Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA

 

TAL-XXXIV ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tlieta tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Qabel ma jfeġġ mill-lvant id-dawl u jsebbaħ

b’gawhriet fiddiena x-xtut tal-gżejjer tagħna,

inħollu lsienna w b’qalb ferħana ngħannu

tifħir lil Sidna.

 

Ngħaqqdu leħinna ma’ ta’ l-anġli w ngħannu

lis-Sultan twajjeb tagħna, sa nissieħbu

mal-qaddisin u jistħoqqilna nidħlu

fil-ħajja hienja.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu;

u lilha d-dinja kollha trodd bla heda

tifħir u glorja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Mulej fil-ħniena tiegħek, agħti widen

għall-leħen umli tal-qaddejja tiegħek;

fiċ-ċokon tagħna nersqu lejk, bit-tama

 li tisma’ talbna.

 

Mit-tron tas-saltna tiegħek, ixħet fuqna

ħarsa ta’ tjieba w sliem, u żomm mixgħula

l-imsiebaħ tagħna, li għalik ħejjejna

 biż-żejt tal-fidi.

 

Sultan tas-sema w l-art, Għarus tal-verġni,

kebbes lil qalbna b’nar l-imħabba safja,

biex, meta tiġi w tħabbat, dlonk niftħulek,

 u nidħlu miegħek.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu;

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

 tifħir u glorja. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu.

 

Salm 36 (37)

 

I

 

La tagħdabx minħabba l-ħżiena, *

la tgħirx għal dawk li jagħmlu d-deni;

għax bħall-ħaxix malajr jidbielu, *

u bħan-nibbieta malajr jinxfu.

 

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; *

għammar fl-art, u tgħix b'moħħok mistrieħ;

qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, *

u jagħtik dak li tixtieq qalbek. 

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, *

afda fih, u jagħmel hu.

Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek, *

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.

 

Serraħ rasek fil-Mulej u ttama fih; *

tinkeddx minħabba f'min jirnexxi

 u f'min jimxi bil-ħżunija.

Ħallik mill-korla u la tirrabjax; *

tinkedd xejn, għax deni jiswielek.

 

Għax il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra; *

min jittama fil-Mulej jikseb l-art.

Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; *

għad tħares fejn kien u ma ssibux.

Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, *

u bi sliem kotran jitgħaxxqu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu.

Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.

 

II

 

Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust, *

u jgħażżeż snienu kontra tiegħu.

Imma l-Mulej bil-ħażin jidħak, *

għax jara li wasal żmienu.

 

Jisiltu s-sejf il-ħżiena, *

u jmiddu l-ark tagħhom,

biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar, *

u joqtlu 'l min jimxi sewwa.

Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom, *

u l-ark tagħhom jitkisser.

Aħjar il-ftit li għandu l-ġust *

mill-ġid kotran tal-ħżiena.

Għax dirgħajn il-ħażin jitkissru, *

imma l-Mulej iżomm il-ġusti.

 

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin, *

u wirthom jibqa' għal dejjem.

Ma jitfixklux f'siegħa ħażina, *

u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.

 

Imma l-ħżiena għad jintilfu; †

l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba', *

u jgħibu kif jgħib id-duħħan.

Jissellef il-ħażin u ma jroddx; *

imma l-ġust iħenn u jagħti.

 

Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art; *

imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu 'l barra.

Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem, *

iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.

Jekk jaqa', ma jmurx għal tulu fl-art, *

għax il-Mulej iżommlu idu.

 

Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, †

u qatt ma rajt il-ġust minsi, *

jew uliedu jittallbu ħobżhom.

Dejjem iħenn u jislef bil-qalb, *

u wliedu jgħixu bil-barka.

 

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

biex tibqa' tgħammar għal dejjem.

Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, *

u ma jitlaqx it-twajbin;

hu jħarishom għal dejjem, *

imma wlied il-ħżiena jeqridhom.

Il-ġusti jirtu l-art, *

u jgħammru fiha għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.

 

III

 

Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf, *

u lsienu jgħid is-sewwa.

Il-liġi ta' Alla tiegħu għal qalbu, *

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.

Il-ħażin jgħasses għall-ġust, *

u jfittex li jneħħilu ħajtu.

Imma l-Mulej ma jitilqux f'idejh, *

ma jħallihx jaqa' taħt il-ħaqq tiegħu.

 

Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, †

hu jerfgħek biex tikseb l-art; *

mbagħad tara l-ħżiena meqruda.

Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar, *

jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.

Erġajt għaddejt, u ma rajtux; *

fittixtu, u ma sibtux.

 

Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; *

għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.

Imma l-midinbin flimkien jinqerdu; *

ulied il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej; *

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena, *

isalvahom għax fih jistkennu. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.

 

V/. Fehma tajba u għerf għallimni.

R/. Għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu 2 Piet 1:12-21

 

Ix-xhieda ta’ l-Appostli u l-Profeti

 

Għeżież: Jien fi ħsiebni nibqa' dejjem infakkarkom fuq dawn il-ħwejjeġ għalkemm tafuhom u intom sħaħ fil-verità li hi fikom. Jidhirli li hi ħaġa flokha li, sakemm jien f'dan il-ġisem inżommkom imħeġġin billi nibqa' nfakkarkom; għax jien naf li dalwaqt ikolli nħalli dan il-ġisem, kif għarrafni Sidna Ġesù Kristu. Imma rrid nieħu ħsieb li, ukoll wara li nkun tlaqt, intom tibqgħu tiftakru kull ħin f'dawn il-ħwejjeġ.

Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta' Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b'għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu, meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instema' jgħid għalih: "Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq." Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema, meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa.

U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f'post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f'qalbkom titla' l-kewkba ta' filgħodu. Dan fuq kollox għandkom tkunu tafu: li l-ebda profezija ta' l-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu fl-isem ta’ Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

 

RESPONSORJU Ġw 1:14; 2 Piet 1:16b. 18b

 

R/. Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna; * Rajna s-sebħ tiegħu, is-sebħ ta’ l-Iben waħdieni tal-Missier.

V/. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu, meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. * Rajna s-sebħ tiegħu, is-sebħ ta’ l-Iben waħdieni tal-Missier.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattati ta’ l-isqof Santu Wistin fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann

 

Ersaq lejn il-għajn, ħares lejn l-istess dawl

 

Aħna l-insara diġà aħna dawl, ħdejn l-oħrajn li m’humiex insara. Għalhekk jgħid l-Appostlu: Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; imxu ta’ wlied id-dawl li intom. U x’imkien ieħor jgħid ukoll: Il-lejl għoddu għadda u qorob il-jum; inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl; ngħixu kif jixraq, bħal binhar.

Iżda mbagħad, ħdejn id-dawl l-ieħor li fih irridu naslu, saħansitra l-jum tagħna hu lejl. Nisimgħu lil Pietru l-Appostlu. Huwa jgħidilna li leħen mit-tron ta’ Alla nstema’ jgħid għal Kristu Sidna: Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq. Aħna, jgħidilna Pietru, smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema, meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. Iżda billi aħna ma konniex hemm, u dan il-leħen mis-sema ma smajniehx, l-istess Pietru jżid jgħidilna: u għandna nwettqu aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha: hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla l-kewkba ta’ filgħodu.

Issa Sidna Ġesù Kristu għad jerġa’ jiġi, u, kif jgħid ukoll Pawlu l-Appostlu, għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub; u mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li wieħed ikun jistħoqqlu. F’dak il-jum ma jkunx hemm bżonn ta’ fanali: ma naqrawhx iżjed il-profeta, u la niftħu l-ktieb ta’ l-Appostlu, la nfittxu x-xhieda ta’ Ġwanni, u lanqas ikollna bżonn l-istess Evanġelju. Titneħħa minn-nofs l-Iskrittura kollha, li hawnhekk kienet għalina qisha fanali mixgħula billejl biex ma nibqgħux fid-dlam.

Dawn kollha jitneħħew, biex ma jibqgħux mixgħula bħallikieku għad għandna bżonnhom. L-istess bnedmin ta’ Alla, li permezz tagħhom irċevejna l-Iskrittura, huma wkoll ikunu jaraw flimkien magħna dak id-dawl tassew u jiddi. X’naraw, mela, meta jitneħħew dawn l-għajnuniet? Fuqiex jibda jirgħa moħħna? Lejn xiex iħares u jithenna? Minn fejn jiġih dak il-ferħ li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u anqas qatt tnissel f’qalb il-bniedem? X’nibdew naraw?

Nitlobkom, ħuti: ħobbuhom miegħi dawn il-ħwejjeġ, iġru miegħi lejhom bil-fidi tagħkom; aħna nixtiequ l-belt tagħna tas-sema, nitniehdu għall-belt tagħna tas-sema, għax hawnhekk għadna nħossuna ‘l bogħod. X’għad naraw ‘il quddiem? Ħa jgħidilna l-Evanġelju: Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Kont f’post fejn kellek in-nida mraxxa fuqek, u ġejt ħdejn l-għajn; wasallek raġġ milwi minn triq imgħawwġa u niżel f’qalbek mudlama, u mbagħad rajt l-istess dawl wiċċ imbwiċċ, wara li tnaddaft biex tista’ tarah u żżommu fuqek. Għeżież, jgħidilna Ġwanni, issa nafu li aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ‘l quddiem għad m’hux muri lilna; madankollu nafu li, meta hu jidher, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.

Inħoss qalbkom tintrefa’ ‘l fuq bħal tiegħi; imma ruħna mtaqqla b’ġisem li jitħassar, u din it-tinda tagħna tat-tafal hi piż għar-ruħ li tħobb taħseb. Jien se nitlaq dan il-ktieb minn idejja, u intom terġgħu tmorru lkoll lejn djarkom. Konna sew hawnhekk flimkien fid-dawl, fraħna u thennejna tassew flimkien; iżda qisu li, meta tinfirdu minn xulxin, ma tinfirdux minn dak id-dawl.

 

RESPONSORJU Apok 22:5. 4

 

R/. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl ix-xemx, * Għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem.

V/. Jaraw wiċċu, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. * Għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem.

 

TALBA

 Qanqal, Mulej, ir-rieda tal-fidili tiegħek, biex jitħejjew dejjem aħjar ħalli jagħmlu frott ta’ għemejjel qaddisa, u jkollhom dejjem l-għajnuna tat-tjieba tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jum ta’ dejjem mingħajr għabex,

id-dawl tiegħek qatt ma jonqos;

dlam u lejl imbiegħda minnek,

int li ħlaqt id-dawl fil-bidu.

 

Diġà bjad fil-lvant ix-xefaq,

beda juri l-jum li riesaq,

u, bil-kewkba ta’ filgħodu,

sfaru w għebu l-kwiekeb l-oħra.

 

O Mulej, ħallejna friexna

bla tnikkir, ħa nsebbħu lilek,

inroddulek ħajr għax tajtna

dal-jum ġdid, għall-glorja t’ismek.

 

Tħalliniex inkunu mqarrqa

minn sbuħit ix-xemx li tidher,

imma għinna biex nixtiequ

lilek waħdek, Xemx tas-sewwa.

 

Itfi fina n-nar tal-korla,

rażżan l-ikel u x-xorb żejjed,

żommna lkoll matul ħidmietna

f’għaqda miegħek u bejnietna.

 

Hekk, qawwija w sħaħ fil-fehma,

b’qalb nadifa f’ġisem safi,

nistgħu ngħaddu dil-ġurnata

b’fedeltà ma’ Kristu Sidna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek.

 

Salm 42 (43)

 

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej, †

u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi; *

min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.

Inti l-kenn tiegħi, o Alla; għaliex warrabtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek; †

huma jmexxuni; *

iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek

u sa l-għerejjex tiegħek.

U nidħol ħdejn l-artal ta' Alla, *

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U nroddlok ħajr biċ-ċetra, *

Mulej, Alla tiegħi.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek.

Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

 

Kantiku Iż 38:10-14. 17-20

 

"Jien għedt: F'nofs il-medda ta’ ħajti; *

Nitqiegħed f’bibien l-imwiet għall-bqija ta’ snini!”

 

Jien għedt: "M'iniex se nara l-Mulej *

f'art il-ħajjin;

ma nara b'għajnejja ‘l ħadd iżjed *

minn fost dawk li jgħammru fid-dinja !”

 

Tneħħietli l-għamara tiegħi †

u ġiet mwarrba minni, *

bħal għarix ta' ragħaj.

Kebbibtli ħajti, †

kif jagħmel nissieġ biex jaqta’ minn-newl. *

Lejl u nhar inti fnejtni.

Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum : †

bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi. *

Lejl u nhar inti fnejtni.

 

Bħal ħuttafa npespes, bħal ħamiema nokrob ; *

għajnejja mbikkija jħarsu 'l fuq.

Int salvajtli ħajti mill-ħofra tal-qerda ; *

int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.

 

Ma jfaħħrukx l-imwiet, *

anqas il-mewt ma ssebbħek.

Fil-fedeltà tiegħek ma jittamawx aktar *

dawk li jinżlu fil-qabar.

 

Min hu ħaj iroddlok ħajr bħali llum ; *

il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek.

Salvana, Mulej, u aħna ndoqqu ċ-ċetri * 

il-jiem kollha ta' ħajjitna f'dar il-Mulej. 

 Glorja.

 

Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.

 

Salm 64 (65)

 

Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f'Sijon; *

lilek inroddu l-wegħda, int, li tisma' talbna.

Quddiemek jersaq kull bniedem, *

minħabba fi ħtijietu.

Kbar wisq għalina dnubietna; *

iżda inti taħfirhomlna.

 

Hieni l-bniedem li inti tagħżel *

u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek.

Bil-ġid ta' darek nixbgħu *

fit-tempju mqaddes tiegħek.

Ta' l-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, *

o Alla tas-salvazzjoni tagħna.

Int tama ta' min jgħix fi truf l-art *

u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.

 

Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b'qawwietek, *

Inti mħażżem bis-saħħa.

Inti ssikket l-għajat ta' l-ibħra, †

u l-ħsejjes ta' l-imwieġ tagħhom, *

u t-tixwix tal-popli.

U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art *

quddiem l-għeġubijiet tiegħek.

Iż-żerniq u għib il-jum *

inti timliehom bil-ferħ.

 

Inti żżur l-art u ssaqqiha, *

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta' Alla mimli bl-ilma; *

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.

Hekk int tħejjiha: †

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.

 

Fawwart is-sena bi tjubitek, *

triqatek bil-ġid joqtru;

joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, *

u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.

Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, †

il-widien jinksew bil-qamħ; *

jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! 

Glorja.

 

Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:4-5

 

Intom, ħuti, m’intomx hekk fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni Mulej; * Fi kliemek jien nittama. Isma’.

V/. Sa minn qabel is-sebħ jien nitlob l-għajnuna. * Fi kliemek jien nittama. Glorja. Isma’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna bil-qawmien tiegħu mill-imwiet ferrex dawl ta’ glorja fuq id-dinja kollha. Inberkuh, u bl-umiltà kollha nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, żommna miexja warajk fit-triq tiegħek.

Mulej Ġesù, b’dan it-talb tagħna ta’ filgħodu nagħtu ġieħ lill-qawmien tiegħek għall-ħajja:

- agħmel li t-tama tal-glorja tiegħek tkun id-dawl ta’ ħajjitna f’din il-ġurnata.

Ilqa’, Mulej, ix-xewqat u l-fehmiet tajba tagħna:

- noffruhomlok bħala l-bidu ta’ kull ma se nagħmlu llum.

Agħtina li f’dan il-jum nimxu ‘l quddiem fi mħabbtek:

- għinna fit-tħabrik tagħna biex kollox jisfa’ ta’ fejda għalina u għall-proxxmu kollu.

Agħmel, Mulej, li d-dawl tagħna jiddi quddiem il-bnedmin:

- biex jaraw l-għemil tajjeb tagħna u jigglorifikaw lill-Missier.

 

Missierna

 

Talba

Mulej Ġesù Kristu, inti d-dawl tassew li ddawwal lill-bnedmin kollha biex isalvaw; agħtina l-qawwa biex minn issa nħejjulek dinja li, meta inti tiġi, issib fiha l-paċi u l-ġustizzja. Inti, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Fil-post fejn jien barrani, jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119):49-56

 

VII (Żajin)

 

Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, *

li biha inti ttamajtni.

Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: *

li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.

Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar; *

imma jiena ma nitbegħidx mil-liġi tiegħek.

Niftakar fid-digrieti tiegħek ta' dari; *

fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.

Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena *

li jitilqu l-liġi tiegħek.

L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek, *

f'dan il-post fejn jien barrani.

 

Billejl f'ismek niftakar, Mulej, *

u nħares il-liġi tiegħek.

Din hi l-barka li messet lili: *

li jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Fil-post fejn jien barrani, jiena nħares il-preċetti tiegħek.

Ant.2 Alla jerġa’ jqajjem il-poplu tiegħu, u aħna nifirħu.

 

Salm 52 (53)

 

Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla!" *

Tħassru l-bnedmin,

għamlu ħwejjeġ ta' min jistmellhom; *

m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

 biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Lkoll intilfu, †

lkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed. 

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu lil Alla?

li jaħtfu l-poplu tiegħi *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

 bla ma kellhom għalfejn;

għax Alla kissrilhom għadamhom lil dawk li dawwruk; *

tħawwdu, għax Alla telaqhom.

 

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem Alla l-poplu tiegħu,

 jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Ant.2 Alla jerġa’ jqajjem il-poplu tiegħu, u aħna nifirħu.

Ant.3 Alla l-għajnuna tiegħi; il-Mulej hu dak li jżommni.

 

Salm 53 (54):1-6. 8-9

 

B'ismek, o Alla, salvani; *

agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

Isma', o Alla, it-talba tiegħi; *

agħti widen għal kliem fommi.

 

Għax nies barranin qamu kontrija, †

nies kefrin jonsbuli ħajti; *

ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom. 

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi: *

il-Mulej hu dak li jżommni.

 

Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju; *

inrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.

Għax minn kull hemm ħelisni l-Mulej; *

jitpaxxew għajnejja bl-għedewwa mirbuħa.

 Glorja.

 

Ant.3 Alla l-għajnuna tiegħi; il-Mulej hu dak li jżommni.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:4-6

 

Hemm diversi doni, imma wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd.

 

V/. Qrib hi s-salvazzjoni ta’ Alla għal dawk li jibżgħu minnu.

R/. Biex jgħammar is-sebħ f’artna.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:12-13

 

Bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn spirtu wieħed.

 

V/. Missier qaddisulej, f’ġieħ imħabbtek lejn il-poplu tiegħek.

R/. Aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:24b. 25-26

 

Alla qassam il-ġisem b’mod li ma jkunx hemm firda fih, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin. Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; u jekk wieħed ifaħħruh, jifirħu lkoll flimkien.

 

 V/. Mulej Alla tagħna, iġmagħna minn fost il-ġnus.

 R/. Biex inroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazzjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mexxej kbir taż-żmien u l-ġrajja,

bejn il-lejl u n-nhar ridt għażla;

tul in-nhar il-bniedem jaħdem,

tul il-lejl jistrieħ u jorqod.

 

Ibqa’ magħna, ishar fuqna,

u, fid-dlam tal-lejl li riesaq,

ma jiġix il-għadu jwaddab

kontra tagħna l-vleġeġ tiegħu.

 

Biegħed minna kull ħsieb ikrah,

ħa jehdew is-sensi tagħna,

u, fis-sliem u l-kwiet, tiġġedded

u tissaħħah qawwet ruħna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

 

Salm 48 (49)

 

I

 

Isimgħu dan, popli kollha; *

agħtu widen, intom ilkoll li tgħixu fid-dinja;

kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu, *

kemm il-għonja u kemm il-fqar.

 

Fommi jitkellem l-għerf, *

u nxandar il-fehmiet ta' qalbi. 

Nagħti widen għal kliem l-għerf; *

se nfisser fuq iċ-ċetra l-kliem tqil tiegħi.

 

Għax għandi nibża' mill-jiem ħżiena, *

meta jdur għalija l-ħażen ta' dawk li jonsbuni?

F'ġidhom it-tama tagħhom; *

jiftaħru bil-kotra ta' l-għana tagħhom.

 

Ħadd ma jista' jifdi lilu nnifsu, *

jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.

Għoli wisq il-prezz ta' ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed, *

biex wieħed jgħix għal dejjem

 u qatt ma jara il-qabar.

Jara mqar l-għorrief imutu, †

l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu, *

 u lil ta' wrajhom iħallu ġidhom.

 

Qabarhom hu darhom għal dejjem, †

għamara tagħhom minn nisel għal nisel, *

għalkemm għamlu isem f'artijiethom.

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.

 

II

 

Din xortih min jittama fih innifsu; *

hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħa tiegħu.

Bħal nagħaġ lejn l-imwiet mexjin, *

l-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom;

dritt lejn il-qabar jinżlu, *

jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta' xejn.

 

Imma lili Alla jifdili ħajti, *

mis-setgħa ta' l-imwiet żgur jaħtafni.

Tibżax meta xi ħadd jistagħna, *

meta joktor il-ġieħ ta' daru.

Għax xejn ma jieħu f'mewtu, *

ġieħu ma jinżilx warajh.

 

Mqar jekk f'ħajtu jħoss ruħu hieni, *

u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;

imur ukoll mal-ġemgħa ta' missirijietu, *

li qatt aktar ma jaraw id-dawl.

 

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

u tikser is-siġilli tiegħu, 

għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

bnedmin minn kull tribù u lsien, 

minn kull poplu u ġens,

u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

li għad isaltnu fuq l-art.

 

Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 3:23-25a

 

Ladarba l-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla, huma jsiru ġusti bil-grazzja tiegħu, li hu jagħtihielhom minn rajh, permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù, li Alla qiegħdu bħala mezz ta’ maħfra bid-demm tiegħu, maħfra li tinqala’ bis-saħħa tal-fidi. B’hekk ried juri l-ġustizzja tiegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Quddiemek, Mulej Alla, * Hemm il-milja tal-ferħ. Quddiemek.

V/. F’lemintek hemm l-għaxqa għal dejjem. * Hemm il-milja tal-ferħ. Glorja. Quddiemek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

PREĊI

 

Infaħħru lil Kristu, ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħna, li jħobb u jħares lill-poplu tiegħu. Fih inqiegħdu t-tama tagħna u miċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.

Ragħaj ta’ dejjem ħares lill-Isqof tagħna N.:

- u ‘l-Isqfijiet kollha tal-Knisja tiegħek.

Ixħet ħarsa ta’ tjieba lejn dawk kollha li huma ppersegwitati:

- fittex eħlishom mit-taħbit kollu tagħhom.

Ħenn, Mulej, għal dawk l-ulied tiegħek li huma nieqsa mill-bżonnijiet ta’ kull jum:

- iftaħ idejk u pprovdi l-ikel lil min hu bil-ġuħ.

Agħti d-dawl tiegħek lill-leġislaturi ta’ art twelidna u tal-pajjiżi kollha:

- agħmel li f’kollox jimxu bl-għerf u l-għaqal u l-ġustizzja.

Għin lil ħutna l-mejtin, li fdejthom b’demmek:

- agħmilhom denji li jidħlu miegħek għall-festa tat-tieġ ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej Alla, Sid il-jum u l-lejl, agħtina l-grazzja li x-xemx tal-ġustizzja tibqa’ dejjem tiddi fi qlubna, biex nistgħu naslu fid-dawl li fih inti tgħammar. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun Ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.