IL-ĠIMGĦA

TAR-IV ĠIMGĦA TAR-RANDAN

 

Salmodija tal-Ġimgħa tar-IV gimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej kien imġarrab u bata għalina: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

INNU

 

Issa huwa ż-żmien it-tajjeb,

li l-Mulej qiegħed jagħtina,

sabiex fih is-saħħa dgħajfa

ta’ kull ruħ mill-ġdid titqawwa.

 

Dan hu l-jum tas-salvazzjoni,

mimli sebħ bid-dawl ta’ Kristu;

fih innaddfu l-qalb mill-ħtija

bit-tagħkis, bit-talb u ndiema.

 

Żommna sħaħ, Mulej, sa l-aħħar

bit-taħriġ qaddis li bdejna,

biex fil-ġisem u fl-ispirtu

nitħejjew għall-Għid ta’ Sidna.

 

Lilek, Trinità ħanina,

b’wiċċna fl-art ilkoll inqimu;

ġedded fina ‘l qalbna niedma,

biex ngħannulek għanja ġdida. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qalulna missirijietna bil-qawwa tal-Mulej u l-għeġubijiet li għamel (Żmien il-Għid hallelujah).

 

Salm 77 (78):1-39

 

I

 

Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi, *

iftħu widnejkom għal kliem fommi.

Niftaħ fommi biex inxandar kliem l-għerf; *

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem.

Dak li smajna u tgħallimna, *

dak li qalulna missirijietna,

aħna ma naħbuhx lil uliedhom, *

iżda nxandruh lin-nisel ta' wrajhom:

tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu, *

u l-għeġubijiet li għamel.

 

Waqqaf drawwa b'tifkira għall-poplu ta' Ġakobb, *

għamel liġijiet għal Iżrael;

u ordna lil missirijietna †

biex jgħallmuhom lil uliedhom, *

ħalli jkun jafhom in-nisel ta' wrajhom;

u l-ulied li jitwieldu minnhom †

jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom, *

biex f'Alla jqiegħdu t-tama tagħhom;

ma jinsewx l-għemejjel ta' Alla, *

iżda jħarsu l-kmandamenti tiegħu;

u ma jkunux bħal missirijiethom, *

nies ta' ras iebsa li b'xejn ma tisma',

li qalbhom kienet bla mistrieħ, *

u ruħhom m’hix fidila lejn Alla.

 

Ulied Efrajm, imħarrġa fl-ark, *

treġġgħu lura f'jum it-taqbida;

ma ħarsux il-patt ta' Alla, *

ma ridux jimxu fuq il-liġi tiegħu.

Insew l-għemejjel tiegħu *

u l-għeġubijiet li kien uriehom:

l-għeġubijiet li għamel quddiem missirijiethom *

f'art l-Eġittu, fir-raba' ta' Sogħan.

 

Feraq il-baħar biex għaddiehom minnu, *

l-ilmijiet bħal ħitan waqqaf;

mexxiehom bi sħaba binhar, *

u b'ħuġġieġa ta' dawl billejl.

Xaqqaq il-blat fid-deżert, *

sqiehom bħal b'baħar ta' ilma;

ħareġ gliegel mill-blata, *

ġerra bħax-xmajjar l-ilma.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qalulna missirijietna bil-qawwa tal-Mulej u l-għeġubijiet li għamel (Żmien il-Għid hallelujah).

Ant. 2: L-ulied kielu mill-manna, u xorbu mill-blata spiritwali li kellhom warajhom (Żmien il-Għid hallelujah).

 

II

 

Iżda huma kontrieh komplew dinbu, *

qamu kontra Alla fid-deżert.

Ġarrbu lill-Għoli f'qalbhom, *

billi talbuh l-ikel li xtaqu.

Tkellmu kontra Alla, u qalu: *

"Jista' Alla jħejji mejda fid-deżert?

Hu ħabbat il-blat, u l-ilma ħareġ, *

widien ta' l-ilma gelglu;

ma jistax jagħti ħobż ukoll, *

jew iħejji laħam għall-poplu tiegħu?"

Għal dan il-kliem għadab il-Mulej; †

tkebbes in-nar għal Ġakobb, *

u s-saħna tiegħu xegħlet għal Iżrael.

Għax huma ma emmnux lil Alla, *

ma ttamawx fl-għajnuna tiegħu.

 

Imma hu ordna s-sħab fl-għoli, *

u fetaħ bwieb is-smewwiet;

u xita ta' manna bagħtilhom x'jieklu, *

tahom il-qamħ mis-sema.

Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin, *

ikel bix-xaba' bagħtilhom.

Tella' r-riħ ilvant fis-smewwiet, *

u ħareġ ir-riħ isfel b'qawwietu.

Xita ta' laħam bħat-trab bagħtilhom, *

għasafar bħar-ramel tal-baħar;

u waqqagħhom f'nofs it-tined tagħhom, *

madwar l-għerejjex fejn kienu jgħammru.

Huma kielu u xebgħu għalkollox, *

għax hu tahom kemm kienu xtaqu.

 

Anqas laħqu temmew xewqithom, †

kienu għadhom bl-ikel f'ħalqhom,

xħin il-Mulej reġa' inkorla għalihom;

qatlilhom l-aħjar nies tagħhom, *

iż-żgħażagħ ta' Iżrael ma' l-art xeħtilhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: L-ulied kielu mill-manna, u xorbu mill-blata spiritwali li kellhom warajhom (Żmien il-Għid hallelujah).

Ant. 3: Kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom u l-feddej tagħhom (Żmien il-Għid hallelujah).

 

III

 

B'danakollu baqgħu jidinbu, *

ma emmnux fl-għeġubijiet tiegħu.

U temm ħajjithom f'nifs wieħed, *

is-snin tagħhom b'mewt għal għarrieda.

Mbagħad kienu jfittxuh meta kien jeqridhom, *

kienu jindmu u jfittxu 'l Alla bil-ħerqa;

kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom, *

Alla l-Għoli l-feddej tagħhom.

Imma kienu jqarrqu bih bi kliemhom, *

kienu jigdbulu bi lsienhom.

Għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu, *

ma kinux fidili mal-patt tiegħu.

 

Iżda hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija, *

ma kienx jasal biex jeqridhom;

ħafna drabi kien iżomm il-korla, *

ma kienx jixgħel qilltu kollha.

Kien jiftakar li bnedmin huma, *

bħal żiffa li tgħaddi u ma terġax lura.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom u l-feddej tagħhom (Żmien il-Għid hallelujah).

 

V/. Erġgħu duru lejn il-Mulej Alla tagħkom.

R/. Għax hu ħanin u jagħder.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri Num 14:1-25

 

It-tgemgim tal-poplu u t-talba ta’ Mosè

 

F’dawk il-jiem: Il-ġemgħa kollha ta' Iżrael refgħet leħenha u nfexxet tgħajjat; u l-poplu għadda dak il-lejl jibki. L-Iżraelin kollha gemgmu għal Mosè u Aron, u l-miġemgħa kollha qaltilhom: “M'hux li mitna fl-art ta' l-Eġittu! Jew m’hux li mitna f'dan id-deżert! Għalfejn se jdaħħalna l-Mulej f'dan il-pajjiż, biex ninqerdu bis-sejf? In-nisa tagħna u wliedna se jaqgħu lsiera. Ma jkunx aħjar għalina li nerġgħu lura fl-Eġittu?” U qalu lil xulxin: “Nagħżlu mexxej, u nerġgħu lura fl-Eġittu!” Mbagħad Mosè u Aron intefgħu wiċċhom fl-art quddiem il-miġemgħa kollha tal-poplu ta' Iżrael. U Gożwè, bin Nun, u Kaleb bin Ġefuni, li kienu fost dawk li marru jitkixxfu l-pajjiż, ċarrtu ħwejjiġhom, kellmu lill-miġemgħa kollha ta' Iżrael, u qalulhom: “Il-pajjiż li morna biex nitkixxfuh hu art tajba bil-bosta. Jekk ikun magħna l-Mulej, żgur li jdaħħalna f'din l-art u jagħtihielna: hi art li tnixxi ħalib u għasel. Biss la teħduhiex kontra l-Mulej, u la tibżgħux mill-poplu tal-pajjiż, għax bħall-ħobż nikluhom, ħilithom tħallihom. Il-Mulej magħna, la tibżgħux minnhom!” Imma l-ġemgħa kollha wieġbet billi riedet tħaġġarhom. Iżda l-glorja tal-Mulej dehret fuq it-Tinda tal-Laqgħa quddiem ulied Iżrael kollha. U l-Mulej qal lil Mosè: “Kemm se jdum jeħodha kontra tiegħi dan il-poplu! Kemm se jdumu ma jemmnu fija minkejja s-sinjali li għamilt f'nofshom? Nidrobhom bil-pesta, noħroġhom mill-wirt, u nagħmel minnek ġens kbir u b'saħħtu aktar minnu.” U Mosè qal lill-Mulej: “Isiru jafu l-Eġizzjani, għax int bil-qawwa tiegħek ħriġt lil dan il-poplu minn ġo nofshom, u x’jgħidu? In-nies ukoll li jgħammru f'din l-art semgħu li int f'nofs dan il-poplu, li jarawk wiċċ imbwiċċ, u s-sħaba tiegħek qiegħda fuqhom, u li int timxi quddiemhom fil-kolonna tas-sħab binhar u fil-kolonna tan-nar billejl. Jekk int toqtolhom f'daqqa bin-nar, il-ġnus li jisimgħu b'aħbarek jgħidu: 'Il-Mulej ma għandux ħila jwassal lil dan il-poplu fl-art li wegħedhom; għalhekk qeridhom fid-deżert.' U issa, ħa jidher il-kobor tal-qawwa tiegħek, bħalma tkellimt u għedt: 'Il-Mulej tqil biex jinkorla u kbir fil-ħniena, jaħfer il-ħażen u d-dnub, għalkemm ma jħallikx bla kastig, u jikkastiga dnub il-missirijiet f'uliedhom sat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni.' Aħfer mela l-ħażen ta' dan il-poplu skond il-kobor tal-ħniena tiegħek, bħalma ssaportejthom mill-Eġittu sa hawn.” Il-Mulej wieġbu: Jiena naħfer skond kliemek. Imma daqs kemm hu minnu li jiena ħaj u l-art kollha mimlija bil-glorja tal-Mulej, daqshekk ieħor in-nies kollha li raw il-glorja tiegħi u s-sinjali li għamilt fl-Eġittu u fid-deżert, u li għaxar darbiet ġarrbuni u ma semgħux kliemi, dawn kollha, li ħaduha kontra tiegħi, ma jarawx l-art li jiena wegħedt lil missirijiethom. Imma l-qaddej tiegħi Kaleb, li kellu spirtu ieħor fih minn dak tal-poplu tiegħu, u mexa għalkollox warajja, inwasslu fl-art li mar fiha u jiritha n-nisel tiegħu. Ħalli l-Għamalekin u l-Kangħanin jgħammru fil-wied, għada intom dawwru wiċċkom u imxu lejn id-deżert mit-triq tal-Baħar tal-Qasab.”

 

RESPONSORJU Salm 102(103):8. 9. 13. 14

 

R/. Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum biex jagħdab u kollu mogħdrija. Ma joqgħodx jitlewwem magħna, u anqas jinkorla għal dejjem. * Bħalma jħenn missier għal uliedu, hekk ikun il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.

V/. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab. * Bħalma jħenn missier għal uliedu, hekk ikun il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ittri ta’ l-Għid ta’ l-isqof San Atanasju

 

Il-misteru ta’ l-Għid u l-għaqda fil-fidi

 

 Hi ħaġa tajba ħafna, ħuti għeżież, tgħaddi minn festa għal oħra, minn talba għal oħra, minn solennità għal oħra. Issa qegħdin qrib iż-żmien li għalina hu bidu ġdid; wasalna qrib il-festa ta’ l-Għid, li fiha l-Mulej kien maqtul. Aħna neħduh bħala ikel għall-ħajja tagħna, u nferrħu ‘l qalbna meta nixorbu, qisna minn għajn, demmu l-għażiż, u b’danakollu dejjem għandna l-għatx tiegħu, dejjem nixtiquh. Hu dejjem qrib dawk li għandhom l-għatx tiegħu u, għax iħobbhom, iwassalhom għal dan il-jum ta’ festa kbira, kif jgħid hu stess, is-Salvatur tagħna: Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Mhux dakinhar biss il-Mulej ineħħi l-għatx ta’ kull min imur għandu, imma kull meta wieħed jitlob jaqla’ l-grazzja li jersaq lejn is-Salvatur. Il-ġid tal-festa ta’ l-Għid ma jitgawdiex dakinhar biss, għaliex id-dawl ta’ dak il-jum ma jgħib qatt, imma dejjem jiddi biex idawwal il-fehma ta’ dawk li jriduh. Minn din il-festa jiksbu kull qawwa dawk li għandhom fehmithom imdawwla, u lejl u nhar iqallbu l-Kotba Mqaddsa. Huma henjin bħal dak il-bniedem li fuqu jitkellem is-salm li jgħid: Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żebliħa; imma fil-liġi tal-Mulej l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fuq il-liġi tiegħu. Għeżież, Alla waqqaf din il-festa għalina, u jridna nagħmluha kull sena, għaliex tana ‘l Ibnu stess biex imut għas-salvazzjoni tagħna. Din il-festa tqawwina fit-tiġrib li jiġi fuqna f’din id-dinja, għaliex minn issa Alla, b’din il-festa, jagħtina l-hena tas-salvazzjoni, u jħabbibna miegħu, hu u jsejjħilna lkoll kemm aħna, biex ninġabru minn kullimkien, bi spirtu wieħed bejnietna, ħa nitolbu u nroddu ħajr flimkien, għaliex hekk għandna nagħmlu f’jum ta’ festa hekk kbira. Hu miraklu tat-tjieba ta’ Alla, li għal din il-festa hu jsieħeb ‘il dawk kollha li jinsabu ‘l bogħod minna, għaliex, għalkemm huma ‘l bogħod bil-ġisem, huma qrib tagħna fl-istqarrija ta’ fidi waħda magħna.

 

RESPONSORJU

 

R/. Stennewni, jgħid il-Mulej, meta nqum. * Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa’ nagħtihom diskors bla qerq, biex isem il-Mulej ilkoll isejjħu, jagħtuh qima waħda.

V/. Meta nintrefa’ mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja. * Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa’ nagħtihom diskors bla qerq, biex isem il-Mulej ilkoll isejjħu, jagħtuh qima waħda.

 

TALBA

O Alla, int ħejjejt għalina għajnuna xierqa biex nirbħu dejjem in-nuqqas ta’ ħila tagħna; agħmel li nilqgħu bil-ferħ il-frott tat-tiġdid tagħna, u bil-qawwa tiegħu, li taħdem fina, ngħixu ħajja tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

Xemx divina tal-ġustizzja,

inti w trodd jum ġdid fuq artna,

keċċi s-swied u d-dlam ta’ moħħna,

reġġa’ d-dawl għal ħidma xierqa.

 

Bħalma tajtna ż-żmien it-tajjeb,

imla wkoll bl-indiema ‘l qalbna,

biex tjubitek lejk iddawwar

lill-ħatjin li ħnientek tagħder.

 

Minnek nistennew il-grazzja

biex, b’tagħkis milqugħ minn rajna,

nifdu d-dejn li bih tgħabbejna

bil-waqgħat u l-ħażen tagħna.

 

Għaliex riesaq il-jum tiegħek

li fih int se ġġedded kollox,

u nixtiequ nħejju ruħna

għall-ferħ kbir tas-saltna tiegħek.

 

Lilek, Trinità ħanina,

b’wiċċna fl-art ilkoll inqimu;

ġedded fina ‘l qalbna niedma,

biex ngħannulek għanja ġdida. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek

 Glorja.

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

 

Kantiku Tob 13:8-11, 13-14ab. 15-16ab

 

Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

Agħmlulu festi ta’ ferħ, u agħtuh glorja.

 Int, Ġerusalemm, belt ta’ Alla, *

Għal kull m’għamilt b’idejk il-Mulej sawwtek.

 

 Rodd il-ħajr lill-Mulej għall-ġid li għamillek, *

bierek lil Alla ta’ dejjem;

 ħalli fik jerġa jibni t-tempju tiegħu, †

u jroddlok lura l-imjassra kollha, *

biex għal dejjem ta’ dejjem tithenna.

 

 B’dija ta’ l-għaġeb għad tiddi; *

tagħtik ġieħ l-art kollha minn tarf għall-ieħor.

 Ġnus mill-bogħod għad jiġu għandek, †

bid-doni f’idejhom, *

biex fik jaduraw lill-Mulej.

 Artek għalihom tkun art qaddisa, *

għax fik jiġu jsejjħu l-isem kbir tal-Mulej.

 Int għad titgħaxxaq b’uliedek, *

għax ilkoll għad jitbierku

 u jinġabru quddiem il-Mulej.

 

 Hienja dawk kollha li jħobbuk, *

li jifirħu bis-sliem tiegħek.

 Bierku, ruħ tiegħi, il-Mulej! †

Għax il-Mulej, Alla tagħna, *

ħeles lil Ġerusalemm, il-belt tiegħu,

 mill-hemm kollu tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. 

Glorja.

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 53:11b-12

 

Il-qaddej ġust tiegħi jiġġustifika l-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu. Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża mal-qawwijin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt u kien magħdud mal-midinbin, għad li neħħa l-ħtijiet tal-kotra u daħal għall-midinbin.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Alla jeħlisni. * Mix-xibka tan-nassab. Alla.

V/. Ibegħedni minn kull qerq. * Mix-xibka tan-nassab. Glorja. Alla.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej jgħid: Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien: jiena ma ġejtx minn rajja, imma kien il-Missier li bagħatni.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej jgħid: Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien: jiena ma ġejtx minn rajja, imma kien il-Missier li bagħatni.

 

PREĊI

 

Kristu fdiena u salvana bis-saħħa tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Nitolbuh u ngħidulu:

Ħenn għalina, Mulej.

Int tlajt b’rieda sħiħa lejn Ġerusalemm biex ibati u tmut, u hekk tidħol fil-glorja tiegħek:

- wassal il-Knisja tiegħek fil-ferħ ta’ l-Għid bla tmiem.

Int ġejt merfugħ ‘il fuq u msallab, u ridt li s-suldat jinfidlek ġenbek b’lanza:

- fejjaq, Mulej, il-ġrieħi tagħna.

Int waqqaft salibek fuq l-art bħala s-siġra tal-ħajja:

- xerred bil-kotra l-frott tiegħu fuq dawk li ħadu t-twelid ġdid bil-magħmudija.

Int, kif kont imdendel fis-salib, ħfirt lill-ħalliel li nidem:

- agħder u aħfer lilna, midinbin.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, int ħejjejt għalina għajnuna xierqa biex nirbħu dejjem in-nuqqas ta’ ħila tagħna; agħmel li nilqgħu bil-ferħ il-frott tat-tiġdid tagħna, u bil-qawwa tiegħu, li taħdem fina, ngħixu ħajja tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Megħjunin bid-dawl tal-fidi,

qalbna sħiħa fuq it-tama,

u bil-grazzja ta’ l-imħabba,

ngħannu l-ġieħ u s-sebħ ta’ Kristu.

 

Għaliex hu f’dis-siegħa ttieħed

bħal ħaruf għas-sagrifiċċju;

tgħabba bis-salib, ħa jreġġa’

lejh in-nagħġa li ntilfitlu.

 

Issa, mifdijin u ħielsa,

nersqu lejh sabiex, kif b’demmu

ħassar il-kundanna tagħna,

hekk mid-dnub iżommna mbiegħda.

 

Nitolbuh lil Kristu Sidna,

lill-Missier u lill-Ispirtu;

jisma’ t-talba fqajra tagħna,

Alla, Trinità qawwija. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej bagħtilna żmien tajjeb biex nindmu u neħilsu minn dnubietna, għas-salvazzjoni tagħna.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Kien bil-għatx bħalissa Kristu,

li f’dal ħin ukoll ġie msallab;

għat-talb tagħna, jagħti lilna

l-għatx imbierek tal-ġustizzja.

 

Jalla nħossu l-ġuħ għal Sidna,

biex jitmagħna bih innifsu:

xewqat tajba fina jnissel,

u jħarisna minn kull ħażen.

 

Bħala don, l-Ispirtu s-Santu

jagħti l-qawwa lit-talb tagħna,

ħalli nrażżnu l-ġibdiet koroh,

imma nħeġġu ‘l qalbna bierda.

 

Nitolbuh lil Kristu Sidna,

lill-Missier u lill-Ispirtu:

jisma’ t-talba fqajra tagħna

Alla, Trinità qawwija. Ammen.

 

Ant. Daqs kemm jien ħaj, jgħid il-Mulej, jien ma rridx il-mewt tal-bniedem il-ħażin, imma aktar jogħġobni li jerġa’ lura minn triqatu u jgħix.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Ftit sigħat fadlilha, w taħrab

ma’ l-oħrajn din il-ġurnata;

ejjew mela nsejjħu l-isem

ta’ Ġesù w nitolbu maħfra.

 

Il-ħalliel, li stqarr ħtijietu,

qala’ l-grazzja mingħand Kristu;

bit-tifħir u l-qima tagħna,

aħna wkoll insibu l-ħniena.

 

Is-salib lill-mewt ixejjen,

u mid-dlam għad-dawl joħroġna;

huwa jneħħi l-għajb tal-ħażen,

biex tkun tiddi r-ruħ bl-indafa.

 

Nitolbuh lil Kristu Sidna,

lill-Missier u lill-Ispirtu:

jisma’ t-talba fqajra tagħna

Alla, Trinità qawwija. Ammen.

 

Ant. Ninqdew bl-armi tajba tal-qawwa ta’ Alla, u nerħu ruħna f’idejh b’sabar kbir.

 

Salm 118 (119):161-168

 

XXI (Sin)

 

Il-kbarat għal xejn b'xejn jagħmlu għalija, *

imma minn kelmtek tibża' qalbi.

Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek, *

bħal min isib xi priża kbira.

 

Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu, *

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

Seba' darbiet kull jum infaħħrek *

għad-digrieti ġusti tiegħek.

 

Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; *

ma hemm ebda tfixkil għalihom.

Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

u nħares il-kmandamenti tiegħek.

 

Ruħi tħares il-preċetti tiegħek; *

u jiena nħobbhom ħafna.

Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek; *

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.

Glorja.

 

Salm 132 (133)

 

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, *

li l-aħwa jgħammru flimkien! 

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, *

li jinżel mal-leħja tiegħu,

li jinżel mal-leħja ta' Aron, *

sa fuq l-għonq ta' ħwejġu.

Hu bħan-nida tal-Ħermon, *

li tinżel fuq l-għoljiet ta' Sijon;

għax hemm il-Mulej jagħti l-barka, *

hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.

 Glorja.

 

Salm 139 (140):1-9. 13-14

 

Eħlisni, Mulej, mill-bnedmin ħżiena, *

min-nies tad-dnewwa ħarisni,

li f'qalbhom inisslu ħsibijiet ħżiena, *

li jqajjmu l-ġlied kuljum.

Ilsienhom daqs tas-serp isinnu, *

semm ta' lifgħa taħt xufftejhom.

 

Żommni, Mulej, minn idejn il-ħżiena, †

minn-nies tad-dnewwa ħarisni, *

li ħsiebhom hu li jfixkluni.

Nies kburin ħejjewli nassa, †

firxuli l-ħbula bħal xibka, *

u tul it-triq nasbu għalija.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Alla tiegħi; *

isma', Mulej, leħen it-tħannin tiegħi."

Sidi Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi, *

inti l-għata ta' rasi f'jum it-taqbida. 

Taqtgħalhomx xewqithom, Mulej, lill-ħżiena, *

tħallihomx jilħqu l-għanijiet tagħhom.

 

Jien naf li l-Mulej jagħmel ħaqq ma' l-imsejken, *

u jagħti raġun lill-fqajjar.

Iva, il-ġusti jfaħħru ismek; *

u t-tajbin jgħammru quddiemek.

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Il-Mulej bagħtilna żmien tajjeb biex nindmu u neħilsu minn dnubietna, għas-salvazzjoni tagħna.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:3

 

Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ. Nagħmel patt magħkom għal dejjem, skond il-wegħdiet li mħabbti għamlet ma’ David.

 

 V/. Oħloq fija, o Alla, qalb safja.

 R/. U spirtu qawwi ġedded fija.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Daqs kemm jien ħaj, jgħid il-Mulej, jien ma rridx il-mewt tal-bniedem il-ħażin, imma aktar jogħġobni li jerġa’ lura minn triqatu u jgħix.

 

LEZZJONI QASIRAara Ġer 3:12b. 14a

 

Erġgħu duru lejja, jgħid il-Mulej, u ma nibqax inħares lejkom bil-korla, għax jiena twajjeb, u ma nżommx f’qalbi għal dejjem. Erġgħu duru lejja, ulied xewwiexa, jgħid il-Mulej.

 

 V/. Dawwar wiċċek minn ħtijieti.

 R/. Ħassar ħżuniti kollha.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Ninqdew bl-armi tajba tal-qawwa ta’ Alla, u nerħu ruħna f’idejh b’sabar kbir.

 

LEZZJONI QASIRA Ġak 1:27

 

Quddiem Alla, li hu wkoll Missier, it-tjieba safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ‘il bogħod mid-dinja.

 

V/. Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma.

R/. Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Talba

O Alla, int ħejjejt għalina għajnuna xierqa biex nirbħu dejjem in-nuqqas ta’ ħila tagħna; agħmel li nilqgħu bil-ferħ il-frott tat-tiġdid tagħna, u bil-qawwa tiegħu, li taħdem fina, ngħixu ħajja tajba. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

O Ġesù, bl-eżempju tiegħek

int qaddist is-sawm għalina;

u, biex nieħdu s-saħħa f’ruħna,

minna wkoll ridt sawm u ċaħda.

 

Ejja, mela, kun mal-Knisja,

li, f’riġlejn il-ħniena tiegħek,

f’dawn il-jiem titolbok niedma

maħfra w sliem għalina wliedha.

 

Tinżel fuqna l-grazzja tiegħek,

ħa tnaddafna mill-imgħoddi;

tkun it-tjieba tiegħek fuqna,

ħa tħarisna minn kull waqgħa.

 

Hekk, f’dawn l-erbgħin jum, li fihom

issejħilna lejk kull sena,

nitħejjew għall-ferħ u l-barka

tal-misteru ta’ l-Għid tiegħek.

 

Lilek, Trinità ħanina,

b’wiċċna fl-art ilkoll inqimu;

ġedded fina ‘l qalbna niedma,

biex ngħannulek għanja ġdida. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

  

Salm 144 (145)

 

I

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

  

II

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', *

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, *

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.

Int tiftaħ idek, *

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, *

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, *

jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, *

imma lill-ħżiena jeqridhom.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi; †

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu *

għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis: † 

u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

LEZZJONI QASIRAĠak 5:16. 19-20

 

Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom, u itolbu għal xulxin, biex hekk issalvaw. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira. Ħuti, jekk xi ħadd minnkom jitbiegħed mis-sewwa u wieħed iġibu lura, dan għandu jkun jaf li min iressaq lura mit-triq il-ħażina lil xi midneb, jeħles ruħu mill-mewt u jostor kotra ta’ dnubiet.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Jien għedt lil Alla. * Ħenn għalija, Mulej. Jien.

V/. Salvani, għax dnibt kontra tiegħek. * Ħenn għalija, Mulej. Glorja. Jien.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ħadd minnhom ma medd idejh fuq Ġesù, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ħadd minnhom ma medd idejh fuq Ġesù, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tal-bnedmin bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna, u bil-qawmien tiegħu tana ħajja ġdida. Nadurawh, u b’umiltà kbira nitolbuh u ngħidulu:

Qaddes, Mulej, il-poplu li int fdejt b’demmek.

Agħmel, Feddej tagħna, li nindmu u ningħaqdu aktar bis-sħiħ mal-passjoni tiegħek:

- biex niksbu s-sebħ tal-qawmien għall-ħajja.

Għinna dejjem bil-ħarsien ta’ Ommok, li hi l-faraġ ta’ l-imnikktin:

- biex bħalma int tfarraġ lilna, hekk aħna nfarrġu u nsabbru lil min hu mnikket.

Sieħeb fil-passjoni tiegħek lill-fidili kollha li qegħdin ibatu:

- biex fihom infushom ikunu xhieda tas-salvazzjoni tiegħek.

Inti ċċekkint u obdejt sal-mewt, u sal-mewt tas-salib:

- agħmel li l-qaddejja tiegħek jobdu dejjem u jżommu sħiħ sa l-aħħar.

Libbes il-mejtin bis-sura tal-ġisem imsebbaħ tiegħek:

- u wassal lilna wkoll fl-istess xorti tagħhom.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, int ħejjejt għalina għajnuna xierqa biex nirbħu dejjem in-nuqqas ta’ ħila tagħna; agħmel li nilqgħu bil-ferħ il-frott tat-tiġdid tagħna, u bil-qawwa tiegħu, li taħdem fina, ngħixu ħajja tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

 

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Kristu, dija w jum imsebbaħ,

bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:

int tassew tad-dawl id-dija,

int xandȃr tad-dawl għall-hienja.

 

Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,

f’dan il-lejl li ġej ħarisna;

ikun fik il-mistrieħ tagħna,

‘tina ftit sigħat ta’ heda.

 

Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,

qalbna tibqa’ tishar miegħek;

midd, Mulej, il-leminija

bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.

 

Ejja, Salvatur setgħani,

qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,

wennes lill-qaddejja tiegħek,

li biex fdejthom xerridt demmek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek,*

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

  

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.