Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGĦA

TAL-XV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ġimgha tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Alla wieħed, tliet Persuni,

li b’setegħtek tmexxi l-ħlejjaq,

isma’ l-kantiku li ninsġu

f’dan il-ħin ta’ skiet b’tifħirek.

 

Ara, Sid ħanin: bakkarna

biex, fil-ħemda ta’ dis-siegħa,

nitolbuk li tagħti ‘l ruħna

fejqan sħiħ mill-ġrieħi tagħha.

 

Jekk il-għadu jqarraq bina

fil-mistrieħ tal-lejl u naqgħu,

ejja minnufih erfagħna

lejk bis-setgħa tas-sebħ tiegħek.

 

Nitolbuk, bit-tama f’qalbna,

biex timliena bid-dawl tiegħek,

ħa nitwarrbu minn kull ħofra

ta’ twegħir fit-triq tas-sema.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Nitolbuk, Mulej, kun fostna,

biex bi mħabbtek timla ‘l qalbna,

waqt li b’sogħba u ndima kbira

nerfgħu lejk bit-talb idejna.

 

Ġesù twajjeb, aħna dnibna,

dorna lura mit-triq tiegħek;

o Mulej ħanin, aħfrilna

l-għelt u l-ħażen kollu tagħna.

 

Bis-salib imqaddes tiegħek,

is-sinjal għażiż tal-fidwa,

kullimkien u dejjem żommna

taħt għajnejk, għax aħna wliedek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi.

 

Salm 68 (69):2-22. 30-37

 

I

 

Salvani, o Alla, *

għax l-ilma laħaq sa griżmejja. 

Sibt ruħi mgħaddas f'ħama fond; *

ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.

Sibt ruħi f'ilma għoli; *

il-mewġ qed ikaxkarni.

Ma niflaħx ngħajjat iżjed, †

griżmejja nħanqu; *

tgħammxu għajnejja, jien u nistenna 'l Alla tiegħi.

Dawk li għal xejn jobogħduni *

huma iżjed mix-xagħar ta' rasi;

dawk li bil-gideb jixluni †

huma b'saħħithom aktar minn għadmi; *

ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx.

 

Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi; *

ħtijieti m'humiex moħbija minnek.

Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik, *

Mulej ta' l-eżerċti;

ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek, *

Alla ta' Iżrael.

 

Għax minħabba fik qiegħed nilqa' t-tmaqdir, *

u l-mistħija tiksili wiċċi.

Sirt barrani għal ħuti; *

ulied ommi ma jagħrfunix.

 

Għax il-ħeġġa għal darek fnietni, *

it-tagħjir ta' min jgħajjar lilek waqa' fuqi.

Għakkist bis-sawm lili nnifsi, *

u swieli biss biex żebilħuni.

 

L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi *

ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.

Jgħidu fuqi bilqiegħda f'bieb il-belt; *

jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi.

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

 

II

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej; *

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta' tjubitek *

u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel; *

ħarisni minn min jobgħodni

 u eħlisni mill-ilma fond.

Tħallix iġorrni l-ilma, *

jew jiblagħni d-dagħbien,

u jingħalaq fuqi l-bir!

 

Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek; *

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.

Taħbix wiċċek mill-qaddej tiegħek; *

fittex weġibni, għax ninsab fil-hemm.

 Ersaq qrib lejja u ifdini; *

eħlisni minħabba l-għedewwa tiegħi.

Int taf bit-tkasbir u l-mistħija u l-għajb tiegħi; *

quddiemek huma l-għedewwa kollha tiegħi.

 

It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni; †

fittixt min jagħdirni, u ma sibt 'il ħadd; *

min ifarraġni, u ma kelli 'l ħadd.

Tawni b'ikel il-velenu; *

sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

Ant. 3: Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

 

III

 

Imma jiena msejken u batut; *

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta' Alla bl-għana, *

inkabbru b'għana ta' radd il-ħajr.

Dan jogħġob lill-Mulej

aktar minn offerta ta' gendus, *

 jew ta' barri fl-aqwa tiegħu.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu; *

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej, *

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

Ifaħħruh is-sema u l-art, *

l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom.

 

Għax Alla jsalva 'l Sijon, †

u jibni l-bliet ta' Ġuda; *

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu; *

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

Glorja.

 

Ant. 3: Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

 

V/. Il-Mulej jgħallimna t-triqat tiegħu.

R/. U aħna nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki 2 Kron 20:1-9. 13-24

 

Il-ġrajja ta’ l-għajnuna ta’ l-għaġeb li Alla ta lis-sultan Ġosafat

 

F’dawk il-jiem: Ġew għal Ġosafat biex jitqabdu miegħu n-nies ta’ Mowab u n-nies ta’ Għammon flimkien ma' xi wħud mill-Megħunin. Ġew xi messaġġiera u qalu lil Ġosafat: “Ġejja għal fuqek kotra kbira min-naħa l-oħra tal-baħar, minn Edom, u qegħdin f’Ħasson-Tamar, li hi En-gedi.” Ġosafat beża', u dawwar wiċċu biex jitlob il-Mulej, u nieda sawma għal Ġuda kollu. U Ġuda kollu nġema' biex jitolbu l-Mulej, mill-bliet kollha ta' Ġuda ġew jitolbu l-Mulej.

Ġosafat waqaf f'nofs il-ġemgħa kollha ta' Ġuda u Ġerusalemm, fid-dar tal-Mulej, quddiem il-bitħa l-ġdida, u qal: “Mulej, Alla ta' missirijietna, m'hux int Alla fis-sema? M'hux int taħkem fuq is-saltniet kollha tal-ġnus? F'idejk il-qawwa u s-setgħa, u ħadd ma jista' jiqaflek. M'hux int, o Alla tagħna, keċċejt in-nies li kienu jgħammru f'din l-art quddiem il-poplu tiegħek Iżrael, u tajtha għal dejjem lil nisel Abraham ħabibek? Huma għammru fiha, u bnewlek fiha tempju lil ismek, u qalu: 'Jekk tiġi fuqna l-ħsara, is-sejf, il-ħaqq, il-pesta jew il-ġuħ, aħna niġu u nieqfu quddiem din id-dar, quddiemek, għax ismek hu f'din id-dar; u ngħajjtulek fl-hemm tagħna, u int tismagħna u ssalvana.'

Ġuda kollu kienu weqfin quddiem il-Mulej bit-trabi tagħhom, u n-nisa tagħhom, u wliedhom. U l-ispirtu tal-Mulej ġie fuq Ġaħażijel, bin Żakkarija, bin Banaja, bin Ġegħijel, bin Mattanija, levita minn ulied Asaf, f'nofs il-ġemgħa kollha, u qal: “Isimgħu, intom nies kollha ta' Ġuda, intom li tgħammru f'Ġerusalemm, int o sultan Ġosafat! Dan jgħid il-Mulej: ‘Tibżgħux! Titwerwrux quddiem din il-kotra kollha, għaliex it-taqbida m'hix tagħkom imma ta' Alla. Għada inżlu għalihom; ara, huma jitilgħu mit-telgħa ta' Sis; issibuhom f'tarf il-wied, biswit id-deżert ta' Ġerwel. Intom ma tiġġildux f'din il-battalja; oqogħdu f'postkom, tiċċaqilqux, u taraw ir-rebħa tal-Mulej għalikom, o Ġuda u Ġerusalemm. Tibżgħux, titwerwrux; għada oħorġu għalihom, u l-Mulej ikun magħkom.”

 U Ġosafat niżel wiċċu fl-art, u Ġuda kollu, u dawk kollha li jgħammru f'Ġerusalemm inxteħtu quddiem il-Mulej biex jadurawh. U l-leviti minn ulied Koħat u minn ulied Koraħ qamu jfaħħru l-Mulej, Alla ta' Iżrael, b'leħen qawwi u għoli.

 U fil-għodu bakkru u ħarġu lejn id-deżert ta' Tekugħa; u huma u sejrin, Ġosafat waqaf u qal: “Isimgħuni, intom nies ta' Ġuda, intom li tgħammru f'Ġerusalemm! Emmnu fil-Mulej, Alla tagħkom, u titwettqu; emmnu lill-profeti tiegħu u tirbħu.” Mbagħad, wara li ftiehem mal-poplu, għażel lil dawk li kellhom jgħannu u jfaħħru lill-Mulej, libsin ilbies imqaddes, u mixjin quddiem l-eżerċtu jgħidu: “Faħħru lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.”

U meta bdew jgħannu u jfaħħru lil Alla, il-Mulej qiegħed nasba għal ulied Għammon u Mowab u għal dawk li jgħammru fuq il-muntanja ta' Xegħir, li ġew għal Ġuda, u ġew imxerrdin. Għaliex in-nies ta' Għammon u ta' Mowab qamu għan-nies li jgħammru fuq il-muntanja ta' Xegħir, u qerduhom għal kollox. Wara li qerdu lin-nies ta' Xegħir, għenu lil xulxin biex jeqirdu wieħed lil ieħor.

Xħin Ġuda waslu fl-għolja li tħares fuq id-deżert, ħarsu lejn il-kotra u rawhom mejtin fl-art: ħadd minnhom ma kien ħeles.

 

RESPONSORJU Ef 6:12. 14a; 2 Kron 20:17a

 

R/. Il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet: * Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità.

V/. Oqogħdu f’postkom, tiċċaqalqux, u taraw ir-rebħa tal-Mulej għalikom. * Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-misteri qaddisa ta’ l-isqof San Ambroġ u martri

 

Tagħlim fuq l-Ewkaristija għall-imgħammdin ġodda

 

 Imnaddaf mill-ilma tal-Magħmudija u mżejjen minn din l-għożża ta’ grazzja, il-poplu ta’ Alla jersaq lejn l-artal ta’ Kristu, huwa u jgħid: Nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla, ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi. Imneżża mill-ħtijiet ta’ l-imgħoddi u b’żgħożitu mġedda bħal ajkla, il-poplu ta’ Alla jħaffef lejn l-ikel tas-sema. U malli jasal u jara l-artal imqaddes kollu mħejji, toħroġ minn qiegħ qalbu l-għajta: Ħejjejt mejda għalija. Hu kliem dan il-poplu li David itenni meta jgħid: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni. U aktar ‘il quddiem: F’wied mudlam ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluq tiegħek huma jwennsuni. Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi. Biż-żejt tidlikli rasi, il-kalċi tiegħi mfawwar.

 Hi ħaġa ta’ l-għaġeb li Alla kien jibgħat xita ta’ manna għal missirijietna, u kull jum kienu jieklu ikel mis-sema, hekk li ntqal: Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin, ta’ l-anġli. Iżda dawk kollha li kielu dan il-ħobż, ilkoll mietu fid-deżert; imma dan l-ikel li int tirċievi, dan il-ħobż ħaj li niżel mis-sema, jagħtik il-qawwa tal-ħajja ta’ dejjem, u kull min jiekol minn dan il-ħobż ma jmut qatt, għax hu ġisem il-Mulej.

 Qis mela issa x’inhu l-aqwa, il-ħobż tal-qalbenin jew il-ġisem ta’ Kristu, li hu verament il-ġisem li jagħti l-ħajja. Il-manna hi mis-sema, ġisem Kristu hu ġisem is-Sid tas-smewwiet; il-manna kienet titħassar jekk kienet titħalla għal għada, ġisem Kristu ma jara qatt it-taħsir, u kull min jieklu bil-qima kollha ma jarax taħsir.

 Għall-Lhud l-ilma ħareġ mill-blata, għalik ixxerred id-demm ta’ Kristu; lilhom l-ilma qatgħalhom l-għatx għal ftit taż-żmien, lilek id-demm ta’ Kristu inaddfek għal dejjem ta’ dejjem. Il-Lhud xorbu, u reġa’ kellhom l-għatx; int meta tixrob ma jistax jerġa’ jaqbdek l-għatx. Huma kellhom id-dell tal-verità, inti għandek il-verità sħiħa.

 Jekk dak li tistagħġeb bih hu biss id-dell tal-verità kemm hi akbar il-verità li bid-dell tagħha int tant tistagħġeb! Ara għaliex hu biss dell tal-verità dak li seħħ għal missirijietna: Xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu; b’dan kollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx. Dan ġara b’eżempju għalina. Issa tara x’inhu l-aqwa: aqwa hu d-dawl mid-dell, il-verità mix-xbieha tagħha, ġisem dak li ħalaq kollox mill-manna li niżlet mis-sema.

 

RESPONSORJU 1 Kor 10:1a-2. 11a 3-4a

 

R/. Missirijietna lkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u bil-baħar: * Dan kollu ġralhom b’eżempju.

V/. Ilkoll kielu minn ikel spiritwali, xorbu tassew mill-blata spiritwali: * Dan kollu ġralhom b’eżempju.

 

TALBA

 

 O Alla, inti turi d-dawl tal-verita’ tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba, u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull min jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, Verb etern, Bin Alla,

li sirt bniedem minn Omm Verġni,

inti l-ġmiel u l-ferħ tas-sema,

il-qawmien u s-saħħa tagħna.

 

Bħalma d-dawl tax-xemx għall-ħidma

ta’ jum ġdid qed isejjħilna,

hekk fl-ispirtu wkoll nitqanqlu

biex nibdewh bit-tifħir tiegħek.

 

Inżel, Dawl ħanin, u keċċi

dlam il-lejl tad-dnub minn ruħna;

wettaq fina t-tama hienja

tal-qawmien għad-dawl tal-glorja.

 

Ibqa’ magħna w żommna ħielsa

bħala wlied id-dawl f’ħidmietna;

biegħed minna kull ma jħammeġ

il-fehmiet indaf ta’ moħħna.

 

Tkun il-fidi d-dawl ta’ jiemna,

fiha nxettlu t-tama tagħna,

biex naraw il-frott imbierek

ta’ l-imħabba li tqaddisna.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kontrik biss jiena dnibt, Mulej; ikollok ħniena minni.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kontrik biss jiena dnibt, Mulej; ikollok ħniena minni.

Ant. 2: Nistqarru ħżunitna, Mulej, għax dnibna kontrik.

 

Kantiku Ġer 14:17-21

 

Ħa jxerrdu d-dmugħ għajnejja, *

billejl u binhar, bla heda;

għax ħsara kbira ġrat lix-xebba bint il-poplu tiegħi; *

daqqa tal-għaġeb ħadet.

 

Jekk noħroġ fir-raba’, *

nara nies mifnija bil-ġuħ.

Sew il-profeti u sew il-qassisin *

jiġġerrew mal-pajjiż u xejn ma jagħrfu.

Jaqaw int irmejt lil Ġuda? *

Forsi stmellejt f’qalbek lil Sijon?

Għaliex sawwattna *

hekk li m’hemmx fejqan għalina?

Ittamajna fis-sliem, bla ma sibna ebda ġid, *

u flok il-fejqan sibna l-biża’!

Nagħrfu, Mulej, ħtijietna, †

il-ħażen ta’ missirijietna, *

għax aħna dnibna kontrik.

 La tkasbarniex, f’ġieħ ismek; †

la ġġibx fl-għajb it-tron sabiħ tiegħek; *

ftakar, la tħassarx il-patt tiegħek magħna.

 Glorja.

 

Ant. 2: Nistqarru ħżunitna, Mulej, għax dnibna kontrik.

Ant. 3: Jaħweh hu Alla; aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Salm 99 (100)

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, *

nies kollha ta' l-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej, *

idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla; †

hu ħalaqna, u aħna tiegħu, *

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu, †

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *

roddulu ħajr u bierku ismu!

Għax twajjeb il-Mulej, †

għal dejjem it-tjieba tiegħu; *

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Jaħweh hu Alla; aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 12:9b-10

 

Bil-qalb kollha aktar niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu. Għalhekk, għall-imħabba ta’ Kristu, nifraħ b’dak li hu dgħajjef fija, bit-tagħjir, tbatijiet, persekuzzjonijiet, dwejjaq; għax meta jien dgħajjef, dak il-ħin jien qawwi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, * Għax fik jien nittama. Fakkarni.

V/. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi. * Għax fik jien nittama. Glorja. Fakkarni.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

 

PREĊI

 

Nerfgħu għajnejna lejn Kristu, li twieled, miet u rxoxta, għall-imħabba tal-poplu tiegħu. Nitolbuh b’fiduċja kbira:

Mulej, salva lil dawk li int fdejt b’demmek.

Tkun imbierek, o Ġesù, Salvatur tal-bnedmin, għax għall-imħabba tagħna ma stmerrejtx tilqa’ t-tbatija u l-mewt tas-salib:

- niżżuk ħajr talli xerridt demmek il-għażiż biex tifdina.

Int wegħedtna li tagħtina ilma ġieri li jasal sal-ħajja ta’ dejjem:

- agħti l-Ispirtu tiegħek lill-bnedmin kollha.

Int bgħatt id-dixxipli ħa jxandru l-Bxara t-tajba tiegħek lill-popli:

- għinhom iwasslu ma’ kullimkien l-aħbar tar-rebħa tas-salib tiegħek.

Ieqaf mal-morda u l-imsejknin kollha li int seħibthom miegħek fi tbatijietek:

- imliehom bil-qawwa u s-sabar.

 

Missierna

 

Talba

 

Ħaddem il-grazzja tiegħek fis-sensi tagħna, Missier li tista’ kollox, ħalli mmiddu l-passi tagħna fid-dawl tal-preċetti tiegħek u nimxu dejjem warajk, li int il-mexxej u l-kap tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.

 

Salm 21 (22)

 

I

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? *

Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix,

ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, *

ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

 

Imma int tgħammar fis-santwarju, *

u lilek ifaħħar Iżrael!

Fik ittamaw missirijietna, *

fik ittamaw, u inti ħlisthom.

Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; *

fik ittamaw u ma tfixklux.

 

Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem, *

żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.

Dawk kollha li jarawni jidħku bija, *

jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

"F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! *

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

Imma int minn ġuf ommi lqajtni; *

fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.

Fuqek qegħduni sa minn twelidi; *

int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.

La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, *

u m'hawn ħadd biex jgħinni.

 Glorja.

 

Ant.1 Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.

Ant.2 Qatgħu x-xorti, u qasmu bejniethom il-ħwejjeġ ta’ Ġesù.

 

II

 

Qatgħa gniedes daru miegħi; *

barrin qawwija ta' Basan għalquni,

b'ħalqhom miftuħ għal fuqi, *

bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.

Ninsab bħall-ilma msawwab, *

għandi għadmi maqlugħ kollu;

qalbi hi bħal xemgħa, *

iddub ġewwa fija.

Ħalqi niexef bħal xaqqufa, †

ilsieni mwaħħal ma' ħnieki; *

ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.

 

Qabda klieb daru għalija; *

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja; *

nista' ngħodd għadmi kollu.

B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja. †

Ħwejġi jaqsmu bejniethom; *

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

 

Mulej, la titbegħidx minni; *

qawwa tiegħi, fittex għinni!

Eħlisli mis-sejf lil ħajti, *

u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.

Minn ħalq l-iljun salvani, *

minn qarn il-gniedes lili msejken.

Inxandar ismek lil ħuti; *

infaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

 Glorja.

 

Ant.2 Qatgħu x-xorti, u qasmu bejniethom il-ħwejjeġ ta’ Ġesù.

Ant.3 Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

III

 

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; †

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; *

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

Għax ma warrabx minnu l-imsejken, *

ma stmellx in-niket tiegħu;

anqas wiċċu ma ħeba minnu, *

imma semgħu meta sejjaħlu.

Għalhekk inti t-tifħir tiegħi f'ġemgħa kbira; *

inrodd il-wegħdiet tiegħi

 quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; †

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh. *

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

Jiftakru t-truf kollha ta' l-art, †

u jerġgħu lura lejn il-Mulej; *

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Għax tal-Mulej hi s-saltna; *

hu fuq il-ġnus isaltan.

Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; *

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

U għalih tgħix ruħi, *

lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi, †

 ixandru l-ġustizzja tiegħu

lill-poplu li għad jitwieled:

 "Dan għamlu l-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant.3 Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 1:16b-17

 

L-Evanġelju huwa l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu. Fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub: Il-ġust bil-fidi jgħix.

 

 V/. Fil-Mulej jinsab l-hena ta’ qalbna.

 R/. Fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, madwar id-disgħa ta’ filgħodu ħaduk għall-mewt tas-salib biex hekk issalva d-dinja; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dejjem tagħtina l-maħfra tiegħek għal ħtijietna l-imgħoddija, u tħarisna bla heda għal li ġej. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 3:21-22a

 

Issa l-ġustizzja ta’ Alla ntweriet, u ntweriet mingħajr il-liġi, għad li l-liġi u l-profeti jixhdu għaliha: ġustizzja ta’ Alla mogħtija permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk kollha li jemmnu.

 

 V/. Il-preċett tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

 R/. Il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, meta sallbuk, għalkemm bla ħtija, biex tifdina, minn nofsinhar ‘il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu; agħmel li dejjem jiddi fina dak id-dawl li bih jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:8-9

 

Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar.

 

 V/. Jingħarfu fuq l-art triqatek, Mulej.

 R/. Fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int ħfirt lill-ħalliel it-tajjeb għax nidem, u, wara li miet fuq is-salib, daħħaltu fis-saltna tiegħek; aħna wkoll nistqarru li aħna midinbin, u b’fiduċja kbira nitolbuk biex wara l-mewt tagħna tilqagħna fl-hena tal-ġenna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int għammart, Mulej, b’setegħtek

l-art li ħlaqt, u mtliet bil-bhejjem

ta’ kull razza u ta’ kull sura,

u tgħaxxaqt bl-għemejjel tiegħek.

 

Wara dan sawwart il-bniedem:

skond ix-xbieha tiegħek ħlaqtu

u mal-barka tiegħek tajtu

ħakma sħiħa fuq il-ħlejjaq.

 

Rodd, Mulej, is-sliem tal-bidu

lil din l-art li tajtna naħdmu;

jerġa’ jidher fiha l-ordni

li ridt int fil-pjan ta’ għerfek.

 

Agħti l-grazzja lil uliedek

biex ifittxu li, f’dil-ħidma,

jimxu lkoll id f’id bejniethom,

għas-sebħ tiegħek u l-ferħ tagħhom.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kbir il-Mulej, fuq l-allat kollha Alla Sidna.

 

Salm 134 (135)

 

I

Faħħru isem il-Mulej, *

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f'dar il-Mulej, *

fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.

 

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, *

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, *

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

 

Naf tassew li kbir il-Mulej; *

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu †

 fis-smewwiet u fuq l-art, *

fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.

Hu jtella' s-sħab minn truf l-art,

jibgħat il-beraq u x-xita, *

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

 

Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, *

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, *

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

Hu darab ġnus bla għadd, *

u qered slaten qawwija.

Qered ‘il Siħon, sultan ta’ l-Amurrin, †

lil Għog, sultan ta’ Basan, *

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kbir il-Mulej, fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Ant. 2: Bierek, Iżrael, il-Mulej; għannu lil ismu għax hu sabiħ.

 

II

 

Mulej, għal dejjem idum ismek! *

Mulej, minn żmien għal żmien il-fama tiegħek!

Għax il-Mulej jagħmel ħaqq mal-poplu tiegħu, *

juri ħniena mal-qaddejja tiegħu.

 

L-idoli tal-ġnus m'humiex ħlief deheb u fidda, *

xogħol ta' id il-bniedem:

għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej; *

bierek, dar Aron, il-Mulej;

bierek, dar Levi, il-Mulej; *

bierku l-Mulej, intom li tibżgħu mill-Mulej.

Imbierek il-Mulej minn Sijon, *

hu li joqgħod f'Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 2: Bierek, Iżrael, il-Mulej; għannu lil ismu għax hu sabiħ.

Ant. 3: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox;

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minnek? *

 Min ma jsebbħux?

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA Ġak 1:2-4

 

Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jonqoskom xejn.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna * Bis-saħħa ta’ demmu. Kristu.

V/. U għamilna saltna u qassisin għal Alla. * Bis-saħħa ta’ demmu. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej ħa ħsiebna, qaddejja tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej ħa ħsiebna, qaddejja tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu.

 

PREĊI

 

Numiljaw ruħna quddiem il-Mulej Ġesù, li l-Missier tah minħabba dnubietna u ried li hu jirxoxta għall-ġustifikazzjoni tagħna. Nitolbuh minn qalbna u ngħidulu:

Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.

Isma’, Mulej, it-talb umli tagħna biex tagħtina l-maħfra aħna u nistqarru dnubietna:

- fit-tjieba tiegħek, flimkien mal-maħfra agħtina s-sliem.

B’fomm l-Appostlu Missierna, int għidtilna li fejn kotor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja:

- warrab għalkollox minn quddiem għajnejk il-ħtijiet tagħna.

Dnubietna kbar, Mulej, iżda tjubitek bla qjies:

- agħtina l-grazzja biex nerġgħu niġu għandek.

Mulej, salva lill-poplu tiegħek minn dnubiethom.

- agħmel minnu poplu li fih issib l-għaxqa tiegħek.

Int ftaħt il-ġenna lill-ħalliel imsallab miegħek, għax għarfek u stqarrek bħala s-salvatur:

- tħallix bibien is-sema magħluqa għal ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis, int ridt li Ibnek isir il-prezz tal-fidwa tagħna u jsalvana; agħtina l-grazzja li jseħħilna niksbu l-qawwa tal-qawmien mill-imwiet, billi ngħixu sewwa u nissieħbu fit-tbatijiet ta’ l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsijin l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.