Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


IT-TLIETA W TLETIN ĦADD MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħadd tal-1 ġimgħa

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Mulej, ħallieq ta’ kollox,

int tmexxi d-dinja w tqassam

il-ġmiel tad-dawl lill-ġranet

u s-serħ mixtieq lill-ljieli.

 

B’hekk aħna jkollna l-hedu

mill-ħidma li ttaqqalna

il-moħħ isib għajnuna,

u jittaffew id-dwejjaq.

 

Fi tmiem il-jum inroddu

ħajr lilek li wqaft magħna,

fi ftuħ il-lejl nitolbu

lil ħnientek maħfra w grazzja.

 

Mulej, mill-qiegħ ta’ qalbna

infaħħru t-tjieba tiegħek,

u b’nar ta’ mħabba safja

ninxteħtu fl-art quddiemek.

 

Jekk dawl il-jum jitkeffen

fi dlam il-lejl, int agħmel

li l-fidi tagħna tegħleb

id-dlam bil-ferħ ta’ dawlek.

 

Ismagħna, Missier twajjeb,

li m’Ibnek il-Waħdieni

u ma’ l-Ispirtu s-Santu,

issaltnu għala dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek, Mulej.

 

Salm 140 (141), 1-9

 

Lilek, Mulej, insejjaħ; fittex għinni! *

Isma’ leħni, jiena u nsejjaħlek.

Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek; *

ikunu jdejja merfugħa ‘l fuq

bħas-sagrifiċċju filgħaxija.

 

Qegħedli, Mulej, ilġiem fuq fommi, *

agħmilli l-għassa ma’ bieb xufftejja.

Tħallix li qalbi ddur lejn ħwejjeġ ħżiena *

biex jiena nagħmel dak li hu ħażin;

tħallix li nissieħeb ma’ nies ħżiena, *

u anqas induq l-ikel bnin tagħhom.

Ħa jsawwatni l-ġust u jċanfarni, *

għax dan jagħmlu mqanqal mit-tjieba.

Imma żejt il-midneb ma jidliklix rasi; *

jien nibqa’ nitlob kontra ħżunithom. –

 

Fuq il-blat jitwaddbu l-kapijiet tagħhom; *

imbagħad jitgħallmu li sabiħ hu kliemi.

Bħall-frak u l-laqx ma’ l-art imxerred, *

hekk jitferrex għadamhom mad-daħla ta’ qiegħ l-art.

 

Imma lejk, Mulej Sidi, jiena ndawwar għajnejja, *

fik nistkenn, la tħallinix nintrema.

Ħarisni mix-xibka li firxu g!alija, *

min-nassa ta’ dawk li jagħmlu l-ħażen.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ g!al dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek, Mulej.

Ant. 2: Inti l-kenn tiegħi, Mulej, inti sehmi f’art il-ħajjin.

 

Salm 141 (142)

 

B’leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ, *

b’leħen qawwi lill-Mulej nitlob.

Inressaq quddiemu t-tnehid tiegħi, *

id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed.

X’ħin ruħi ġo fija tinfena, *

int tkun taf minn xiex għaddej.

Fit-triq li fiha nimxi, *

huma ħbew nassa għalija.

Inħares fuq il-lemin, *

u nara li m’hemm ħadd min jagħti kasi;

m’hemmx mnejn nista’ naħrab, *

m’hemm ħadd min jieħu ħsiebi.

Lilek, Mulej, insejjaħ; †

ngħidlek: Inti l-kenn tiegħi, *

inti sehmi f’art il-ħajjin.

Agħti widen għall-għajta tiegħi, *

għax ninsab mitluq għall-aħħar.

Eħlisni minn dawk li daru għalija, *

għax huma aqwa minni. –

Mill-ħabs oħroġni, *

biex inrodd ħajr lil ismek.

Madwari jduru l-ġusti, *

għax int timxi tajjeb miegħi.

Glorja.

 

Ant. 2: Inti l-kenn tiegħi, Mulej, inti sehmi f’art il-ħajjin.

Ant. 3: Il-Mulej Ġesù ċekken lilu nnifsu, u għalhekk Alla għollieh fil-glorja għal dejjem.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, †

sar jixbah lill-bniedem *

u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej Ġesù ċekken lilu nnifsu, u għalhekk Alla għollieh fil-glorja għal dejjem.

  

LEZZJONI QASIRA Rum 11:33-36

 

Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta' Alla! Kemm tassew ħadd ma jista' jgħarbel il-ġudizzji tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu! Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej? Min qatt kien il-kunsillier tiegħu ? Min qatt kien hu l-ewwel li tah xi ħaġa hekk li jkun ħaqqu l-ħlas tagħha? Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih. Lilu l-glorja għal dejjem ta' dejjem. Amen!

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kemm huma kbar, Mulej, * L-għemejjel tiegħek. Kemm.

V/. Kollha bil-għerf għamilthom. * L-għemejjel tiegħek. Glorja. Kemm.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Sinjur, ħames talenti ħallejtli f’idejja: ara, qlajt ħamsa oħra.

 

Sena B

Jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab b’qawwa kbira u bi glorja, hallelujah.

 

Sena Ċ

Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib, tinħasdux; jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih, jgħid il-Mulej.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Sinjur, ħames talenti ħallejtli f’idejja: ara, qlajt ħamsa oħra.

 

Sena B

Jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab b’qawwa kbira u bi glorja, hallelujah.

 

Sena Ċ

Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib, tinħasdux; jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih, jgħid il-Mulej.

 

PREĊI

 

Nagħtu glorja lil Alla, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u b’talba umli ngħidulu:

Mulej, ieqaf mal-poplu tiegħek.

Mulej qaddis, Missier li tista’ kollox, agħmel li f’artna ssaltan il-ġustizzja:

- u l-poplu tiegħek jgħammar fil-mistrieħ tas-sliem.

Mexxi l-ġnus kollha lejn is-saltna tiegħek:

- wassal il-popli kollha fis-salvazzjoni.

Għin lill-miżżewwġin biex jgħixu kif jogħġob lilek u żommhom fis-sliem tiegħek:

- saħħaħhom dejjem fl-imħabba ta’ xulxin.

Agħti ħlas sabiħ lil dawk kollha li jagħmlulna l-ġid:

- tkun il-ħajja ta’ dejjem il-premju tagħhom.

Ħenn għal dawk li tilfu ħajjithom ħtija tal-mibegħda u l-gwerer:

- ilqagħhom fil-mistrieħ tas-sema.

 

Missierna

 

Talba

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Dan huwa l-jum li fih ingħata bidu

lill-univers li jgħaxxaq bil-ġmiel tiegħu;

fih il-Ħallieq ħareġ rebbieħ fuq mewtu

u radd il-ħajja lilna.

 

Għalhekk inqumu ħfief mir-raqda tagħna

u ma nħallux in-ngħas jorbotna żżejjed;

fil-ħinijiet ħemdin tal-lejl nitolbu

aħjar lil Alla Sidna.

 

Fit-tjieba tiegħu jisma’ talbna, wliedu,

imidd il-leminija tiegħu fuqna,

u minn kull tebgħa ta’ ħtijiet jaħsilna

bid-demm tal-Ħaruf tiegħu.

 

Il-ħin tal-lejl hu ħin qaddis għalina:

‘il bogħod mill-ħamba ta’ binhar ninġabru

aktar fis-sliem, nistgħallu l-ferħ u l-hena

tad-doni sbieħ tas-sema.

 

Insebbħu t-Trinità ta’ Alla wieħed,

ġieħ lill-Missier, tifħir ‘l Ibnu l-Waħdieni,

ħajr lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna,

illum, kuljum u dejjem. Ammen.

 

II. Matul il-jum

 

Dan l-ewwel jum tal-ġimgħa kkonsagrajtu

bil-qawmien tiegħek mill-imwiet, o Kristu ,

il-kbir fost dawk li raqdu w qam għall-glorja

tal-ħajja l-ġdida.

 

Qajjem illum, Mulej, lil ruħna mħeddla,

biex nagħmlu l-qalb u nibqgħu miexja miegħek;

hekk bik mit-tieni mewt ġisimna jeħles,

xħin terġa’ tiġi.

 

U mbagħad fis-sħab, Mulej, niltaqgħu miegħek,

sabiex tagħtina s-saltna tar-rebbieħa

fuq sema w art imġedda bik, il-ħajja

u l-qawmien tagħna.

 

U nemmnu li fil-glorja nsiru bħalek,

għax wiċċ imbwiċċ narawk kif int, o Alla;

niddawwlu bik, id-dawl tassew u l-hena

li jimla kollox.

 

Ġesù, agħtina d-doni ta’ l-Ispirtu,

biex int toffrina xierqa lil Missierek;

u sseħħ tassew fit-Trinità Qaddisa

is-saltna t’Alla. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Is-siġra tal-ħajja dehret fis-salib tal-Mulej.

 

Salm 1

 

Hieni l-bniedem

li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,†

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,*

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,*

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.

 

Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma, *

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx; *

hu jirnexxi f'kull ma jagħmel.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk; *

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għalhekk il-ħżiena ma jifilħux għall-ħaqq, *

ma joqogħdux il-ħatja fil-ġemgħat tat-tajbin.

 

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha; *

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn.

Glorja.

 

Ant. 1: Is-siġra tal-ħajja dehret fis-salib tal-Mulej.

Ant. 2: Jien għamilt is-Sultan tiegħi fuq Sijon.

 

Salm 2

 

Għaliex jixxewwxu l-ġnus, *

u l-popli jreddnu għal xejn?

Is-slaten ta' l-art iqumu, †

u l-kbarat jiftiehmu bejniethom *

kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:

"Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, *

u ntajjru minn fuqna l-irbit tagħhom!"

 

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, *

il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.

Mbagħad ikellimhom bil-herra, *

bil-qilla tiegħu jkexkixhom:

"Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, *

fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!"

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej; *

hu qalli: "Ibni int, jien illum nissiltek.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b'wirtek, *

u truf l-art bi priża tiegħek.

B'virġa tal-ħadid int tkissirhom, *

bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom."

 

U issa, slaten, ifhmu sewwa; *

twiddbu, intom li taħkmu l-art.

Aqdu lill-Mulej bil-biża', *

u bir-rogħda riġlejh busu,

li ma jagħdabx u intom tinqerdu, *

għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.

Hienja dawk kollha *

li jistkennu fih!

 

Glorja.

 

Ant. 2: Jien għamilt is-Sultan tiegħi fuq Sijon.

Ant. 3: Int, Mulej, tarka madwari, int terfagħli rasi.

 

Salm 3

 

Kemm kotru, Mulej, l-għedewwa tiegħi! *

Ħafna huma dawk li qamu għalija;

ħafna huma dawk li jgħidu fuqi: *

"M'hemmx salvazzjoni għalih f'Alla!"

 

Imm'int, Mulej, tarka madwari, *

inti l-ġieħ tiegħi, int terfagħli rasi.

Jien b'leħen għoli l-Mulej insejjaħ; *

hu jweġibni mill-għolja mqaddsa tiegħu.

 

Immur nimtedd u norqod; *

u nqum, għax il-Mulej iżommni.

Ma nibżax minn poplu sħiħ

li jinġema' madwari kontrija. *

 Qum, Mulej, salvani, Alla tiegħi!

 

Int tajt bil-ħarta lill-għedewwa tiegħi kollha, *

lill-ħżiena kissirtilhom snienhom.

Tiegħek, Mulej, ir-rebħa; *

il-barka tiegħek fuq il-poplu tiegħek.

 

Glorja.

 

Ant. 3: Int, Mulej, tarka madwari, int terfagħli rasi.

 

V/. Il-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.

R/. Għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel Ġoel 2:21-3:5

 

L-aħħar żminijiet

 

Dan jgħid il-Mulej: “Tibżax, ja art, ifraħ u thenna, għax ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej. La tibżgħux, bhejjem tar-raba'! Għax il-ħdura tal-kampanja reġgħet nibtet, is-siġar qed jitqalu bil-frott tagħhom, it-tina u d-dielja qed iroddu l-għana tagħhom.  Ulied Sijon, ifirħu, ithennew fil-Mulej, Alla tagħkom! Għaliex hu takom ilma bikri kif imiss, bagħtilkom ix-xita bikrija u x-xita mwaħħra,

bħal fl-imgħoddi. L-andrijiet jimtlew bil-qamħ, l-imgħasar ifuru bi nbid ġdid u żejt frisk. U nerġa' nagħtikom l-annati li ttieklu mill-ġrad qattiegħ u l-ġrad gerriem, u mill-ġrad qerried u l-ġrad qabbież, l-armata kbira tiegħi, li jien bgħatt kontra tagħkom. U tieklu sewwa u tixbgħu, u tfaħħru isem il-Mulej, Alla tagħkom, li jkun għamel għeġubijiet magħkom. Il-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi. U tagħrfu li jien ninsab f'nofs Iżrael u li jiena l-Mulej, Alla tagħkom, u ma hemmx ħliefi! U l-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi! Wara dan jiġri li jiena nsawwab l-spirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha. Uliedkom iħabbru, subjien u bniet, ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet. U mqar fuq l-ilsiera rġiel u nisa nsawwab l-ispirtu tiegħi f'dawk il-jiem. Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni ta' duħħan! Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f'demm, qabel ma jasal jum il-Mulej, kbir u tal-biża'! U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles, għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm xi meħlusin, kif qal il-Mulej, u f'Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ”.

 

RESPONSORJU Lq 21:25a. 31; Mk 13:33

 

R/. U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb, u l-ġnus fuq l-art qalbhom ittaqtaq. * Meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.

V/. Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. * Meta taraw dan jiġri kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.

  

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof Santu Wistin fuq is-Salmi.

 

Ma niqfulux fl-ewwel miġja tiegħi u ma jkollniex

għax nibżgħu fit-tieni miġja tiegħu

 

Jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk quddiem il-Mulej, għax ġej, għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art. Ġie darba, u għad jerġa jiġi. Meta ġie l-ewwel darba nstema’ dan il-kliem fl-Evanġelju: ‘Il quddiem għad taraw Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema. X’jiġifieri ‘il quddiem? M’għandux il-Mulej jerġa’ jiġi meta l-popli kollha ta’ l-art jibdew jagħtu fuq sidirhom? L-ewwel ġie f’dawk li ħabbruh u mela l-art kollha. Ma niqfulux fl-ewwel miġja tiegħu, u ma jkollniex għax nibżgħu mit-tieni miġja tiegħu.

X’għandu mela jagħmel in-nisrani? Juża d-dinja u mhux jaqdi d-dinja. X’ifisser dan? Li jkollna bħallikieku m’għandna xejn. Dan jgħid l-Appostlu: Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi. Iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Min hu bla ħsibijiet, jistenna bla biża’ l-ħin li fih jiġi Sidu. X’imħabba jista’ jkollok għal Kristu, jekk tibża’ li jiġi? Ma jmissniex nistħu, ħuti? Inħobbuh, u nibżgħu li jiġi. Tgħid inħobbuh tassew? Jew inħobbu aktar dnubietna? Mela ħa nobogħdu d-dnubiet u nħobbu lil dak li ġej jikkastiga d-dnubiet. Irridu jew ma rridux, għad jiġi; u jekk ma ġiex issa, dan ma jfissirx li għad ma jiġix. Għad jiġi, imma int ma tafx meta; u jekk isibek imħejji, ma jkun ġara xejn li ma kontx taf meta ġej.

U jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. Ġie darba, u għad jerġa’ jiġi jagħmel ħaqq mid-dinja, u jsib jgħannu bil-ferħ lil dawk li emmnu fih meta ġie l-ewwel darba, għax ġej.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja u mill-popli bis-sewwa tiegħu. X’inhu s-sewwa? Jgħaqqad miegħu l-magħżulin biex jagħmlu ħaqq, u lill-oħrajn jifridhom minn xulxin, u ‘l xi wħud iqegħedhom fuq il-lemin, u ‘l xi wħud fuq ix-xellug. X’hemm aktar ġust, x’hemm aktar sewwa milli ma jistennewx ħniena mingħand l-imħallef dawk li ma ridux juru ħniena qabel ġie l-imħallef? Lil dawk li riedu jagħmlu ħniena, isirilhom ħaqq bil-ħniena. Għaliex lil dawk li jkunu fuq il-lemin jgħidilhom: Ejjew, imberkin minn missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-bidu tad-dinja. U dan minħabba l-għemejjel tagħhom ta’ ħniena: Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni; kont bil-għatx u sqejtuni, u l-bqija.

U issa x’inhi l-ħtija ta’ dawk li jkunu fuq ix-xellug? Għax ma wrewx ħniena. U fejn imorru? Morru fin-nar ta’ dejjem. Dan il-kliem ta’ ħsara jġib biki kbir. Imma x’jgħid salm ieħor? Il-bniedem ġust qatt ma jinfixel, għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu, xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina. X’inhi din l-aħbar ħażina? Morru fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Min għad jifraħ bl-aħbar tajba, m’hux se jibża’ mill-aħbar ħażina. Din hi l-ġustizzja, dan hu s-sewwa.

Għaliex jekk m’intix ġust, taħseb li ma għandux ikun ġust l-imħallef? U għax int giddieb, taħseb int li l-verità m’hix sewwa? Mela jekk trid issib ħniena, kun ħanin qabel jiġi l-Mulej; aħfer il-ħtijiet li jsirulek; agħti miż-żejjed li għandek. U meta tagħti, minn ta’ min tkun qed tagħti jekk mhux minn tiegħu? Jekk tkun qed tagħti minn tiegħek, tkun qed tagħti b’idek miftuħa; jekk tagħti minn tiegħu, tkun qed trodd lura. X’għandek li ma ngħatalikx? Dawn huma s-sagrifiċċji li l-aktar jogħġbu lil Alla: il-ħniena, l-umiltà, l-istqarrija, is-sliem, l-imħabba. Noffru dawn lil Alla, u bla biża’ ta’ xejn nistgħu noqogħdu nistennew il-miġja ta’ l-imħallef li ġej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja u mill-popli bis-sewwa tiegħu.

 

RESPONSORJU Mt 16:27; Salm 95(96):13b

 

R/. Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, * U mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.

V/. Jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, u mill-popli bis-sewwa tiegħu. * U mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

Nitolbuk, Mulej, Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Meta ħlaqt, Mulej, id-dinja,

fridt il-lejl minn-nhar, jum wieħed,

u qassamt it-tul ta’ ħinhom

għas-serħan u l-ħidma tagħna.

 

Għadda l-lejl, jum ieħor sebaħ,

b’dawl ix-xemx il-ħajja tifraħ

u mill-qalb ta’ wliedek kollha

jitla’ l-innu ta’ foħritek.

 

Għax illum, Mulej, jum tiegħek,

jum ta’ glorja lil qdusitek,

jum li fih il-ġemgħa mqaddsa

b’heda w sliem tinġabar tqimek.

 

Int, ħanin, la tqisx il-ħażen

li għax dgħajfa lkoll għamilna;

iżda ħares biss lejn qalbna,

hekk bil-għatx għall-paċi tiegħek.

 

Kun id-dawl ta’ moħħna w ruħna,

kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek,

żommna sħaħ fl-Ispirtu tiegħek

biex inwettqu fina t-tama.

 

Kun il-faraġ ta’ dawk ħutna

li jixtiequ w le ma jistgħu

jaqsmu llum fil-ferħ mal-ġemgħa

li tinġabar hienja f’darek.

 

Lilek, o Missier, u miegħek

‘l Ibnek u ‘l Ispirtu s-Santu,

ġieħ jintradd, tifħir u glorja,

kif mill-bidu, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Minn sbiħ il-jum lilek infittex, o Alla, biex nara l-qawwa tiegħek,

hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Minn sbiħ il-jum lilek infittex, o Alla, biex nara l-qawwa tiegħek,

hallelujah.

Ant. 2: It-tliet żgħażagħ għollew leħinhom flimkien fil-ħuġġieġa tan-nar u bdew ifaħħru lil Alla bl-għana u jgħidu: Imbierek Alla, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: It-tliet żgħażagħ għollew leħinhom flimkien fil-ħuġġieġa tan-nar u bdew ifaħħru lil Alla bl-għana u jgħidu: Imbierek Alla, hallelujah.

Ant. 3: Jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom, hallelujah

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhomħ

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom, hallelujah

 

LEZZJONI QASIRA Apok 7:10b.12

 

Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf. It-tifħir u l-glorja, l-għerf, ir-radd ta’ ħajr u ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna, għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu, Bin Alla l-ħaj * Ħenn għalina. Kristu.

V/. Int li ġej fid-dinja. * Ħenn għalina. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Qaddej tajjeb u fidil: int kont fidil fil-ftit u jien se nafdalek ħafna.

 

Sena B

 Il-Mulej jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-magħżulin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

 

Sena Ċ

 Jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Qaddej tajjeb u fidil: int kont fidil fil-ftit u jien se nafdalek ħafna.

 

Sena B

 Il-Mulej jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-magħżulin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

 

Sena Ċ

 Jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

 

PREĊI

 

Kristu l-Mulej huwa l-jum u x-xemx tagħna li qatt ma tgħib; huwa d-dawl tal-bnedmin kollha. Nerfgħu qalbna lejh bil-ferħ u ngħidulu:

Mulej, inti l-ħajja u s-salvazzjoni tagħna!

O Alla, li ħlaqt id-dawl fil-wisa’ tas-sema, niżżu ħajr lit-tjieba tiegħek għal din il-ġurnata ġdida li tajtna:

- f’dan il-jum tiegħek, Mulej, għinna niċċelebraw kif jixraq il-Qawmien tiegħek għall-ħajja.

L-Ispirtu tajjeb tiegħek jgħallimna nagħmlu llum dak li jogħġob lilek:

- mexxina fit-triq ta’ l-għerf tiegħek.

Agħmel li niċċelebraw bil-ferħ il-laqgħa mqaddsa tagħna miegħek f’dan il-jum:

- iġborna henjin madwar il-mejda tal-Kelma u l-Ġisem tiegħek.

Il-ġid kbir li xxerred fuqna huwa xhieda tat-tjieba bla qjies li dejjem turi magħna:

- agħmel li l-familja kollha fi gżiritna jroddulek ħajr bla heda.

 

Missierna

  

Talba

 

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Aħjar tistkenn fil-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

 u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

Ant.1 Aħjar tistkenn fil-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu, hallelujah.

Ant.2 Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej, hallelujah.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi, †

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

 

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

iżda ma telaqnix għall-mewt.

Glorja.

 

Ant.2 Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej, hallelujah.

Ant.3 Niżżik ħajr, Mulej, talli weġibtni, hallelujah.

  

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; *

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni, bil-friegħi f'idejkom, *

sa ħdejn l-artal.

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Ant.3 Niżżik ħajr, Mulej, talli weġibtni, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 4:16

 

Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih.

 

V/. O Alla, iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek.

R/. Agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 6.7b-8

 

Dak li bniedem jiżra’, dak jaħsad. Min jiżra’ f’ġismu, jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżra fl-ispirtu jaħsad mill-ispirtu l-ħajja ta’ dejjem.

 

V/. Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek.

R/. Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara Gal 6:9-10

 

Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu. Mela sakemm għandna ż-żmien, ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, u l-aktar ma’ qrabatna fil-fidi.

 

V/. B’qalbi kollha ngħajjatlek: weġibni, Mulej.

R/. Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek

 

Talba

 

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Alla tat-tjieba, meta int bdejt taħlaq

s-sema w l-art, qabel kull-tiżjin tagħhom,

ordnajt li jsir id-dawl b’kelmtek setgħana,

 u d-dawl sabiħ infirex.

 

Għażilt id-dawl mid-dlam, u d-dawl ta’ l-għaġeb

sejjaħtlu jum, u lejl id-dlam; hekk b’għerfek

dalam u sebaħ, l-ewwel jum fil-ġrajja

 li nbdiet għall-ħlejjaq tiegħek.

Biegħed, Mulej, minn ruħna d-dlam tal-ħtija,

tħalliha nieqsa qatt mid-don tal-ħajja;

keċċi minn moħħna l-ħsibijiet ta’ frugħa,

 u minn kull dnub eħlisna.

 

Naddfilna r-rieda mill-irbit tal-ħażen,

agħtina nfittxu dak li hut as-sema,

biex jistħoqqilna l-ħlas sabiħ ta’ dejjem,

 fis-sebħ li qatt ma jidlam.

 

Missier it-tjieba, isma t-talba tagħna,

int li ma’ Kristu Ibnek il-Waħdieni

u ma’ l-Ispirtu s-Santu, Faraġ tagħna,

 issaltnu għala dejjem. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ix-xettru tal-qawwa tiegħu jibgħat il-Mulej minn Sijon, u jsaltan għal dejjem, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ix-xettru tal-qawwa tiegħu jibgħat il-Mulej minn Sijon, u jsaltan għal dejjem, hallelujah.

Ant. 2: Titriegħed l-art quddiem is-Sid tagħha, hallelujah.

 

Salm 113A (114)

 

Meta ħareġ Iżrael mill-Eġittu, *

Ġakobb minn poplu ta' lsien barrani,

Ġuda sar is-santwarju tiegħu, *

Iżrael is-saltna tiegħu.

 

Il-baħar rah u ħarab, *

il-Ġordan reġa' lura.

Qabżu bħal kbiex il-muntanji, *

u bħal ħrief il-għoljiet.

 

Xi ġralek, baħar, biex taħrab? *

Xi ġralek, Ġordan, biex terġa' lura?

Xi ġralkom, muntanji, biex taqbżu bħal kbiex, *

u intom, għoljiet, biex taqbżu bħal ħrief?

Triegħed, art, quddiem is-Sid, *

quddiem Alla ta' Ġakobb,

li jbiddel il-blat f'għadira ilma, *

iż-żonqor f'għajn ta' ilma.

 Glorja.

 

Ant. 2: Titriegħed l-art quddiem is-Sid tagħha, hallelujah.

Ant. 3: Ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu,iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:3-4

 

 Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ dwejjaq.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Imbierek int, Mulej, * Fil-wisa’ kollu tas-sema. Imbierek.

V/. Ta’ min ifaħħrek u jsebbħek għal dejjem. * Fil-wisa’ kollu tas-sema. Glorja. Imbierek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Sewwa, qaddej tajjeb u fidil: idħol fl-hena ta’ sidek.

 

Sena B

Tassew ngħidilkom: is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 

Sena Ċ

Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Sewwa, qaddej tajjeb u fidil: idħol fl-hena ta’ sidek.

 

Sena B

Tassew ngħidilkom: is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 

Sena Ċ

Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom.

 

PREĊI

 

Kristu huwa r-Ras tagħna fil-ġisem li aħna l-membri tiegħu. Nadurawh u ngħidulu bil-ferħ:

Tiġi saltnatek, Mulej.

Salvatur ħanin, saħħaħ il-ħajja tal-Knisja tiegħek biex tidher aħjar bħala sagrament ta’ l-għaqda tal-bnedmin:

- qawwiha dejjem iżjed fil-ħidma misterjuża tagħha għas-salvazzjoni tal-popli kollha.

Ieqaf mal-kulleġġ episkopali flimkien mal-Papa:

- għaqqadhom dejjem iżjed ilkoll bejniethom fl-imħabba u s-sliem.

Ressaq l-insara kollha lejn xulxin u iġborhom ġemgħa waħda taħtek, ir-Ras tagħhom:

- biex bix-xhieda ta’ ħajjithom ixandru s-saltna tiegħek.

Kristu, Sid is-Sibt, int għadek taħdem s’issa, bħall-Missier:

- bierek lil ħutna l-ħaddiema li llum għall-ġid tal-komunità kellhom jiċċaħħdu mill-mistrieħ tal-Ħadd.

Agħti lil ħutna l-mejtin il-glorja tal-qawmien fl-aħħar jum:

- mexxi lilna wkoll lejn is-sema biex naqsmu magħhom l-hena ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.