Stampa t-test kollu ...


24 ta’ Novembru

 

SAN ANDRIJA DUNG-LAC, SAĊERDOT

U SĦABU, MARTRI

 

Salmodija tas-Sibt ta’ l-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, l-martri b’tixrid demmhom

stqarrew lilek b’sultan tagħhom;

ċaħdu kollox ta’ did-dinja,

w inti lqajthom ġewwa s-sema.

 

Fi tjubitek, isma’ talbna,

biex, filwaqt li l-ġieħ inroddu

lill-qalbiena fir-rebħ tagħhom

tagħder lilna msejkna w dgħajfa.

 

Inti rbaħt fil-martri tiegħek

għax stqarrewk u wrejthom ħniena;

egħleb fina l-ħażen tagħna

billi taħfer lil min jonqos.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

Glorja.

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

 

Salm 131 (132)

 

I

 

Ftakar, Mulej, f'David *

u fil-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, *

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb:

 "Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, *

ma jitlax fuq il-friex ta' soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod *

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej, *

għamara għal Alla l-Qawwi ta' Ġakob."

 

Araw, smajna bl-Arka f'Efrata, *

sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.

Ħa nidħlu fil-għamara tiegħu, *

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta' riġlejh!

 

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, *

int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, *

igħajtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, *

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

II

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David, *

u żgur li ma jerġax lura minnha:

"Wieħed min-nisel tiegħek *

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

 

Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi *

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem *

joqogħdu fuq it-tron tiegħek."

 

Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, *

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

"Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! *

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

 

Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, *

bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.

Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, *

bil-ferħ igħajtu l-ħbieb tagħha.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David, *

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, *

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

V/. Ejjew, araw x’għamel il-Mulej.

R/. Għemejjel ta’ l-għaġeb fuq l-art.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija Żakk 14:1-21

 

It-tiġrib u l-glorja ta’ Ġerusalemm fl-aħħar żminijiet

 

 Dan jgħid il-Mulej :

“Ara, jiġi jum għall-Mulej, meta jeħdulek ġidek għall-priża u jaqsmuh bejniethom f'nofsok. U jien niġbor il-ġnus kollha lejn Ġerusalemm għat-taqbida, u l-belt taqa' f'idejhom, id-djar jitberbxu, in-nies jitwaqqgħu fil-għajb; nofs il-belt tkun itturufnata, imma l-bqija tal-poplu ma jinqatax mill-belt. U joħroġ il-Mulej jitqabad ma' dawk il-ġnus bħal fi żmien il-gwerra f'ġurnata ta' taqtigħa, u jieqfu riġlejh dakinhar fuq il-muntanja taż-Żebbuġ, li hi biswit Ġerusalemm, in-naħa tal-lvant; u l-muntanja taż-Żebbuġ tinqasam minn nofsha b'wied wiesa' ħafna min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent; nofs wieħed tal-muntanja jersaq lejn it-tramuntana u n-nofs l-ieħor lejn in-nofsinhar. U l-Wied ta’ Ħinnom jingħalaq minn Ġoa sa Jasol, u jingħalaq kif ingħalaq minħabba fit-terremot fi żmien Għużżija, is-sultan ta' Ġuda; mbagħad il-Mulej, Alla tiegħi, jiġi flimkien mal-qaddisin kollha tiegħu.

 U jiġri dakinhar li ma jkunx hemm iżjed sirda u ksieħ, u jkun jum waħdieni, magħruf lill-Mulej; ma jkun hemm la binhar u lanqas billejl, għax fil-għaxija jkun hemm id-dawl. Dakinhar minn Ġerusalemm joħroġ ilma ġieri, nofsu lejn il-baħar tal-lvant u n-nofs l-ieħor lejn il-baħar tal-punent, u jibqa' jiġri sajf u xitwa. Il-Mulej imbagħad ikun sultan fuq l-art kollha; dakinhar il-Mulej ikun wieħed, u ismu wieħed. U l-art kollha tinbidel f'wita minn Gebà sa Rimmon fin-naħa tan-nofsinhar. Ġerusalemm iżda titgħolla fil-post fejn tinsab. Mill-Bieb ta' Benjamin sal-misraħ tal-Bieb Ewlieni, jiġifieri l-Bieb tal-Kantuniera, u mit-Torri ta' Ħananel sa fejn jagħsru l-inbid tas-sultan, in-nies jgħammru fiha, u ħadd iżjed ma jkun merħi għall-qerda. Iva, in-nies jgħammru f'Ġerusalemm b'rashom mistrieħa.

 U din tkun id-daqqa li biha l-Mulej isawwat il-popli kollha li għamlu gwerra lil Ġerusalemm: laħamhom jitħassrilhom waqt li jkunu għadhom fuq riġlejhom, għajnejhom jinfaqgħulhom f'ħofrithom, u lsienhom idubilhom ġo ħalqhom. U kastig bħal dan ikun il-kastig taż-żwiemel, ta’ l-ibgħula, ta’ iġmla, tal-ħmir, u tal-bhejjem kollha li jkunu jinsabu f’dik l-armata.

 U tiġi fuqhom dakinhar taħwida ta' l-għaġeb minn-naħa tal-Mulej, kull wieħed jaqbad id l-ieħor u jerfgħu idejhom għal xulxin. U Ġuda wkoll jissara kontra Ġerusalemm. U b'kotra kbira jinġabar l-għana kollu tal-ġnus tal-madwar, deheb u fidda u lbiesi. 

 Jiġri mbagħad li dawk li jibqgħu mill-ġnus kollha li jkunu ġew għal Ġerusalemm jitilgħu minn sena għal oħra biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, Mulej ta' l-eżerċti, u biex jagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex. U dawk li, fost il-familji ta' l-art, ma jitilgħux Ġerusalemm biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, Mulej ta' l-eżerċti, jiġrilhom li ma jkunx hemm xita għalihom. U jekk il-familja ta' l-Eġittu ma titlax u ma tiġix, għaliha wkoll ikun hemm il-kastig li bih il-Mulej jikkastiga l-ġnus li ma jitilgħux biex jagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex. Dan ikun il-ħlas ta' l-Eġittu u l-ħlas tal-ġnus kollha talli ma jitilgħux biex jagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex.

 Dakinhar fuq iċ-ċnieċel taż-żwiemel ikun hemm miktub: "Imqaddes il-Mulej"; u l-borom fit-tempju tal-Mulej ikunu bħall-vaski ta' quddiem l-artal. U l-borom kollha f'Ġerusalemm u f'Ġuda jkunu mqaddsa lill-Mulej ta' l-eżerċti, u dawk kollha li joffru sagrifiċċju jiġu u jieħdu minnhom u jgħallu fihom; u ma jkunx hemm aktar merkanti dakinhar fit-tempju tal-Mulej ta' l-eżerċti.

 

RESPONSORJU ara Żak 14:8a; 13:1; Ġw 19:34

 

R/. F’dak il-jum joħroġ ilma ħaj minn Ġerusalemm, u l-għajn tinfetaħ għad-dar ta’ David * Biex il-midneb jissaffa.

V/. Wieħed mis-suldati nifed il-ġenb ta’ Ġesù b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. * Biex il-midneb jissaffa.

 

LEZZJONI II

 

Mill-ittri li bagħat fis-sena 1843 San Pawl Le-Bao-Tinh,

student fis-Seminarju ta’ Ke-Vinh

 

Is-sehem tal-martri fir-rebħa ta’ Kristu r-Ras

 

Jien, Pawlu, fil-ktajjen minħabba l-isem ta’ Kristu, nixtieq ngħarrafkom bit-tiġrib kollu li qiegħed kuljum jagħfas fuqi biex, kollkom ħeġġa ta’ mħabba għal Alla, flimkien miegħi tfaħħru lil Alla, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu. Dan il-ħabs hu tassew xbieha ta’ l-infern ta’ dejjem: mat-tiġrib kiefer ta’ kull xorta, imxekkel kif jien u marbut bi ktajjen tal-ħadid, irrid inżid il-mibegħda, il-vendetti, il-kalunji, il-kliem ħażin, it-tgergir, l-azzjonijiet ħżiena, il-ħalf bil-qerq, il-kliem ta’ saħta, u fl-aħħarnett id-dwejjaq u n-niket. Alla, li fl-imgħoddi ħeles it-tliet żgħażagħ mill-forn tan-nar, hu dejjem miegħi, u ħelisni minn dan it-tiġrib kollu, u biddilhuli f’hena, għaliex għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Fost dan it-tiġrib kollu, li soltu jimla bil-biża lil ħaddieħor, għall-grazzja ta’ Alla, jien mimli ferħ u hena, għax m’iniex waħdi imma jien ta’ Kristu. Hu, l-imgħallem tagħna, qiegħed jerfa’ t-toqol kollu tas-salib, u lili għabbieni biss bl-iċken u l-aħħar biċċa minnu. Hu mhux biss qiegħed iħares lejn il-ġlieda tiegħi, imma qiegħed jitqabad miegħi u huwa se jkun ir-rebbieħ tal-ġlieda kollha. Għalhekk fuq rasu se titqiegħed il-kuruna tar-rebħa, u f’din il-glorja għandhom sehem il-membri kollha tiegħu.

Kif kont se nissaporti dehra bħal din, nara kuljum il-kmandanti, il-mandarini u l-qaddejja tagħhom jidgħu bl-isem qaddis tiegħek, Mulej, li qiegħed fuq il-Kerubini u s-Serafini? Ara, Mulej, salibek qed jiġi mgħaffeġ taħt saqajn il-pagani! Fejn hi l-glorja tiegħek? Jien u nara dan kollu, imkebbes b’imħabbtek, nixtieq ikolli ġismi mqatta’ biċċiet ħa mmut u nagħti xhieda ta’ l-imħabba tiegħek.......Uri, Mulej, il-qawwa tiegħek, salvani u wettaqni, biex il-qawwa tiegħek tidher f’dak li hu dgħajjef fija, u tkun igglorfikata fost il-ġnus, biex ma naqtax qalbi f’din it-triq u l-għedewwa tiegħek jerfgħu rashom kollhom imkabbrin.

Ħuti għeżież, intom u tisimgħu dan kollu, roddu ħajr għal dejjem bil-ferħ lil Alla, li minnu jiġi kull ġid, u bierku l-Mulej miegħi għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu. Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddej tiegħu; iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hieni: għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha għaliex Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn dawk li huma xi ħaġa.

B’fommi u b’fehemti ħawwadt il-filosofi li huma dixxipli ta’ l-għorrief ta’ din id-dinja, għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Qiegħed niktbilkom dan kollu biex il-fidi tiegħi u tagħkom ikunu ħaġa waħda. F’nofs din it-tempesta kollha, inniżżel l-ankra tiegħi sat-tron ta’ Alla: it-tama ħajja li hemm f’qalbi.

U intom għeżież ħuti, hekk iġru biex tiksbu l-kuruna tal-glorja, ilbsu l-armatura tal-fidi u ħudu f’idejkom l-armi ta’ Kristu fuq il-lemin u fuq ix-xellug, kif għallem San Pawl, il-qaddis tiegħi. Jaħbtilkom aħjar li tidħlu b’għajn waħda u dgħajfa fil-ħajja, milli tinxteħtu ‘l barra bil-membri kollha ta’ ġisimkom sħaħ.

Għinuni bit-talb tagħkom, biex nitqabad skond il-liġi, nitqabad it-taqbida tajba tiegħi u nitqabad sa l-aħħar u hekk intemm bis-sliem il-ġirja tiegħi; jekk m’hux se naraw aktar lilna nfusna f’din id-dinja, dan għad ikun l-hena tagħna fid-dinja l-oħra, meta nkunu qegħdin quddiem it-tron tal-Ħaruf bla tebgħa, inkantaw flimkien it-tifħir tiegħu, ferħanin għal dejjem u henjin bir-rebħa tiegħu. Ammen.

 

RESPONSORJU ara Lhud 12:1b-2a

 

R/. B’qalbna qawwija niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna. * B’għajnejna merfugħa lejn Ġesù li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

V/. Aħsbu mela f’Dak li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira minn-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. * B’għajnejna merfugħa lejn Ġesù li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

 

TALBA

O Alla, int l-għajn u l-bidu tas-setgħa li għandu kull min hu missier; int żammejt sħaħ, sat-tixrid tad-demm, fil-fedeltà lejn is-salib ta’ Ibnek Ġesù, lill-qaddisin martri Andrija u sħabu; bit-talb tagħhom għalina, agħmel li nissejjħu u nkunu tassew uliedek, aħna u nxandru l-imħabba tiegħek għal kulħadd. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sewwa w xieraq li minn qalbna

niżżu ħajr lil Kristu Sidna,

u nfaħħruh għad-doni tiegħu

u r-rebħiet li ta lill-martri.

 

Dawn, bnedmin mill-kbar fil-Knejjes,

mexxew b’ħila l-ġlieda mqaddsa,

bħal suldati qalbenija

tas-smewwiet u dwal tad-dinja.

 

Għelbu kull tehdid u biża’

ta’ din l-art, u kull tbatija;

b’sabar kbir u mewt qaddisa

kisbu s-saltna f’art il-hena.

 

Id il-għadu għafset fuqhom,

demmhom il-għażiż ixxerred;

iżda baqgħu sħaħ sa l-aħħar,

imwettqin bil-grazzja t’Alla.

 

B’fidi fuq il-blat mibnija,

b’tama li qatt b’xejn ma tħarrket,

mixgħulin b’nirien ta’ mħabba,

rebħu lis-setgħat tal-ħażen.

 

Il-Missier ħa glorja bihom,

xehdu l-qawwa ta’ l-Ispirtu,

fihom l-Iben sab kull għaxqa,

u bil-ferħ imtela s-sema.

 

Nitolbuk, Feddej, il-qawwa

fit-taħbit u l-hemm tal-ħajja,

sabiex niġu naqsmu l-hena

mal-qtajjiet tal-martri mbierka. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

 

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

 

Kantiku Eż 15:1-4a. 8-13. 17-18

 

 Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ; * 

 żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.

 

 Qawwieti u għanjieti l-Mulej: *

 għalija sar is-salvazzjoni. 

 Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar; *

 Alla ta' missieri, u lilu ngħolli!

 Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu! *

 Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu

Tefagħhom fil-baħar; 

 

 Mar-riħ qawwi ta’ mnifsejk inġemgħu l-ilmijiet, †

 bħal gods twaqqfu l-gliegel, *

 għaqdu l-imwieġ f’nofs il-baħar.

 Qal l-għadu: 'Niġri warajhom, nilħaqhom; *

 naqsam il-priża, u jkolli bix-xaba’; 

 is-sejf tiegħi nislet, *

idi teqridhom”.

 Infaħt bir-riħ tiegħek, †

għattiehom il-bahar, *

 għerqu bħaċ-ċomb fl-ilmijiet qawwija.

 

 Min hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

 min hu bħalek, kbir fil-qdusija ?

 Int tal-biża' fil-glorji tiegħek ; *

int li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb !

 Int meddejt il-leminija tiegħek, *

 u belgħethom l-art ġo fiha.

 Fi tjubitek mexxejt dan il-poplu li fdejt; *

 b'ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.

 Twassalhom u tħawwilhom *

 fuq il-muntanja, wirt tiegħek; 

 il-post, Mulej, li int għamiltu l-għamara tiegħek, * 

 il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.

 Il-Mulej isaltan *

għal dejjem ta' dejjem.”

 Glorja.

 

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:3-5

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta' kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f'kull xorta ta' dwejjaq. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta' Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Il-bnedmin tajba u qaddisa * Jgħixu għal dejjem. Il-bnedmin.

V. Il-ħlas tagħhom f’idejn il-Mulej. * Jgħixu għal dejjem. Glorja. Il-bnedmin.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, permezz tal-martri li taw ħajjithom għall-kelma ta’ Alla, infaħħru s-Salvatur tagħna, li hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, u ngħidulu:

Int fdejtna għal Alla b’demmek.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li b’rieda sħiħa għażlu l-mewt biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom,

- agħmel, Mulej, li aħna nkunu tassew ħielsa.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li stqarrew il-fidi tagħhom sat-tixrid ta’ demmhom,

- agħtina, Mulej, fidi safja u qawwija sa l-aħħar.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li refgħu salibhom u mxew warajk,

- agħmel, Mulej, li b’qalb sħiħa nistabru bl-hemm ta’ din il-ħajja.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf,

- agħtina, Mulej, ir-rebħa fuq il-qerq tal-ġisem u tad-dinja.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, int l-għajn u l-bidu tas-setgħa li għandu kull min hu missier; int żammejt sħaħ, sat-tixrid tad-demm, fil-fedeltà lejn is-salib ta’ Ibnek Ġesù, lill-qaddisin martri Andrija u sħabu; bit-talb tagħhom għalina, agħmel li nissejjħu u nkunu tassew uliedek, aħna u nxandru l-imħabba tiegħek għal kulħadd. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 33-40

 

V (He)

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; *

jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek *

u nagħmilha b'qalbi kollha.

 

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, *

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, *

u mhux lejn ir-regħba.

 

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; *

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, *

li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.

 

Warrab minni l-għajb li nibża' minnu, *

għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; *

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

 Glorja.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh, u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, *

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,*

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej lejn il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA I Slat 8:60-61

 

Jagħraf kull poplu ta’ l-art li l-Mulej hu Alla u ma hemm ħadd ħliefu. Jalla qalbkom tkun kollha kemm hi mal-Mulej Alla tagħna, biex timxu skond id-digrieti tiegħu, u tħarsu l-kmandamenti tiegħu.

 

 V/. Alla tiegħi, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 R/. Mexxini fis-sewwa tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 17:9-10

 

Qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha? Jien hu l-Mulej, li nifli l-moħħ, u ngħarbel il-qlub biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu, skond ma jkun jistħoqqlu għemilu.

 

 V/. Minn dak li ma nafx bih saffini, Mulej.

 R/. Ħares lill-qaddej tiegħek mill-kburija.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 7:27a; 8:1

 

Għalkemm waħdu, l-għerf ta’ Alla jista’ kollox: għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Huwa jifrex il-qawwa tiegħu minn tarf ta’ l-art, u jqassam kollox sewwa.

 

 V/. Kemm huma kbar l-għemejjel tiegħek, Mulej.

 R/. Kemm huma għolja ħsibijietek.

 

Talba

sma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.