Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAS-XVI ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

O dawl ta’ dejjem, dija ta’ Missierek,

int Xemx li qatt ma tgħib għal min iħobbok;

inroddu lil tjubitek ħajr għax ħlistha

mid-dlam tal-mewt u l-ħtija.

 

Fi sbiħek, Xemx ħanina, r-ruħ tistaħja,

għas-sejħa tiegħek tqum ħawtiela w tħabrek,

twarrab l-imgħoddi msejken tagħha w tħaffef

fit-triq imdawwla b’dawlek.

 

Bik ksibna r-rebħa fuq il-mewt u s-saltna

tad-dlamijiet li għal żmien twil ħakmuna;

u bil-għajnuna tiegħek nibqgħu miexja

f’ħelsien id-dawl ta’ dejjem.

 

Gieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna;

it-tlieta Alla wieħed għajn ħanina

ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II.Matul il-jum

Alla, setgħa, mingħajr bidu,

Alla, għerf, minn Alla mnissel,

Alla, mħabba, li ġej minnhom,

fittex għinna w ieqaf magħna.

 

Int, ix-xewqa kollha tagħna,

kun il-hena u l-ferħ ta’ qalbna:

ħa tkun fuqna l-ħniena tiegħek,

kif fik hija t-tama tagħna.

 

O Missier u Sid il-ħlejjaq,

flimkien m’Ibnek, frott il-Verġni,

tina b’don l-Ispirtu s-Santu,

ħa jmexxina f’kull ma nagħmlu.

 

Trinità Qaddisa, ftakar

fl-opra kbira ta’ tjubitek:

int mix-xejn sawwart il-bniedem

u bid-demm għażiż salvajtu.

 

Alla wieħed tah il-ħajja,

Kristu ħabbu w tah il-fidwa;

ħa s-salib għalih għax ħabbu,

w issa jħobbu għaliex għażlu.

 

Lilek, Alla, tliet Persuni,

hena w qawwa, sliem u ħakma,

ġieħ u setgħa fl-art u s-sema,

ferħ, tifħir, imħabba w qima. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej sejjaħ is-smewwiet u l-art biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

 

Salm 49 (50)

 

I

 

Tkellem il-Mulej, Alla fuq l-allat, *

u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel, *

minn Sijon, il-ġmiel tagħha, Alla wera d-dija tiegħu.

Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket; *

quddiemu nar li jeqred, madwaru tempesta qalila.

 

Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli, *

u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:

"Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi, *

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."

U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu, *

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej sejjaħ is-smewwiet u l-art biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

Ant. 2: Sejjaħli f’jum id-dwejjaq, u jien neħilsek.

 

II

 

"Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem, †

Iżrael, għax se nixhed kontrik. *

Jien Alla, Alla tiegħek.

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek; *

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek, *

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.

 

Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri, *

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru, *

taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'. 

Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek, *

għax tiegħi l-art u kull ma fiha.

Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, *

jew nixrob id-demm tal-gidjien?

Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.

Imbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq; *

jien neħilsek, u int tweġġaħni."

 Glorja.

 

Ant. 2: Sejjaħli f’jum id-dwejjaq, u jien neħilsek.

Ant. 3: Is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr isebbaħni.

 

III

 

Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu: †

"Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi, *

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib, *

u tixħet kliemi wara dahrek?

 

Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu; *

u sehmek taqsam maż-żienja.

Fommok ftaħt għall-ħażen, *

u lsienek il-qerq jinseġ.

 

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ, *

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; *

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, *

u dan kollu nqiegħed quddiemek.

 

Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla, *

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa *

nurih is-salvazzjoni ta' Alla."

Glorja.

 

Ant. 3: Is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr isebbaħni.

V/. Ma nehdewx nitolbu għalikom.

R/. Biex tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla.

  

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 2 Kor 6:1-7:1

 

It-tiġrib ta’ San Pawl. Kliem ta’ tħeġġiġ għall-qdusija

 

Ħuti: Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma' Alla, aħna nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid: "Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek." Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!

Aħna xejn ma nagħmlu li jista' jkun ta' tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. F'kollox inqisu ruħna bħala ministri ta' Alla, bis-sabar kollu, fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa, fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm; f’kollox bis-safa tal-qalb, bl-għerf, is-sabar, bil-ħlewwa, bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, bil-kelma tas-sewwa, bil-qawwa ta' Alla; f’kollox bħala ministri ta’ Alla bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellug, fil-ġieħ u fil-għajb, sew jekk jgħidu l-ħażin u sew jekk jgħidu t-tajjeb fuqna; iżommuna bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s-sewwa; bħala nies li ma jafhom ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies qegħdin imutu, għad li aħna ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m'aħniex mogħtijin għall-mewt; bħala nies imdejjqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna!

Ftaħna fommna għalikom, o Korintin, b'qalbna miftuħa beraħ! Għalikom ma hemmx djieq f'qalbna; id-djieq qiegħed f'qalbkom. Ħallsuna, qiegħed ngħidilkom bħal uliedi, billi tiftħu qalbkom beraħ intom ukoll!

 

La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X'għandhom x'jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X'xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam? Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar? Jew x'għandu x'jaqsam min jemmen ma' min ma jemminx? X'rabta hemm bejn it-Tempju ta' Alla ma' l-idoli? Aħna t-tempju ta' Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla:

Ngħammar f’nofshom u nimxi magħkom, inkun Alla tagħkom u huma jkunu l-poplu tiegħi. Għalhekk oħorġu minn ġo nofshom u nfirdu minnhom, jgħid il-Mulej; la tmissux l-imniġġes, u jien nilqagħkom; u nkun għalikom missier u intom tkunu għalija wlied, subjien u bniet, jgħid il-Mulej, li jista’ kollox.”

Meta għandna dawn il-wegħdiet, għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ, u ntemmu l-qdusija tagħna bil-biża' ta' Alla.

  

RESPONSORJU 2 Kor 6:14b. 16; 1 Kor 3:16

 

R/. X’għandhom x’jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X’rabta hemm bejn it-Tempju ta’ Alla ma’ l-idoli? * Aħna t-tempju ta’ Alla ħaj.

V/. Ma tafux li intom it-tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? * Aħna t-tempju ta’ Alla ħaj.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq

It-Tieni Ittra lill-Korintin.

 

Qalbna miftuħa beraħ!

 

Qalbna miftuħa beraħ! Kif kull ħaġa li nsaħħnu, titwessa’ u titwal, hekk l-imħabba tkabbar u tiftaħ beraħ il-qalb, għax l-imħabba hi kollha ħeġġa u ħrara. L-imħabba ġiegħlet lil San Pawl jiftaħ fommu u juri qalbu: “Mhux bil-fomm biss inħobb”, jgħidilna, “imma b’qalbi kollha, għax qalbi tissieħeb f’din l-għanja ta’ mħabba: għalhekk b’fiduċja sħiħa u b’qalbi u b’ruħi kollha jiena nitkellem”. Ma kienx hemm qalb akbar minn dik ta’ San Pawl, li kien iħaddan miegħu b’imħabba li ma bħalha l-qaddisin kollha, bħal wieħed li tassew iħobb; imħabbtu ma kinitx tinqasam bejn kulħadd b’mod li kull wieħed ikollu xi ftit minnha u b’hekk tonqos mill-ħeġġa tagħha, imma mħabbtu kienet kollha kemm hi, bil-ħeġġa kollha tagħha, għal kull wieħed mill-qaddisin. Għaliex tistagħġbu li San Pawl kellu mħabba bħal din għal kull wieħed mill-qaddisin, meta mħabbtu kienet tħaddan magħha lil dawk kollha wkoll li ma jemmnux, u huma mxerrdin mad-dinja kollha?

Hu ma qalx: “Inħobbkom” imma, biex juri l-qawwa kollha ta’ mħabbtu, qal: Ftaħna fommna għalikom, b’qalbna, miftuħa beraħ! Kull wieħed minnkom hu f’qalbna, u mhux kif ġieb u laħaq, imma b’ħerqa u ħeġġa kbira. Min hu maħbub minn xi ħadd, qiegħed bla biża’ f’qalb min iħobbu; għalhekk San Pawl jgħid: Għalikom ma hemmx djieq f’qalbna; id-djieq qiegħed f’qalbkom. U araw b’liema ħlewwa jċanfarhom: hekk jagħmel min iħobb. Ma qalilhomx: “Intom ma tħobbunix”, imma qalilhom: “Ma tħobbunix daqskemm inħobbkom”, għax ma riedx iċanfarhom iżżejjed.

Wieħed jista’ jara b’liema mħabba San Pawl kien iħeġġeġ lil dawk kollha li jemmnu, jekk jagħżel ‘l hawn u ‘l hemm mill-ittri tiegħu xi xhieda ta’ din l-imħabba. Lir-Rumani jgħidilhom: Nixtieq ħafna narakom.....kemm-il darba għamilt il-ħsieb li niġi għandkom.....jien nitlob dejjem li nkun nista’ xi darba, jekk Alla jrid, niġi għandkom. Lill-Galatin: Għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom. U lill-Efesin: Jiena ninżel għarkubbtejja għalikom. U lit-Tessalonkin: Min hu t-tama tagħna, il-ferħ tagħna, il-kuruna tagħna? Intom u ħadd iżjed; għax kif kien marbut bil-ktajjen, kien iġibhom f’qalbu, kif jiktbilhom.

U lill-Kolossin, meta kitbilhom, qal: Irridkom tkunu tafu kemm kelli nissielet minħabba fikom u minħabba oħrajn li qatt ma raw wiċċi b’għajnejhom: dan nagħmlu biex inqawwilkom qalbkom. U lit-Tessalonkin: Bħalma omm tħaddan lil uliedha, aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju imma ħajjitna stess, daqs kemm ħabbejniekom.

Għalikom ma hemmx djieq f’qalbna. Mhux biss San Pawl jgħid lill-Korintin li jħobbhom, imma jgħid ukoll li jħobbuh, biex b’hekk ukoll jiġbidhom lejh. Ta’ dan hu jagħti xhieda meta jgħid: Titu qalilna bix-xewqa tagħkom, bil-biki tagħkom, biz-zelu tagħkom għalija.

RESPONSORJU I Kor 13:4. 6; Prov 10:12

 

R/. L-imħabba taf tistabar u tħenn, l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, * Ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità.

V/. Il-mibegħda tqanqal il-ġlied, imma l-imħabba tgħatti kull ħtija. * Ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità.

 

TALBA

 

Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u, kollok tjieba, kattar fuqana d-doni tal-grazzja tiegħek, biex nitħeġġu bit-tama, bil-fidi u fl-imħabba, u nishru dejjem sa l-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Reġa’ fuqna d-dawl, jum ieħor:

niżżu ħajr bil-ferħ lil Alla,

u nfaħħruh, għax għoġbu jtina

din il-grazzja b’Ibnu Sidna.

 

Permezz tiegħu l-kobor t’Alla

tana l-lejl u l-jum fid-dinja:

ħin ta’dlam biex fih nistrieħu,

ħin ta’ dawl biex naħdmu bieżla.

 

Iżd’għalih m’hemmx ħin u ieħor,

jaħdem dejjem, qatt m’hu wieqaf;

ebda dlam jew dell madwaru,

għaliex huwa d-dawl ta’ dejjem.

 

Jalla ngħaddu dil-ġurnata

f’ħidma wtieqa, nfittxu l-glorja

tal-Missier, ħa nogħġbu ‘l Kristu,

mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra.

 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem. *

Imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej,

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa

 tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, il-blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

 

Kantiku Eżek 36:24-28

 

Jien neħodkom minn fost il-ġnus, †

u niġmagħkom mill-artijiet kollha, *

u nerġa' ndaħħalkom f'artkom.

 U nroxx fuqkom ilma safi, †

u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; *

mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. 

 

U nagħtikom qalb ġdida, *

u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida,

U nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel *

u nagħtikom qalb tal-laħam.

U nqiegħed ruħi ġo fikom, †

u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, *

u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

 

U tgħammru fl-art li tajt 'il missirijietkom, †

u intom tkunu l-poplu tiegħi, *

u jiena nkun Alla tagħkom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

Ant. 3: Mulej, is-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib.

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

'il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, is-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Piet 3:13-14

 

Aħna, li ħadna l-wegħda tal-Mulej, nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja. Għalhekk, għeżież, waqt li tistennew dan kollu, fittxu li tkunu bla tebgħa u bla għajb quddiemu, biex tinstabu fis-sliem. Is-sabar ta’ Sidna qisuh bħala għajnuna għas-salvazzjoni.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Jifirħu xufftejja, * Jien u ngħannilek. Jifirħu.

V/. U lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek. * Jien u ngħannilek. Glorja. Jifirħu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

PREĊI

 

Alla, permezz ta’ Ibnu, mela d-dinja bit-tama u taha l-ħajja. Nadurawh, u bl-umiltà kollha nitolbuh:

Mulej, ismagħna.

Mulej, Missier il-ħlejjaq kollha, inroddulek ħajr ta’ din il-ġurnata ġdida li tajtna:

- agħmel li ngħadduha f’għaqda ma’ Kristu għat-tifħir u l-glorja tiegħek.

Int xerridt f’qalbna l-fidi, it-tama u l-imħabba:

- ibqa’ ħarishom dejjem fina.

Mulej, ħa jkunu għajnejna dejjem merfugħa lejk:

- biex b’ħeġġa kbira nwieġbu għas-sejħa tiegħek.

Begħedna mit-tnassis u l-ġibdiet tal-ħażen:

- ħarisna mit-tfixkil fil-mixi tagħna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti d-dawl sabiħ u veru, inti l-jum li qatt ma jgħib; lejk induru f’din l-għodwa ġdida, u nitolbuk biex tkeċċi minna d-dlamijiet ta’ kull ħażen, u ddawwalna minn issa bid-dija tal-miġja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

Ant.1 Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 169-176

 

XXII (Taw)

 

Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi; *

agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek.

Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi; *

eħlisni skond il-wegħda tiegħek.

 

Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek, *

għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.

Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek, *

għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.

 

Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, *

għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.

Ħa nibqa' ħaj, biex infaħħrek! *

Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!

Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; *

fittex il-qaddej tiegħek,

 għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

Ant.2 It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

 

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

ilsieni pinna ta' kittieb ħafif. 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja, kollha fwieħa lbiesek. *

Mill-palazzi ta' l-avorju

 jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja.

 

Ant.2 It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ant.3 Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant.3 Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dan 6:27b. 28

 

Alla tagħna hu l-ħaj u ta’ dejjem, li s-saltna tiegħu ma tinqeridx, u l-ħakma tiegħu ddum sa l-aħħar; minnu l-ħelsien u s-salvazzjoni, hu jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet fis-sema u fl-art.

 

 V/. Kunu afu li jien Alla.

 R/. Għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRARum 15:5-7

 

Alla li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b’fomm wieħed u qalb waħda tfaħħru ‘l Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk ilqgħu ‘l xulxin, bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għas-sebħ ta’ Alla.

 

 V/. Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu.

 R/. U jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nhar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Fil 4:8.9b

 

Ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, kull ma hu xieraq, kull ma hu qaddis, kull ma hu safi, kull ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-qima, kull ma hu virtù, kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu. U Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

 V/. Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan.

 R/. U nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.