għat-Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija għafas hawn

IS-SIBT

TAL-V ĠIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tal-I ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum.

Alla ta’ kull tjieba w ħniena,

bidu w għajn tal-ħlejjaq kollha,

int f’setgħetek Alla wieħed,

imma tlieta fil-Persuni.

 

Waqt li nfaħħru t-tjieba tiegħek,

nersqu bit-tnehid quddiemek;

saffi ‘l qalbna biex nitgħaxxqu

dejjem iżjed bil-ġid tiegħek.

 

Lil ġenbejna dgħajfa saħħaħ

bin-nirien ta’ mħabba safja,

ħalli nkunu mħażżmin dejjem,

nistennew il-miġja tiegħek.

 

Ilqa’ mela, t-talb li wliedek

fis-sigħat tal-lejl jagħmlulek,

sabiex jitħejjew kif jixraq

għal kull don u grazzja tiegħek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

u int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Fi tjubitek, Kristu Sidna,

ieqaf magħna w ħenn għalina,

int li bgħatt is-seba’ doni

ta’ l-Ispirtu fuq min jemmen.

 

Rodd is-saħħa ‘l-morda kollha,

biegħed kull tfixkil mid-dgħajfa,

rażżan il-ġibdiet tal-ħażen,

agħti s-serħ lill-qlub muġugħa.

 

Sawwab f’moħħna s-sliem u l-heda,

mexxi w temm kull xogħol ta’ fejda,

isma’ t-talb ta’ min jgħajjatlek,

u wassalna lkoll fil-ħajja.

 

Meta mbagħad, fi tmiem il-ħidma,

jagħlaq żmien il-ġimgha tagħna,

it-tmien jum ifeġġ, u jsejjaħ

lill-bnedmin għall-ħaqq quddiemek.

 

F’dak il-jum, Sultan u Mħallef,

qegħedna n-naħa ta’ lemintek,

biex, man-nagħaġ imbierka tiegħek,

nieħdu b’wirtna s-saltna mwiegħda.

 

Hekk isseħħ ix-xewqa tagħna:

fejn tkun int inkunu aħna,

biex naraw il-glorja tiegħek,

u nagħtuk tifħir għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

Glorja.

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

 

Salm 131 (132)

 

I

 

Ftakar, Mulej, f'David *

u fil-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, *

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb:

 "Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, *

ma jitlax fuq il-friex ta' soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod *

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej, *

għamara għal Alla l-Qawwi ta' Ġakob."

 

Araw, smajna bl-Arka f'Efrata, *

sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.

Ħa nidħlu fil-għamara tiegħu, *

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta' riġlejh!

 

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, *

int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, *

igħajtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, *

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

II

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David, *

u żgur li ma jerġax lura minnha:

"Wieħed min-nisel tiegħek *

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

 

Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi *

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem *

joqogħdu fuq it-tron tiegħek."

 

Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, *

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

"Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! *

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

 

Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, *

bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.

Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, *

bil-ferħ igħajtu l-ħbieb tagħha.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David, *

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, *

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

V/. Ejjew, araw x’għamel il-Mulej.

R/. Għemejjel ta’ l-għaġeb fuq l-art.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin Gal 5:25-6:18

 

Twissijiet dwar l-imħabba u l-ħeġġa

 

Ħuti: Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu; ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ; ma nġarrbux lil xulxin; ma ngħirux għal xulxin.

Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f'xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu ta' ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll. Erfgħu t-tagħbija ta' xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta' Kristu. Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn, ikun iqarraq bih innifsu. Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jista' jiftaħar bih innifsu, u mhux b'ħaddieħor. Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x'jerfa'. Dak li qiegħed jitgħallem id-duttrina għandu jaqsam ġidu ma' min jgħallmu. Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra', dak huwa jaħsad. Min jiżra' f'ġismu jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżra' fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja ta' dejjem. Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu. Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma' kulħadd, l-iktar ma' qrabatna fil-fidi.

Araw b'liema ittri kbar ktibtilkom b'idi stess. Dawk li jridu jingħoġbu fil-ġisem, dawk huma li jridukom tieħdu ċ-ċirkonċiżjoni, u dan jagħmluh biss biex ma jkunux ippersegwitati minħabba s-salib ta' Kristu. Lanqas huma, li għandhom iċ-ċirkonċiżjoni, ma jħarsu l-Liġi, iżda jridukom tieħdu ċ-ċirkonċiżjoni biex jiftaħru b'ġisimkom. Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta' Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta' siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, kif ukoll fuq Iżrael ta' Alla.

Mill-lum 'il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f'ġismi l-marki ta' Kristu.

Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Ammen.

 

RESPONSORJU Gal 6:7b-8; Ġw 6:63a

 

R/. Dak li bniedem jiżra’, dak huwa jaħsad mill-ġisem it-taħsir. * Min jiżra fl-Ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja ta’ dejjem.

V/. Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. * Min jiżra fl-Ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja ta’ dejjem.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ San Iżakk, abbati tal-monasteru ta’ Stella

 

Il-kobor ta’ l-imħabba

 

 Ħuti, għaliex ftit inħabirku biex ikollna okkażżjonijiet ħa nsalvaw lil xulxin hekk li aktar ma naraw kbira l-ħtieġa aktar ngħinu ‘il xulxin, u nitgħabbew, kull wieħed minna, bil-piżijiet ta’ ħutna? Dan iwissina l-Appostlu meta jgħid: Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu; u band’oħra jgħid: bis-sabar taħmlu u tħobbu ‘l xulxin. Din hi l-liġi ta’ Kristu.

 Jekk f’ħija nara xi ħaġa li ma tistax tissewwa – għax hi xi difett naturali jew xi nuqqas fl-imġiba jew hi ġejja minn xi marda – għax ma nistabarx biha u ma nagħdrux mill-qalb, kif inhu miktub: It-trabi tagħhom fuq id-dirgħajn jintrefgħu u jżiegħlu bihom fuq l-irkubbtejn? Jew ma nafx nissieħeb fl-hemm ta’ ħaddieħor, u nieqes mis-sabar, u m’għandix il-ħeġġa ta’ l-imħabba?

 Din tassew hi l-liġi ta’ Kristu li refa’ fuqu l-mard tagħna, fil-passjoni tiegħu, u tgħabba bin-niket tagħna għax ħenn għalina u f’imħabbtu għalina refagħna mill-miżerja li konna fiha, u refagħna għax ħabbna.

 Jekk wieħed iħebb għal ħuh li jinsab fil-ħtieġa, u jhedded lil min hu mġarrab minn kull xorta ta’ hemm, dan i8kun qed joqgħod għall-liġi tax-xitan u jkun iħarisha. Nagħdru mela lil xulxin u nħobbu ‘l xulxin bħal aħwa, billi nerfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u neħduha kontra kull ħażen.

 Kull tagħlim, li bis-sincerità kollha jġib ‘il quddiem l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu minħabba f’Alla, jogħġob aktar ‘l Alla, ghi x’inhi l-imġiba u l-ħajja reliġjuża li għaliha jwassal. Din hi l-imħabba li għaliha kollox għandu jsir jew jibqa’ ma jsirx, jinbidel jew jibqa’ li jkun. Hi din l-imħabba li jixraq li tagħti l-bidu għal kull ħaġa, u li jixraq li tkun it-tmiem ta’ kull ħaġa. Ma hemm ebda ħtija f’dak li jsir fil-verità għal din l-imħabba u skond din l-imħabba.

 Jalla jagħtina din l-imħabba Dak li mingħajrha ma nistgħux nogħġbuh, u li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, hu, li hu Alla, u jgħix u jsaltan għal żmien bla tmiem. Ammen.

 

RESPONSORJU Ġob 42:10b. 11ab. 12a; 1 Kor 10:13b

 

R/. L-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: * Li nħobbu lil xulxin.

V/. Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda. * Li nħobbu lil xulxin.

  

TALBA

Fi tjubitek, Mulej, ħares dejjem il-familja tiegħek u kun int l-għajnuna u l-qawwa tagħha, għax hi m’għandhiex tama oħra ħlief il-grazzja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Għadda l-lejl mudlam, li jgħatti

kollox fl-art bi star sewdieni;

dawl il-għodwa qed jinfirex

mas-smewwiet, u l-jum ġa sebaħ.

 

Jitlaq mela wkoll minn ruħna

dlam id-dnub u l-kruha tiegħu,

u timtela b’dawl il-grazzja,

ħa naraw u nimxu sewwa.

 

Meta tisbaħ l-aħħar għodwa,

li b’tant ħrara nixtiquha,

hi tibdielna l-jum ta’ dejjem,

fil-mistrieħ u d-dawl tas-sema.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

 

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

 

Kantiku Eż 15:1-4a. 8-13. 17-18

 

 Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ; * 

 żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.

 

 Qawwieti u għanjieti l-Mulej: *

 għalija sar is-salvazzjoni. 

 Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar; *

 Alla ta' missieri, u lilu ngħolli!

 Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu! *

 Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu

Tefagħhom fil-baħar; 

 

 Mar-riħ qawwi ta’ mnifsejk inġemgħu l-ilmijiet, †

 bħal gods twaqqfu l-gliegel, *

 għaqdu l-imwieġ f’nofs il-baħar.

 Qal l-għadu: 'Niġri warajhom, nilħaqhom; *

 naqsam il-priża, u jkolli bix-xaba’; 

 is-sejf tiegħi nislet, *

idi teqridhom”.

 Infaħt bir-riħ tiegħek, †

għattiehom il-bahar, *

 għerqu bħaċ-ċomb fl-ilmijiet qawwija.

 

 Min hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

 min hu bħalek, kbir fil-qdusija ?

 Int tal-biża' fil-glorji tiegħek ; *

int li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb !

 Int meddejt il-leminija tiegħek, *

 u belgħethom l-art ġo fiha.

 Fi tjubitek mexxejt dan il-poplu li fdejt; *

 b'ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.

 Twassalhom u tħawwilhom *

 fuq il-muntanja, wirt tiegħek; 

 il-post, Mulej, li int għamiltu l-għamara tiegħek, * 

 il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.

 Il-Mulej isaltan *

għal dejjem ta' dejjem.”

 Glorja.

 

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

  

LEZZJONI QASIRA 2 Piet 1:10-11

 

Ħuti, b’ħeġġa akbar għandkom tfittxu li tiżguraw is-sejħa u l-għażla tagħkom ; għax, jekk tagħmlu dan, ma titfixklu qatt. U hekk ikollkom miftuħ beraħ quddiemkom il-bieb u d-dħul fis-saltna ta’ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Lilek, Mulej, insejjaħ; * Inti l-kenn tiegħi. Lilek.

V/. Inti sehmi f’art il-ħajjin. * Inti l-kenn tiegħi. Glorja. Lilek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

PREĊI

 

Kristu sar jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun il-qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Inberkuh u ngħidulu:

Iftħilna, Mulej, it-teżori ta’ mħabbtek.

Inti x-xemx tal-ġustizzja, li fil-Magħmudija mlejtna bid-dawl tiegħek u tajtna ħajja ġdida:

- lilek nikkonsagraw dan il-jum ġdid li tajtna.

Aħna rridu nberkuk fis-sigħat kollha ta’ din il-ġurnata:

- f’kull ma nagħmlu rridu nfaħħru lil ismek.

Imliena bil-ħerqa ta’ Ommok Marija biex nisimgħu l-kelma tiegħek:

- mexxi l-passi tagħna fit-triq tat-tagħlim tiegħek.

Inti nżilt mis-sema biex tagħtina xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla:

- agħmel li l-emigranti tagħna jkunu xhieda tiegħek fid-dinja.

 

Missierna

 

Talba

Mulej, dawwal il-qalb tagħna bid-dija tal-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet, biex inkeċċu minna d-dlamijiet tal-mewt u jseħħilna naslu fid-dawl ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 33-40

 

V (He)

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; *

jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek *

u nagħmilha b'qalbi kollha.

 

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, *

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, *

u mhux lejn ir-regħba.

 

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; *

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, *

li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.

 

Warrab minni l-għajb li nibża' minnu, *

għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; *

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

 Glorja.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh, u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, *

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,*

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej lejn il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA I Slat 8:60-61

 

Jagħraf kull poplu ta’ l-art li l-Mulej hu Alla u ma hemm ħadd ħliefu. Jalla qalbkom tkun kollha kemm hi mal-Mulej Alla tagħna, biex timxu skond id-digrieti tiegħu, u tħarsu l-kmandamenti tiegħu.

 

 V/. Alla tiegħi, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 R/. Mexxini fis-sewwa tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 17:9-10

 

Qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha? Jien hu l-Mulej, li nifli l-moħħ, u ngħarbel il-qlub biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu, skond ma jkun jistħoqqlu għemilu.

 

 V/. Minn dak li ma nafx bih saffini, Mulej.

 R/. Ħares lill-qaddej tiegħek mill-kburija.

 

Talba

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 7:27a; 8:1

 

Għalkemm waħdu, l-għerf ta’ Alla jista’ kollox: għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Huwa jifrex il-qawwa tiegħu minn tarf ta’ l-art, u jqassam kollox sewwa.

 V/. Kemm huma kbar l-għemejjel tiegħek, Mulej.

 R/. Kemm huma għolja ħsibijietek.

 

Talba

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.