9 ta’ Novembru

ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILKA TAL-LATERAN

FESTA

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Madwarek, Kristu, Sultan twajjeb tagħna,

ninġabru llum hawnhekk fit-talb u l-qima,

b’tifkira hienja tal-konsagrazzjoni

tat-tempju mqaddes t’Alla.

 

Għax hawn tassew dar Alla, s-Sultan għoli;

dan huwa tabilħaqq il-bieb tas-sema,

dejjem miftuħ għal min ħerqan ifittex

il-belt fejn hemm il-ħajja.

 

Din hija d-dar li tiġma’ l-poplu tiegħek,

tgħinu bħal omm bis-sagramenti mqaddsa,

u twieżnu bl-ikel u bix-xorb ta’ l-anġli,

biex jista’ jgħix għal dejjem.

 

Mexxej ħanin, bit-tjieba ħares lejna,

qaddejja tiegħek, miġburin qalb waħda

sabiex bi mħabba kbira nixhdu l-hena

tal-festa tad-dar tiegħek.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien l-Ispirtu,

minn tarf ta’ l-art għall-ieħor. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem.

 

Salm 23 (24)

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; *

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

 

Ant. 1: Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem.

Ant. 2: Għażiża tassew hija d-dar ta’ Alla.

 

Salm 83 (84)

 

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, *

Mulej ta' l-eżerċti!

Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; *

ngħanni ferħan b'ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.

Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, *

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, *

Mulej ta' l-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!

 

Henjin dawk li jgħammru f'darek; *

huma jfaħħruk għal dejjem.

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, *

li għandhom għal qalbhom

 il-pellegrinaġġ għat-tempju.

 

Huma u għaddejja minn wied niexef, †

ibiddluh f'nixxiegħa ta' ilma; *

u x-xita bikrija tbiddlu f'għadajjar.

Jimxu minn belt għal belt, *

sa ma jidhru quddiem Alla f'Sijon.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, isma' talb tiegħi; *

agħti widen, Alla ta' Ġakobb.

Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna, *

ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek *

aħjar minn elf jum f'post ieħor;

aħjar noqgħod fuq l-għatba ta' dar Alla tiegħi *

milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.

 

Għax xemx u tarka l-Mulej Alla, *

ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.

Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej *

lil min jimxi bis-sewwa.

Mulej ta' l-eżerċti, *

hieni l-bniedem li jittama fik!

 Glorja.

 

Ant. 2: Għażiża tassew hija d-dar ta’ Alla.

Ant. 3: O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.

 

Salm 86 (87)

 

Il-Mulej bena 'l Sijon *

fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha *

aktar mill-għamajjar kollha ta' Ġakobb.

 

O belt ta' Alla, *

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

"Ngħodd 'il Raħab u 'l Babel *

ma' dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *

dawn twieldu hemm!"

U għal Sijon jingħad: *

"Lkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu *

jwettaqha f'postha."

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *

"Dan twieled hemm!"

U jgħannu, huma u jiżfnu, *

dawk kollha li jgħammru fik.

 Glorja.

 

Ant. 3: O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.

 

V/. B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek.

R/. U nroddlok ħajr, Mulej.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu 1 Piet 2:1-17

 

Inbnew intom ukoll f’dar spiritwali

 

Għeżież: Warrbu ‘l bogħod minnkom kull ħażen u kull qerq; warrbu l-wiċċ b'ieħor, u l-għira u kull xorta ta' tqassis. Bħal trabi tat-twelid, ixxennqu għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni, jekk intom tabilħaqq doqtu kemm hu tajjeb il-Mulej. Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f'dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura:

 

 “Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka,

 magħżula u għażiża;

 min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad.”

Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux,

din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka

u ġebla ta’ tiġrif u tfixkil; tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla; għal dan kienu ddestinati.

Imma intom ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru l-glorja ta' dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb. Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta' Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu.

Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-xewqat tal-ġisem li jitqabdu kontra r-ruħ. Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu 'l Alla meta jasal Jum iż-Żjara tiegħu.

Għall-imħabba tal-Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-bnedmin: kemm għas-sultan bħala l-aqwa wieħed, u kemm għall-gvernaturi, li hu qiegħed biex jikkastigaw lil min jagħmel il-ħażin u jfaħħru lil min jagħmel it-tajjeb. Għax din hija r-rieda ta' Alla: li bl-għemil tajjeb tagħkom issikktu fomm l-injuranza ta' nies bla għaqal. Għixu bħala nies ħielsa, mhux biex tinqdew bil-ħelsien tagħkom biex bħallikieku tgħattu l-ħażen, imma bħala qaddejja ta' Alla. Agħtu ġieħ lil kulħadd. Ħobbu lill-aħwa, qimu lil Alla, weġġħu lis-sultan.

 

RESPONSORJU ara Tob 13:21: Apok 21:19-21

 

R/. Il-ħitan tiegħek kollha ħaġar prezzjuż: * It-torrijiet ta’ Ġerusalemm huma tad-deheb.

V/. Il-bibien ta’ Ġerusalemm huma tas-saffiri u l-iżmeraldi, u l-ħitan ta’ madwarha kollha ħaġar prezzjuż. * It-torrijiet ta’ Ġerusalemm huma tad-deheb.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ċesarju ta’ Arles

 

Kull wieħed minna sar tempju ta’ Alla bil-magħmudija

Ħuti għeżież, għall-grazzja ta’ Kristu qegħdin niċċelebraw illum bil-ferħ u l-hena t-twelid ta’ dan it-tempju, iżda l-veru tempju ħaj ta’ Alla għandna nkunu aħna. Bir-raġun kollu l-insara, bil-ħeġġa tal-fidi tagħhom, jagħmlu l-festa tal-Knisja Omm, għaliex jafu li permezz tagħha huma twieldu mill-ġdid fir-ruħ. Għax jekk fl-ewwel twelid tagħna konna oġġetti tal-korla ta’ Alla, bit-tieni twelid stħoqqilna nsiru oġġetti tal-ħniena tiegħu. L-ewwel twelid wellidna għall-mewt, it-tieni wieħed sejjħilna għall-ħajja.

Ilkoll kemm aħna, ħuti għeżież, qabel tgħammidna konna tempji tax-xitan; wara li tgħammidna stħoqqilna nkunu tempji ta’ Kristu; u jekk naħsbu sewwa fuq is-salvazzjoni ta’ ruħna għandna naslu biex nagħrfu li l-veru tempju ħaj ta’ Alla huwa kull wieħed minna. Alla ma jgħammarx biss fi djar maħduma bl-idejn, lanqas fid-djar ta’ l-injam jew tal-ġebel, imma jgħammar l-aktar fir-ruħ maħluqa xbieha ta’ Alla, u mibnija b’idejn l-istess mgħallem divin. Dan jgħidilna l-Appostlu San Pawl: Qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom.

U għax Kristu, meta ġie, keċċa minn qlubna x-xitan, biex fina jħejji tempju għalih, għandna nħabirku kemm nistgħu bl-għajnuna tiegħu, biex ma jġarrabx ħsara minħabba l-għemejjel ħżiena tagħna; għax kull min jagħmel il-ħażin, ikun joffendi lil Kristu. Kif ġa għidt, qabel ma fdiena Kristu, konna djar tax-xitan; mbagħad stħoqqilna nkunu djar ta’ Alla; Alla għoġbu jagħmel minna dar għalih.

Mela, ħuti għeżież, jekk irridu niċċelebraw bil-ferħ it-twelid ta’ din il-knisja, m’għandniex neqirdu fina, bl-għemejjel ħżiena tagħna, it-tempju ħaj ta’ Alla. U ngħid dan b’mod li kulħadd jifhimni: kull darba li niġu l-knisja, għandna nfittxu li jkollna ruħna hekk nadifa u mdawwla kif nixtiequ nsibu l-knisja.

Trid issib il-knisja nadifa? Tħammiġx ruħek bit-tbajja’ tad-dnub. Jekk trid li l-knisja tkun imdawwla, Alla jrid li ruħek ma tkunx imdallma, imma, kif hu stess jgħid, ħa jiddi fina d-dawl ta’ l-għemejjel tajba biex ikollu glorja dak li hu fis-smewwiet. Kif int tidħol f’din il-knisja, hekk Alla jrid jidħol f’ruħek, kif wiegħed: Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.

 

RESPONSORJU ara Eżek 47:1. 9

 

R/. Rajt l-ilma ħiereġ mit-tempju minn-naħa tal-lemin, hallelujah, u kull min intlaħaq minn dan l-ilma * Ilkoll raw is-salvazzjoni u jgħidu: hallelujah, hallelujah.

V/. F’jum il-konsagrazzjoni tat-tempju l-poplu għajjat bil-ferħ u fuq fommhom kellhom għana kollu ħlewwa. * Ilkoll raw is-salvazzjoni u jgħidu: hallelujah, hallelujah.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

Fl-istess knisja kkonsagrata

O Alla, int, ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Barra mill-knisja kkonsagrata

O Alla, int tħejji għalik għamara għal dejjem, mibnija b’ġebel ħaj u magħżul; kattar fl-Knisja d-doni tal-grazzja tiegħek, biex il-poplu fidil jibqa’ jikber dejjem għall-bini ta’ Ġerusalemm tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Jew

 

O Alla, li għoġbok issejjaħ il-poplu tiegħek Knisja, agħmel li l-ġemgħa miġbura f’Ismek ikollha l-biża u l-imħabba tiegħek u timxi warajk, biex twassalha għall-ġid tas-sema, li wegħedtha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Mulej fuq il-blat bena daru,

fejn il-ġebla tax-xewka hu Kristu;

hu li jgħaqqad u jsaħħaħ il-bini,

hu li jorbot u jqawwi ħitanha;

kollha ferħ tilqgħu Sijon il-ġdida,

għaliex taf li hu s-sies ta’ twemminha.

 

Fil-belt t’Alla, qaddisa w maħbuba,

jidwi l-għana ta’ sebħ u foħrija,

kif uliedha, fil-ħeġġa ta’ qalbhom

jinsġu innu ta’ qima lill-Għoli,

u jxandruh tliet Persuni magħżula

f’Alla wieħed minn dejjem ta’ dejjem.

 

O Mulej, agħti widen għal talbna

meta niġu f’dat-tempju nsejjħulek;

uri lilna tjubitek ħanina

meta lejk nerfgħu jdejna fil-ħtieġa;

ibqa’ xerred bla heda kull barka

f’dan il-post li għażiltu b’għamartek.

 

Ta’ kull darba li nersqu nħabbtulek

dan il-bieb, tħalliniex bla tweġiba,

tieqaf qatt tħares fina sa l-aħħar

dawk il-grazzji li jogħġbok tagħtina;

sa ma l-ġemgħa ta’ l-aħwa tinġabar

fil-mistrieħ ta’ l-għamara tal-hienja.

 

Jagħtu l-ħlejjaq ta’ l-art u tas-sema

ġieħ u glorja w tifħir ‘l Alla tagħna,

lill-Missier, u lill-Ibnu l-waħdieni,

lill-Ispirtu l-Qaddis li ġej minnhom;

fix-xejn tagħna, quddiemhom ninxteħtu,

għaliex kbira w ta’ dejjem saltnathom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Id-dar tiegħi tissejjaħ dar it-talb.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Id-dar tiegħi tissejjaħ dar it-talb.

Ant. 2: Imbierek int, Mulej, fit-tempju qaddis tiegħek.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Imbierek int, Mulej, fit-tempju qaddis tiegħek.

Ant. 3: Faħħru l-Mulej fil-ġemgħa ta’ ħbiebu.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Faħħru l-Mulej fil-ġemgħa ta’ ħbiebu.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 56:7

 

 Inwassalkom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħkom fid-dar tat-talb tiegħi ; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħkom ikunu jogħġbuni tielgħa minn fuq l-altar tiegħi, għax dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kbir il-Mulej. * Ta’ min ifaħħru ħafna. Kbir.

V/. Fil-belt ta’ Alla tagħna, fl-għolja mqaddsa tiegħu. * Ta’ min ifaħħru ħafna. Glorja. Kbir.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Żakkew, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. Illum lil din id-dar Alla bagħat is-salvazzjoni.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Żakkew, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. Illum lil din id-dar Alla bagħat is-salvazzjoni.

 

PREĊI

 

Aħna l-ġebel ħaj, ilkoll mibnija fuq Kristu, li hu l-ġebla l-magħżula. Nitolbu lill-Missier li jista’ kollox għall-Knisja għażiża tiegħu, u nistqarru l-fidi tagħna fiha u ngħidu:

Din hi d-dar ta’ Alla u l-bieb tas-sema.

Missier, Sid l-għalqa mqaddsa, naddaf id-dielja tiegħek, ħarisha u kabbarha:

- agħmel li hija timla l-art kollha.

Ragħaj ta’ dejjem, kun il-ħarsien tal-merħla tiegħek u kattarha:

- iġma n-nagħaġ kollha flimkien taħt Ibnek, li hu waħdu r-ragħaj tagħhom.

Int li b’setgħa kbira tferrex iż-żerriegħa tiegħek, iżra l-kelma fl-għalqa tiegħek:

- agħtina li tagħmel il-frott bil-milja fil-wieħed għall-ħsad ta’ dejjem.

Bennej għaref, qaddes id-dar u l-familja tiegħek:

- uri quddiem kulħadd fil-glorja tagħha l-belt tas-sema, Ġerusalemm il-ġdida, għarusa ta’ Kristu.

 

Missierna

 

Talba

 

Fl-istess knisja kkonsagrata

O Alla, int, ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Barra mill-knisja kkonsagrata

O Alla, int tħejji għalik għamara għal dejjem, mibnija b’ġebel ħaj u magħżul; kattar fl-Knisja d-doni tal-grazzja tiegħek, biex il-poplu fidil jibqa’ jikber dejjem għall-bini ta’ Ġerusalemm tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Jew

 

O Alla, li għoġbok issejjaħ il-poplu tiegħek Knisja, agħmel li l-ġemgħa miġbura f’Ismek ikollha l-biża u l-imħabba tiegħek u timxi warajk, biex twassalha għall-ġid tas-sema, li wegħedtha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

Salmodija tas-Sibt tat-III ġimgħa

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

 

Salm 118 (119):121-128

 

XVI (Għajn)

 

Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa; *

titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.

Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid; *

tħallix li l-kburin jgħakksuni.

 

Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek, *

u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen, *

biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

Issa l-waqt li tindaħal, Mulej, *

għax kisru l-liġi tiegħek.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek, *

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek, *

u nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

 

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses *

madwar dawk li jibżgħu minnu,

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, *

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, *

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 3:16-17

 

Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li intom intom.

 

 V/. Mulej inħobb id-dar fejn inti tgħammar.

 R/. Il-post fejn tgħammar il-glorja tiegħek.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 6:16

 

Aħna t-tempju ta’ Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla: Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom. Inkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.

 

 V/. Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm.

 R/. Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 7:2b. 4-5a. 7a

 

Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej. Isserrħux raskom bi kliem qarrieq u tgħidu: Hawn hu t-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej! Għax jekk tassew ittejjbu l-imġiba tagħkom jiena ngħix magħkom f’dan il-post.

 

 V/. Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tal-Mulej.

 R/. Bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu.

 

Talba

 

Fl-istess knisja kkonsagrata

O Alla, int, ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Barra mill-knisja kkonsagrata

O Alla, int tħejji għalik għamara għal dejjem, mibnija b’ġebel ħaj u magħżul; kattar fl-Knisja d-doni tal-grazzja tiegħek, biex il-poplu fidil jibqa’ jikber dejjem għall-bini ta’ Ġerusalemm tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Jew

 

O Alla, li għoġbok issejjaħ il-poplu tiegħek Knisja, agħmel li l-ġemgħa miġbura f’Ismek ikollha l-biża u l-imħabba tiegħek u timxi warajk, biex twassalha għall-ġid tas-sema, li wegħedtha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.