nkun qiegħed nagħmel deċiżjoni għal Alla.  U dan huwa tajjeb.

Suġġeriment prattiku huwa li naqbad kelma jew frazi u nirrepetiha, bilmod ħafna.  Per eżempju, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.”  Inkella sempliċiment l-isem, “Ġesú.”  Ngħidha bilmod. Ripetutament. B’pawsa bejn darba u oħra.  Bla ma noqgħod naħseb lanqas fuq il-kelma jew frażi li qed ngħid.  L-iskop tal-kelma/frażi qaddisa huwa biss li tgħini nitbattal minn ħsibijieti kollha.

Ħafna persuni midħla tal-ħajja kontemplattiva jissuġerixxu l-kelma, “Maranta”, kelma mill-Aramajk, il-lingwa li biha tkellem Ġesù. Tfisser, “Ejja, Mulej!”. Madanokollu, fil-ħin tal-kontemplazzjoni, it-tifsira tal-kelma li nuża mhix importanti.  Il-kelma trid isservi biss biex tbattalni minni nnifsi.

Jekk nuza din il-kelma, ngħidha bil-mod.  Ngħidha sħiħa. U jkun tajjeb jekk inlissinha sillaba, sillaba, “MA – RA – NA – TA”.  Pawsa qasira ta’ ftit sekondi u nirrepetiha bl-istess mod darba wara l-oħra.  Nibqa’ sejjer hekk u malli nintebaħ li moħħi ġera bija, immur lura mill-ġdid lejn l-istess kelma, bla ma noqgħod noħodha kontra tiegħi nnifsi nirrabja minħabba l-inkapaċitajiet tiegħi.  Iktar ma nintebah bl-inkapaċità tiegħi, iktar insir koxju ta’ kemm għandi bżonn il-Mulej, u allura li dak li se jseħħ fija qed jagħmlu Hu u mhux jien.

Importanti ukoll li darba għażilt kelma, ma noqgħodx nibdilha.  Nżomm l-istess kelma kull darba li nagħmel il-Kontemplazzjoni ħalli din issir parti mis-sistema tiegħi u għalhekk tgħini aktar u aħjar.   Jekk inkun qiegħed nikkontempa fil-privat, allura tajjeb li l-kelma ngħidha b’mod li jiena nisma’ lili nnifsi nlissinha.  Fi grupp dan mhux possibli għaliex intelfu lil xuxlin.

 

FIL-PRIVAT

Minn dan li għidna hawn fuq jidher li il-Lectio Divina hija prattika li l-aħjar issir fil-privat biex min qed jagħmilha, jimxi bil-pass tiegħu, f’ambjent u f’ħin li jsibhom iktar addattati għalih/għaliha.

Iżda l-grupp huwa maħsub li jħajjarna u jħejjijna biex il-Lectio Divina ssir f’ħajjitna, prattika ta’ kuljum. Ħtiega li ma nkunux nistgħu ngħaddu ġurnata bla ma nagħmluha.

Meta naslu għal dan, allura għalina, l-grupp tal-Lectio Divina ma jkollux iktar skop.  Imma sa dakinhar, jalla jkun dan il-grupp li permezz tiegħu, Alla jdewwaqna ftit minn dik l-esperjenza li tant u tant insara laqqathom ma’ l-Imgħallem tagħhom. Anke jekk huma, bħall-Appostlu Pawlu qatt ma jkunu rawh b’għajnejnhom.

 

Ara wkoll: Lectio Divina vidjo ...

u Lectio Divina awdjo ...