Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAL-XV IL-GIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tat-III ġimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Alla ta’ kull tjieba w ħniena,

bidu u għajn tal-ħlejjaq kollha,

int f’setegħtek Alla wieħed,

imma tlieta fil-Persuni.

 

Waqt li nfaħħru t-tjieba tiegħek,

nersqu bit-tnehid quddiemek:

saffi ‘l qlubna biex nitgħaxxqu

dejjem iżjed bil-ġid tiegħek.

 

Lil ġenbejna dgħajfa saħħaħ

bin-nirien ta’ mħabba safja,

ħalli nkunu mħażżmin dejjem,

nistennew il-miġja tiegħek.

 

Ilqa’, mela, t-talb li wliedek

fis-sigħat tal-lejl jagħmlulek,

sabiex jitħejjew kif jixraq

għal kull don u grazzja tiegħek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Farġa tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Fi tjubitek, Kristu Sidna,

ieqaf magħna w ħenn għalina,

int li bgħatt is-seba’ doni

ta’ l-Ispirtu fuq min jemmen.

 

Rodd is-saħħa ‘l-morda kollha,

biegħed kull tfixkil mid-dgħajfa,

rażżan il-ġibdiet tal-ħażen,

agħti s-serħ lill-qlub muġugħa.

 

Sawwab f’moħħna s-sliem u l-heda,

mexxi w temm kull xogħol ta’ fejda,

isma’ t-talb ta’ min jgħajjatlek,

u wassalna lkoll fil-ħajja.

 

Meta mbagħad, fi tmiem il-ħidma,

jagħlaq żmien il-ġimgha tagħna,

it-tmien jum ifeġġ, u jsejjaħ

lill-bnedmin għall-ħaqq quddiemek.

 

F’dak il-jum, Sultan u Mħallef,

qegħedna n-naħa ta’ lemintek,

biex, man-nagħaġ imbierka tiegħek,

nieħdu b’wirtna s-saltna mwiegħda.

 

Hekk isseħħ ix-xewqa tagħna:

fejn tkun int inkunu aħna,

biex naraw il-glorja tiegħek,

u nagħtuk tifħir għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

 

Salm 106 (107)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej, *

dawk li hu fdiehom mill-ħakma ta' l-għadu;

ġabarhom minn ħafna artijiet, *

mill-lvant u l-punent, mit-tramuntana u n-nofsinhar.

Kienu jiġġerrew fid-deżert, †

u jterrqu fix-xagħri; *

belt fejn jgħammru ma sabux.

Bil-għatx u bil-ġuħ, *

saħħithom bdiet tħallihom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U qabbadhom it-triq it-tajba, *

biex imorru f'belt fejn jgħammru.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Għaliex hu jxebba' lil min hu bil-għatx, *

u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ.

 

Kienu fid-dlam u f'dell il-mewt, *

miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,

għax ħaduha kontra l-kelma ta' Alla, *

u warrbu l-ħsieb ta' l-Għoli.

Għalhekk b'xogħol iebes għakkishom; *

waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna.

 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U ħariġhom mid-dlam u minn dell l-mewt, *

u kisser il-ktajjen tagħhom.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Kisser il-bwieb tal-bronż, *

u qasam l-istaneg tal-ħadid.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

 

II

 

Infnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom; *

sofrew minħabba ħżunithom.

 

L-ikel kien jiġihom ħażin; *

kienu waslu sa wara bieb il-mewt. 

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom, *

u ħelishom mit-telfien.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

U joffrulu sagrifiċċji ta' radd il-ħajr, *

u jxandru l-għemejjel tiegħu b'għana ferrieħi.

 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna, *

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej *

u l-għeġubijiet tiegħu f'qiegħ il-baħar.

Hu ordna u qajjem riefnu, *

li qanqal imwieġ il-baħar. 

Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar; *

qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra, *

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

 

U bidel ir-riefnu f'żiffa, *

u sikket mewġ il-baħar.

Huma ferħu għax ibbnazza; *

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu, *

u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.

 Glorja.

 

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

 

III

 

Hu jbiddel ix-xmajjar f'deżert, *

u n-nixxigħat f'art niexfa.

Art tajba jibdilha f'art mielħa, *

minħabba l-ħażen ta' dawk li jgħixu fiha. 

Hu jbiddel id-deżert f'għadajjar, *

u l-art niexfa f'nixxigħat ta' l-ilma.

 

Hemmhekk lill-imġewwħin jagħtihom fejn jgħammru; *

u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu. 

Jiżirgħu r-raba' u jħawwlu d-dwieli, *

u jiġbru ħafna frott.

Hu jberikhom u joktru ħafna, *

ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom.

 

Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu, *

magħkusa mill-hemm u mill-għali,

hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat, *

u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triqat. 

Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna, *

u jkattrilhom bħal merħla 'l nieshom.

Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, *

u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom.

 

Min hu bil-għaqal iżomm dan f'moħħu, *

u jifhem it-tjieba tal-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

 

V/. Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek.

R/. Baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek.

 

LEZZJONI I

 

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten 2 Slat 2:1-15

 

Elija mtella’ s-sema

 

 F’dawk il-jiem: ġara li meta l-Mulej kien tella’ s-sema lil Elija ġor-riefnu, Elija kien telaq ma' Eliżew minn Gilgal. U Elija qal lil Eliżew: “Oqgħod hawn għax il-Mulej bagħatni sa Betel.” Imma Eliżew wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int, ma nħallikx.” U niżlu t-tnejn Betel.

 U l-profeti li kienu f'Betel ħarġu jilqgħu lil Eliżew u qalulu: “Taf int li llum il-Mulej se jieħu lil sidek minn fuq rasek?” U hu qalilhom: “Naf jien ukoll. Isktu!” U Elija qallu: “Eliżew, oqgħod hawn, nitolbok, għax il-Mulej bagħatni Ġeriko.” U wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm int ħaj int, ma nħallikx.” U marru Ġeriko. 

U l-profeti li kienu Ġeriko ħarġu jilqgħu lil Eliżew, u qalulu: “Taf int li llum il-Mulej se jeħodlok lil sidek fuq rasek?” U weġibhom: “Naf jien ukoll. Isktu!” U Elija qallu: “Oqgħod hawn, nitolbok, għax il-Mulej bagħatni lejn il-Ġordan.” U wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm int ħaj int, ma nħallikx.” U telqu t-tnejn. U ħamsin wieħed minn ulied il-profeti telqu magħhom u qagħdu quddiemhom mill-bogħod, u huma t-tnejn waqfu ħdejn il-Ġordan.

U Elija qabad il-mantar tiegħu u kebbu u ħabbtu ma' l-ilma; u dan inferaq 'l hawn u ‘l hemm. U qasmu huma t-tnejn fl-inxief. U ġara li huma u jaqsmu Elija qal lil Eliżew: “Itlobni x'għandi nagħmillek qabel ma nittieħed minn ħdejk.” U Eliżew wieġbu: “Ħa jkunu żewġ ishma minn ruħek”. U qallu: “Ħaġa iebsa tlabtni. Jekk tarani nittieħed minn ħdejk, ikunlek hekk; jekk le, ma jkunlekx.”

U ġara li huma u sejrin, mexjin u jitkellmu, f'daqqa waħda karru tan-nar, biż-żwiemel tan-nar, jifridhom minn xulxin, u Elija tela' s-sema fir-riefnu. Eliżew baqa' jħares u jgħajjat: “Missieri, missieri, il-karru ta' Iżrael u biż-żwiemel tiegħu.” U ma rahx iżjed. U qabad fi ħwejġu u ċarrathom f'biċċtejn. Mbagħad ġabar il-mantar ta' Elija li kien waqa' minn fuqu u reġa’ lura u waqaf max-xatt tal-Ġordan. U ħa l-mantar ta' Elija li kien waqa' minn fuqu u ħabbtu ma' l-ilma, u qal: “Fejn hu l-Mulej Alla ta' Elija, issa? Fejn hu?” U ta daqqa fuq l-ilma, u dan inferaq, 'l hawn u 'l hemm, u Eliżew għadda għan-naħa l-oħra.

Kif raw il-profeti li kienu Ġeriko minn-naħa l-oħra, qalu: “L-ispirtu ta' Elija strieħ fuq Eliżew!” U marru jilqgħuh u niżlu wiċċhom fl-art quddiemu,

  

RESPONSORJU Salm 42(43):1a; 30(31):4a; Mħ 16:28b

 

R/. Ara jiena nibgħatilkom lil Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej, kbir u tal-biża’. * U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom.

V/. Ġwanni jkun kbir quddiem il-Mulej: hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija. * U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-misteri qaddisa ta’ l-isqof San Ambroġ

 

Dan is-sagrament li int tirċievi iseħħ permezz

tal-kliem ta’ Kristu

 

 Aħna nifhmu li l-grazzja għandha qawwa aktar minn-natura, imma sa issa rajna biss il-qawwa tal-grazzja li għandu l-kliem ta’ barka li ntqal mill-profeti.

Jekk il-kliem ta’ barka li ntqal minn Mosè u minn Eliżew kellu l-qawwa li jbiddel in-natura, x’ngħidu għall-konsagrazzjoni bl-istess kliem tal-Mulej, is-Salvatur tagħna? Għaliex bi kliem il-Mulej iseħħ is-sagrament ta’ l-Ewkaristija, li int tirċievi. Jekk kliem Elija kellu l-qawwa jniżżel nar mis-sema, m’għandux kliem Kristu l-qawwa li jbiddel l-ispeċi tal-ħobż u ta’ l-inbid? Int qrajt fuq il-ħolqien li Alla kkmanda u huma nħalqu. Il-kelma ta’ Kristu li mix-xejn għamel dak li ma kienx, ma tistax tbiddel dak li hu f’dak li ma kienx? M’hijiex xi ħaġa inqas tqila tagħti natura ġdida lill-ħlejjaq milli tbiddel in-natura tagħhom.

Imma għalfejn dawn l-argumenti? Nagħmlu użu mill-eżempji li l-Mulej stess jagħtina, u permezz tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni nuru l-verità tal-misteru ta’ l-Ewkaristija. Meta l-Mulej Ġesù twieled minn Marija verġni, it-twelid tiegħu ma kienx bħal dak tal-bqija tal-bnedmin. Fl-ordni tan-natura t-twelid ta’ bniedem isir wara li r-raġel jagħraf lil martu: mela hi ħaġa ċara li m’hux l-ordni tan-natura li verġni jkollha iben bla ma tagħraf raġel. Il-ġisem li fih jinbidel il-ħobż fl-Ewkaristija hu l-ġisem ta’ dak li twieled minn verġni. Issa, jekk it-twelid tal-Mulej Ġesù minn verġni ma kienx skond l-ordni tan-natura, għaliex għandek tippretendi li jkun skond l-ordni tan-natura l-ġisem ta’ Kristu, li hu fl-Ewkaristija? Ġisem Kristu kien imsallab tassew, ġisem Kristu ndifen tassew fil-qabar; mela dan is-sagrament hu wkoll il-ġisem tassew ta’ Kristu.

Il-Mulej Ġesù stess jgħid: Dan hu ġismi. Qabel il-barka bi kliem il-Mulej, il-ħobż hu biss ħobż u xejn iżjed; wara l-konsagrazzjoni l-ħobż hu ġisem Kristu. Il-Mulej jgħid: Dan hu demmi: qabel il-konsagrazzjoni ngħidu li l-inbid hu biss inbid, wara l-konsagrazzjoni hu demm ta’ Kristu. U inti twieġeb: “Ammen”, jiġifieri “Hekk hu”. Dak li tgħid bil-fomm, stqarru f’qalbek: dak li jinstema’ fil-widnejn, ħa tħossu ruħek.

Il-Knisja, quddiem grazzja hekk kbira, tħeġġeġ ‘l uliedha, tħeġġeġ ‘il qrabatha, biex jersqu għal dan is-sagrament billi tgħidilhom: Kulu, ħuti, ixorbu u ixbgħu, ħuti. X’nieklu u x’nixorbu qalulna l-Ispirtu s-Santu f’xi mkien permezz tal-profeta: Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej, hieni l-bniedem li jistkenn fih. Kristu jinsab f’dan is-sagrament, għaliex dan is-sagrament hu s-sagrament tal-ġisem ta’ Kristu. M’huwiex ikel materjali, imma ikel spiritwali. Għalhekk l-Appostlu, huwa u jitkellem fuq ix-xbieha ta’ dan l-ikel, jgħid: Missirijietna kielu minn ikel spiritwali u xorbu mill-blata spiritwali. Il-ġisem ta’ Alla hu ġisem spiritwali. Il-ġisem ta’ Kristu hu l-ġisem ta’ l-Ispirtu ta’ Alla, għaliex Kristu hu spirtu, kif naqraw: Kristu hu l-ispirtu li hemm quddiem wiċċna. U fl-ittra ta’ San Pietru naqraw li Kristu miet għalina. Fl-aħħarnett dan l-ikel iwettaq lil-ruħna u dan ix-xorb iferraħ qalb il-bniedem, kif ifakkarna l-profeta.

 

RESPONSORJU Mt 26:26; ara Ġob 31:31

 

R/. Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli, u qal, * Ħudu, kulu, dan hu ġismi.

V/. Qalu n-nies ta’ dari: Min jista’ jagħtina ikel biex nixbgħu? * Ħudu, kulu, dan hu ġismi.

 

TALBA

 

O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba, u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha: agħmel li kull min jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Għadda l-lejl mudlam, li jgħatti

kollox fl-art bi star sewdieni;

dawl il-għodwa qed jinfirex

mas-smewwiet, u l-jum ġa sebaħ.

 

Jitlaq mela wkoll minn ruħna

dlam id-dnub u l-kruha tiegħu,

timtela b’dawl il-grazzja,

ħa naraw u nimxu sewwa.

 

Meta tisbaħ l-aħħar għodwa,

li b’tant ħrara nixtiquha,

hi tibdielna l-jum ta’ dejjem,

fil-mistrieħ u d-dawl tas-sema.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inti ħdejja, Mulej; sewwa huma triqatek.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

 irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Inti ħdejja, Mulej; sewwa huma triqatek.

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

 

Kantiku Għerf 9:1-6. 9-11

 

Alla ta' missirijieti, Sid il-ħniena, *

bil-kelma tiegħek int li għamilt kollox;

b’għerfek sawwart il-bniedem, *

biex jaħkem fuq il-ħlejjaq li int għamilt,

biex irieġi d-dinja bil-qdusija u s-sewwa, *

u jaqta’ l-ħaqq b'fehma sinċiera.

Agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron tiegħek, *

u twarrabnix minn fost il-qaddejja tiegħek.

Għax jien qaddej tiegħek, †

bin il-qaddejja tiegħek, *

bniedem dgħajjef li jintemm qasir il-għomor,

bniedem li m’għandux ħila jifhem *

il-ħaqq u l-liġijiet tiegħek.

Għax ukoll min hu perfett fost il-bnedmin, *

jekk jonqsu l-għerf, li jiġi minnek,

 jitqies bħax-xejn.

Miegħek hu l-għerf, li jaf l-għemejjel tiegħek; *

hu kien miegħek int u tagħmel id-dinja;

huwa jaf x'inhu dak li jogħġob lilek, *

x’inhu s-sewwa skond il-kmandamenti tiegħek.

Ibgħat l-għerf mis-smewwiet imqaddsa, *

ibagħtu mit-tron glorjuż tiegħek,

biex jieqaf miegħi fit-tħabrik tiegħi, *

ħa nkun naf sewwa x’inhu li jogħġob lilek;

għax huwa kollox jaf u kollox jifhem †

f’kull ma nagħmel imexxini bl-għaqal, *

u bil-glorja tiegħu jħarisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, jieqaf miegħi l-għerf tiegħek fit-tħabrik tiegħi.

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli kollha.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

LEZZJONI QASIRA Fil 2:14-15

 

Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u tħassib, ħalli tkunu nies bl-għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin ta’ ħajja mgħawwġa u mħassra, li fosthom għandkom tiddu bħal kwiekeb fid-dinja.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Lilek, Mulej, insejjaħ; * Inti l-kenn tiegħi. Lilek.

V/. Inti sehmi f’art il-ħajjin. * Inti l-kenn tiegħi. Glorja. Lilek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

PREĊI

 

Alla ried li Marija, Omm Kristu, tisboq lill-ħlejjaq kollha tas-sema u ta’ l-art. Nitolbuh b’fiduċja sħiħa:

Ħares lejn Omm Ibnek u ismagħna.

Missier ta’ kull ħniena, inroddulek ħajr għax inti tajtna lil Marija biex tkun Ommna u l-eżempju tagħna:

- bit-talb tagħha qaddes lil qalbna.

Bil-grazzja tiegħek, Marija kienet attenta għal kliemek u qdietek bil-fedeltà:

- bit-talb tagħha agħtina l-frott ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Int qawwejt lil Marija biex tieqaf ħdejn is-salib ta’ Ibnek u fawwartha bl-hena fil- qawmien tiegħu:

- bit-talb tagħha biegħed minna kull hemm u wettaqna fit-tama.

Ftakar fl-ibliet u l-irħula tagħna li ħatru lil Marija patruna tagħhom:

- bit-talb tagħha xerred fuqhom il-barka tiegek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti l-għajn u l-awtur tas-salvazzjoni tagħna; agħmel li l-ħajja tagħna kollha kemm hi tkun dejjem stqarrija waħda tal-glorja tiegħek, biex it-tifħir li nagħtuk fuq l-art niġu nkompluh għal dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

 

Salm 118 (119):121-128

 

XVI (Għajn)

 

Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa; *

titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.

Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid; *

tħallix li l-kburin jgħakksuni.

 

Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek, *

u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek, *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen, *

biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

Issa l-waqt li tindaħal, Mulej, *

għax kisru l-liġi tiegħek.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek, *

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek, *

u nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Ant.1 Mulej, serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid.

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

 

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses *

madwar dawk li jibżgħu minnu,

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, *

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, *

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Sam 15:22

 

Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ aħjar mix-xaħam tal-muntun.

 

 V/. Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni.

 R/. Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 5:26; 6:2

 

Ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ, li jġarrbu ‘l xulxin u jgħiru għal xulxin. Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu.

 

V/. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien.

R/. Għax hemm il-Mulej jagħti l-barka.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Mik 6:8

 

Ja bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: iridek tagħmel dak li hu ġust, tħobb li tkun ħanin, u tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.

 

V/. Bil-kmandamenti tiegħek, Mulej, irrid nitgħaxxaq.

R/. Qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.