Stampa t-test kollu ...


L-ERBGĦA

 

TAL-XXXIV ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Erbgħa tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Għajjtu bil-ferħ lil Alla, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej.

 

 

 

 

 

 UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Jum ta’ biża’, jum ta’ qilla,

li fi rmied jibdel id-dinja;

jixhduh David u s-Sibilla.

 

Kif ikun kulħadd imriegħed

xħin għall-ħaqq jiġi l-Imħallef

bl-ikbar reqqa, bħalma wiegħed.

 

Ħoss it-tromba jidwi, w miegħu

lill-bnedmin mill-oqbra kollha

isejjħilhom għall-ħaqq tiegħu.

 

Mgħaġġba l-mewt, bħalha n-natura

xħin, biex twieġeb lill-Imħallef,

tqum mill-mewt kull kreatura.

 

F’dak il-ħin jinġieb ktieb wieħed

u fih kollox huwa mniżżel,

biex minn fuqu l-ħaqq jittieħed.

 

Kif il-ħaqq l-Imħallef jagħti,

kull ma nħeba jibda jidher;

ħadd ma jeħles, jekk hu ħati.

 

Tliet Persuni setgħanin

aħna nqimu, imm’Alla wieħed:

Int wassalna mal-henjin. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

 

Salm 38 (39)

 

I

 

Jien għedt: "Irrid nara kif nimxi, *

biex ma nagħmilx dnubiet bi lsieni;

inqiegħed fuq fommi sarima, *

sakemm idum il-ħażen quddiemi."

Għalaqt ħalqi u bqajt sieket, †

żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli; *

l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.

Tħeġġet qalbi ġewwa fija; *

għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija.

 

Inħall imbagħad ilsieni, u jien għedt: *

"Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi,

u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, *

ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.

 

Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, †

żmien ħajti qisu xejn quddiemek. *

Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.

Bħal dell jgħaddi l-bniedem, †

għalxejn joqgħod jitħabat, *

jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru.

 Glorja.

 

Ant. 1: Aħna nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna.

Ant. 2: Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

 

II

 

U issa, Mulej, jien x'nistenna? *

Fik biss hija t-tama tiegħi.

Eħlisni minn ħtijieti kollha, *

titlaqnix għaż-żebliħ ta' l-iblah.

Niskot jien, ma niftaħx ħalqi, *

għax dan hu għemil tiegħek.

 

Warrab minni d-daqqiet tiegħek; *

mifni jien bis-swat ta' idejk. 

B'kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem, †

bħal kamla tgħarraqlu ġmielu. *

Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.

 

Isma', Mulej, it-talba tiegħi, †

agħti widen għall-għajta tiegħi, *

tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.

Għax jien m'hux ħlief mistieden għandek, *

barrani, bħal missirijieti kollha.

Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu n-nifs, *

qabel ma nitlaq u nintemm għalkollox."

 Glorja.

 

Ant. 2: Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għad-dmugħ tiegħi.

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

 

Salm 51 (52)

 

Xi trid tiftaħar, bniedem b'saħħtek, *

bi ħżunitek kontra t-twajjeb?

Dejjem ħsiebek kif tagħmel id-deni, *

lsienek bħal xafra taqta', ja qarrieq!

Tħobb il-ħażen aktar mit-tajjeb, *

u l-gideb aktar mis-sewwa.

Tħobb kull xorta ta' kliem ta' ħsara, *

ilsien qarrieq!

 

Imma Alla jxejjnek għal dejjem, †

jaħtfek u jaqilgħek 'il barra minn għamartek, *

jeqirdek minn art il-ħajjin.

Il-ġusti mbagħad iħarsu miblugħa, *

u jidħku bih u jgħidu:

 "Araw il-bniedem

li m'għamilx 'l Alla fortizza tiegħu, *

 imma ttama fl-għana kbir tiegħu,

qiegħed f'ġidu l-qawwa tiegħu!"

 

Imma jien, bħal siġra taż-żebbuġ

li tħaddar fid-dar ta' Alla, *

 nittama fit-tjieba ta' Alla għal dejjem ta' dejjem.

Infaħħrek għal dejjem għax dan int għamiltu; *

inxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

 

V/. Ruħi f’kelmtu tittama.

R/. Tistenna ruħi lil Sidi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu 2 Piet 2:1-9

 

Għalliema foloz

 

Għeżież: Dehru wkoll profeti foloz fost il-poplu ta’ Alla, kif għad ikun hemm għalliema foloz fostkom. Dawn idaħħlu firdiet, li jġibu l-qerda, sa jaslu biex jiċħdu s-Sid li għalih kisibhom u malajr iġibu l-qerda fuqhom infushom. Ikun hemm ħafna li jimxu skond l-imġiba bla rażan tagħhom, u ħtija tagħhom tkun imkasbra t-triq tal-verità. Imqanqlin mir-regħba tagħhom, jagħmlu negozju minn fuqkom bi kliem qarrieq. Imma l-kundanna tagħhom ġa ilha minn żmien taħdem, u l-qerda tagħhom ma raqditx.

Jekk Alla ma ħafirhiex lill-anġli li dinbu, imma tefagħhom fil-ħofor mudlama ta' l-infern biex hemm jinżammu sa jum il-ġudizzju; jekk ma ħafirhiex lid-dinja tal-qedem - barra minn Noè, il-ħabbâr tal-ġustizzja, u sebgħa min-nies oħra - meta bagħat id-dulluvju fuq id-dinja tal-ħażen; jekk ikkundanna l-bliet ta' Sodoma u Gomorra biex ikunu maħruqa sa ma jsiru rmied u bihom ħalla tagħlim għal dawk il-ħżiena li kellhom jiġu wara, u ħeles biss lil Lot, raġel ġust, mifni kif kien ħtija ta' l-imġiba bla rażan tal-ħżiena - għax dan ir-raġel ġust waqt li kien jgħix magħhom, b'dak li kien jara u jisma' minn jum għal ieħor, kien iħoss qalbu tingħafas quddiem l-imġiba ħażina tagħhom; jaf mela l-Mulej jeħles it-tajbin mit-tiġrib u jħalli l-ħżiena biex jieħdu l-kastig f'jum il-ġudizzju.

 

RESPONSORJU Mt 7:15; 24:11. 24

 

R/. Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz: għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, * U minn ġewwa jkunu lpup ħattafa.

V/. Iqumu bosta profeti foloz, u jibdew jagħmlu sinjali kbar u jqarrqu b’ħafna nies. * U minn ġewwa jkunu lpup ħattafa.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Omiliji ta’ l-isqof San Makarju

 

Ħażin għar-ruħ,

li ma jkollhiex lil Kristu jgħammar fiha

 

Alla fl-imgħoddi inkorla għall-Lhud, u għamel minn Ġerusalemm wirja quddiem l-għedewwa tagħhom; dawk li kienu jobogħduhom ħakmuhom taħt idejhom, u ma setgħux jagħmlu iżjed festi u sagrifiċċji. Bl-istess mod Alla jinkorla għar-ruħ jekk tikser il-kmandamenti tiegħu; jitlaqgħa f’idejn l-għedewwa tagħha, biex iħassruha għalkollox, wara li jkunu qarrqu biha.

Id-dar, jekk sidha ma jkunx joqgħod fiha, tibqa’ fid-dlam, taqa’ fl-għajb u tistħi tidħol fiha, għax timtela bit-trab u l-ħmieġ. Hekk ir-ruħ li titlef minnha lil Sidha u l-ferħ ta’ l-anġli, tintela bid-dlam tad-dnub, bil-kruha tal-ġibdiet ħżiena u b’kull għajb.

Ħażin għat-triq li ħadd ma jimxi fiha u ebda leħen ta’ bniedem ma jinstema’ fiha! Jibdew joqogħdu fiha l-bhejjem. Ħażin għa-ruħ li l-Mulej ma jimxix fiha biex isemma’ leħnu fiha u jkeċċi minnha l-bhejjem, li huma l-ispirti tal-ħażen. Ħażin għad-dar, jekk sidha ma joqgħodx fiha! Ħażin għar-raba’, jekk il-bidwi ma jaħdmux! Ħażin għall-ġifen bla kaptan, għax il-mewġ u l-baħar imqalleb iġorruh magħhom sa ma jegħreq! Ħażin għar-ruħ, jekk ma jkollhiex lil Kristu, il-mexxej veru tagħha! Għax tibqa’ fil-baħar ikrah tad-dlamijiet u titqalleb mal-mewġ tal-ġibdiet tagħha, titkaxkar mill-ispirti tal-ħażen qisha f’tempesta xitwija, sakemm issib il-qerda tagħha.

Ħażin għar-ruħ, jekk ma jkollhiex il-bidwi li jaħdimha bil-għaqal, jiġifieri lil Kristu, biex tista’ tagħmel il-frott tajjeb ta’ l-Ispirtu! Għax tibqa’ qisha art moxa, kollha xewk u għolliq, u minflok frott tagħmel ħaxix li jinxteħet fin-nar u hi stess tinħaraq. Ħażin għar-ruħ, jekk ma jkollhiex lil Kristu Sidha jgħammar fiha! Għax tkun qisha deżert u tarmi l-intiena tax-xewqat ħżiena, issir bejta tal-vizzji.

Meta l-bidwi jmur fl-għalqa biex jaħdimha, irid jieħu miegħu l-għodda tajba għax-xogħol u l-meħtieġ għall-ħidma. Hekk Kristu, is-sultan tas-sema u l-bidwi veru; ġie fid-dinja, qisha art imħarbta bil-vizzju, libes il-ġisem tal-bniedem, u ħa s-salib bħala għodda; huwa ħadem id-deżert tar-ruħ, naddafha mix-xewk u l-għolliq ta’ l-ispirti ħżiena, qaċċat minnha l-ħurrieq tad-dnub, u xeħet fin-nar it-tiben kollu ta’ dnubietha; mbagħad għażaqha bis-salib, ħawwel fiha s-siġar tal-virtù, u għamilha ġnien mill-isbaħ ta’ l-Ispirtu, biex tagħmel minn kull xorta ta’ frott kollu benna li jgħaxxaq lil Alla Sidha.

 

RESPONSORJU Ġw 15:1. 5a. 9a

 

R/. Jiena d-dielja vera, intom il-friegħi; * Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

V/. Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. * Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

 

TALBA

Qanqal, Mulej, ir-rieda tal-fidili tiegħek, biex jitħejjew dejjem aħjar ħalli jagħmlu frott ta’ għemejjel qaddisa, u jkollhom dejjem l-għajnuna tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

X’ngħid, imsejken kif narani?

Lil min ngħid jidħol għalija,

jekk qaddis ukoll beżgħani?

 

Re setgħan fil-kobor tiegħek,

li ssalvani bla jistħoqqli,

għajn ta’ ħniena, żommni miegħek.

 

Ftakar f’dan, Ġesù tal-ħniena,

li għalija int ġejt fid-dinja,

biex mitluf ma nkun qatt jiena.

 

Int fittixtni, nfnejt għalija,

biex tifdini mitt imsallab:

dana kollu ħa jseħħ fija!

 

Ta’ ħaqq kbir, Imħallef, driegħek!

tini l-maħfra ta’ dnubieti,

qabel jasal il-ħaqq tiegħek.

 

Bħala ħati nibża’ jiena,

tħammar wiċċi l-ħtija tiegħi:

lilek nitlob, Alla, ħniena!

 

Tliet Persuni setgħanin

aħna nqimu, imm’Alla wieħed:

Int wassalna mal-henjin. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

 

Salm 76 (77)

 

B'leħen qawwi 'l Alla nsejjaħ, *

insejjaħ 'l Alla biex jismagħni.

Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex; †

ma negħjiex billejl nerfa' idi u nitlob; *

ma tridx taf b'faraġ qalbi.

Niftakar f'Alla u nitniehed; *

jien u naħseb, tinfena qalbi.

 

Inżomm miftuħa xfar għajnejja; *

jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.

Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi, *

niftakar fis-snin ta' qabel;

billejl nitħaddet f'qalbi, *

naħseb u nixtarr ġewwa fija.

 

Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna? *

M'hux se jibqa' jurina mħabbtu?

Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu? *

M'hux se jibqa' jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?

Nesa Alla juri ħniena magħna? *

Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?

 

Ikolli ngħid: "Dan hu l-għali tiegħi: *

li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu."

Mbagħad niftakar f'għemilek, Mulej; *

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

Naħseb f'kull ma int għamilt; *

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.

 

Qaddisa triqtek, o Alla! *

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb, *

li turi qawwietek fost il-popli.

Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek, *

l-ulied ta' Ġakobb u ta' Ġużeppi.

 

Rawk l-ilmijiet, o Alla, †

rawk l-ilmijiet u twerwru; *

u sa qiegħ il-baħar triegħed.

Mis-sħab niżlet ix-xita, u s-smewwiet triegħdu; *

leħħ ma' kullimkien il-beraq tiegħek.

Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda f'waħda, †

il-beraq dawwal id-dinja; *

triegħdet u theżhżet l-art.

 

Triqtek fuq il-baħar, †

fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek; *

u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.

Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek, *

b'id Mosè u Aron.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

Ant. 2: Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi kif ukoll jgħolli.

 

Kantiku 1 Sam 2:1-10

 

 Qalbi tifraħ fil-Mulej, *

 bis-saħħa tiegħu jintrefa’ ġieħi;

 jien niddieħak bl-għedewwa tiegħi, *

 għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek.

 

 Ħadd m’hu qaddis bħall-Mulej, †

 ma hemm ħadd ieħor ħliefek; *

 ma hemmx blata bħal Alla tagħna.

 Toqogħdux titkabbru iżjed bi kliemkom; *

 kliem kburi ma joħroġx iżjed minn fommkom.

 Għax il-Mulej hu Alla li kollox jagħraf, * 

 hu jqis l-għemejjel tal-bniedem.

 

 Il-qaws tal-qawwijin tkisser, * 

 u tħażżmu bil-ħila d-dgħajfin.

 Min kellu bix-xaba’ mar jaħdem għal ħobżu; *

 Imma l-imġewwaħ ma baqax jitħabat.

 Il-mara bla tfal wildet sebgħa, *

 u l-omm ta’ bosta wlied tilfet saħħitha.

 

 Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja, *

 Iniżżel f’art l-imwiet u jtella’ minnha.

 Il-Mulej ifaqqar u jagħni, *

 Ibaxxi u jgħolli wkoll.

 Iqajjem mit-trab lill-imsejken, *

 U jerfa’ lill-fqir mill-miżbla,

biex mal-kbarat iqegħedhom, *

 u jagħtihom post ta’ ġieħ.

Għax tal-Mulej huma l-kolonni ta’ l-art; *

 Fuqhom hu qiegħed id-dinja.

 

Huwa jħares il-mixi ta’ ħbiebu, †

 imma l-ħżiena fid-dlam jinqerdu; *

 għax m’hux b’ħiltu li l-bniedem jitqawwa.

Il-Mulej iwerwru lil min jeħodha miegħu, *

 u fuqu mis-sema jriegħed.

Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-art kollha, †

 Jagħti s-setgħa lis-sultan tiegħu, *

 jgħolli u jqawwi lill-midluk tiegħu

 Glorja.

 

Ant. 2: Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi kif ukoll jgħolli.

Ant. 3: Tifraħ l-art quddiem il-Mulej, is-Sultan!

 

Salm 96 (97)

 

Il-Mulej isaltan! †

Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru; *

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

In-nar jimxi quddiemu, *

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *

tara dan l-art u titriegħed.

Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *

quddiem is-Sid ta' l-art kollha. 

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

 

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

Tisma' dan u tifraħ Sijon, †

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †

'il fuq mill-art kollha, *

ogħla ħafna mill-allat.

 

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †

iħares il-ħajja ta' ħbiebu, *

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Tifraħ l-art quddiem il-Mulej, is-Sultan!

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:35. 37

 

Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla? Imma, f’dan kollu aħna noħorġu tassew rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kull ħin inbierek il-Mulej; * Tifħiru dejjem fuq fommi. Kull ħin.

V/. Bil-Mulej tiftaħar ruħi. * Tifħiru dejjem fuq fommi. Glorja. Kull ħin.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Naqdu lill-Mulej bil-qdusija tul ħajjitna kollha.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Naqdu lill-Mulej bil-qdusija tul ħajjitna kollha.

 

PREĊI

 

Ikun imbierek Alla s-salvatur tagħna, għax hu jibqa’ dejjem mal-Knisja tiegħu, sa l-aħħar taż-żmien, skond il-wegħda tiegħu. Niżżuh ħajr minn qalbna u ngħidulu:

Ibqa’ magħna, Mulej.

Ibqa’ magħna llum, Mulej, tul il-ġurnata kollha:

- jalla x-xemx tal-grazzja tiegħek ma tgħib qatt minn fuqna.

Nikkonsagrawlek dan il-jum, billi noffruh lilek:

- nagħtuk kelma li nagħmlu ħilitna kollha biex naħarbu kull ħażen.

Agħmel, Mulej, li dan il-jum jisfgħalna kollu kemm hu bħala don ta’ dawl:

- jgħinna nkunu l-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja.

L-imħabba ta’ l-Ispirtu Qaddis tiegħek tmexxi l-qalb u x-xufftejn tagħna:

- biex dejjem inżommu sħiħ fit-triq il-ġusta tiegħek u nfaħħruk.

 

Missierna

 

Talba

 

Sawwab fi qlubna, Mulej, id-dija tad-dawl tiegħek, biex nimxu bla waqfien fit-triq tal-kmandamenti tiegħek, u qatt ma mmiddu riġlejna fit-triq l-imgħawwġa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħeġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119):57-64

 

VIII (Ħet)

 

Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi, *

li nħares il-kelma tiegħek."

Quddiemek nitlob b'qalbi kollha; *

ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.

 

Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, *

u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ngħaġġel u ma nitnikkirx, *

biex inħares il-kmandamenti tiegħek.

Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni, *

imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

F'nofs il-lejl inqum infaħħrek *

minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.

Nissieħeb ma' kull min għandu l-biża' tiegħek, *

ma' dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.

Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek; *

għallimni l-kmandamenti tiegħek. 

 Glorja.

 

Ant.1 Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ant.2 Biża’ u tregħid jiġu fuqi; ismagħni u weġibni, Mulej.

 

Salm 54 (55):2-15. 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!

 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsarat, *

fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

 

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

 Glorja.

 

Ant.2 Biża’ u tregħid jiġu fuqi; ismagħni u weġibni, Mulej.

Ant.3 Lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.

 

II

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk, kont nissaporti.

M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 

Imma jien lil Alla nsejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlieda li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 

Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

 Imma jien fik nittama.

 Glorja.

 

Ant.3 Lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 1:61-17a

 

F’dak iż-żmien lill-imħallfin tagħkom ordnajtilhom u għedtilhom: Isimgħuhom lil ħutkom, u għamlu l-ħaqq skond is-sewwa bejn bniedem u ieħor, sew jekk ħuh sew jekk barrani għalih. Tħarsux lejn l-uċuħ fil-ħaqq li tagħmlu; isimgħu kemm liż-żgħir u kemm lill-kbir, u la tibżgħu minn ħadd, għax dan il-ħaqq huwa ta’ Alla.

 

V/. Ġust il-Mulej, u jħobb il-ġustizzja.

R/. Wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lil-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub; agħtina l-grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:8-9

 

Il-fehmiet tiegħi ma humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi ma humiex triqatkom, jgħid il-Mulej; għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

 

V/. Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, min hu bħalek?

R/. Int qawwi, Mulej, u l-fidili tiegħek madwarek.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħgob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Sam 16:7b

 

Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fil-għajn, imma l-qalb.

 

V/. Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi.

R/. Mexxini fit-triq ta’ dejjem.

 

Talba

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int ħfirt lill-Madalena,

mal-ħalliel urejt il-ħniena

lili tajtni t-tama w l-hena.

 

Ma ħaqqnix li Int tismagħni:

imma kun ħanin, u lili

f’nar ta’ dejjem qatt titfagħni.

 

Minn mal-ħżiena Inti tbegħedni,

mat-tajbin, fil-lemin tiegħek,

f’dak il-jum, nitolbok, tqegħedni.

 

Milqutin bis-saħħa tiegħek,

jinżlu l-ħżiena f’nar tal-biża’;

mat-tajbin sejjaħli miegħek.

 

Lilek nitlob tieqaf miegħi,

b’qalbi niedma, b’qima kbira:

Int ħarisni fit-tmiem tiegħi.

 

F’dak il-jum id-dmugħ jinġema’

meta jqum mit-trab il-ħati

biex il-ħaqq għalih jinstema’.

 

Tliet Persuni setgħanin

aħna nqimu, imm’Alla wieħed:

Int wassalna mal-henjin. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tas-Salvatur tagħna.

 

Salm 61 (62)

 

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi: *

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, *

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

 

Kemm se ddumu teħduha kontra wieħed waħdu, †

biex taqilbuh ilkoll flimkien, *

bħal ċint qed jiġġarraf, bħal ħajt qed jaqa'?

Ħsiebhom biss biex iwaqqgħuh mill-għoli tiegħu; †

iħobbu l-gideb; *

b'fommhom ibierku, imma f'qalbhom jisħtu.

 

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi, *

għax mingħandu tiġini t-tama.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, *

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

 

F'Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi; *

hu l-blata qawwija tiegħi, u l-kenn tiegħi f'Alla. 

Ittama fih f'kull żmien, o poplu; †

iftħu qalbkom quddiemu. *

Alla hu kenn għalina!

 

Duħħan biss huma l-bnedmin, *

gidba huma wlied il-bniedem.

Fil-miżien 'il fuq jogħlew, *

eħfef mid-duħħan ilkoll flimkien.

 

Isserrħux raskom bis-serq, *

tittamawx fi ħwejjeġ maħtufa;

mqar jekk joktor l-għana, *

torbtux qalbkom miegħu. 

Ħaġa waħda qal Alla; *

jien dawn it-tnejn tgħallimt:

li "l-qawwa hi ta' Alla", †

u li "tiegħek, Sidi, hi t-tjieba". *

Għax int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tas-Salvatur tagħna.

Ant. 2: Idawwar Alla għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, u jberikna.

 

Salm 66 (67)

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna; *

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, *

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, †

għax trieġi l-popli bis-sewwa, *

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha; *

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża' minnu *

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

 

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Idawwar Alla għal fuqna d-dija ta’ wiċċu, u jberikna.

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, u kollox bih qiegħed iżomm.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet. 5:5b-7

 

Tħażżmu, ilkoll kemm intom, bl-umiltà lejn xulxin, għax Alla jiqfilhom lill-kburin, imma jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Kunu mela umli taħt l-id setgħana ta’ Alla, biex hu jerfagħkom meta jasal il-waqt. Ixħtu fuqu l-ħsibijiet tagħkom kollha, għax hu jaħseb fikom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Bħal ħabba ta’ l-għajn, * Ħarisna, Mulej. Bħal ħabba.

V/. Għad-dell ta’ ġwenħajk kenninna. * Ħarisna, Mulej. Glorja. Bħal ħabba.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Uri, Mulej, il-qawwa ta’ driegħek; xerred l-imkabbra u għolli ċ-ċkejknin.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Uri, Mulej, il-qawwa ta’ driegħek; xerred l-imkabbra u għolli ċ-ċkejknin.

 

PREĊI

 

Ngħajjtu bil-ferħ lil Alla tagħna, għax tassew jithenna ħafna meta jiftaħ idejh u jxerred il-ġid fuq il-poplu tiegħu. Nitolbuh bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna:

Mulej, kattar fuq kulħadd il-grazzja u s-sliem tiegħek.

Alla ta’ dejjem, elf sena huma quddiemek bħall-jum ta’ lbieraħ, li għadda:

- fakkarna li ħajjitna fuq l-art hi bħal warda li tiftaħ fil-għodu u tidbiel sa filgħaxija.

Qassam bil-kotra l-manna lill-poplu tiegħek, biex ma jbatix il-ġuħ:

- agħtih l-ilma ħaj, biex qatt iżjed ma jagħmel bih il-għatx.

Agħmel li l-fidili tiegħek jaħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema u jfittxu lilhom:

- għinhom biex il-ħin kollu tagħhom, sew ta’ ħidma sew ta’ btala, jgħadduh għall-glorja tiegħek.

Ibagħtilna temp tajjeb u f’waqtu għall-art, ħa tkattrilna l-frott tagħha:

- biegħed minna kull ħsara u xerred il-barka tiegħek fuq djarna.

Uri wiċċek lil ħutna l-mejtin:

- mexxi wkoll lilna lejn id-dehra hienja ta’ sebħek.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, li ismek qaddis u tjubitek imfaħħra minn nisel għal nisel, ilqa’ t-talb umli tal-poplu tiegħek, u agħtih li jxandar bla heda t-tifħir tal-kobor tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.