Stampa t-test kollu ...


L-ERBGĦA

 

TAL-XV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Erbgħa tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Mexxej qawwi, li ħlaqt kollox

fi tjubitek, ersaq fostna;

keċċi n-nagħas minn xfar għejnejna

biex niftħuhom għad-dawl tiegħek.

 

Int, Feddej qaddis, agħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna,

biex jisseddaq it-talb tagħna

mat-tifħir li qed noffrulek.

 

It-twissija tal-Profeta,

u l-eżempji sbieħ ta’ Pawlu,

iħeġġuna biex fil-ljieli

nerfgħu jdejna lejk b’kull barka.

 

F’riġlejk niftħu l-qiegħ ta’ qalbna,

int li tifli l-għemil tagħna;

aħna l-ħatja nibku w nolfqu

biex troddilna s-sliem bil-maħfra.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Infaħħruk Mulej, Sid tagħna,

għax bla qjies u għoli għerfek;

tkun il-grazzja tiegħek magħna,

int li taf x’hemm moħbi f’qalbna.

 

Ħares fina kull m’hu tajjeb,

u kull ħażen biegħed minna;

fil-mergħat it-tajba ħudna

mal-merħliet magħżula tiegħek.

 

Nhar il-ħaqq la tkunx l-imħallef

li jwarrabna mal-misħuta,

iżda semma’ fuqna l-barka

tan-nagħġiet għeżież li ssalva.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem Kristu,

Sultan twajjeb jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: It-tjieba u l-fedeltà jgħaddu quddiemek, Mulej.

 

Salm 88 (89):2-38

 

I

 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; *

f'kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt: "Tjubitek tibqa' sħiħa għal dejjem; *

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek."

 

"Għamilt patt mal-magħżul tiegħi, *

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

'Jien nagħmel li nislek jibqa' għal dejjem, *

li f'kull żmien jibqa' sħiħ it-tron tiegħek.' "

 

Ifaħħru s-smewwiet għeġubijietek, Mulej, *

u l-fedeltà tiegħek fil-ġemgħa tal-qaddisin.

Għax min hemm fis-sema daqs il-Mulej? *

Min jixbah lill-Mulej fost dawk li hemm fis-sema?

Tal-biża' Alla fil-laqgħa tal-qaddisin, *

kbir u tal-biża' fuq dawk kollha ta' madwaru.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, min hu bħalek? *

Int qawwi, Mulej, u l-fidili tiegħek madwarek.

Int taħkem fuq il-baħar imqalleb; *

meta jqumu l-imwieġ int trażżanhom.

Int tisħaq 'il Raħab bħal midrub għall-mewt; *

bi driegħek setgħani tferrex l-għedewwa tiegħek.

 

Tiegħek is-smewwiet u tiegħek l-art; *

id-dinja b'kull ma fiha int waqqaftha.

It-Tramuntana u n-Nofsinhar inti ħlaqthom; *

b'ismek jifirħu t-Tabor u l-Ħermon.

 

Driegħ kollu qawwa hu driegħek, *

b'saħħitha idek, merfugħa lemintek.

Fuq id-dritt u l-ġustizzja mibni t-tron tiegħek; *

tjieba u fedeltà jgħaddu quddiemek.

 

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, *

li jimxi, Mulej, fid-dawl ta' wiċċek.

B'ismek jithennew il-jum kollu, *

u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.

Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom; *

għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.

Għax il-Mulej it-tarka tagħna; *

il-Qaddis ta' Iżrael is-sultan tagħna.

 Glorja.

 

Ant. 1: It-tjieba u l-fedeltà jgħaddu quddiemek, Mulej.

Ant. 2: L-Iben ta’ Alla, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled minn nisel ta’ David.

 

II

 

Dhert fl-imgħoddi lil ħbiebek u għedtilhom: *

"Jien qegħedt il-kuruna fuq ras wieħed qalbieni;

ħtart żagħżugħ *

u għollejtu fuq il-poplu.

Sibt 'il David, qaddej tiegħi, *

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;

tkun idi dejjem miegħu, *

u nsaħħu wkoll bi driegħi.

 

Ma jgħakksux l-għadu tiegħu; *

ma jbaxxihx il-bniedem ħażin.

Inxejjen quddiemu l-għedewwa tiegħu, *

u nsawwat lil min jobogħdu.

Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi; *

b'ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.

Is-setgħa ta' idejh nifrex fuq il-baħar; *

fuq ix-xmajjar taħkem il-leminija tiegħu.

 

Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi, *

fortizza u salvazzjoni tiegħi!

U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi, *

l-ogħla fost is-slaten ta' l-art.

It-tjieba tiegħi fuqu nżommha għal dejjem, *

u l-patt tiegħi miegħu jibqa' sħiħ.

Nagħmel li nislu jibqa' għal dejjem; *

it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema.

 Glorja.

 

Ant. 2: L-Iben ta’ Alla, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled minn nisel ta’ David.

Ant. 3: Ħlift darba għal dejjem lil David, qaddej tiegħi: nislu jibqa’ għal dejjem.

 

III

 

Jekk uliedu jħallu l-liġi tiegħi, *

u ma jimxux skond il-preċetti tiegħi,

jekk huma jiksru l-liġijiet tiegħi, *

u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi,

jien nikkastiga ħtijiethom bil-virga, *

u bis-swat il-ħażen tagħhom.

 

Iżda ma nwarrabx tjubiti minnu; *

ma niksirx il-kelma li tajtu.

Ma nonqosx mill-patt tiegħi; *

ma nerġax lura minn kelmti. 

Ħlift bi qdusiti darba għal dejjem, *

żgur li b'David ma nqarraqx.

Nislu għal dejjem jibqa'; *

it-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.

Bħall-qamar jibqa' għal dejjem; *

it-tron tiegħu aktar sod mis-sema."

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħlift darba għal dejjem lil David, qaddej tiegħi: nislu jibqa’ għal dejjem.

 

V/. It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl.

R/. Ifiehem lil min ma jafx.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten 1 Slat 21:1-21. 27-29

 

Elija jaqbeż għall-foqra biex issirilhom ġustizzja

 

Ġara li Nabot, raġel minn Ġeżragħel, kellu ġnien tad-dwieli f'Ġeżragħel ħdejn il-palazz ta' Aħab, sultan ta' Samarija. U Aħab qal lil Nabot: “Agħtini l-ġnien tad-dwieli tiegħek biex nagħmel minnu ġnien tal-ħxejjex billi qiegħed maġenb id-dar tiegħi. F’loku nagħtik ġnien tad-dwieli ieħor aħjar minnu; jew, jekk jidhirlek li jkun aħjar, nagħtik f’loku b'kemm jiswa flus.” Iżda Nabot wieġeb lil Aħab: “Iħarisni l-Mulej milli qatt nagħtik il-wirt ta’ missirijieti!” Aħab mar id-dar bil-buli b'dagħdigħa fuqu minħabba fil-kliem li Nabot il-Ġeżragħeli kien qallu: “Ma nagħtikx il-wirt missirijieti.” Mar jimtedd f'soddtu, dawwar wiċċu u ma kiel xejn. Resqet lejh martu Ġeżabel u staqsietu: “Għaliex inti bil-buli u ma inti tiekol xejn?” U hu wieġeb: “Jien kellimt lil Nabot, il-Ġeżragħeli, u għidtlu: 'Agħtini l-ġnien tad-dwieli tiegħek bil-flus kemm jiswa, jew, jekk jidhirlek li jkun aħjar, nagħtik ġnien tad-dwieli ieħor f’loku’, u hu wieġeb: ‘Ma nagħtikx il-ġnien tad-dwieli tiegħi’. U martu Ġeżabel qaltlu: “Iss’ inti tridha ta' sultan fuq Iżrael? Qum, ħu xi ħaġa ta' l-ikel, u tithenna qalbek. Jiena nagħtik il-ġnien tad-dwieli ta' Nabot, il-Ġeżragħeli.”

U kitbet ittra f'isem Aħab u ssiġillatha bis-siġill tiegħu, u l-ittra bagħtitha lix-xjuħ u lill-kbarat tal-belt ta’ Nabot. U fl-ittra kitbet, u qalet: “Niedu sawma u qiegħdu lil Nabot f'ras il-kotra. U qiegħdu tnejn min-nies ta' qattagħni biswitu biex jixhdu kontrieh, u jgħidulu: 'Dgħajt b'Alla u bis-sultan,' u mbagħad oħorġuh, ħaġġruh, u jmut.” In-nies tal-belt tiegħu, ix-xjuħ u l-kbarat li kienu jgħammru fil-belt tiegħu, għamlu kif bagħtet tgħidilhom fl-ittra Ġeżabel. Nidew sawma, u qiegħdu 'l Nabot f'ras il-poplu. U ġew tnejn min-nies mill-agħar, u poġġew quddiemu; mbagħad dawn in-nies mill-agħar xlew lil Nabot quddiem il-poplu b'dan il-kliem: “Nabot seħet lil Alla u s-sultan.” Ħarġuh barra mill-belt, ħaġġruh, u miet. Malli dan, bagħtu jgħidu lil Ġeżabel: “Nabot ġie mħaġġar, u miet.” 

Meta Ġeżabel semgħet li Nabot ħaġġruh u miet, marret tgħid lil Aħab: “Qum u ħu l-ġnien tad-dwieli ta' Nabot, il-Ġeżragħeli, li ma riedx jagħtihielek bil-flus! Nabot ma għadux ħaj: miet!” Malli Aħab sema' li Nabot miet, qam u niżel jieħu f'idejh l-ġnien tad-dwieli ta' Nabot.

Il-Mulej kellem lil Elija t-Tisbi, u qallu:“Qum, inżel għand Aħab, is-sultan ta' Iżrael, li jgħammar f'Samarija. Issibu fl-ġnien tad-dwieli ta' Nabot, fejn niżel biex jidħol fih; u għidlu dan: 'Hekk jgħid il-Mulej: l-ewwel qtilt, u issa tisraq! U żid għidlu: 'Hekk jgħid il-Mulej: Fejn il-klieb lagħqu d-demm ta’ Nabot, hemm il-klieb jilagħqu demmek ukoll.” U wieġeb Aħab lil Elija: “Qbadtni f’xi ħaġa, ja għadu tiegħi?” “Qbadtek,” qallu. “La darba int begħt ruħek biex tagħmel il-ħażin quddiem il-Mulej, arani issa se nġib fuqek il-ħsara; jiena neqred nislek warajk, inqaċċat mid-dar ta' Aħab l-irġiel kollha, hielsa jew ilsiera, f'Iżrael.

Aħab, malli sema' dan il-kliem, ċarrat ħwejġu, libes xkora fuq il-laħam, sam, kien jorqod bl-ixkora fuqu, u kien jimxi ħiemed. U Alla kellem lil Elija t-Tisbi, u qallu: “Rajt kif Aħab iċċekken quddiemi? Għax iċċekken quddiemi ma nġibx fuqu l-ħsara fi żmienu; fi żmien ibnu nġib il-ħsara fuq il-familja tiegħu.”

 

RESPONSORJU Ġak 4:8b. 9a. 10a; ara 5:6

 

R/. Midinbin, naddfu jdejkom; nies ta’ moħħ imħawwad, saffu qalbhom: * Ibku u olfqu, iċċekknu quddiem il-Mulej.

V/. Intom għamiltu ħaqq mill-ġust, qtiltuh għax ma jistax jeqfilkom. * Ibku u olfqu, iċċekknu quddiem il-Mulej.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-misteri qaddisa ta’ l-isqof San Ambroġ

 

L-ilma ma jnaddafx mingħajr l-Ispirtu s-Santu

 

 Tħabbritlek il-ġrajja ta’ Nagħman, is-Sirjan, biex ma temminx biss dak li tara u tmur tgħid int ukoll: Hu dan misteru kbir li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet u qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem? Qed tara ilma bħal dak li soltu tara, u tgħid f’qalbek: Tgħid dan l-ilma se jnaddafni issa, meta jien ġa nżilt kemmil darba fih u ma tnaddaftx minn ħtijieti? Agħraf minn dan li l-ilma ma jnaddafx mingħajr il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 Għalhekk int qrajt li fil-Magħmudija t-tliet xhieda, l-ilma, id-demm, u l-Ispirtu, jaqblu fix-xhieda tagħhom: jekk jonqos wieħed minn dawn ix-xhieda ma jkunx hemm aktar is-sagrament tal-Magħmudija. Għaliex x’inhu l-ilma mingħajr is-salib ta’ Kristu? M’huwiex ħlief ħaġa bla ebda qawwa sagramentali! Minn-naħa l-oħra mingħajr ilma ma jseħħx il-misteru tat-twelid ġdid; jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla. Il-katekumeni jemmnu fis-salib tal-Mulej Ġesù għaliex ġew immarkati bis-sinjal tas-salib (meta ngħaqdu mal-katekumeni), iżda qabel ma jkunu mgħammdin fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu ma jkollhomx il-maħfra ta’ dnubiethom u lanqas jirċievu d-don tal-grazzja spiritwali.

 Nagħman, is-Sirjan, seba’ darbiet niżel fl-ilma fi żmien il-Liġi, u int imgħammed f’isem it-Trinità qaddisa. Ftakar ftit l-istqarrija tal-fidi li għamilt: stqarrejt il-Missier, stqarrejt l-Iben, stqarrejt l-Ispirtu s-Santu. Ftakar ukoll f’liema ordni għamilt din l-istqarrija: biha mitt għad-dinja u rxuxtajt għal Alla, qisek indfint fl-ilma, li hu element ta’ din id-dinja, mitt għad-dinja u qomt għall-ħajja ta’ dejjem. Mela emmen li l-ilma m’hux mingħajr qawwa.

 Il-mifluġ tal-menqgħa ta’ Betżata kien jistenna li bniedem jitfgħu fil-menqgħa. U min kien dan il-bniedem jekk mhux il-Mulej Ġesù, li twieled minn verġni? Bil-miġja tiegħu ma baqgħetx ix-xbieha għall-fejqan ta’ bniedem wieħed kull jum, imma seħħet il-verità għall-fejqan ta’ kulħadd. Kien Ġesù mela l-bniedem li tiegħu kienet mistennija l-miġja; fuqu Alla l-Missier qal lil Ġwanni l-Battista: Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed fl-Ispirtu s-Santu. U tiegħu Ġwanni ta xhieda meta qal: Jien rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Għalfejn niżel bħal ħamiema l-Ispirtu s-Santu jekk mhux biex int tarah, biex tara li l-ħamiema li Noè, il-ġust, kien bagħat barra mill-arka, kienet xbieha tiegħu, u hekk tara li d-dilluvju hu xbieha tal-Magħmudija?

 Fadallek fuqiex tiddubita meta l-Missier stess, fl-Evanġelju, jgħidlek: Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt l-għaxqa tiegħi; u jgħidhulek l-Iben ukoll, li fuqu deher l-Ispirtu s-Santu bħal ħamiema; u jgħidhulek ukoll l-Ispirtu s-Santu, li bħal ħamiema niżel fuqu; u jgħidulek ukoll David: Leħen il-Mulej fuq l-ibħra, il-Mulej fuq l-ibħra kotrana; meta l-Iskrittura tixhidlek li għat-talba ta’ Ġerub-Bagħal niżel in-nar mis-sema, u għat-talba ta’ Elija niżel ukoll nar mis-sema u sar sagrifiċċju?

 Toqgħodx tqis il-merti tal-persuna, iżda l-ministeru saċerdotali. U jekk trid tqis il-merti, kif tqis dawk ta’ Elija, qis ukoll dawk ta’ San Pietru u San Pawl, li għaddewlna l-misteru li rċevew mingħand il-Mulej Ġesù. Fi żmien Elija niżel nar jidher mis-sema biex il-Lhud ta’ żmienu jemmnu; għalina li nemmnu niżel mis-sema nar li ma jidhirx; għall-Lhud in-nar kien xbieha, għalina hu twissija. Emmen mela li Kristu qiegħed hawn u ġie għax imsejjaħ mit-talb tal-qassisin. Hu li qal: Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom, kemm aktar jogħġbu jkun fejn hi l-Knisja, fejn qed jiġu ċċelebrati il-misteri qaddisa!

 Inżilt fl-ilma. Ftakar x’weġibt. Int weġibt li temmen fil-Missier, li temmen fl-Iben, li temmen fl-Ispirtu s-Santu. Ma għedtx: Nemmen fil-kbir, f’ta warajh, u fiż-żgħir; iżda l-istess kliem li għedt huma r-rahan li int temmen fl-Iben kif temmen fil-Missier, u temmen fl-Ispirtu s-Santu kif temmen fl-Iben, iżda mbagħad stqarrejt ukoll li temmen fis-salib tal-Mulej Ġesù waħdu.

 

RESPONSORJU Mt 3:11b; Iż 1:16ċ. 17. 18b

 

R/. Min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu: * Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

V/. Ieqfu mill-ħażen, tgħallmu agħmlu t-tajjeb, jgħid il-Mulej. * Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

 

TALBA

 

 O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba, u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull min jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

Qed jinħall id-dlam li jistor

fis-sigħat tal-lejl il-ħlejjaq;

dawl il-jum qiegħed isebbaħ

kullimkien bil-bjuda tiegħu.

 

U bħal swaba’ twal u rotob

‘l hawn u ‘l hinn jinfirxu r-raġġi;

tfiġġ ix-xemx fil-ħmura w tixħet

mant ta’ dija fuq ir-raba’.

 

Hekk, fis-sliem u l-barka t’Alla,

jgħib id-dlam tal-qerq minn moħħna,

minn fuq qalbna s-sħab jiċċarrat,

u fid-dawl tal-grazzja nimxu.

 

Sabiex miegħek biss ningħaqdu,

Kristu Sidna, b’fehma safja:

u kuljum inħossu l-qawwa

tal-ġid kbir li tagħmel magħna.

 

Ejja żurna w iddi fina

kull filgħodu bid-dawl tiegħek;

keċċi d-dell tal-mewt minn ruħna,

ħa nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. 1: Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi.

 

Salm 85 (86)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt,

jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

 

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni. 

 Glorja.

 

Ant. 1: Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi.

Ant. 2: Hieni l-bniedem li jimxi fis-sewwa u jgħid id-dritt.

 

Kantiku Iż 33:13-16

 

Intom li fil-bogħod tinsabu, *

isimgħu jien x'għamilt ;

intom li qegħdin fil-qrib, *

kunu afu s-setgħa tiegħi!

Il-ħatja f'Sijon twerwru, *

fuq il-ħżiena waqa' l-biża'.

Min minna se joqgħod ma' nar qerriedi? *

Min minna se joqgħod ma' nirien dejjem iħeġġu?

Min jimxi fis-sewwa u jgħid id-dritt, *

min jistmerr il-qligħ miksub bil-qerq,

min iwarrab idejh mir-rigali ta’ min irid jixtrih, *

min isodd widnejh biex ma jismax b'tixrid ta’ dmija,

min jagħlaq għajnejh *

 biex ma jarax il-ħażen.

 

Dan jgħammar fl-għoli: *

fortizzi taż-żonqor il-kenn tiegħu,

Il-ħobż tiegħu jsibu, *

u l-ilma qatt ma jonqsu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Hieni l-bniedem li jimxi fis-sewwa u jgħid id-dritt.

Ant. 3: Għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan.

 

Salm 97 (98)

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida, *

għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

 

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu, *

u d-driegħ imqaddes tiegħu.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, *

f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu *

mal-poplu ta' Iżrael.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, *

rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, *

infexxu fl-għana, ifirħu u għannu!

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra, *

biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta' l-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti; *

għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!

 

Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih, *

id-dinja u kull ma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom, *

u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ

quddiem il-Mulej, għax ġej *

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, *

u mill-popli bis-sewwa.

Glorja.

 

Ant. 3: Għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan.

 

LEZZJONI QASIRA Ġob 1:21; 2;10b

 

Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa’ mmur hemm. Il-Mulej tani u l-Mulej ħadli ; kif għoġob lill-Mulej, hekk sar : ikun imbierek isem il-Mulej. Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Iġbidli qalbi, o Alla. * Biex inħares il-preċetti tiegħek. Iġbidli.

V/. Bil-kelma tiegħek agħtini l-ħajja. * Biex inħares il-preċetti tiegħek. Glorja. Iġbidli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Agħmel ħniena magħna, Mulej, u ftakar fil-patt qaddis tiegħek.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.

  

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Agħmel ħniena magħna, Mulej, u ftakar fil-patt qaddis tiegħek.

 

Kristu ta lilu nnifsu għall-Knisja, u jmantniha u jieħu ħsiebha. Nitolbuh għaliha u ngħidulu:

Mulej, ħares lill-Knisja tiegħek.

Ragħaj tal-Knisja tiegħek, aħna nberkuk talli żammejtna ħajjin sa llum u tajtna d-dawl ta’ din il-ġurnata:

- agħmel li nroddulek ħajr għal dawn id-doni sbieħ tiegħek.

Ixħet ħarsa ħanina lejn il-merħla tiegħek li int ġbart f’ismek:

- tħalli ‘l ħadd jintilef minn dawk li Missierek tak.

Mexxi l-Knisja fit-triq tal-kmandamenti tiegħek:

- agħtiha l-Ispirtu s-Santu biex iwettaqha fil-fedeltà miegħek.

Għajjex lill-Knisja bil-kelma u l-ħobż tiegħek:

- qawwiha bis-saħħa ta’ dan l-ikel biex tibqa’ miexja ferħana warajk.

 

Missierna

 

TALBA

 

 Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal is-sensi tagħna bid-dija ta’ qdusitek, biex ngħixu dejjem miegħek f’rabta ta’ mħabba, int li ħlaqtna bl-għerf u qiegħed iżżommna bil-provvidenza tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja.

Salm 118 (119):105-112

 

XIV (Nun)

 

Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, *

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti, *

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

 

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.

Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, *

u għallimni d-digrieti tiegħek.

 

Ħajti dejjem fit-tiġrif, *

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

Il-ħżiena nasbuli x-xibka, *

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; *

huma l-għaxqa ta' qalbi.

Inħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, *

għal dejjem u sa l-aħħar.

 Glorja.

 

Ant.1 Il-Mulej jgħid: Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja.

Ant.2 Jien fqajjar u msejken: o Alla, fittex għinni.

 

Salm 69 (70)

 

O Alla, ejja eħlisni! *

Mulej, fittex għinni!

Ħa jistħu u jinfixlu *

dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.

Ħa jerġgħu lura mħawwda *

dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.

 

Ħa jerġgħu lura kollhom mistħija *

dawk li jiddieħku bija.

Jithennew u jifirħu bik *

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir hu Alla," *

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

 

Imma jien, fqajjar u msejken; *

o Alla, fittex għinni!

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi: *

iddumx ma tgħinni, Mulej!

 Glorja.

 

Ant.2 Jien fqajjar u msejken: o Alla, fittex għinni.

Ant.3 Alla ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn, imma skond il-ġustizzja u s-sewwa.

 

Salm 74 (75)

 

Lilek infaħħru, o Alla, lilek infaħħru; *

ismek inxandru, għemilek ta' l-għaġeb inħabbru.

 

"Meta jasal il-waqt li jien għażilt, *

jien nagħmel ħaqq bis-sewwa.

Jekk titriegħed l-art u kull ma fiha, *

jiena nżomm sħaħ il-pilastri tagħha."

 

Lill-kburin ngħidilhom: "La titkabbrux"; *

u lill-ħżiena: "La terfgħux raskom."

Terfgħux kontra s-sema raskom; *

titkabbrux ma' Alla bi kliemkom.

 

Għax ebda għajnuna ma ssibu, *

la mill-lvant, la mill-punent, lanqas mid-deżert;

għax Alla hu l-imħallef: *

lil wieħed iniżżlu, lil ieħor jgħollih.

 

Il-Mulej għandu f'idu bieqja, *

bi nbid qawwi, imħawwar tajjeb;

minnha jisqihom sa l-aħħar qatra: *

il-ħżiena kollha ta' l-art jixorbuha.

 

Iżda jien għal dejjem nifraħ; *

ngħanni lil Alla ta' Ġakobb.

L-irjus kollha tal-ħżiena jitkissru; *

u jintrefgħu l-irjus tal-ġusti.

 Glorja.

 

Ant.3 Alla ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn, imma skond il-ġustizzja u s-sewwa.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 13:4-7

 

L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tagħmilx dak li m’hux xieraq, xejn ma tfittex dak li hu tagħha, xejn ma jġagħalha tagħdab, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bis-sewwa: kollox tagħder, kollox temmen, kollox titttama, kollox tissaporti.

 

 V/. Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk, Mulej.

 R/. Jgħidu dejjem: Kbir il-Mulej.

 

Talba

 

 Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lill-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub: agħtina l-grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 13:8-9. 13

 

L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, tlieta huma: il-kbira fosthom hi l-imħabba.

 

 V/. Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna.

 R/. Kif fik hi t-tama tagħna.

 

Talba

 

 O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dakli ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:14-15

 

Ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla.

 

 V/. Il-ġwejdin għad jirtu l-art.

 R/. Bi sliem kotran jitgħaxxqu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

INNU

 

Alla, Sid qaddis tas-sema,

waqt li x-xemx qed tgħib minn fuqna,

kullimkien bi ġmielek tiksi

mad-dawl fietel fil-għaxija.

 

Meta r-raba’ jum issebbaħ,

taħt idejk bix-xemx ħanina,

inti tajtna wkoll il-qamar,

b’għadd bla tarf ta’ kwiekeb ħelwa.

 

Bihom int turina l-bidla

bla waqfien tax-xhur u l-iżmna,

sabiex aħna wkoll infittxu

bla mistrieħ it-tiġdid tagħna.

 

Għalhekk dawwal il-qlub tagħna,

saffi ‘l ruħna minn kull tebgħa,

ħoll il-ktajjen ta’ dnubietna,

u ħarisna ‘l bogħod mill-ħtija.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Min jiżra’ fid-dmugħ jaħsad bl-għana ta’ ferħ.

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Min jiżra’ fid-dmugħ jaħsad bl-għana ta’ ferħ.

Ant. 2: Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

 

Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

jew li ddumu ma tistrieħu

 u li tieklu ħobż it-tbatija; *

għax jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

 

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

Ma jinfixilx meta jiltaqa'

 ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jibnilna l-Mulej id-dar, u jħares il-belt tagħna.

Ant. 3: Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha, hu l-ewwel f’kollox.

 

Kantiku Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha, hu l-ewwel f’kollox.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 3:20-21

 

Lil Alla li, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu, lilu l-glorja permezz tal-Knisja u permezz ta’ Kristu Ġesù, għal kemm itulu ż-żminijiet, għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Eħlisni int, Mulej. * U ħenn għalija. Eħlisni.

V/. Tgħoddnix man-nies midinba. * U ħenn għalija. Glorja. Eħlisni.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 ħax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 ’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

 

PREĊI

 

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex ikun is-salvatur u l-eżempju tal-poplu tiegħu. Fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Ikun tifħirek, Mulej, fil-poplu tiegħek.

Inroddulek ħajr għax int għażiltna biex inkunu l-ewwel frott tas-salvazzjoni:

- u sejjaħtilna biex ikollna sehem fil-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Agħmel li dawk kollha li jistqarru l-isem qaddis tiegħek ikunu fehma waħda u qalb waħda fil-verità tal-kelma tiegħek:

- ħeġġiġhom dejjem bi mħabbtek.

O Alla li ħlaqt kollox, Ibnek għoġbu jsir ħaddiem fost il-ħaddiema:

- ftakar f’dawk li jaqilgħu ħobżhom bix-xogħol u l-għaraq ta’ ġbinhom.

Ftakar ukoll f’dawk li jiddedikaw ħajjithom għas-servizz ta’ ħuthom il-bnedmin:

- tħallihomx jaqtgħu qalbhom jekk il-ħsieb mixtieq tagħhom ma jseħħx u jekk ma jarawx ħlief bruda fl-oħrajn.

Xerred il-ħniena tiegħek fuq ħutna l-mejtin:

- titlaqhomx taħt is-setgħa tal-Ħażin.

 

Missierna

 

Talba

 

Fil-ħniena tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb li l-Knisja qiegħda tagħmillek, biex inti taħfer id-dnubiet tal-poplu tiegħek, tgħinu jintrabat miegħek dejjem iżjed, u żżommu ħieles minn kull biża’ taħt il-ħarsien tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

  

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.