Stampa t-test kollu ...


23 ta’ Lulju

SANTA BRIĠIDA, RELIĠJUŻA U PATRUNA TAL-EWROPA

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Jistħoqqilha din il-mara

tifħir kbir għall-merti tagħha;

bil-qdusija ta’ ħajjitha

rebħet post ma’ l-Anġli t’Alla.

 

B’tjieba w ħlewwa minn qalb safja

xerrdet dmugħha fit-talb ‘l Alla,

lejl u nhar jaqdu lil Sidha

f’sahriet twal u sawm bil-qima.

 

Maqdret l-art u l-frugħa tagħha,

ħarset ruħkom mingħajr tebgħa,

biex fis-sewwa biss titwettaq

għall-qawmien glorjuż imwiegħed.

 

B’dehen ta’ l-għaġeb żejjnet darha

b’ħafna għemejjel ta’ qdusija;

għalhekk wirtet ġmiel l-għamara

tas-smewwiet fid-dawl ta’ dejjem.

 

Għal dan kollu nfaħħru ‘l Alla,

biex, għall-merti tat-talb tagħha,

wara l-mixja ta’ dil-ħajja

naslu ħdejha f’dar Missierna. Ammen

SALMODIJA

 

Ant. 1: Fetħet fommha u tkellmet bl-għerf; tagħlim tajjeb kellha fi lsienha.

 

Salm 18 (19) A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħenhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn truf is-smewwiet hi toħroġ, †

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha;

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Fetħet fommha u tkellmet bl-għerf; tagħlim tajjeb kellha fi lsienha.

Ant. 2: In-nisa qaddisin kienu jgħannu b’qalb ferħana lil Alla u fih jittamaw.

 

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

lsieni pinna ta' kittieb ħafif.

 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

msawwba l-ħlewwa fuq xufftejk;

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

 jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,

kollha fwieħa lbiesek. *

 Mill-palazzi ta' l-avorju jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja.

 

Ant. 2: In-nisa qaddisin kienu jgħannu b’qalb ferħana lil Alla u fih jittamaw.

Ant. 3: Għand il-Mulej jeħduhom b’għajat ta’ ferħ u hena.

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 3: Għand il-Mulej jeħduhom b’għajat ta’ ferħ u hena.

 

V/. Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi.

R/. Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin Fil 3:7-4:1. 4-9

 

Ifirħu fil-Mulej dejjem

 

Ħuti, dak kollu li għalija kien qligħ, jiena għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu; il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu u nsir nixbhu fil-mewt biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet.

 M'iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross 'il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ilħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa 'l ta' warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri 'l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù. Aħna li aħna perfetti, ħa nkunu ta' din il-fehma. Jekk taħsbu xorta oħra, jagħtikom id-dawl Alla. Mill-bqija, wasalna fejn wasalna, ħa nimxu pass wieħed.

Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-eżempju li rajtu fina.Għaliex hawn ħafna - dan għidthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f'għajnejja - hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta' Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom, alla tagħhom hi żaqqhom, jiftaħru b'dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja. 

Imma aħna pajżani tas-sema pajjiżna; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi s-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.

Għalhekk, intom, ħuti li intom il-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u glorja tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi. Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġa' ngħidilkom, ifirħu.

Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob. Tħabbtu raskom b'xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta' Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista' jaħseb, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

Mill-bqija, ħuti, f'dan għandkom taħsbu: f'kull ma hu veru, f'kull ma hu xieraq, f'kull ma hu ġust, f'kull ma hu safi, f'kull ma jiġbed l-imħabba, f'kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f'kull ma hu virtù, f'kull ma ħaqqu t-tifħir; f'dan kollu aħsbu. 

U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. U Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

RESPONSORJU Lq 12:35-36; Mt 24:42

 

R/. Żommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; * Kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ.

V/. Ishru mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. * Kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil Sidhom lura mill-festa tat-tieġ.

 

LEZZJONI II

 

Qari minn talb li jingħad li hu ta’ Santa Briġida

 

Ħsibijiet fuq Kristu s-salvatur

 

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ħabbart il-mewt tiegħek minn qabel, li fl-ikla ta’ l-aħħar qbadt il-ħobż tagħna u b’mod ta’ l-għaġeb ikkonsagrajtu f’ġismek l-għażiż, u bi mħabba kbira tajtu lill-Appostli b’tifkira tal-passjoni mqaddsa tiegħek; iċċekkint u wrejtna l-umiltà kbira tiegħek meta b’idejk stess, hekk qaddisa u għeżież, inżilt taħslilhom saqajhom.

Ġieħ lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li minn ġismek bla ħtija ħriġt għaraq tad-demm bil-biża’ tal-passjoni u l-mewt tiegħek; u b’danakollu temmejt sa l-aħħar il-fidwa li ridt tagħtina, biex b’mod l-iżjed ċar turina l-imħabba li kellek għall-bnedmin.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ħallejthom jeħduk għand Kajfa; fl-umiltà tiegħek ħallejthom jagħtuk f’idejn Pilatu biex jagħmel ħaqq minnek, int l-imħallef ta’ kulħadd.

Glorja lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, għaż-żebliħ kollu li lqajt meta libbsuk il-porpra, qegħdulek fuq rasek kuruna ta’ xewk l-iżjed iebes, beżqulek fuq il-wiċċ glorjuż tiegħek, għattewlek għajnejk u b’sabar ta’ l-għaġeb ħallejt l-idejn ta’ nies ħżiena u bla ħniena jsawwtuk u jaħqruk fuq ħaddejk u fuq għonqok.

Tifħir lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ħallejthom jorbtuk mal-kolonna, isawwtuk u jiqlielu fuqek, jeħduk quddiem Pilatu bid-demm iċarċar ma ġismek, u tidher qisek Ħaruf bla ħtija.

Ġieħ lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li kkundannawk għall-mewt, u, b’ġismek glorjuż kollu dmija, ġarrejt salibek bit-tbatija fuq spallejk imqaddsa, u ħallejthom iwassluk bil-herra fuq il-Kalvarju, ineżżgħuk u jsammruk mas-salib.

Ġieħ għal dejjem lilek, Mulej Ġesù Kristu, li, minkejja d-dwejjaq kbar li kellek, tfajt ħarsa ta’ tjieba, ta’ mħabba u umità lejn ommok l-għażiża, li qatt ma dinbet u qatt ma riedet tagħmel l-iċken dnub, u, biex tfarraġha, fdajtha f’idejn id-dixxiplu tiegħek biex jibqa’ jħarisha bil-fedeltà.

Tkun imbierek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li, xħin kont f’taqbida mal-mewt, fil-ħniena tiegħek wegħedt il-glorja tal-ġenna lill-ħalliel li dar lejk, u b’hekk imlejt lill-midinbin kollha bit-tama tal-maħfra.

Tifħir lilek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, għal kull siegħa ta’ mrar u dwejjaq kbar li sofrejt fuq is-salib għalina l-midinbin; il-ġrieħi tiegħek ġagħluk tbati wġigħ li ma bħalu, li nifed u ċarrat il-qalb imqaddsa tiegħek u baqa’ dieħel sa l-ispirtu hieni tiegħek, sakemm qalbek inqasmet, mejjilt rasek, u bl-umiltà raddejt ruħek f’idejn Alla Missierek, u bqajt mejjet b’ġismek kiesaħ.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li b’demmek l-għażiż u l-mewt imqaddsa tiegħek fdejt l-erwieħ, ħennejt għalihom, u minn dan l-eżilju daħħalthom fil-ħajja ta’ dejjem.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li għas-salvazzjoni tagħna ħallejthom jinfdulek ġenbek u qalbek b’lanza, u mill-istess ġenb ħriġt demm għażiż u ilma għall-fidwa tagħna.

Glorja lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ridt lil ħbiebek iniżżlu l-ġisem imbierek tiegħek mis-salib u jqegħduh f’dirgħajn ommok l-imnikkta biex tgeżwrek fl-għażel, ħalli jidfnuk fil-qabar, fejn ħallejt ukoll li xi suldati joqogħdu għassa miegħek.

Ġieħ lilek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li wara tlitt ijiem qomt mill-imwiet, urejt lilek innifsek ħaj lil dawk li għoġbuk, u wara erbgħin jum quddiem ħafna xhieda tlajt is-sema, fejn tajt post ta’ ġieħ lil ħbiebek li ħlisthom mit-telfien.

Ferħ u tifħir lilek għal dejjem, Mulej Ġesù Kristu, li sawwabt l-Ispirtu s-Santu fi qlub id-dixxipli, u kattart l-imħabba divina tiegħek bla qjies fl-ispirtu tagħhom.

Tkun imbierek u mfaħħar u gglorifikat għal dejjem, Sidi Ġesù, li qiegħed fuq it-tron fis-saltna tiegħek tas-sema, fil-glorja tiegħek ta’ Alla li int, ħaj fil-ġisem bil-membri qaddisa kollha tiegħek li inti ħadt mill-ġisem tal-Verġni. U hekk għad tiġi nhar il-ħaqq, biex tagħmel ħaqq mill-bnedmin kollha ħajjin u mejtin: int li mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

RESPONSORJU ara Apok 1:5. 6a; Ef 5:2a

 

R/. Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu; * U għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru.

V/. Imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina. * U għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

Mulej Alla tagħna, int ħeġġiġt lil Santa Briġida biex timmedita l-passjoni ta’ Ibnek, u wrejtha l-ħwejjeġ moħbija tas-sema; agħti lilna, qaddejja tiegħek, li nifirħu u nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Feddej ħanin, int b’tjieba kbira tħajjar

bnedmin biex jagħtu ruħhom lil Missierek,

u f’ħidma ta’ kull xorta lilhom tmexxi

bl-Ispirtu tiegħek.

 

Tagħtihom twelid ġdid minn Alla l-veru

bil-ħajja tiegħek biex, b’dil-grazzja fihom,

ikattru bla mistrieħ il-frott ta’ mħabbtek

fid-dinja kollha.

 

Inti ssejjħilhom: huma jħallu kollox,

ħa jimxu wrajk u, bis-salib mgħobbija,

ifittxu biss il-glorja ta’ Missierek

u s-saltna tiegħu.

 

Hekk dil-qaddisa mħeġġa b’nar is-sema

miegħek ingħaqdet bi rbit sħiħ ta’ mħabba;

wieħed kien ħsiebha; fiha nfisha tnaqqax

ix-xbieha tiegħek.

 

Sebħ lill-Missier ħanin, u lilek, Kristu,

il-kbir fost l-aħwa, w lill-Ispirtu s-Santu,

li ‘l min jagħtikom ftit troddulu ħafna,

b’mija fil-wieħed. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Miegħek tingħaqad ruħi, int tweżinni bil-leminja tiegħek.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Miegħek tingħaqad ruħi, int tweżinni bil-leminja tiegħek.

Ant. 2: Driegħ il-Mulej wettqek, u jkollok barka għal dejjem.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Driegħ il-Mulej wettqek, u jkollok barka għal dejjem.

Ant. 3: Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, Mulej.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, Mulej.

 

LEZZJONI QASIRARum 12:1-2

 

Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla, b’qima spiritwali. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ moħħkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Jgħinha Alla * Bid-dija ta’ wiċċu. Jgħinha.

V/. Hemm Alla magħha, ma titħarrikx. * Bid-diju ta’ wiċċu. Glorja. Jgħinha.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

l-Mulej jgħid: kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej jgħid: kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, flimkien man-nisa qaddisin infaħħru lis-Salvatur tagħna, u b’xewqa mħeġġa ngħidulu:

Ejja, Mulej Ġesù.

Mulej Ġesù, lill-mara midinba ħfirtilha ħafna, għax ħabbet ħafna:

- aħfrilna, Mulej, għax dnibna ħafna.

Mulej Ġesù, fil-vjaġġi tiegħek kellek nisa qaddisa jaqduk:

- agħmel li nimxu dejjem fuq il-passi tiegħek.

Mulej Ġesù, inti l-Imgħallem li Marija qagħdet tisimgħek u Marta servietek:

- agħtina li naqduk bil-fidi u l-imħabba.

Mulej Ġesù, int għidtilna li ħutek u ommok huma dawk li jagħmlu r-rieda tiegħek:

- għinna biex dejjem nogħġbuk bil-kliem u bl-għemil.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej Alla tagħna, int ħeġġiġt lil Santa Briġida biex timmedita l-passjoni ta’ Ibnek, u wrejtha l-ħwejjeġ moħbija tas-sema; agħti lilna, qaddejja tiegħek, li nifirħu u nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

Salmodija tat-Tnejn tar-IV gimgha

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mulej, żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek.

 

Salm 118 (119):129-136

 

XVII (Pe)

 

Ta' l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek, *

għalhekk tħarishom qalbi.

It-tifsir ta' kelmtek jagħti d-dawl, *

ifiehem lil min ma jafx.

 

Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ, *

għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.

Dur lejja u ħenn għalija, *

kif dejjem tagħmel ma' min iħobb 'l ismek.

 

Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek, *

u ebda deni ma jaħkem fuqi.

Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem, *

u nħares il-preċetti tiegħek.

Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

Id-dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejja, *

għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej, żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek.

Ant.2 Wieħed hu l-leġiżlatur u l-imħallef; int min int biex tagħmel ħaqq mill-proxxmu?

 

Salm 81 (82)

 

Alla joqgħod fil-laqgħa ta' l-allat, *

f'nofs l-allat jaqta' s-sentenza:

 

"Kemm se ddumu taqtgħu l-ħaqq bil-ħażen, *

u tħarsu lejn wiċċ il-ħżiena?

Agħmlu l-ħaqq mal-miskin u l-iltim; *

mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa.

Eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar, *

minn id il-ħżiena salvawhom."

 

La jafu u lanqas jifhmu, †

fid-dlam qegħdin jimxu; *

u s-sisien kollha ta' l-art qed jitheżhżu. 

Jien għedt li allat intom, *

ulied l-Għoli lkoll kemm intom.

Imma bħal kull bniedem intom tmutu; *

bħal kull wieħed mill-kbarat taqgħu.

 

Qum, o Alla, agħmel ħaqq mill-art; *

għax tiegħek huma l-ġnus kollha!

Glorja.

 

Ant.2 Wieħed hu l-leġiżlatur u l-imħallef; int min int biex tagħmel ħaqq mill-proxxmu?

Ant.3 Sejjaħt lill-Mulej, u hu weġibni.

 

Salm 119 (120)

 

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

Mulej, eħlisni mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

 

Imsejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!

 Ili ngħix biżżejjed *

ma' dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma malli nitkellem, *

nsibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

 

Ant.3 Sejjaħt lill-Mulej, u hu weġibni.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Lev 20:26

 

Intom tikkonsagraw ruħkom lili, għax jien, il-Mulej, qaddis; jien għażiltkom minn fost il-popli biex tkunu tiegħi.

 

 V/. Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu.

 R/. Il-poplu li hu għażel b’wirtu.

 

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu biex bix-xogħol tagħhom jgħinu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda hekk li ngħixu għalik fl-ispirtu ta’ wliedek u nħobbu lil kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 15:1. 3

 

Int, Alla tagħna, twajjeb u fidil, iddum biex tagħdab, u tmexxi kollox bil-ħniena. Li wieħed jagħraf lilek, din hi l-ġustizzja sħiħa; li wieħed ikun jaf il-qawwa tiegħek, dan hu l-għerq tal-ħajja bla tmiem.

 

V/. Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb.

 R/. Iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

 

Talba

 

O Alla, sid u għassies tal-ħsad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Bar 4:21b-22

 

Uliedi, għajjtu lil Alla, u hu jeħliskom mill-idejn qawwija ta’ l-għedewwa tagħkom. Jien nittama li Alla ta’ dejjem għad isalvakom, u l-Qaddis imlieni bil-ferħ, għax dalwaqt ikollkom fuqkom it-tjieba ta’ Alla ta’ dejjem, is-salvatur tagħkom.

 

 V/. Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek.

 R/. Għax huma minn dejjem, Mulej.

 

Talba

 

O Alla, int qiegħed issejjħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju; isma t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex nih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

B’ferħ mill-qalb, Mulej, noffrulek

radd il-ħajr, tifħir u mħabba,

waqt li nagħtu ġieħ lil bniedma

li mxiet lejk fit-triq perfetta.

 

Ħalliet kollox ta’ did dinja,

hena w ġid u kull ma jgħaddi,

fqira fost il-fqar ta’ Kristu,

biex tistagħna bil-qdusija.

 

Għażlet taqdi lilek waħdek

b’ħajja umli fl-ubbidjenza,

riedet tkun bħal ġilju safi,

tixbah lill-Għarus tal-verġni.

 

Fittxet biss li togħġob lilek

f’kull ma taħseb, tgħid u tagħmel,

dejjem għaqda waħda miegħek

fil-ħuġġieġa ta’ l-imħabba.

 

Meta mbagħad bħal vittma ntemmet

fuq l-artal tas-sagrifiċċju,

int għollejtha ħdejk fis-sema,

fil-ħelsien u d-dawl ta’ dejjem.

 

Fuq l-eżempji tagħha mexxi

lilna wkoll, biex naslu b’ħeffa

li nsebbħuk fid-dehra m’Ibnek

il-waħdieni u ma’ l-Ispirtu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tifraħ il-qaddejja tiegħek, Mulej, bis-salvazzjoni tiegħek.

 

Salm 121 (122)

 

Fraħt meta qaluli: *

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

"Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!" 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

 

Ant. 1: Tifraħ il-qaddejja tiegħek, Mulej, bis-salvazzjoni tiegħek.

Ant. 2: Is-sisien imqiegħda fuq il-blat ma jitħarrku qatt: hekk il-kmandamenti ta’ Alla f’qalb il-mara qaddisa.

 

Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

 

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

 għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

 Ma jinfixilx meta jiltaqa'

ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

 Glorja.

 

Ant. 2: Is-sisien imqiegħda fuq il-blat ma jitħarrku qatt: hekk il-kmandamenti ta’ Alla f’qalb il-mara qaddisa.

Ant. 3: Driegħ il-Mulej wettaqha, u jkollha barka għal dejjem.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

 

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

 quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu, *

 

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Driegħ il-Mulej wettaqha, u jkollha barka għal dejjem.

 

LEZZJONI QASIRARum 8:28-30

 

Aħna nafu li Alla, ma dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.

V/. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Intom li ħallejtu kollox u ġejtu warajja, tirċievu kollox għal mitt darba aktar, u jkollkom b’xortikom il-ħajja ta’ dejjem.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Intom li ħallejtu kollox u ġejtu warajja, tirċievu kollox għal mitt darba aktar, u jkollkom b’xortikom il-ħajja ta’ dejjem.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, nitolbu lill-Mulej biex, bl-interċessjoni tan-nisa qaddisin, iħares lill-Knisja tiegħu. Ngħidulu bil-ħeġġa kollha ta’qalbna:

Mulej, ftakar fil-Knisja tiegħek.

F’ġieħ in-nisa martri, li bil-qawwa ta’ l-ispirtu ħarġu rebbieħa fuq il-mewt tal-ġisem:

- qawwi lill Knisja tiegħek fit-tiġrib kollu tagħha.

F’ġieħ in-nisa twajba li għexu ħajja sewwa fil-grazzja taż-żwieġ imqaddes:

- kattar fil-Knisja tiegħek il-frott ta’ l-appostolat.

F’ġieħ ir-romol li bit-talb u l-ħlewwa tagħhom mal-barranin tqaddsu fil-ħajja ta’ weħidhom:

- għin lill-Knisja tiegħek biex turi l-misteru ta’ mħabbtek fid-dinja.

F’ġieħ l-ommijiet qaddisa li nisslu wlied għas-saltna tiegħek u għax-xirka tal-bnedmin:

- saħħaħ il-Knisja tiegħek biex tagħti t-twelid ġdid u s-salvazzjoni lill-bnedmin kollha.

F’ġieħ in-nisa qaddisin kollha, li stħaqqilhom jiġu jarawk wiċċ imb’wiċċ fid-dawl tiegħek:

- ħenn għal ħutna l-mejtin, ulied il-Knisja tiegħek, u ferraħhom bid-dehra tiegħek għal dejjem.

 

Missierna

 

TALBA

 

Mulej Alla tagħna, int ħeġġiġt lil Santa Briġida biex timmedita l-passjoni ta’ Ibnek, u wrejtha l-ħwejjeġ moħbija tas-sema; agħti lilna, qaddejja tiegħek, li nifirħu u nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirĦu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.