Stampa t-test kollu ...


31 ta’ Lulju

SAN INJAZJU TA’ LOYOLA, PRESBITERU

 

Salmodija tat-Tlieta tal-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, l-ewlieni u l-kbir fost ir-rgħajja,

quddiemek jiġi l-poplu tal-wirt tiegħek,

ħa jrodd foħrija xierqa lil ragħaj tajjeb

fil-festa tiegħu.

 

Int ħtart lil dan il-qaddej kbir b’ministru,

lilu tajt sehem fis-saċerdozju tiegħek,

u bgħattu jaqdi l-poplu, mexxej tajjeb,

fidil u għaqli.

 

Tassew mexxej u mudell kbir tal-merħla!

Kien dawl għall-għomja, faraġ għall-imsejkna,

missier ħanin li għal uliedu kollha

sar kollox f’kollox.

 

Kristu, li jagħti l-ħlas mistħoqq fis-sema

lill-ħbieb li jaqduk tajjeb, żomm ‘il qalbna

fit-triq ta’ dan l-imgħallem, sakemm fl-aħħar

nissieħbu miegħu.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien bla heda

l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra.

 

Salm 9 B (10)

 

I

 

Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? *

Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?

Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar, *

jaqbdu fin-nases li nasablu. 

Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta' qalbu, *

fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.

 

Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f'xejn ma jfittxu; *

u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.

Jirnexxi dejjem fi triqtu, †

xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek,

bl-għedewwa tiegħu jiddieħak.

Jgħid f'qalbu: "Ma niċċaqlaqx! *

Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni!"

 

Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu; *

għawġ u ħsara fuq ilsienu.

Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja, †

fil-moħbi joqtol nies bla ħtija; *

għajnejh ifittxu lill-imsejken.

Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta; †

jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf; *

jaqbdu u jkaxkru fix-xibka.

Jitbaxxa, ma' l-art jinxteħet; *

l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu.

Jgħid bejnu u bejn ruħu: "Alla nesa; *

ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed".

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra.

Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken.

 

II

 

Qum, Mulej! Erfa' idek, o Alla! *

La tinsihomx lill-imsejknin.

Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla, *

u jaħseb li int ma tfittxux?

 

Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara, *

u taħseb biex f'idejk teħodhom.

F'idejk jintelaq l-imsejken; *

ta' l-iltim int sirt l-għajnuna.

Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb, *

ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed.

 

Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta' dejjem; *

inqerdu l-ġnus minn artu.

It-talba ta' l-imsejknin smajtha, Mulej; *

int taqtgħalhom ix-xewqa ta' qalbhom,

biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur; *

u bniedem ta' l-art ma jbeżżax aktar.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken.

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar.

 

Salm 11 (12)

 

Għajnuna, Mulej, għax m'hawnx aktar twajbin; *

għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.

Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem; *

b'xufftejn qarrieqa, b'żewġt iqlub jitkellmu.

 

Jaqta' l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa, *

kull ilsien li jitkellem bil-kburija,

dawk li jgħidu: "Saħħitna fi lsienna, *

kliem xufftejna magħna; min hu sidna?"

 "Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin *

u l-krib ta' l-imsejknin,

jien issa se nqum," jgħid il-Mulej; *

"nqum biex neħilsu, kif hu jixtieq."

Kliem il-Mulej kliem safi, *

fidda mgħoddija min-nar,

seba' darbiet imsoffija mit-trab.

 

Int, Mulej, tieħu ħsiebna, *

tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem.

Għax il-ħżiena ma' kullimkien juru ruħhom, *

aktar ma titgħolla d-dnewwa fost il-bnedmin.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar.

 

V/. Il-Mulej imexxi l-imsejkna fis-sewwa.

R/. Jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 2 Kor 9:1-15

 

Il-frott spiritwali tal-ġabra

 

Ħuti: dwar l-għajnuna li għandkom tagħtu lill-qaddisin, kollu żejjed li niktbilkom. Naf ir-rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem in-nies tal-Maċedonja u għedt: "In-nies ta' l-Akaja jinsabu lesti mis-sena l-oħra"; u l-ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom. Madankollu jien bgħatt lill-aħwa biex il-ftaħir tiegħi bikom ma jisfax fix-xejn f'din il-ħaġa sabiex, kif għedtilkom, tkunu lesti; u hekk ma jmurx jiġri li jiġu xi Maċedonin miegħi u jsibukom m'intomx lesti, u ġġegħluna nistħu, biex ma ngħidx intom, minn din il-fiduċja tagħna fikom. Għalhekk aħna ħassejna l-bżonn li nitolbu lil dawn l-aħwa biex jiġu għandkom qabilna u jlestu l-offerta li kontu wegħedtu qabel; u hekk din tkun lesta, mhux bħala ħaġa bilfors, imma bħala ħaġa ħierġa mill-qalb.

Jien dan ingħid: min jiżra' ftit, jaħsad ftit; u min jiżra' ħafna, jaħsad ħafna. Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b'kull xorta ta' barka, hekk li dejjem u f'kollox ikollkom kull ma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba. Bħalma hu miktub: "Huwa qassam bil-kotra u ta lill-fqar; il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem. "

Dak li lil min jiżra' jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel, jagħti u jkattar iż-żerriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja tagħkom. U intom tistagħnu b'kull ġid, ħalli turu kull xorta ta' ġenerożità li biha, permezz tagħna, jitla' innu ta' radd il-ħajr quddiem Alla; dan il-ministeru juri x'intom, u huma jagħtu glorja lil Alla minħabba l-ubbidjenza tagħkom għall-Evanġelju ta' Kristu u tal-ġenerożità ta' l-għotja tagħkom lilhom u lil kulħadd; u t-talb tagħhom għalikom juri l-imħabba kbira li għandhom għalikom minħabba l-grazzja bla qjies ta' Alla għalikom. Niżżi ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.

 

RESPONSORJU 2 Kor 9:1-15

 

R/. Agħtu u jingħatalkom kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa, u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom. * Bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.

V/. Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb, jew bilfors. * Bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Atti ta’ Ludoviku Consalvo, kif ġabarhom minn fomm San Injazju

 

L-ispirti stħarrġuhom, ħa taraw ikunux ġejja minn Alla

 

Injazju kien iħobb ħafna jaqra kotba mimlijin frugħat u kliem b’ieħor fuq il-ġrajjiet ta’ nies kbar u magħrufa. Meta ħass ruħu tajjeb, talab biex iġibulu minn dawn il-kotba biex iqatta’ ż-żmien. Billi f’dik id-dar ma kienx hemm kotba minn dawn, tawh tnejn li kien jisimhom wieħed “Il-ħajja ta’ Kristu” u l-ieħor “Ward il-qaddisin”, it-tnejn bl-Ispanjol.

Meta beda jaqra dawn il-kotba ħass fih ġibda kbira għal dak kollu li kien hemm miktub fihom, iżda xi kultant kien idawwar ħsibijietu minn dak li kien jaqra f’dawn il-kotba għal dak li kien jaqra fl-imgħoddi, u xi kultant ukoll ħsibijietu kienu jieqfu fuq il-ħafna frugħat u kliem b’ieħor li qabel kienu tant jiġbduh.

Imma mbagħad Alla, fil-ħniena tiegħu, flok dawn il-ħsibijiet fiergħa, permezz tal-kotba li kien qiegħed jaqra, kien iġiblu f’moħħu ħsibijiet oħra. Meta kien jaqra l-ħajja ta’ Kristu Sidna jew dik tal-qaddisin, kien jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “Min jaf, kieku nagħmel dak li kien jagħmel San Franġisk? Jew dak li kien jagħmel San Duminku?” Kien jaħseb ħafna fuq hekk, iżda wara li kien idum jaħseb mhux ħażin fuq dawn il-ħwejjeġ kienet tinqala’ xi ħaġa li treġġgħu lura għall-ħsibijiet fiergħa ta’ l-imgħoddi u fuqhom kien jaħseb ukoll fit-tul. Dam ħafna żmien għaddej f’din il-ħajja, b’ħafna ħsibijiet kontra xulxin ġejjin f’moħħu wieħed wara l-ieħor.

F’dan it-taqlib kollu ta’ ħsibijiet, fl-aħħar beda jintebaħ li kull darba li kien ikollu ħsibijiet tad-dinja, kien, iva, iħoss hena kbir, iżda mbagħad meta kien jegħja jaħseb, kien iħoss ruħu vojta u mdejjqa. Intebaħ ukoll li meta kien jaħseb fuq it-tgħakkis li kienu jagħmlu l-qaddisin, mhux biss kien iħoss hena f’ruħu waqt li jaħseb fuqhom, imma l-hena kien jibqa’ wkoll f’ruħu meta kien jieqaf jaħseb. Hu ma għarafx mill-ewwel din id-differenza u għalhekk ma rax is-siwi tagħha, iżda mbagħad, meta fetaħ għajnejn ruħu, stagħġeb biha, u, mill-istess esperjenza tiegħu, għaraf li l-ħsibijiet tad-dinja, meta jgħaddu, kienu jħalluh imdejjaq, waqt li ħsibijiet tas-sema kienu jagħmluh hieni. Din kienet l-ewwel konklużjoni li għaliha wasal dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla. Wara li għamel l-eżerċizzi spiritwali, din l-esperjenza għamel użu minnha biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu id-dixxerniment ta’ l-ispirti.

 

RESPONSORJU 1 Piet 4:11. 8a

 

R/. Jekk wieħed għandu d-don tal-kelma, jinqeda bih qisu kliem ta’ Alla; jekk wieħed għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu qisu bis-setgħa li qiegħed jagħtih Alla, * Biex f’kollox ikun imsebbaħ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.

V/. Fuq kollox, ikollkom imħabba qawwija lejn xulxin. * Biex f’kollox ikun imsebbaħ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.

 

TALBA

 

O Alla, int bgħatt fil-Knisja tiegħek lil San Injazju ta’ Loyola biex jaħdem għat-tixrid ta’ l-akbar glorja ta’ Ismek; agħmel li jkollna l-għajnuna tiegħu u nħabirku bħalu fuq l-art, ħalli niksbu miegħu l-premju fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Faħħru, nsara, lil Injazju,

mexxej kbir fl-eżerċtu t’Alla,

li bil-kliem, bl-eżempji tiegħu,

ħeġġeġ kotra ta’ suldati.

 

U, bi mħabba waħdanija,

mas-Sultan tas-sema ntrabat,

ħalli biss għalih jingħata

u għall-akbar glorja tiegħu.

 

B’dehen ta’ l-għaġeb, b’rieda sħiħa,

tħabat dejjem, huwa w sħabu,

biex jedd Kristu jkun imħares

u jinqerdu l-ereżiji.

 

B’moħħ imdawwal mill-Ispirtu,

b’għerf ta’ mgħallem għaqli w tajjeb,

fisser triq is-salvazzjoni

lil kulħadd bil-kitba tiegħu.

 

Xerred ħafna mid-dixxipli

ma’ wiċċ l-art, fi xtut imbiegħda,

biex il-Knisja tiled bihom

kotra kbira ta’ wlied ġodda.

 

Glorja ‘l Alla li, għall-merti

ta’ suldat hekk ħili w qawwi,

jieqaf magħna biex jitħabtu

bla waqfien għall-ġieħ ta’ Kristu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Min għandu jdejh indaf u qalbu safja jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej.

 

Salm 23 (24)

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; *

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

 

Ant. 1: Min għandu jdejh indaf u qalbu safja jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej.

Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

 

Kantiku Tob 13:2-8

 

Mulej, int kbir minn dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem saltnatek.

Int issawwat u int issalva, †

tniżżel fl-imwiet u terġa ttella’, *

u ħadd minn taħt idejk ma jista’ jaħrab.

 

Sebbħu l-Mulej, ulied Iżrael; *

faħħruh quddiem il-ġnus,

Hu xerridkom fost il-ġnus, li ma jagħrfuhx, *

u intom għidulhom bl-għeġubijiet tiegħu;

għarrfuhom li hu Alla li jista’ kollox, *

u ma hemmx alla ieħor ħliefu.

 

Hu sawwatna minħabba ħtijietna, *

imma jsalvana għall-ħniena tiegħu.

Araw kull ma għamel magħna, *

u bil-biża’ u t-tregħid roddulu ħajr.

F’dak kollu li intom tagħmlu, *

għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

 

Jiena nfaħħru f’art il-jasar tiegħi, *

għax wera l-kobor tiegħu quddiem ġens midneb.

 Duru, midinbin, lejn Alla, *

u agħmlu s-sewwa quddiemu;

 emmnu fih li jista’ jħenn għalikom; *

jiena nnifsi fih insib l-hena tiegħi.

 

 Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

agħmlulu festi ta ferħ, u agħtuh glorja.

 Glorja.

 

Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej.

 

Salm 32 (33)

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; *

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra; *

għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.

Għannulu għanja ġdida; *

għajjtu bil-ferħ, doqqulu bis-sengħa.

 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej, *

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; *

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, *

u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

Bħal f'ġarra l-ilmijiet ġabar, *

u l-ibħra kbar fi mħażen.

 

Ħa tibża' mill-Mulej l-art kollha; *

jitbeżża' minnu kull min jgħammar fid-dinja.

Għax hu tkellem, u hi saret; *

hu ordna, u hi twaqqfet.

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, *

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa' għal dejjem, *

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta' moħħu.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, *

il-poplu li hu għażel b'wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, *

u jara l-bnedmin kollha;

mill-post fejn jgħammar jistħarreġ *

fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta' kull wieħed, *

u jagħraf għemilhom kollu.

 

Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu, *

anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.

Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa, *

b'saħħtu kollha 'l ħadd ma jeħles.

Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, *

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, *

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta' qalbna, *

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, *

kif fik hi t-tama tagħna.

 Glorja.

 

Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 13:7-9a

 

Ftakru f'dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta' Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta' ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom. Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b'tagħlim xorta oħra u barrani.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Fuqek, Ġerusalemm, * Qegħidt l-għassiesa. Fuqek.

V. Lejl u nhar ma jiqfux ixandru isem il-Mulej. * Qegħidt l-għassiesa. Glorja. Fuqek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Irrid li nista’ nagħraf lil Kristu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Irrid li nista’ nagħraf lil Kristu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu.

 

PREĊI

 

Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inroddulek ħajr, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Irgħa l-poplu tiegħek, Mulej.

Kristu, int għoġbok tqiegħed fil-Knisja tiegħek rgħajja qaddisin bħal eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħek:

- ibqa’ uri l-ħniena tiegħek magħna b’rgħajja bħalhom.

Int għadek taqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li tqiegħed f’ismek fuq il-merħla tiegħek:

- żommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.

Bil-qaddisin tiegħek, li f’idejhom tafda l-popli, turina lilek innifsek bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem:

- kompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.

Int tipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla tiegħek bl-għaqal u bl-imħabba;

- xerred id-doni tiegħek fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħarfu jqaddsuna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt fil-Knisja tiegħek lil San Injazju ta’ Loyola biex jaħdem għat-tixrid ta’ l-akbar glorja ta’ Ismek; agħmel li jkollna l-għajnuna tiegħu u nħabirku bħalu fuq l-art, ħalli niksbu miegħu l-premju fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1. Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

 

Salm 118 (119): 1-8

 

I

 

Ħenjin dawk li triqthom bla ħtija, *

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, *

u li jfittxuh b’qalbhom kollha.

 

Huma ma jagħmlux ħażen, *

imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.

Int tajt il-preċetti tiegħek, *

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi *

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!

Mbagħad ma jkollix għax nistħi,

la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.

 

Mbagħad infaħħrek b'qalb safja, *

Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.

Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; *

la tħallinix għalkollox!

 Glorja.

 

Ant.1. Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Ant.2. Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

 

Salm 12 (13)

 

Mulej, għal dejjem se tinsieni? *

Kemm se ddum taħbi wiċċek minni? 

Kemm se ndum b'qalbi ttaqtaq, †

bl-imrar kuljum f'qalbi? *

Kemm se jdum jintrefa' l-għadu fuqi?

 

Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi, *

agħti d-dawl lil għajnejja,

li ma naqax fir-raqda tal-mewt;

li ma jgħidx l-għadu tiegħi: "Għelibtu!", *

li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor.

 

Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, †

tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. *

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.

 Glorja.

 

Ant.2. Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

Ant.3. Alla ħalla ‘l kulħadd fid-dnub, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

 

Salm 13 (14)

 

Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” *

Tħassru l-bnedmin,

Għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; *

m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Ilkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej,

li jaħtfu l-poplu tiegħi, *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

 

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

għax Alla hu ma' nisel il-ġust.

Intom tidħku bil-ħsieb ta' l-imsejken; *

imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu,

jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Ant.3. Alla ħalla ‘l kulħadd fid-dnub, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 17:7-8

 

Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej. Ikun bħal sigra ħdejn l-ilma mħawwla, li għeruqha xxenxel lejn il-wied ; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar ; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.

 

V/. Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa.

R/. Mulej ta’ l-eżerċti, hieni l-bniedem li jittama fik.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRAProv 3:13-15

 

Hieni l-bniedem li jsib l-għerf, il-bniedem li jikseb id-dehen ; għax aħjar tikseb lilu milli tikseb il-fidda, u l-qligħ tiegħu aqwa mid-dehen. Hu egħżeż mill-ġawhar ; u, minn kull ma tista’ tixtieq, xejn ma jitqies miegħu.

 

V/. Mulej, int tħobb il-qalb sinċiera.

R/. Għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġob 5:17-18

 

Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu. Mela żżeblaħx iċ-ċanfir ta’ dak li jista’ kollox; għax hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek; iweġġgħek, iżda mbagħad b’idejh stess ifejjqek.

 

V/. Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek.

R/. Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Faħħru, nsara, lil Injazju,

mexxej kbir fl-eżerċtu t’Alla,

li bil-kliem, bl-eżempji tiegħu,

ħeġġeġ kotra ta’ suldati.

 

U, bi mħabba waħdanija,

mas-Sultan tas-sema ntrabat,

ħalli biss għalih jingħata

u għall-akbar glorja tiegħu.

 

B’dehen ta’ l-għaġeb, b’rieda sħiħa,

tħabat dejjem, huwa w sħabu,

biex jedd Kristu jkun imħares

u jinqerdu l-ereżiji.

 

B’moħħ imdawwal mill-Ispirtu,

b’għerf ta’ mgħallem għaqli w tajjeb,

fisser triq is-salvazzjoni

lil kulħadd bil-kitba tiegħu.

 

Xerred ħafna mid-dixxipli

ma’ wiċċ l-art, fi xtut imbiegħda,

biex il-Knisja tiled bihom

kotra kbira ta’ wlied ġodda.

 

Glorja ‘l Alla li, għall-merti

ta’ suldat hekk ħili w qawwi,

jieqaf magħna biex jitħabtu

bla waqfien għall-ġieħ ta’ Kristu. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej rebbaħ lis-Sultan, il-Midluk tiegħu.

 

Salm 19 (20)

 

Jisimgħek il-Mulej fi żmien in-niket; *

iħarsek l-isem ta' Alla ta' Ġakobb!

Mit-tempju mqaddes tiegħu jibgħatlek l-għajnuna, *

u minn Sijon jagħtik is-saħħa.

 

Jiftakar fl-offerti tiegħek kollha, *

u jilqa' bil-qalb is-sagrifiċċju tiegħek.

Jagħtik dak li tixtieq qalbek, *

u jtemm ħsibijiet tiegħek kollha.

 Naqbżu bil-ferħ għar-rebħa tiegħek, †

ngħollu l-bnadar f'isem Alla tagħna. *

Jagħtik il-Mulej kull ma titolbu!

 

Jien issa naf li l-Mulej *

irebbaħ lis-sultan, il-midluk tiegħu,

u jwieġbu mis-sema mqaddes tiegħu *

bir-rebħa qawwija tal-leminija tiegħu.

 

Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel, *

imma aħna f'isem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna.

Huma jixxenglu u jaqgħu; *

imma aħna b'saħħitna, weqfin fuq riġlejna.

 

Mulej, salva s-sultan; *

weġibna meta nsejjħulek.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej rebbaħ lis-Sultan, il-Midluk tiegħu.

Ant. 2: Ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek, Mulej.

 

Salm 20 (21):2-8, 14

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; *

kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu, *

ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, *

kuruna ta' deheb fin qegħedtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu, *

għomor twil minn żmien għal żmien.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; *

ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem, *

tferrħu u thennih bis-sebħ ta' wiċċek.

Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, *

għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.

 

Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! *

Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek, Mulej.

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:1-4

 

Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta' Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta' Alla li hi f'idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġin mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ġew mogħtijin f’idejkom, imma billi tkunu eżempju għall-merħla. Mbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Dan hu l-ħabib ta’ ħutu. * U jitlob ħafna ghall-poplu. Dan.

V/. Huwa ta ħajtu għal ħutu. * U jitlob ħafna għall-poplu. Glorja. Dan.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?

 

PREĊI

 

Kristu hu l-Qassis il-Kbir, imqiegħed għall-bnedmin f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Nagħtuh tifħir xieraq, u bl-umiltà kollha nitolbuh u ngħidulu:

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej.

Int xerridt dawl ta’ l-għaġeb fuq il-Knisja tiegħek permezz ta’ mexxejja kbar u qaddisa:

- ferraħ dejjem u sebbaħ bl-istess dawl lill-poplu nisrani.

Int ħfirt id-dnubiet tal-poplu tiegħek kull meta r-rgħajja qaddisa talbuk bħal Mosè:

- bit-talb tagħhom ibqa’ saffi u qaddes il-Knisja tiegħek.

Int ikkonsagrajt għalik il-qaddisin tiegħek minn fost l-aħwa u bgħatt fuqhom l-Ispirtu tiegħek:

- agħti l-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu lill-mexxejja kollha tal-poplu tiegħek.

Inti nnifsek għoġbok tkun is-sehem u l-wirt tar-rgħajja qaddisa tiegħek:

- tħallix li xi ħadd minna l-mifdija b’demmek jibqa’ mingħajrek.

Bir-rgħajja tal-Knisja inti tagħti l-ħajja ta’ dejjem lin-nagħaġ tiegħek, biex ħadd ma jaħtafhomlok minn idejk:

- salva lil ħutna l-mejtin li għalihom tajt ħajtek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt fil-Knisja tiegħek lil San Injazju ta’ Loyola biex jaħdem għat-tixrid ta’ l-akbar glorja ta’ Ismek; agħmel li jkollna l-għajnuna tiegħu u nħabirku bħalu fuq l-art, ħalli niksbu miegħu l-premju fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.