Stampa t-test kollu ...


25 ta’ Lulju

SAN ĠAKBU, APPOSTLU

 

FESTA

 

Mill-Komun ta’ l-Appostli

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Prinċpijiet li żżejjnu l-qorti

tas-Sultan il-kbir u l-għoli,

Ġesù stess kien li għallimkom

u fid-dinja kollha bagħatkom.

 

Lilkom ried Appostli tiegħu

gawhriet sbieħ u pedamenti

ta’ Ġerusalemm il-ġdida

li l-Ħaruf il-musbieħ tagħha.

 

Ħajr troddilkom u tfaħħarkom

il-Għarusa tiegħu l-Knisja,

għax bil-kelma tagħkom qamet,

bit-tixrid ta’ demmkom tqaddset.

 

Meta tgħib did-dinja w jinżel

il-Fedddej bi Mħallef tagħha,

kbir ikun il-ġieħ li tiksbu

xħin għall-ħaqq toqogħdu miegħu.

 

Kunu issa l-qawwa tagħna

bit-talb tagħkom bla ma tieqfu,

biex il-kliem li żrajtu fina

jagħti frott kotran għas-sema.

 

Ġieħ u sebħ bla tmiem lil Kristu

li ħatarkom messaġġiera

tal-Missier, u sawwab fuqkom

lill-Ispirtu u d-doni tiegħu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

 

Salm 18 (19)A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħenhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu,

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn truf is-smewwiet hi toħroġ, †

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

Ant.2: Għemil il-Mulej ixandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel, hallelujah.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

 

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iċaqlaq rasu.

U lkoll jimtlew bil-biża’ ta’ Alla,

għemilu jxandru, *

 u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant.2: Għemil il-Mulej ixandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel, hallelujah.

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu, hallelujah.

 

Salm 96 (97)

 

Il-Mulej isaltan! †

Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru; *

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

In-nar jimxi quddiemu, *

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *

tara dan l-art u titriegħed.

Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *

quddiem is-Sid ta' l-art kollha.

 

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

Tisma' dan u tifraħ Sijon, †

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †

'il fuq mill-art kollha, *

ogħla ħafna mill-allat.

 

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †

iħares il-ħajja ta' ħbiebu, *

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu, hallelujah.

 

V/. Huma xandru tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu.

R/. U l-għeġubijiet li għamel.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 1 Kor 4:1-16

 

Inkunu nixbħu lill-Appostli kif l-Appostli jixbħu lil Kristu

 

Ħuti: In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta' Kristu u amministraturi tal-misteri ta' Alla. Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili. Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; imma mhux b'daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani. Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej; hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.

Dan kollu, ħuti, għedtu għalija u għal Apollo minħabba fikom, biex minna intom titgħallmu x'jiġifieri: "Mhux aktar milli hemm miktub,” ħalli ħadd minnkom ma jintefaħ b'wieħed kontra l-ieħor. Int, min hu li jagħżlek? X'għandek li ma ngħatalekx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn? Intom ġa mxebbgħin! Intom ġa stagħnejtu! Issaltnu mingħajrna! Jalla ssaltnu ħalli nsaltnu aħna wkoll magħkom. Jiena naħseb li lilna l-Appostli Alla xeħetna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin. Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ. Sa issa aħna bil-ġuħ u bil-għatx, msawwta u bla dar; jaħqruna, u nistabru; jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, ir-rimi ta' kulħadd sa llum.

M'iniex nikteb dan biex inħammrilkom wiċċkom, imma biex inwiddibkom, bħal uliedi għeżież. Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li bl-Evanġelju nissiltkom fi Kristu. Bil-qawwa kollha nitlobkom: Ixbhu lili.

 

RESPONSORJU Ġw 15:15; Mt 13:11. 16

R/. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, sejjaħtilkom ħbieb: * Għaliex kull ma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.

V/. Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet: henjin għajnejkom għax qegħdin jaraw: henjin widnejkom għax qegħdin jisimgħu. * Għaliex kull ma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Omiliji ta’ l-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew.

Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet

 

Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek. Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: Ma tafux x’intom titolbu; jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u ta’ l-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien? Qalilhom: “Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli”.

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: “Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?” Mela kif staqsiehom? Għandkom ħila tixorbu l-kalċi? Mbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: Li se nixrob jien, biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: Għandna ħila. Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: “Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri”. L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġa għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti ta’ l-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu ta’ l-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih.

 

RESPONSORJU Salm 18 (19):5

 

R/. Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom; * Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla.

V/. Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. * Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej, u saru ħbieb ta’ Alla.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Insellmulek, twajjeb Ġakbu,

għall-ġieħ kbir li tak l-Imgħallem,

meta minn sajjied sejjaħlek

sabiex tkun appostlu tiegħu.

 

Minnufih, ma ħuk, tlaqt kollox

u rbatt ruħek mal-Messija,

sa ma ħriġt bil-ħrara xxandar

ismu w kelmtu u s-setgħa tiegħu.

 

Għażlek b’wieħed mit-tliet xhieda

ta’ misteri kbar u għolja;

fuq it-Tabor rajtu b’sebħu

u fil-ġnien fid-dwejjaq tiegħu.

 

Kmieni lqajt li miegħu taqsam

fl-istess kalċi li hu xorob,

u kont l-ewwel fost l-appostli

li tajt ħajtek għal imħabbtu.

 

O ħabib fidil ta’ Kristu,

li żrajt fostna dawl is-sema,

saħħaħ fina d-don tal-fidi,

kattar f’qalbna t-tama ħelwa.

 

Ieqaf magħna biex inħobbu

lil Ġesù u l-preċetti tiegħu,

ħalli mbagħad jagħtina l-grazzja

li nifirħu bih għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ġesù mexa ftit ieħor u ra lil Ġakbu ta’ Żebedew, u ‘l Ġwanni ħuh, u sejjħilhom.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Ġesù mexa ftit ieħor u ra lil Ġakbu ta’ Żebedew, u ‘l Ġwanni ħuh, u sejjħilhom.

Ant. 2: Huma minnufih telqu x-xbiek u ‘l missierhom, u marru warajh.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Huma minnufih telqu x-xbiek u ‘l missierhom, u marru warajh.

Ant. 3: Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 2:44-45

 

Id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’ l-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Waqa’ mbagħad biża’ kbir fuq kulħadd: għax ħafna kienu l-għeġubijiet u s-sinjali li kienu jsiru mill-Appostli. Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll flimkien, u kellhom kollox flimkien bejniethom; kienu jbigħu ħwejjiġhom u ġidhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Minn dan jagħrafkom kulħadd * Bħala dixxipli tiegħi. Minn dan.

V/. Jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom. * Bħala dixxipli tiegħi. Glorja. Minn dan.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni weħidhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni weħidhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, bil-ħidma ta’ l-Appostli sirna werrieta tas-sema. Inroddu ħajr lil Alla għall-ġid kollu li tana, u ngħidulu:

Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax permezz ta’ l-Appostli għaddejt lilna l-mejda tal-Ġisem u d-Demm tiegħek,

- li bihom tgħajjixna u ssaħħaħna.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax l-Appostli ħejjew għalina l-mejda tal-kelma tiegħek.

- li biha nimtlew bid-dawl u l-ferħ.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax fuq l-Appostli bnejt il-Knisja qaddisa tiegħek.

- li fiha lkoll ningħaqdu f’ġisem wieħed.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax bl-Appostli tajtna l-ħasil tal-Magħmudija u l-indiema,

- li bih nitnaddfu minn dnubietna kollha.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Antifoni u salmodija tal-Erbgħa tar-IV ġimgħa

 

Ant.1 Lilek insejjaħ, Mulej; fi kliemek jien nittama.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant.1 Lilek insejjaħ, Mulej; fi kliemek jien nittama.

Ant.2 Il-Mulej jaf li frugħa huma l-ħsibijiet tal-bniedem.

 

Salm 93 (94)

 

I

 

Mulej, Alla li taf titħallas, *

Alla li taf titħallas, tfaċċa!

Qum, mħallef tad-dinja, *

roddilhom li ħaqqhom lill-kburin.

Kemm se jdumu l-ħżiena, Mulej, *

kemm se jdumu l-ħżiena jifirħu?

Kliem kburi joħroġ minn fommhom; *

kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar.

 

Huma jkasbru, Mulej, lill-poplu tiegħek, *

u jgħakksu lill-poplu ta' wirtek.

Joqtlu l-armla u l-barrani, *

u l-mewt jagħtu lill-iltiema;

u jgħidu: "Ma jarax il-Mulej; *

ma jintebaħx Alla ta' Ġakobb."

 

Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu! *

Nies bla moħħ, meta se tintebħu?

Forsi min għamel il-widnejn ma jismax? *

Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax?

Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx? *

Jew m'għandux għerf min jgħallem lill-bniedem?

Jagħraf il-Mulej il-ħsibijiet tal-bniedem, *

u jaf li m'humiex ħlief frugħa.

Glorja.

 

Ant.2 Il-Mulej jaf li frugħa huma l-ħsibijiet tal-bniedem.

Ant.3 Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.

 

II

 

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej, *

li tgħallmu l-liġi tiegħek,

biex isserrħu f'jiem l-għawġ, *

sa ma jitħaffer il-qabar għall-ħati.

Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu, *

ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.

Għax il-ħaqq jerġa' jsir bil-ġustizzja, *

u fuqu jimxu dawk kollha ta' qalb safja.

 

Min se jaqbeż għalija kontra l-ħżiena? *

Min se jżomm miegħi kontra min jagħmel il-ħażin?

Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna, *

għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.

Biżżejjed ngħid: "Qiegħed jiżloq riġli," *

biex tjubitek, Mulej, tweżinni.

Meta joktor l-hemm ġo qalbi, *

il-faraġ tiegħek jhennili ruħi.

 

Jistgħu mħallfin ħżiena jissieħbu miegħek, *

li jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi?

Jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust, *

u jikkundannaw in-nies bla ħtija. 

Iżda l-Mulej hu fortizza għalija, *

u Alla tiegħi l-blata tal-kenn tiegħi.

Hu jdawwar għal fuqhom ħżunithom, †

għall-ħażen tagħhom jeqridhom; *

jeqridhom il-Mulej Alla tagħna!

 Glorja.

 

Ant.3 Il-Mulej hu fortizza għalija, u l-blata tal-kenn tiegħi.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 10:24. 31

 

Ħadd ma għandu jqis qisu, iżda l-interessi ta’ ħaddieħor. Kull ma tagħmlu, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.

 

 V/. Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

 R/. Li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lill-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub; agħtina grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:17

 

Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

 V/. Lilek, Mulej, noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr.

 R/. U isem il-Mulej insejjaħ.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:23-24

 

Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom, bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin, għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja għalikom il-Mulej bħala wirt. Aqdu lil Kristu Sidna.

 

 V/. Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi.

 R/. Inti żżomm f’idejk xortija.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Fis-smewwiet il-għana jidwi,

taqbeż l-art bil-ferħ mimlija;

f’dan il-jum ta’ festa l-Knisja

tweġġaħ bit-tifħir l-Appostli.

 

Intom, l-imħallfin tad-dinja,

li dawwaltu l-art b’tagħlimkom:

b’qalbna kollha nduru lejkom,

agħtu widen għat-talb tagħna.

 

B’kelma tagħkom tħollu w torbtu,

bħalma fl-art, ukoll fis-sema;

fi tjubitkom, ħollu lilna

minn kull rabta ta’ dnubietna.

 

B’ordni tagħkom terġa s-saħħa

bil-fejqan tal-morda kollha;

fejjqu wkoll il-mard ta’ ruħna,

roddu l-qawwa fejn hu dgħajjef.

 

Biex kif fl-aħħar Kristu Mħallef

jiġi jagħmel ħaqq mid-dinja,

isejjħilna ħdejh biex miegħu

niksbu l-wirt fil-ferħ tas-saltna.

 

B’wiċċna fl-art insebbħu ‘l Alla,

għaliex bikom iwasslilna

it-tagħlim ta’ l-Evanġelju

fit-triq tagħna lejn is-sema. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l Ġwanni fil-Ġetsemani, u bdew jaħkmuh il-biża u d-dwejjaq.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. †

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 1: Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l Ġwanni fil-Ġetsemani, u bdew jaħkmuh il-biża u d-dwejjaq.

Ant. 2: Ġesù qal lit-tliet dixxipli: Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.

  

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

 

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ġesù qal lit-tliet dixxipli: Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.

Ant. 3: Is-sultan Erodi medd idu fuq xi wħud mill-Knisja biex jaħqarhom. Huwa qabad lil Ġakbu u qatagħlu rasu.

 

Kantiku Ef 1:3-10

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Is-sultan Erodi medd idu fuq xi wħud mill-Knisja biex jaħqarhom. Huwa qabad lil Ġakbu u qatagħlu rasu.

 

LEZZJONI QASIRAEf 4:11-13

 

 Kristu ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin, ħalli b’hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fl-għarfa ta’ l-Iben ta’ Alla. Insiru Raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Xandru fost il-ġnus * is-sebħ tal-Mulej. Xandru.

V/. Fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. * Is-sebħ tal-Mulej. Glorja. Xandru.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom; u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jpqgħod ilsir ta’ kulħadd.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom; u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jpqgħod ilsir ta’ kulħadd.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, aħna, li nbnejna fuq is-sisien ta’ l-Appostli, nitolbu lil Alla, il-Missier li jista’ kollox, għall-poplu qaddis tiegħu, u ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-Knisja tiegħek.

Missier, int ridt li Ibnek iqum mill-imwiet u jidher l-ewwel lill-Appostli:

- agħmel li aħna nkunu xhieda tiegħu sa truf l-art.

Int bgħatt lil Ibnek fid-dinja biex ixandar il-bxara t-tajba lill-fqar:

- agħmel li aħna nwasslu l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.

 Inti bgħattilna lil Ibnek biex jiżra fina l-kelma tiegħek:

- agħtina li, wara t-taħbit tagħna biex niżirgħu l-kelma, niġbru l-frott tagħha bil-ferħ.

Int bgħatt lil Ibnek biex b’demmu jerġa’ jħabbeb lid-dinja miegħek:

- għinna biex naħdmu lkoll id f’id għal din il-ħbiberija.

Int qegħidt lil Ibnek fil-lemin tiegħek fis-sema:

- daħħal lil ħutna l-mejtin fl-hena tas-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn, *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.