Stampa t-test kollu ...


26 ta’ Lulju

SAN ĠWAKKIN U SANT’ANNA

 

IL-ĠENITURI TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

Salmodija tal-Ħamis tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġwakkin, missier miqjum, fil-festa tiegħek

ninsġulek għanja ħelwa ta’ foħrija,

u b’radd ta’ ħajr għall-grazzji li tak Alla,

nifirħu miegħek.

 

Nislek mis-slaten, u l-imgħoddi mbiegħed

jixhed li inti bin Abraham, bin David;

kemm kiber ġieħek meta stħaqqlek tnissel

lil Sidt id-dinja!

 

Għaliex b’Marija, bintek u bint Anna,

xewqat missirijietna fl-aħħar seħħu,

u feġġ il-hena tal-ħelsien imwiegħed

lid-dinja mjassra.

 

Għalhekk minn qalbna lill-Missier infaħħru,

insebbħu ‘l Ibnu, li ġie fostna b’bintkom,

u nxandru l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu,

illum u dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.

 

Salm 43 (44)

 

I

 

O Alla, b'widnejna aħna smajna, *

qaluhulna missirijietna,

dak li int għamilt fi żmienhom, *

li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi.

Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom; *

il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.

 

Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art, *

jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;

kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, *

u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.

Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, *

li tajt ir-rebħa lil Ġakobb. 

Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, *

f'ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.

 

Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, *

anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.

Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, *

u tfixkel 'il dawk li jobogħduna.

F'Alla niftaħru l-ħin kollu; *

ismek infaħħru għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 1: Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.

Ant. 2: Ma jwarrabx wiċċu minnkom il-Mulej jekk idduru lejh.

 

II

 

Imma issa warrabtna u ċekkintna, *

ma għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna.

Ġegħeltna nduru lura minn quddiem l-għadu; * 

dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.

Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, *

u fost il-ġnus xerridtna.

 

Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; *

ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.

Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, *

għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.

Ġibtna fi lsien il-ġnus, *

u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.

 

L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, *

il-mistħija tgħattili wiċċi,

għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir, *

quddiem l-għadu li jitħallas minni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ma jwarrabx wiċċu minnkom il-Mulej jekk idduru lejh.

Ant. 3: Stenbaħ, Mulej! La twarrabniex għal dejjem.

 

III

 

Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, *

għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.

Ma dorniex mill-fehma tagħna, *

anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.

Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi, *

u b'dell il-mewt għattejtna.

Li kieku nsejna isem Alla tagħna, *

jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,

ma kienx Alla b'dan jintebaħ, *

hu li jagħraf x'hemm moħbi fil-qalb?

Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, *

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.

Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? *

Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.

Għaliex taħbi wiċċek minna? *

Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?

 

Għax fit-trab ninsabu mitluqa, *

mixħuta ma' l-art minn tulna.

Qum! Ejja biex tgħinna! *

Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!

 Glorja.

 

Ant. 3: Stenbaħ, Mulej! La twarrabniex għal dejjem.

 

V/. Ħa jiddi wiċċek, Mulej, fuq il-qaddej tiegħek.

R/. Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 2 Kor 4:5-18

 

Dgħajjef imma qalbu qawwija fil-Mulej

 

Ħuti : Aħna 'l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru; u mhux lilna nfusna; aħna m'aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f'Ġesù Kristu. Dak Alla li qal: "Ħa jiddi d-dawl mid-dlam", dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl ta' l-għarfien tal-glorja ta' Alla, li tiddi f'wiċċ Kristu.

Dan it-teżor qiegħed għandna f'ġarar tal-fuħħar, ħalli b'hekk jidher sewwa li l-kobor ta' din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m'aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda m’ għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m'aħniex abbandunati; mixħutin ma' l-art, iżda m'aħniex meqrudin. F'ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta' Ġesù, biex f'ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta' Ġesù. Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f'Ġesù, biex il-ħajja ta' Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. U b'hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja.

Imma billi aħna għandna l-istess spirtu ta' fidi li fuqu hemm miktub: "Emmint, u għalhekk tkellimt," aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma' Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b'hekk jitkattar ir-radd ta' ħajr, għall-glorja ta' Alla. 

Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta' barra jitħassar, il-bniedem ta' ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. Id-daqsxejn ta' tbatija tagħna issa tħejjilna kobor ta' glorja bla qjies għal dejjem, lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, imma lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.

 

RESPONSORJU 2 Kor 4:6’ Dewt 5:24a

 

R/. Dak Alla li qal: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam”, * Dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl ta’ l-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.

V/. Ara, il-Mulej Alla tagħna wriena l-kobor u l-qawwa tiegħu, u aħna smajna leħnu. * Dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl ta’ l-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ġwann Damaxxenu

 

Mill-frott tagħhom tagħrfuhom

 

Anna kienet se ġġib fid-dinja lill-Verġni Omm Alla; għalhekk in-natura ma ssugratx tibda taħdem qabel il-grazzja, iżda ċċaħħdet mill-frott sa ma l-grazzja tkun tat il-frott tagħha. Għax kien meħtieġ li l-ewwel titwieled il-bint il-kbira, li minnha kien għad irid jitwieled il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, li kollox fih qiegħed iżomm.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka! Il-ħolqien kollu huwa obbligat lejkom, għax permezz tagħkom seta’ joffri l-aqwa don lill-Ħallieq tiegħu, jiġifieri l-omm safja li hi weħidha kienet tixraq lill-Ħallieq.

Ifraħ, Anna, mara bla tfal li ma wlidtx, infexx f’għajat ta’ ferħ u għana, int li ma ġarrabtx l-uġigħ tal-ħlas. Imtela bl-hena, Ġwakkin, għax min bintek twildilna tifel, ingħatalna iben, u jsemmuh Kunsillier ta’ l-għaġeb li jħabbar is-salvazzjoni lid-dinja kollha, Alla setgħan. Dan it-tifel hu Alla.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka u l-iżjed safja! Intom tingħarfu mill-frott tagħkom, kif jgħid il-Mulej: Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Intom għextu kif jogħġob lil Alla u kif kien jixraq lil dik li twieldet minnkom. Għax bil-ħajja safja u qaddisa tagħkom tajtu ġawhra lid-dinja, dik li kienet verġni qabel it-twelid, verġni fit-twelid, u verġni wara t-twelid, dik li weħidha baqgħet dejjem verġni fir-ruħ, fil-qalb u fil-ġisem.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin l-iżjed safja! Intom ħaristu s-safa skond ma titlob il-liġi naturali, u ksibtu mingħand Alla ħaġa li tisboq il-qawwa tan-natura, għax ġibtu fid-dinja lil omm Alla li ma għarfitx raġel. Bil-ħajja tagħkom ta’ bnedmin tajba u qaddisa, wlidtu bint aqwa mill-anġli u li issa hi sidt l-anġli. O tfajla ta’ ġmiel u ħlewwa ta’ l-għaġeb, bint Adam u omm Alla! Hienja l-ġnub u l-ġuf li minnhom tnissilt! Hienja d-dirgħajn li ħaddnuk u x-xufftejn tal-ġenituri tiegħek li tawk kemmil bewsa safja biex iħarsuk bi mħabbithom u tibqa’ dejjem u f’kollox verġni! Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fl-hena, ifirħu u għannu! Għajjtu bil-ferħ, għajjtu, la tibżgħux!

 

RESPONSORJU ara Lq 2:37, 38; 7:16

 

R/. Lejl u nhar kienu jaqdu lill-Mulej fis-sawm u t-talb, * U kienu jistennew il-fidwa ta’ Iżrael.

V/. Kienu jitolbu biex Alla jżur lill-poplu tiegħu. * U kienu jistennew il-fidwa ta’ Iżrael.

 

TALBA

 

Mulej, Alla ta’ missirijietna, inti ħtart lil San Ġwakkin u ‘l Sant’Anna u tajthom il-grazzja li minnhom titwieled Omm Ibnek magħmul bniedem; bit-talb tagħhom, agħmel li aħna niksbu s-salvazzjoni li int wegħedt lill-poplu tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jgħaddi l-lejl, u jibda jżernaq,

dlonk is-sebħ jurina ġmielu,

wara titla’ x-xemx u tferraħ

bid-dawl tagħha l-ħlejjaq kollha.

 

Anna, int żerniq għall-bniedem,

u s-sebħ tiegħu Omm il-grazzja,

Kristu Binha x-xemx tas-sewwa,

li keċċielna l-lejl tal-liġi.

 

Inti għerq sabiħ u qawwi,

siġra tajba, tfur bil-ħajja;

minnek ħriġt il-fergħa mqaddsa

li l-frott tagħha Kristu Sidna.

 

Omm ta’ dik li wildet ‘l Alla,

w int, Ġwakkin, missier imbierek,

għat-talb tagħkom u ta’ bintkom

nittamaw li jkollna l-maħfra.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

Bin Marija, Omm u Verġni;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, Mulej.

 

Salm 142 (143):1-11

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; *

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi, *

 L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, Mulej.

Ant. 2: Il-Mulej jifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara.

  

Kantiku Iż 66:10-14a

 

Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha, *

intom ilkoll ħbieb tagħha!

Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll *

li qsamtu swied il-qalb magħha!

Hekk intom terdgħu u tixbgħu *

minn sider il-faraġ tagħha;

 

Għax dan jgħid il-Mulej: †

“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara, *

 u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus. 

It-trabi tagħha fuq id-dirgħajn jintrefgħu, *

u jżiegħlu bihom fuq l-irkubbtejn.

Bħalma omm tfarraġ lil binha, †

hekk jiena nfarraġ lilkom, *

u f’Ġerusalemm titfarrġu”.

 

 Taraw u tifraħ qalbkom, *

U għadamkom bħal ħaxix iħaddar.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara.

Ant. 3: Hu ħelu u xieraq it-tifħir ta’ Alla tagħna.

 

Salm 146 (147A)

 

Faħħru l-Mulej, †

għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna; *

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.

 

Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej, *

jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma, *

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb; *

kollha jsejjħilhom b'isimhom.

Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira; *

bla tarf id-dehen tiegħu.

Jerfa' l-imsejknin il-Mulej, *

u jniżżel sa l-art il-ħżiena.

 

Għannu lill-Mulej innu ta' radd il-ħajr; *

doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.

Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet, †

iħejji għall-art ix-xita, *

u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.

Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom, *

u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajjtu.

Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel, *

anqas b'riġlejn l-irġiel b'saħħithom.

Jitgħaxxaq il-Mulej b'min għandu l-biża' tiegħu, *

u b'min jittama fit-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Hu ħelu u xieraq it-tifħir ta’ Alla tagħna.

  

LEZZJONI QASIRA Iż 55:3

 

Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ. Nagħmel patt magħkom għal dejjem, skond il-wegħdiet li mħabbti għamlet lil David.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Fil-qalb ħanina tiegħu, * Il-Mulej ġie jżurna. Fil-qalb.

V/. Minn-nisel ta’ David tana ‘l Ġesù s-Salvatur. * Il-Mulej ġie jżurna. Glorja. Fil-qalb.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għax waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David, qaddej tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għax waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David, qaddej tiegħu.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, ngħollu bit-tifħir lil Kristu, Alla l-Qaddis, u nitolbuh il-grazzja biex naqduh tul ħajjitna kollha bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu. B’ferħ kbir ngħidulu:

Mulej, int waħdek qaddis.

Int ridt li tkun imġarrab bħalma f’kollox, minbarra d-dnub:

- ħenn għalina, Mulej Ġesù.

Int sejjaħtilna biex inkunu lkoll perfetti fl-imħabba:

- qaddisna, Mulej Ġesù.

Int wissejtna biex inkunu l-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja:

- dawwalna, Mulej Ġesù.

Int ġejt biex taqdi, mhux biex tkun moqdi:

- agħmilna qaddejja umli tiegħek u ta’ ħutna, Mulej Ġesù.

Inti d-dija tas-sebħ ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu:

- agħtina li naraw il-wiċċ igglorifikat tiegħek, Mulej Ġesù.

 

Missierna

 

Talba

Mulej, Alla ta’ missirijietna, inti ħtart lil San Ġwakkin u ‘l Sant’Anna u tajthom il-grazzja li minnhom titwieled Omm Ibnek magħmul bniedem; bit-talb tagħhom, agħmel li aħna niksbu s-salvazzjoni li int wegħedt lill-poplu tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

 

Salm 118 (119):153-160

 

XX (Res)

 

Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni, *

għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini; *

agħtini l-ħajja skond il-wegħda tiegħek.

 

'Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni, *

għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.

Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond id-digrieti tiegħek.

 

Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni; *

imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.

Nara 'l dawk li ħallewk u nistkerrahhom, *

għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.

 

Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond it-tjieba tiegħek.

Is-sewwa tiegħek il-qofol ta' kelmtek; *

għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.

Glorja.

 

 Ant.1 Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

Ant.2 Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

fl-irkejjen ta' darek;

wliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Ant.2 Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

Ant.3 Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

 

Salm 128 (129)

 

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *

- ħa jgħid hekk Iżrael –

ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *

imma ma rnexxilhomx jegħlbuni.

Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *

raddiet twal bis-swat għamluli.

Imma ġust hu l-Mulej, *

u qatta' minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

 

Ħa jinfixlu u jmorru lura *

dawk kollha li jobogħdu 'l Sijon.

Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *

li jinxef qabel ma jikber,

li bih il-ħassâd ma jimliex idu, *

anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †

"Il-Barka ta' Alla fuqkom! *

Inberkukom f'isem il-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant.3 Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:23-24

 

Dan hu l-kmandament ta’ Alla: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u li nħobbu ‘l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekk nafu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

 

 V/. Mulej, int tmexxi lill-bniedem ġust.

 R/. Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb.

 

Talba

 

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 1:1-2

 

Ħobbu l-ġustizzja, intom il-ħakkiema ta’ l-art; aħsbu fil-Mulej kif inhu sewwa u fittxuh b’qalb safja. Għax hu jinstab minn min ma jġarrbux, u juri lilu nnifsu lil min ma jitlifx it-tama fih.

 

 V/. Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb.

 R/. Għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek, biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 12:1b- 2

 

Inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u, b’qalbna qawwija, nibqgħu niġru t-triq li għandna quddiemna, waqt li nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna, hu, li għall-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

 

V/. Jien lill-Mulej nistenna.

R/. Ruħi f’kelmtu tittama.

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġwakkin, missier miqjum, fil-festa tiegħek

ninsġulek għanja ħelwa ta’ foħrija,

u b’radd ta’ ħajr għall-grazzji li tak Alla,

nifirħu miegħek.

 

Nislek mis-slaten, u l-imgħoddi mbiegħed

jixhed li inti bin Abraham, bin David;

kemm kiber ġieħek meta stħaqqlek tnissel

lil Sidt id-dinja!

 

Għaliex b’Marija, bintek u bint Anna,

xewqat missirijietna fl-aħħar seħħu,

u feġġ il-hena tal-ħelsien imwiegħed

lid-dinja mjassra.

 

Għalhekk minn qalbna lill-Missier infaħħru,

insebbħu ‘l Ibnu, li ġie fostna b’bintkom,

u nxandru l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu,

illum u dejjem. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej hu t-tjieba u l-kenn tiegħi: fih nittama.

  

Salm 143 (144)

 

I

 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi, †

li jħarriġli idejja għat-taqbida *

u subgħajja għat-taqtigħa.

Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi, *

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn; *

hu li jrażżan il-popli taħti.

 

Mulej, x'inhu l-bniedem biex taħseb fih, *

jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?

Bħal daqsxejn ta' nifs hu l-bniedem; *

bħal dell li jgħaddi huma jiemu.

 

Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel; *

miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.

Agħmel il-beraq u xerridhom; *

faqqa' s-sajjetti u ħarrabhom.

Midd idek mill-għoli,*

aħtafni mill-ilma kotran;

eħlisni minn id il-barrani, †

li b'fommu jgħid il-gideb, *

u b'lemintu jixhed il-qerq.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej hu t-tjieba u l-kenn tiegħi: fih nittama.

Ant. 2: Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu.

 

II

 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek, *

fuq arpa ta' għaxar kordi ngħannihielek.

Int li tagħti r-rebħa lis-slaten, *

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.

 

Mis-sejf tal-ħażin ħarisni; *

eħlisni minn id il-barrani,

li b'fommu jgħid il-gideb, *

u b'lemintu jixhed il-qerq.

 

Ħa jkunu wliedna f'żgħożithom *

bħal xitel imlaħħaq sewwa;

uliedna l-bniet bħal kolonni minquxa, *

iżejjnu l-irkejjen tal-palazzi.

Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawwra, *

u jagħtu kull xorta ta' ġid.

L-imrieħel bl-eluf iwelldu, †

għaxriet ta' eluf fir-raba' tagħna; *

ħa jkunu tqal il-bhejjem tagħna.

Ebda selħa fis-swar, u ebda ħarba, *

anqas għajat ta’ niket fil-pjazez tagħna.

 

Hieni l-poplu li għandu dan kollu! *

Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 2: Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu.

Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.

 

Kantiku Apok 11:17-18; 12:10b-12a

 

Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

li int u li kont, 

talli ħadt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt issaltan.

Il-ġnus imtlew bil-korla, †

imma ġiet il-korla tiegħek * 

u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

kemm iż-żgħar u kemm il-kbar, 

 

Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

u s-saltna ta' Alla tagħna, *

u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 

U huma ħarġu rebbieħa fuqu

bis-saħħa permezz ta’ demm il-Ħaruf *

u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

u xejn ma għożżew ħajjithom, *

hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

u intom li tgħammru fihom. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.

 

LEZZJONI QASIRARum 9:4-5

 

Ta’ l-Iżraelin hija l-adozzjoni u s-sebħ, u l-pattijiet u l-liġi, u l-liturġija u l-wegħdiet; tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem. Ammen.

 

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, * Għax ftakar fil-ħniena tiegħu. Il-Mulej.

V/. Bħalma wiegħed lil missirijietna. * Għax ftakar fil-ħniena tiegħu. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Miz-zokk imfaħħar ta’ Ġesse ħarġet fergħa sabiħa, li minnha kibret warda ta’ fwieħa li tgħaxxaq.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Miz-zokk imfaħħar ta’ Ġesse ħarġet fergħa sabiħa, li minnha kibret warda ta’ fwieħa li tgħaxxaq.

 

 

PREĊI

 

Nitolbu lil Alla l-Missier, li hu l-għajn ta’ kull qdusija, biex, bl-eżempju u t-talb tal-qaddisin, jagħtina li ngħixu ħajja qaddisa. Ngħidulu bl-umiltà:

Agħmilna qaddisin, għax int qaddis.

Missier qaddis, int ridt li aħna nissejjħu wliedek, u nkunu hekk tassew:

- agħmel li l-Knisja tistqarrek fid-dinja kollha.

Missier qaddis, int tridna ngħixu sewwa kif jixraq lilek u nogħġbuk f’kollox:

- agħmel li jkollna l-frott ta’ kull opra tajba.

Missier qaddis, inti rġajt ħabbibtna miegħek bis-saħħa ta’ Kristu:

- ħarisna f’ismek, biex inkunu lkoll ħaġa waħda bejnietna.

Missier qaddis, inti ssejjħilna għall-ikla tal-mejda tas-sema:

- agħtina li ngħixu dejjem iżjed fl-imħabba, bil-qawwa tal-ħobż li jinżel mis-sema.

Missier qaddis, aħfer il-ħtijiet kollha tal-midinbin:

- ilqa’ lil ħutna l-mejtin kollha fid-dawl ta’ dejjem quddiemek.

 

Missierna

 

Talba

Mulej, Alla ta’ missirijietna, inti ħtart lil San Ġwakkin u ‘l Sant’Anna u tajthom il-grazzja li minnhom titwieled Omm Ibnek magħmul bniedem; bit-talb tagħhom, agħmel li aħna niksbu s-salvazzjoni li int wegħedt lill-poplu tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

 

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.