Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGHA

TAS-XVI IL-ĠIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ġimgħa tar-IV gimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Il-leħen, li fil-għodu widdeb

lil Pietru ħati w qanqlu għall-indiema,

qiegħed isejjaħ lilna wkoll biex nersqu

quddiemek. Sid il-ħniena.

 

Fis-skiet tal-lejl inżilt, Mulej, mis-sema,

ġejt fostna bniedem biex tkun dawk id-dinja,

b’mewtek irbaħt il-mewt, u s-sliem u l-ħajja

raddejt lil kull min jindem.

 

Feddej għażiż, bil-grazzja tiegħek agħmel

li ruħna teħles minn kull dlam ta’ ħażen,

ħa tgħix fid-dawl qaddis il-ħajja vera

ta’ wlied is-saltna mbierka.

 

Ġieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill Ispirtu s-Santu faraġ tagħna;

it-tlieta Alla wieħed għajn ħanina

ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II.Matul il-jum

Dawl tal-glorja ta’ Missierek,

Verb ta’ dejjem, ejja fostna,

għax mingħajr il-grazzja tiegħek

jaqgħu fuqna d-dlam u l-biża’.

 

Jekk nimtlew bl-Ispirtu tiegħek,

jiġi Alla jgħammar fina,

u jsaħħaħna bħal fortizza

kontra l-ħbit ta’ l-għadu tagħna.

 

Hekk il-ħajja w ħtiġijietha

ma jħarbtux is-sliem ta’ ruħna,

iżda ngħixu hienja w kwieti

fil-ħarsien tal-liġi tiegħek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Titwarrabx, o Alla, mit-talb umli tiegħi minħabba l-għajat tal-ħżiena.

 

Salm 54 (55): 2-15, 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi! 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsara, *

fil-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

 

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 Glorja.

 

Ant. 1: Titwarrabx, o Alla, mit-talb umli tiegħi minħabba l-għajat tal-ħżiena.

Ant. 2: Il-Mulej jeħlisna minn idejn l-għadu u l-qarrieq.

 

II

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk, kont nissaporti.

M'huwiex xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jeħlisna minn idejn l-għadu u l-qarrieq.

Ant. 3: Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek.

 

III

 

Imma jien lill-Mulej insejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlied li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 

Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

Imma jien fik nittama.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek.

 

V/. Ibni, agħti widen għall-għerf tiegħi.

R/. Iftaħ widnejk għall-għaqal tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 2 Kor 5:1- 21

 

It-tama ta’ l-għamara tas-sema. Il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni

 

Ħuti: Aħna nafu li jekk din it-tinda ta' l-għamara tagħna fl-art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-idejn imma xogħol ta' Alla, għal dejjem fis-sema. Aħna f'din nitniehdu, imxennqa li nilbsu fuq din l-għamara tal-ġisem l-għamara l-oħra tas-sema. Għax jekk nilbsu din ma ninstabux għarwenin. Aħna, li qegħdin f'din it-tinda, nitniehdu, mgħobbijin kif aħna; għalhekk ma rridux ninżgħu iżda nilbsu oħra minn fuq, biex il-ġisem li jmut jinxtorob mill-ħajja. Alla stess sawwarna għal dan, hu li tana r-rahan ta' l-Ispirtu.

Aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b'dan il-ġisem nibqgħu 'l bogħod mill-Mulej; aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej. Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem. Jenħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta' Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

Aħna li nafu x'jiġifieri l-biża' tal-Mulej, nipperswadu lill-bnedmin għal magħna. Alla jafna; nittama li l-kuxjenza tagħkom tafna wkoll. M'aħniex nerġgħu nirrikkmandaw ruħna lilkom, imma qegħdin nagħtukom raġun tiftaħru bina, biex ikollkom xi twieġbu lil dawk kollhom ftaħir fil-wiċċ minn barra, imma mhux mill-qalb. Jekk aħna boloh, aħna boloh għal Alla; jekk aħna f'sensina, aħna f'sensina għalikom. L-imħabba ta' Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skond il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skond il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed jingħaqad ma' Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta' Kristu u tana l-ministeru ta' din il-ħbiberija tal-bnedmin ma' Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta' Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta' dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta' din il-ħbiberija. Aħna nagħmluha ta' ambaxxaturi ta' Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjħilhom permezz tagħna. Nitlobkom f’isem Kristu, agħmlu ħbieb ma’ Alla. Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta' Alla.

 

RESPONSORJU 2 Kor 5:18b; Rum 8:32a

 

R/. Alla ħabbibna miegħu permezz ta’ Kristu. * U tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

V/. Alla anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll. * U tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Istqarrijiet ta’ l-isqof Santu Wistin.

 

Kristu miet għal kulħadd

 

Il-veru medjatur tagħna li int, Missier, fil-misteru tal-ħniena tiegħek, urejt liċ-ċkejken u bgħattu fost il-bnedmin biex jgħallimhom jiċċekknu bħalu, il-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, deher bħala medjatur bejn il-bnedmin midinba li jmutu u l-Ġust li jgħix għal dejjem, deher bħala bniedem li jmut fost il-bnedmin li jmutu u bħala wieħed ġust quddiem Alla l-Ġust. Il-ħajja u s-sliem huma l-ħlas tal-ġustizzja, għalhekk Kristu, li hu ħaġa waħda mal-Missier minħabba l-ġustizzja tiegħu, qered il-qawwa tal-mewt fina l-midinbin, il-qawwa ta’ dik il-mewt li hu ried jaqsam magħna, biex hekk jagħtina l-ġustifikazzjoni. Kemm ħabbejtna, Missier tajjeb, biex lanqas lil Ibnek stess ma ħfirtha, imma tajtu għalina lkoll! Kemm ħabbejtna lilna li għalina Ibnek ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda obda sal-mewt tas-salib; waħdu l-ħieles fost dawk kollha li jmutu, hu kellu s-setgħa li jagħti ħajtu u kellu s-setgħa li jerġa’ jeħodha; rebbieħ u vittma għalina, rebbieħ għax vittma; qassis u sagrifiċċju għalik, o Alla, minħabba fina, u qassis u sagrifiċċju għalik, o Alla, minħabba fina, u qassis għax sagrifiċċju; minn qaddejja għamilna wliedek, Missier, għax hu mnissel minnek u sar qaddej tagħna.

Bir-raġun kollu t-tama tiegħi hi fi Kristu, għax int, Missier, tfejjaqli l-mard kollu tiegħi bih, hu li qiegħed fuq il-lemin tiegħek u jidħol għalina quddiemek; kieku ma kienx hekk kont niddispra. Kbir u bosta hu l-mard tiegħi, kbir u ta’ kull sura, iżda d-duwa tiegħek hi aqwa u akbar. Stajna naħsbu li l-verb tiegħek ma kienx jista’ jingħaqad mal-bniedem, u għalhekk konna niddispraw, kieku ma sarx bniedem u għammar fostna. Imgħaffeġ minn dnubieti u mit-toqol tal-miżerja tiegħi, kont nibda ntella’ u nniżżel f’moħħi u naħseb biex naħrab f’xi mkien ‘il bogħod fejn ma hemm ħadd, imma int ma ħallejtnix u farraġtni billi għidtli: Kristu miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

Ara, Mulej, jien nitfa’ fuqek l-hemm tiegħi kollu biex ngħix u nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek. Int taf ix-xejn tiegħi u n-nuqqasijiet tiegħi; għallimni u fejjaqni. Ibnek il-waħdieni, li fih hemm moħbija t-teżori kollha ta’ l-għerf u x-xjenza, fdiena b’demmu. Tħallix il-kburin jgħakksuni: jien naf kemm swiet il-fidwa tiegħi, u niekol u nixrob il-frott tal-fidwa u nqassmu ‘l oħrajn u fil-faqar tiegħi nixtieq nixba’ bih, flimkien ma’ dawk li jieklu minnu u jixbgħu bih, u jfaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

 

RESPONSORJU 1 Kor 5:14. 15b; Rum 8:32

 

R/. L-imħabba ta’ Krisdtu ġġegħelna naħsbu dan: li Kristu miet għal kulħadd: * Biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

V/. Alla anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll * Biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

 

TALBA

 

Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u, kollok tjieba, kattar fina d-doni tal-grazzja tiegħek, biex nitħeġġu fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba, u nishru dejjem sa l-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, dawl tassew, bla bidu,

int li ħlaqt id-dawl, ismagħna:

dawwal bik il-jum li bdejna,

ħa ngħadduh għall-glorja tiegħek.

 

Bil-għajnuna tiegħek, għadda

dlam il-lejl minn fuq wiċċ artna:

iż-żerniq bi bjuda fietla

kesa d-djar u r-r-raba’ tagħna.

 

Diġà ntfew il-kwiekeb kollha,

qtar in-nida jleqq bil-ħmura;

taħt in-nar tax-xemx li tielgħa

qed jitliegħeb fwar il-ħajja.

 

Int il-jum tal-jiem, o Alla,

dawl u dija fik innifsek:

sebħ u ġmiel il-libsa tiegħek,

xemx saltnatek qatt ma tinżel.

 

Iddi fuqna, Dawl ta’ dejjem,

u ħeġġiġna b’nar imħabbtek,

biex naraw fil-glorja lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek

 Glorja.

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

 

Kantiku Tob 13:8-11, 13-14ab. 15-16ab

 

Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

Agħmlulu festi ta’ ferħ, u agħtuh glorja.

 Int, Ġerusalemm, belt ta’ Alla, *

Għal kull m’għamilt b’idejk il-Mulej sawwtek.

 

 Rodd il-ħajr lill-Mulej għall-ġid li għamillek, *

bierek lil Alla ta’ dejjem;

 ħalli fik jerġa jibni t-tempju tiegħu, †

u jroddlok lura l-imjassra kollha, *

biex għal dejjem ta’ dejjem tithenna.

 

 B’dija ta’ l-għaġeb għad tiddi; *

tagħtik ġieħ l-art kollha minn tarf għall-ieħor.

 Ġnus mill-bogħod għad jiġu għandek, †

bid-doni f’idejhom, *

biex fik jaduraw lill-Mulej.

 Artek għalihom tkun art qaddisa, *

għax fik jiġu jsejjħu l-isem kbir tal-Mulej.

 Int għad titgħaxxaq b’uliedek, *

għax ilkoll għad jitbierku

 u jinġabru quddiem il-Mulej.

 

 Hienja dawk kollha li jħobbuk, *

li jifirħu bis-sliem tiegħek.

 Bierku, ruħ tiegħi, il-Mulej! †

Għax il-Mulej, Alla tagħna, *

ħeles lil Ġerusalemm, il-belt tiegħu,

 mill-hemm kollu tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. 

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRAGal 2:19b-20

 

Jiena ssallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux jien. Iżda Kristu jgħix fija. Il-ħajja li ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta’ ruħu għalija.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Insejjaħ lil Alla l-Għoli, * Alla, li jieħu ħsiebi. Insejjaħ.

V/. Jibgħat mis-sema jsalvani. * Alla, li jieħu ħsiebi. Glorja. Insejjaħ.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

 

PREĊI

 

Alla jieħu ħsieb il-ħlejjaq kollha tiegħu li fdiehom permezz ta’ Ibnu. Għalhekk inqawwu qalbna bit-tama u nitolbuh:

Wettaq, Mulej, il-qawwa li ħaddimt għalina.

O Alla ħanin, mexxi l-passi tagħna fi qdusija sinċiera:

Agħtina li naħsbu f’kull ma hu veru u xieraq, f’kull ma jiġbed l-imħabba.

Minħabba f’ismek, Mulej, la titlaqniex għalkollox:

- la tħassarx il-patt tiegħek.

B’qalbna mgħaffġa u ruħna mċekkna, jalla nkunu ningħoġbu quddiemek:

- għax xejn ma jitħawwdu dawk li jittamaw fik.

Int, permezz ta’ Kristu, sejjaħtilna għall-uffiċċju profetiku:

- ieqaf magħna biex inxandru l-għemejjel sbieħ tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, sawwab il-kotra tal-grazzja tiegħek fuqna, qaddejja umli tiegħek, u għinna nħarsu l-kmandamenti tiegħek, biex ingawdu l-faraġ f’din il-ħajja u naslu fl-hena ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l’Ispirtu s-Santu, Alla, għall dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Hemm sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, Mulej.

 

Salm 118 (119):161-168

 

XXI (Sin)

 

Il-kbarat għal xejn b'xejn jagħmlu għalija, *

imma minn kelmtek tibża' qalbi.

Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek, *

bħal min isib xi priża kbira.

 

Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu, *

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

Seba' darbiet kull jum infaħħrek *

għad-digrieti ġusti tiegħek.

 

Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; *

ma hemm ebda tfixkil għalihom.

Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

u nħares il-kmandamenti tiegħek.

 

Ruħi tħares il-preċetti tiegħek; *

u jiena nħobbhom ħafna.

Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek; *

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.

Glorja.

 

Ant.1 Hemm sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, Mulej.

Ant.2 Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu ruħ waħda u qalb waħda.

 

Salm 132 (133)

 

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, *

li l-aħwa jgħammru flimkien! 

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, *

li jinżel mal-leħja tiegħu,

li jinżel mal-leħja ta' Aron, *

sa fuq l-għonq ta' ħwejġu.

Hu bħan-nida tal-Ħermon, *

li tinżel fuq l-għoljiet ta' Sijon;

għax hemm il-Mulej jagħti l-barka, *

hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant.2 Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu ruħ waħda u qalb waħda.

Ant.3 Żommni minn idejn il-ħżiena, Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Salm 139 (140):1-9. 13-14

 

Eħlisni, Mulej, mill-bnedmin ħżiena, *

min-nies tad-dnewwa ħarisni,

li f'qalbhom inisslu ħsibijiet ħżiena, *

li jqajjmu l-ġlied kuljum.

Ilsienhom daqs tas-serp isinnu, *

semm ta' lifgħa taħt xufftejhom.

 

Żommni, Mulej, minn idejn il-ħżiena, †

minn-nies tad-dnewwa ħarisni, *

li ħsiebhom hu li jfixkluni.

Nies kburin ħejjewli nassa, †

firxuli l-ħbula bħal xibka, *

u tul it-triq nasbu għalija.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Alla tiegħi; *

isma', Mulej, leħen it-tħannin tiegħi."

Sidi Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi, *

inti l-għata ta' rasi f'jum it-taqbida. 

Taqtgħalhomx xewqithom, Mulej, lill-ħżiena, *

tħallihomx jilħqu l-għanijiet tagħhom.

 

Jien naf li l-Mulej jagħmel ħaqq ma' l-imsejken, *

u jagħti raġun lill-fqajjar.

Iva, il-ġusti jfaħħru ismek; *

u t-tajbin jgħammru quddiemek.

 Glorja.

 

Ant.3 Żommni minn idejn il-ħżiena, Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:17a. 19b-21

 

Troddu lil ħadd deni b’deni. Għax hemm miktub: Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej. Imma jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk, tkun qiegħed tiġma ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.

 

 V/. It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.

 R/. Is-sewwa tiegħu ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, madwar id-disgħa ta’ filgħodu ħaduk għall-mewt tas-salib biex hekk issalva d-dinja; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dejjem tagħtina l-maħfra tiegħek għal ħtijietna l-imgħoddija, u tħarisna bla heda għal li ġej. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:16

 

B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li hu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.

 

 V/. Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb.

 R/. Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, meta sallbuk, għalkemm bla ħtija, biex tifdina, minn nofsinhar ‘il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu; agħmel li dejjem jiddi fuqna dak id-dawl li bih jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 4:9-11

 

B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu ‘l xulxin.

 

 V/. Ħares, o Alla, tarka tagħna.

 R/. Ħares lejn Kristu tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int ħfirt lill-ħalliel it-tajjeb għax nidem, u, wara li miet fuq is-salib, daħħaltu fis-saltna tiegħek; aħna wkoll nistqarru li aħna midinbin, u b’fiduċja kbira nitolbuk biex wara l-mewt tagħna tilqagħna fl-hena tal-ġenna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Niżżukħajr , Mulej, li tajtna

jum ix-xogħol fil-għalqa tiegħek:

frott il-ħidma noffruh lilek,

bħal qaddejja umli tiegħek.

 

Rodd, għalhekk, il-ħlas imwiegħed

lill-ħaddiema li qdewk sewwa,

biex ifaħħru ‘l min qabbadhom,

Sid ħanin u qalbu tajba.

 

Int li qiegħed issejjħilna,

għax ħlas kbir hemm jistenniena,

għinna nerfgħu l-piż li jmissna,

kun is-serħ wara t-tbatija.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb jintradd lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

 

Salm 143 (144)

 

I

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

 

II

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', *

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, *

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.

Int tiftaħ idek, *

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, *

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, *

jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, *

imma lill-ħżiena jeqridhom.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi; †

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu *

għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis: † 

u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:1-2

 

Ma hemm ebda kundanna għal dawk li jgħixu fi Kristu Ġesù. Għax il-liġi ta’ l-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mill-liġi tal-mewt u tad-dnub.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu miet għal dnubietna. * Biex iressaqna lejn Alla. Kristu.

V/. Tawh il-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ. * Biex iressaqna lejn Alla. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ftakar, Mulej, fil-ħniena tiegħek, bħalma wegħedt lil missirijietna.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ftakar, Mulej, fil-ħniena tiegħek, bħalma wegħedt lil missirijietna.

 

PREĊI

 

Dawk kollha li għarfu l-isem ta’ Kristu jqiegħdu t-tama tagħhom fih. Aħna wkoll nimtlew bil-fiduċja u ngħidulu:

Mulej, ħniena.

Ftakar, Feddej ħanin, li aħna bnedmin dgħajfa u malajr naqgħu:

- qawwina u wettaqna dejjem bil-grazzja tiegħek.

Aħna midinbin imsejkna u noffenduk għal kull ħaġa ta’ xejn:

- eħlisna minn ħżunitna u agħmel li dejjem nitolbuk maħfra.

Aħna nregħxu bi ħtijietna, imma int twarrab minn fuqna l-korla tiegħek meta nindmu:

 - biegħed minna l-kastigi tiegħek li jistħoqqulna minħabba dnubietna.

Int ħfirt lill-midinba li nidmet, u rfajt fuq dirgħajk in-nagħġa li kienet mitlufa:

- la ċċaħħadna qatt mill-ħniena tiegħek.

Kun twajjeb ma’ dawk li ttamaw fik tul ħajjithom fuq l-art:

- daħħalhom minn bwieb is-sema li ftaħtilna b’salibek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, int ridt li Ibnek ibati u jmut għas-salvazzjoni tad-dinja kollha; agħmel li l-poplu tiegħek iħabrek biex joffrilek lilu nnifsu bħala vittma ħajja u jseħħlu jasal fil-milja ta’ mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.