Stampa t-test kollu ...


IT-TNEJN

TAS-XVII IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tnejn ta’ l-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Nersqu quddiem il-Mulej b’għana ta’ radd il-ħajr.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Mill-mistrieħ ta’ friexna nqumu,

lejk, Missier, bit-talb induru;

ieqaf magħna waqt li nerfgħu

qlubna lejk b’tifħir tjubitek.

 

Lilek l-ewwel sejħa tagħna

bix-xewqat ta’ mħabba mħeġġa;

fik, Qaddis, ikun il-bidu

tal-ħidmiet li llum se nagħmlu.

 

Jiġi d-dawl, u d-dlam iħarrab,

titla’ x-xemx, u l-lejl jitbiegħed;

u tindaf ir-ruħ mill-ħtija

bil-ħasil tad-dawl imbierek.

 

B’wiċċna fl-art, Mulej, quddiemek,

nitolbuk dnubietna taħfer,

ħa jseħħilna b’moħħna safi

infaħħruk kuljum u dejjem.

 

Isma’ talbna Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

II. Matul il-jum

Dawl ta’ dejjem, Alla wieħed,

Trinità qaddisa w għolja,

nitolbuk fiċ-ċokon tagħna,

u nfaħħruk, għalkemm wisq dgħajfa.

 

Nemmnu fik, Missier setgħani,

fil-Waħdieni mnissel minnek,

u fl-Ispirtu, li jgħaqqadkom

b’hena sħiħ fi mħabba waħda.

 

Int il-verità, l-imħabba,

int it-tmiem u l-hena tagħna;

nar l-imħabba, l-fidi, t-tama

kattar fina, w ħdejk wassalna.

 

Int il-bidu u t-tmiem ta’ kollox,

l-għajn ta’ l-opri kollha tiegħek,

waħdek kenn u tama sħiħa

ta’ min jemmen fik u jħobbok.

 

Bħalma waħdek sawwart kollox,

hekk bik waħdek timla l-ħlejjaq;

int id-dawl sabiħ tad-dinja;

ta’ min jitma fik, il-premju.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

SALMODIJA

 

Ant. 1: Salvani, Mulej, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.

 

Salm 6

 

Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek; *

la twiddibnix fis-saħna tiegħek.

 

Ħenn għalija, Mulej, għaliex inħossni mifni; *

fejjaqni, Mulej, għaliex għadmi mfarrak;

ruħi mħawwda għall-aħħar.*

Mulej, int kemm se ddum ma tismagħni?

 

Dur lejja, Mulej, u eħlisni; *

salvani f'ġieħ it-tjieba tiegħek.

Għax ħadd mill-mejtin ma jiftakar fik; *

min ifaħħrek f'art l-imwiet?

 

Infnejt bit-tnehid tiegħi, †

kull lejl nibki fuq friexi, *

bid-dmugħ inxarrab soddti.

Għajnejja bil-biki tgħarrqu, *

u nfnew minħabba l-għedewwa tiegħi.

 

Tbiegħdu minni, intom li tagħmlu l-ħażen, *

għax sama' l-Mulej il-biki tiegħi.

Sama' l-Mulej it-tħannin tiegħi; *

jilqa' l-Mulej it-talba tiegħi.

Jistħu u jinfixlu għall-aħħar

l-għedewwa tiegħi kollha, *

u minnufih jerġgħu lura mħawwda.

 

Glorja.

 

Ant. 1: Salvani, Mulej, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Il-Mulej sar kenn għall-imsejken fid-dwejjaq tiegħu.

 

Salm 9 A (9)

 

I

 

Infaħħrek, Mulej, b'qalbi kollha; *

inxandar għeġubijietek kollha!

Nifraħ u nithenna bik; *

ngħanni lil ismek, int Alla l-Għoli.

 

Xħin jiġu lura l-għedewwa tiegħi, ⃰

jitfixklu u jgħibu quddiemek.

Għax int ħadt f'idejk id-dritt u l-kawża tiegħi, ⃰

ta' mħallef ġust qgħadt fuq it-tron tiegħek.

Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena; ⃰

ħassart isimhom għal dejjem ta' dejjem.

Intemmu l-għedewwa mħarbtin għal dejjem; †

bliethom qridtilhom, ⃰

u tifkirithom intilfet magħhom.

 

Imma l-Mulej isaltan għal dejjem; ⃰

iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, ⃰

jiġġudika l-popli bis-sewwa.

Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes, ⃰

kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.

Fik jittama min jagħraf lil ismek, ⃰⃰

għax int, Mulej, ma titlaqx 'il min ifittxek.

Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej sar kenn għall-imsejken fid-dwejjaq tiegħu..

Ant. 3: Inxandar tifħirek kollu f’bibien il-belt ta’ Sijon.

 

II

 

Għannu lill-Mulej li joqgħod f'Sijon, ⃰

xandru fost il-popli l-għemejjel tiegħu.

Hu, li jitħallas mid-demm, jiftakar fihom, ⃰

ma jinsiex għajat l-imsejknin.

Ħenn għalija, Mulej; ara n-niket tiegħi; ⃰

inti rfajtni u ħriġtni minn bibien il-mewt;

biex inxandar tifħirek kollu

f'bibien il-belt ta' Sijon; ⃰

biex nifraħ minħabba l-ħelsien tiegħek.

 

Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru; *

fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom.

Għarraf il-Mulej lilu nnifsu

u għamel il-ħaqq, *

b'għemil idejh inqabad il-ħażin.

 

Jinżlu l-ħżiena f'qiegħ l-art, *

il-ġnus kollha li jinsew 'l Alla.

Għax l-imsejken ma jintesiex għal dejjem, *

it-tama tal-fqajrin,

 ma tkunx għal dejjem fiergħa.

 

Qum, Mulej! Ma jirbaħx il-bniedem! *

Ħa jidhru l-ġnus għall-ħaqq quddiemek.

Itfa', Mulej, it-twerwir fuqhom, *

ħa jagħrfu l-ġnus li bnedmin huma.

Glorja.

 

Ant. 3: Inxandar tifħirek kollu f’bibien il-belt ta’ Sijon.

 

V/. Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek.

R/. U nagħmilha b’qalbi kollha.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 2 Kor 8:1-24

 

San Pawl jitlob li ssir ġabra għall-foqra ta’ Ġerusalemm

 

Aħna għarrafnielkom, ħuti, il-grazzja ta' Alla li ngħatat lill-knejjes tal-Maċedonja, għaliex fil-prova l-kbira tas-sofferenza, il-ferħ tagħhom kien kbir u l-faqar bla tarf tagħhom safa ta' għana kbir biex taw minn qalbhom. Għaliex taw minn rajhom kemm setgħu, u, nixhdhulkom jien, aktar milli setgħu. Talbuna b'ħeġġa kbira din il-grazzja, jiġifieri, li jissieħbu f'dan il-ministeru ta' għajnuna lill-qaddisin – u, aktar milli ttamajna aħna, huma taw ruħhom l-ewwel lill-Mulej, mbagħad lilna bir-rieda ta' Alla. U hekk tlabna lil Titu li beda dan ix-xogħol, biex itemm din il-ħidma ta' ħniena fostkom. Iżda bħalma intom mistagħnin f'kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, u fl-imħabba li aħna rawwimna f'qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f'din il-ħidma ta' ħniena.

M'iniex nordnalkom; iżda permezz tal-ħerqa li wera ħaddieħor irrid nipprova kemm hi sinċiera l-imħabba tagħkom. Intom tafu l-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu. Jiena parir qiegħed nagħti f'dan; għax dan ikun jaqblilkom, lilkom, li s-sena l-oħra kontu l-ewwel nies mhux biss li ndħaltu għal dan x-xogħol imma li ridtuh ukoll. Issa, mela, temmu dak li bdejtu tagħmlu, ħalli b'hekk, bħalma ridtuh minn qalbkom hekk ukoll ittemmuh, kulħadd skond ma għandu. Jekk il-qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu u mhux skond li ma għandux. Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa' kollu fuqkom. Bħalissa ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes ta' dawk li ma għandhomx, biex iż-żejjed tagħhom għad ikun jista' jpatti għan-nieqes tagħkom. U hekk ikun kulħadd indaqs, bħalma hu miktub: "Min ġabar ħafna ma sabx iżżejjed, u min ġabar ftit ma baqax bin-nieqes." 

Ħajr lil Alla li nissel l-istess ħerqa f'qalb Titu għalikom. Għaliex mhux biss laqa' t-talba tagħna, iżda minn qalbu ġej għandkom minħabba ż-żelu li għandu għalikom. Miegħu qegħdin nibagħtu wkoll lil ħuna li l-knejjes kollha jfaħħru minħabba x-xogħol tiegħu għax-xandir ta' l-Evanġelju. Mhux biss dan, imma kien ukoll magħżul mill-knejjes biex ikun is-sieħeb magħna fis-safar tagħna f'dan il-ministeru ta' karità għall-glorja ta' Alla u xhieda tar-rieda tajba tagħna. Għax qegħdin attenti li ħadd ma jkollu xi jgħid fina minħabba l-mod li bih sa nħaddmu din il-ġabra kbira. Aħna nfittxu s-sewwa mhux biss quddiem Alla iżda wkoll quddiem il-bnedmin. Qegħdin nibagħtu magħhom lil ħuna, li l-ħeġġa tiegħu ppruvajnieha kemmil darba b'ħafna manjieri u sibnieh dejjem mimli ħeġġa, iżda issa mħeġġeġ aktar minħabba l-fiduċja kbira li għandu fikom. Dwar Titu, mbagħad, ngħid biss li huwa sieħbi u ħaddiem miegħi għalikom; u fl-aħħar dwar ħuti, dawn huma l-messaġġiera tal-knejjes, u l-glorja ta' Kristu. Agħtuhom, mela, xhieda ta' mħabbitkom quddiem il-knejjes u tal-verità tal-ftaħir tiegħi bikom.

 

RESPONSORJU2 Kor 8:9; Fil 2:7a

 

R/. Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani ftaqar minħabba fikom, * Biex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

V/. Xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, * Biex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ċesarju ta’ Arles

 

Ħniena ta’ Alla u ħniena tal-bnedmin

 

Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. Kemm għandha ħlewwa, ħuti għeżież, il-kelma “ħniena”! Jekk din il-kelma, fiha nfisha, hi kollha ħlewwa, kemm aktar hi kollha ħlewwa l-ħniena fiha nfisha? Issa, għalkemm il-bnedmin kollha jixtiequ ‘l min jurihom ħniena, mhux kulħadd – u din hi l-agħar ħaġa – iġib ruħu b’mod li jkun jistħoqqlu ħniena. Kulħadd irid ‘il min jurih ħniena, iżda ftit huma dawk li juru ħniena ma’ l-oħrajn.

Ja bniedem, b’liema wiċċ titlob dak li ma tridx tagħti? Min jixtieq isib ħniena fis-sema, jeħtieġlu jurihaf’din id-dinja. Għalhekk, ħuti għeżież, jekk aħna lkoll nixtiequ ‘l min iħenn għalina, ħa nagħżlu li nħennu għall-oħrajn, ħalli dan ikun ta’ ħarsien għalina f’din id-dinja, biex imbagħad ikollna l-ħelsien fid-dinja li għad trid tiġi. Fis-sema tinsab dik il-ħniena li nistgħu niksbu billi nuru ħniena f’din id-dinja, għax l-Iskrittura tgħid: Mulej, sas-smewwiet tasal il-ħniena tiegħek.

Hemm il-ħniena tas-sema u hemm il-ħniena ta’ l-art; hemm il-ħniena li juru l-bnedmin u hemm il-ħniena li ġġiegħlek tħenn għall-fqir u l-imsejken. Liema hi l-ħniena li jurina Alla? Dik li tagħtik il-maħfra ta’ dnubietek. Kull ma tagħmel il-ħniena tal-bnedmin f’din id-dinja tpattih fis-sema l-ħniena ta’ Alla. Alla f’din id-dinja jbati l-ksieħ u l-ġuħ fil-fqar tiegħu kollha, kif hu stess qal: Kull ma għamiltu ma’ l-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi. Alla li fis-sema jogħġbu jagħti, fl-art jixtieq jirċievi.

X’nies aħna biex, meta Alla jqassam id-doni tiegħu, nistennew li nirċievu dawn id-doni mingħandu, u mbagħad m’aħniex lesti li nagħtuh xi ħaġa meta jitlobna? Meta xi fqir ikun bil-ġuħ, hu Kristu li jkun ibati, għax hu stess qal: Kont bil-ġuħ u tmajtuni. Mela tmaqdarx il-miżerja tal-foqra, jekk trid tkun żgur li għad taqla’ l-maħfra ta’ dnubietek. Kristu qed ibati l-ġuħ, ħuti, qed ibati l-ġuħ u l-għatx fil-fqar tiegħu kollha: dak li se jirċievi mingħandek fuq l-art, hu jroddulek fis-sema.

Nistaqsikom, ħuti: intom meta tiġu l-knisja xi tkunu tridu, xi tkunu tfittxu? M’hux ħniena? Mela uru l-ħniena tal-bnedmin, biex ikollkom il-ħniena ta’ Alla. Lilek jitlob il-fqir, u int titlob ‘l Alla; il-fqir jitlob kisra ħobż, int il-ħajja ta’ dejjem. Agħti lit-tallab biex tirċievi mingħand Kristu dak li jistħoqqlok. Isma’ x’jgħid: Agħtu u jingħatalkom. Ma nafx b’liema wiċċ tippretendi li tieħu, meta m’intix lest li tagħti. Għalhekk, meta tiġu l-knisja, agħtu kemm tistgħu karità lill-foqra.

 

RESPONSORJU Lq 6:36. 37ċ; Mt 5:7

 

R/. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. * Aħfru u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.

V/. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. * Aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.

TALBA

 

O Alla, li tħares lil min jittama fik, mingħajrek xejn ma jiswa, xejn ma hu qaddis; kattar fuqna l-ħniena tiegħek, u kun int li taħdem fuqna u tmexxina, ħalli ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi, hekk li nagħrfu norbtu ruħna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Dawl minn dawl, u dija safja

tal-Missier u l-glorja tiegħu,

int tad-dawl il-għajn u l-bidu,

int il-jum li l-jum iddawwal.

 

Iddi, Xemx tassew, fuq ruħna

lejl u nhar bil-bjuda tiegħek;

ixħet ġewwa fina r-raġġi

ta’ l-Ispirtu, dawl ħajjitna.

 

Lill-Missier ukoll insejjħu,

hu l-Etern fid-dawl tal-glorja;

b’setgħa w qawwa l-grazzja tiegħu

tkeċċi minna d-dlam tal-ħtija.

 

Hu jwettaqna f’kull ma nagħmlu,

biex quddiemu ngħixu safja,

b’fidi mħeġġa w tama sħiħa,

qawwijin fl-imħabba tiegħu.

 

Ħa jkun Kristu l-ikel tagħna,

tkun il-fidi x-xorb ta’ ruħna,

biex matul il-jum insibu

għajn ta’ ferħ fl-Ispirtu s-Santu.

 

Glorja ‘l Alla, l-Missier tagħna;

tifħir lilek, Kristu Sidna;

jitla’ r-radd ta’ ħajr minn qalbna

lill-Ispirtu li ġej minnkom. Ammen.

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lilek jien nitlob, Mulej; fil-għodu inti tisma’ leħni.

 

Salm 5:2-10. 12-13

 

Mulej, agħti widen għal kliemi; *

agħti kas tat-tnehid tiegħi.

Isma' l-għajat tat-talb tiegħi,†

Sultan tiegħi u Alla tiegħi, *

għax lilek jiena nitlob.

Mulej, fil-għodu int tisma' leħni; *

fil-għodu nressaqlek talbi, u nistenna.

 

Għax int m'intix Alla li tħobb il-ħażen; *

il-ħażin ma jsibx postu għandek.

 

Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk; †

int tobgħod kull min jagħmel id-deni; *

int teqred min jitkellem bil-gideb.

 

Nies qattiela u qarrieqa * jistmellhom il-Mulej.

 

Imma jien għat-tjieba kbira tiegħek *

nista' nidħol ġewwa darek;

ninxteħet quddiem is-santwarju mqaddes tiegħek, *

mimli bil-biża' tiegħek.

 

Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek

minħabba l-għedewwa tiegħi; *

wittili t-triq tiegħek quddiemi.

Is-sewwa m'huwiex fuq fommhom, *

qalbhom bil-ħażen mimlija;

ħalqhom bħal qabar miftuħ, *

imellsu biss bi lsienhom.

 

Ħa jifirħu dawk li jafdaw fik, *

u jithennew għal dejjem;

ħarishom, u bik jithennew *

dawk li jħobbu 'l ismek.

Għax int tbierek il-ġust, Mulej;

int tħaddnu bħal tarka bi tjubitek.

Glorja.

 

Ant. 1: Lilek jien nitlob, Mulej; fil-għodu inti tisma’ leħni.

Ant. 2: Infaħħruk, Alla tagħna, u nsebbħu l-isem glorjuż tiegħek.

 

Kantiku 1 Kron 29:10-13

 

 Imbierek int, Mulej, Alla ta' Iżrael, missierna, *

minn dejjem għal dejjem.

 Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa, †

il-ġieħ, is-sebħ u t-tifħir: *

kull ma hemm fis-sema u fl-art. 

 Tiegħek is-saltna, Mulej, *

int kap fuq kulħadd.

 

 Minnek l-għana u s-sebħ; *

int taħkem fuq kollox. 

 F'idejk il-qawwa u s-saħħa; * 

f'idejk is-setgħa li tkabbar u 'l kulhadd issaħħaħ.

 U issa nfaħħruk, Alla tagħna, *

u nsebbħu l-isem glorjuż tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Infaħħruk, Alla tagħna, u nsebbħu l-isem glorjuż tiegħek.

Ant. 3: Qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.

 

Salm 28 (29)

 

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla, *

agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.

Agħtu lill-Mulej il-glorja ta' ismu, *

qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.

 

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra; *

il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.

Leħen il-Mulej bil-qawwa, *

leħen il-Mulej bil-glorja.

Leħen il-Mulej ikisser iċ-ċedri; *

ikisser il-Mulej iċ-ċedri tal-Libanu.

Iġiegħel il-Libanu jaqbeż bħal għoġol, *

is-Sirjon bħal ferħ ta' gendus selvaġġ.

 

Leħen il-Mulej itajjar ilsna tan-nar. †

Leħen il-Mulej jheżheż id-deżert;

jheżheż il-Mulej id-deżert ta' Kades.

Leħen il-Mulej jobrom il-ballut, *

u jżarma l-foresti;

 Alla tal-glorja jriegħed; *

u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: Glorja!

 

Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar; *

isaltan il-Mulej għal dejjem.

Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu; *

ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!

Glorja.

 

Ant. 3: Qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Tess 3:10b-13

 

Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas għandu jedd jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m’humiex jaħdmu, imma qegħdin jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u l-għajxien tagħhom jaqilgħuh. U intom, ħuti, agħmlu l-ġid bla qatt ma tegħjew.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Imbierek il-Mulej * Minn dejjem għal dejjem. Imbierek.

V/. Hu waħdu jagħmel l-għeġubijiet. * Minn dejjem għal dejjem. Glorja. Imbierek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ikun imbierek il-Mulej Alla tagħna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ikun imbierek il-Mulej Alla tagħna.

 

PREĊI

 

Ngħollu bit-tifħir lil Kristu Sidna, li Alla mlieh bil-grazzja u bl-Ispirtu s-Santu, u b’fiduċja kbira ngħidulu:

Mulej, agħtina l-Ispirtu tiegħek.

Agħmel li din il-ġurnata ngħadduha fil-ferħ u s-sliem u bla tebgħa:

- biex wara jum xogħol nersqu nfaħħruk b’qalb hienja u safja.

Ħa tkun fuqna llum il-grazzja tiegħek:

- wettqilna int ix-xogħol ta’ jdejna.

Ixħet id-dawl ta’ wiċċek fuqna biex nagħmlu l-ġid fil-paċi:

- żommna taħt il-kenn ta’ l-id qawwija tiegħek.

Agħti ħarsa ħanina lejn dawk li jqawwu qalbhom bit-talb tagħna għalihom:

- imliehom b’kull ġid fir-ruħ u l-ġisem.

 

Missierna

Talba

 

Agħtina, Mulej, id-dawl tiegħek qabel ma jibdew il-ħidmiet tagħna, u għinna aħna u nagħmluhom, biex kull ma nagħmlu jkun jibda minnek u fik jintemm. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1. Il-liġi tal-Mulej tferraħ il-qalb u ddawwal l-għajnejn.

 

Salm 18 (19) B

 

Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; *

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx.

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; *

il-kmandament tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn.

 

Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem; *

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox;

egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin, *

oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.

Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek; *

ħlas tajjeb għandu min iħarishom.

In-nuqqas min jista' jagħrfu? *

Minn dak li ma nafx bih saffini.

U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek, *

tħalliha qatt taħkimni.

Mbagħad inkun bla ħtija *

u ħieles minn dnub kbir.

 

Ħa jkunu milqugħa quddiemek †

kliem fommi u ħsieb qalbi, *

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

 Glorja.

 

 Ant.1. Il-liġi tal-Mulej tferraħ il-qalb u ddawwal l-għajnejn.

 Ant.2. Iqum il-Mulej biex jagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa.

 

Salm 7

 

I

 

Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi; *

salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni,

li ma jaħtfunix bħal iljun u jqattgħuni, *

u ma jkunx hemm min jeħlisni.

 

Mulej, Alla tiegħi, jekk dan jien għamilt, *

jekk ħatja ta' xi ħażen huma idejja,

jekk b'deni għall-ġid ħallast lil ħabibi, *

jew għal xejn b'xejn ħarbatt l-għadu tiegħi,

ħa jqum l-għadu kontrija u jirbaħni, †

ma' l-art taħt riġlejh jitfagħni, *

u ġieħi fit-trab ikasbarli.

 

Qum, Mulej, bil-qilla tiegħek, †

ieqaf kontra s-saħna ta' l-għedewwa tiegħi; *

stenbaħ, u agħmilli l-ħaqq li int ordnajt.

Ħa jinġemgħu l-ġnus madwarek; *

fuqhom int toqgħod fil-għoli.

 

Mulej, int li tagħmel ħaqq mill-popli, †

agħmel ħaqq minni, Mulej, skond is-sewwa tiegħi *

u skond it-tjubija li hemm fija.

Ħa jintemm il-ħażen tal-ħżiena, *

u jitwettaq il-bniedem sewwa.

Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, *

int Alla ġust.

 Glorja.

 Ant.2. Iqum il-Mulej biex jagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa.

 Ant.3. Alla mħallef ġust u qawwi, li jsalva ‘l min hu qalbu safja.

 

II

 

It-tarka tiegħi hu Alla, *

li jsalva 'l min hu qalbu safja.

Alla hu mħallef ġust, *

Alla li dejjem jitħallas mill-ħażen.

 

Tassew li l-għadu jiġi u jsinn is-sejf, *

l-ark jissikka u jimmirah.

Diġà ħejja l-armi tal-mewt, *

il-vleġeġ għamilhom għodda mikwija.

Arah, l-għadu jnissel il-ħażen, *

jitqal bil-qerq u jiled il-gideb.

Fetaħ bir u ħaffru sewwa; *

iżda jaqa' fil-ħofra li għamel hu.

Fuq rasu taqa' l-ħsara li għamel; *

fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.

 

Inrodd ħajr lill-Mulej għall-ġustizzja tiegħu; *

ngħanni isem il-Mulej, isem l-Għoli.

 Glorja.

 

 Ant.3. Alla mħallef ġust u qawwi, li jsalva ‘l min hu qalbu safja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 13:8. 10

 

Qisu li ma jkollkom ebda obbligazzjoni lejn ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin ; għax min iħobb lill-proxxmu jkun żamm il-liġi kollha. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu. Mela l-imħabba hija l-milja tal-liġi.

 

V/. Inti l-għajnuna tiegħi, tħallinix.

R/. U titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu, biex bix-xogħol tagħhom jgħinu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda, hekk li ngħixu għalik bl-ispirtu ta’ wliedek u nħobbu lil kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRAĠak 1:19-20. 26

 

Ara li kull bniedem ikun ħafif biex jisma’, mhux la kemm jitkellem, mhux la kemm jinkorla. Għax il-korla ta’ bniedem ma tagħmilx il-ġustizzja ta’ Alla. Jekk xi ħadd jidhirlu li hu tajjeb, u lsienu ma jrazznux u jqarraq f’qalbu, fiergħa hi t-tjieba tiegħu.

 

V/. Kull ħin inbierek il-Mulej.

R/. Tifħiru dejjem fuq fommi.

 

Talba

 

O Alla, sid u għassies tal-ħsad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:17-19

 

Għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija. Kunu afu li, mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, intom kontu mifdija mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal ħaruf bla ħtija u bla tebgħa.

 

V/. Eħlisni int, u ħenn għalija.

R/. Fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.

 

Talba

 

O Alla, int qiegħed issejjħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex bih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Alla kbir, int fridt fil-bidu

l-ilmijiet ta’ fuq minn t’isfel,

u waqqaft fil-għoli s-sema,

l-art u l-baħar taħt riġlejna.

 

Is-smewwiet bid-dwal żejjinthom,

lejl u nhar iwennsu l-bniedem;

niżlu x-xmajjar mill-muntanji,

l-art isaqqu w l-għomma jtaffu.

 

Uri magħna t-tjieba tiegħek,

sawwab fuqna d-dawl tal-grazzja,

biex id-dnub li kien jassarna

ma jerġax fid-dlam jixħetna.

 

Imla l-fidi tagħna b’dawlek

ħa nferrxuh kull ħin madwarna,

nikxfu l-qerq u nuru x-xibka

li jonsbilna l-għadu ħajjen.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej jitfa’ għajnejh fuq l-imsejken.

 

Salm 10 (11)

 

Fil-Mulej hu l-kenn tiegħi; †

mela kif tgħiduli: *

“Aħrab bħal għasfur lejn l-għolja;

għax, ara, il-midinbin qed imiddu l-ark, †

u jqabbdu mal-watar il-vleġġa, *

biex jolqtu fid-dlam lin-nies ta' qalb safja.

Jekk is-sisien jinqalbu, *

il-bniedem ġust x'jista' jagħmel?"

 

Il-Mulej hu fit-tempju mqaddes tiegħu, *

il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu;

għajnejh fuq il-bnedmin jitfa', *

bi xfar għajnejh jiflihom.

 

Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; *

hu jobgħod 'il min iħobb id-dnewwa.

Xita ta' ġamar u kubrit jitfa' fuq il-ħżiena; *

riħ jikwi jkun is-sehem li ħaqqhom.

 

Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja; *

wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej jitfa’ għajnejh fuq l-imsejken.

Ant. 2: Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla.

 

Salm 14 (15)

 

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? *

Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, *

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu, †

ma jagħmilx deni lil ġaru, *

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin, *

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu; †

min jislef u ma jitlobx imgħax, *

u ma jieħu xejn kontra min hu bla ħtija.

 

Min jagħmel dan, *

qatt ma jitħarrek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla.

Ant. 3: Alla ddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ibnu.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda,

li hu Kristu, *

 kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ibnu.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 1:9b-11

 

Agħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali. Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej, u togħġbuh f’kollox bil-frott ta’ kull opra tajba, u tikbru fl-għerf ta’ Alla, titwettqu bil-qawwa kollha skond il-qawwa tas-sebħ tiegħu, biex tkunu tifilħu ġġarbu kollox bis-sabar u l-ferħ.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Mulejja, salvani, * Għax dnibt kontra tiegħek. Mulejja.

V/. Jien għedt: Ħenn għalija, Mulej. * Għax dnibt kontra tiegħek. Glorja. Mulejja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Infaħħar il-kobor tal-Mulej, għax Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Infaħħar il-kobor tal-Mulej, għax Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tiegħi.

 

PREĊI

 

Alla għamel patt għal dejjem mal-poplu tiegħu, u qatt ma jieqaf jagħmlilhom il-ġid. Niżżuh ħajr, u b’qalbna qawwija nitolbuh:

Agħmel il-ġid, Mulej, lill-poplu tiegħek.

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej:

- bierek il-wirt tiegħek.

Agħmel li l-insara kollha jkunu magħquda ħaġa waħda bejniethom:

- biex id-dinja temmen fi Kristu, li inti bgħatt.

Agħti l-grazzja tiegħek lil ħbiebna kollha u lil kull min nafu:

- għinhom ixerrdu madwarhom il-fwieħa ħelwa ta’ Kristu.

Uri tjubitek u mħabbtek lill-moribondi:

- agħmel li għajnejhom jaraw is-salvazzjoni tiegħek.

Xerred il-ħniena tiegħek fuq ħutna l-mejtin:

- iġborhom ma’ dawk li qegħdin jistrieħu fi Kristu.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, int ħarist lejn iċ-ċokon tal-Verġni Marija u biha ftaħtilna t-triq tas-salvazzjoni; aħna noffrulek dan is-servizz tagħna għat-tifħir kbir tiegħek u biex twassalna fil-glorja tal-fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.