Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA

 

TAL-XV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tlieta tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-Kbir: ejjew nadurawh

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Inti ħriġt minn dawl Missierek,

dawl id-dawl u l-jum int, Kristu;

ksirna l-lejl biex nerfgħu b’ħerqa

talbna lejk, Mulej: kun fostna.

 

Keċċi d-dlamijiet minn ruħna,

biegħed minna l-għadu tagħna,

għinna ntajjru n-nagħas minn fuqna

biex ma jwaqqagħniex fil-ħedla.

 

Nitolbuk, ħanin, aħfrilna,

għax fik nemmnu, tama tagħna;

agħti frott lit-talb imħeġġeġ

li nagħmlulek bi kliem David.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Alla wieħed, tliet Persuni,

int sawwart u qassamt kollox:

tajtna l-jum għall-ħidma tagħna,

tajtna l-lejl biex fih nistrieħu.

 

Kull filgħodu u filghaxija,

lejl u nhar tifħirek ninsġu,

b’xewqa mħeġġa li tħarisna

ta’ kull waqt għall-glorja tiegħek.

 

Bħal qaddejja fqar ninxteħtu

b’wiċċna fl-art nagħtuk kull qima;

jitla’ talbna llum quddiemek

mat-tifħir tal-qtajja’ hienja.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Iqum Alla! Jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

 

Salm 67 (68)

 

I

 

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu; *

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered, †

bħalma jdub ix-xama' quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.

Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla, *

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

 

Għannu lil Alla, faħħru ismu, *

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, *

aqbżu bil-ferħ quddiemu.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol, *

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, †

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom; *

imma s-suppervi telaqhom jgħammru

 fid-deżert jikwi.

 

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, *

int u tiela' mid-deżert,

triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu *

quddiem Alla tas-Sinaj, Alla ta' Iżrael.

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek, *

 u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha. 

Il-poplu tiegħek għammar fiha, *

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Iqum Alla! Jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Ant. 2: Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

 

II

 

Il-Mulej Sidi jagħti ordni, *

u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara: 

"Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti! *

X'intom titnikkru qalb l-imrieħel?

In-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża, †

sbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ bħall-fidda, *

b'rixha mżejjen b'deheb safrani.

Meta Alla li jista' kollox ferrex is-slaten, *

xita ta' silġ niżlet fuq Salmon."

 

Għolja ta' Alla hi l-għolja ta' Basan, *

għolja b'ħafna qċaċet hi l-għolja ta' Basan.

Imma għax tħares bl-għira, għolja ta' ħafna qċaċet, †

lejn l-għolja li Alla għażel b'għamartu? *

Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.

L-imriekeb tal-Mulej eluf ta' eluf; *

bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.

Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk, †

bnedmin int ħadt b'għotjiet tiegħek, *

mqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.

Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor! *

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna. 

Alla tagħna hu Alla li jsalvana; *

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu, *

ikisser ir-ras ta' min jimxi bil-ħażen.

 

Qal Sidi l-Mulej: "Minn Basan inġibhom, *

lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,

biex tgħaddas riġlek f'demmhom,

u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb."

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

Ant. 3: Slaten ta’ l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej.

  

III

 

Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju, *

id-dħul ta' Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.

L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara, *

f'nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:

"Bierku 'l Alla fil-laqgħat tagħkom; *

bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta' Iżrael."

Quddiem miexi Benjamin, *

l-iżgħar fost it-tribù,

il-kapijiet ta' Ġuda bi ħġarhom, *

il-kapijiet ta' Żabulon, il-kapijiet ta' Neftali.

Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek, *

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm, *

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.

Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil, *

dawk il-popli, bħal qabda gniedes

 bl-għoġiela tagħhom,

sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b'rigali tal-fidda; *

ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer. 

Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu; *

tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.

 

Slaten ta' l-art, għannu lil Alla, *

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, *

fuq is-smewwiet ta' dejjem.

Arawh! Se jsamma' leħnu, leħen qawwi: *

"Agħrfu l-qawwa ta' Alla!"

 

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu; *

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

Tal-biża' Alla fis-santwarju tiegħu! *

Hu Alla ta' Iżrael,

li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. *

Imbierek Alla!

 Glorja.

 

Ant. 3: Slaten ta’ l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej.

 

V/. Ħa nisma’ xi jgħid Alla l-Mulej.

R/. Is-sliem ixandar għall-poplu tiegħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten 1 Slat 19:1-9a. 11-21

 

Alla juri lilu nnifsu lil Elija

 

F’dawk il-jiem: Aħab għarraf lil Ġeżabel b'kull ma kien għamel Elija, u kif qatel lill-profeti kollha bix-xabla. U Ġeżabel bagħtet messaġġier lil Elija jgħidlu: “Dan jagħmluli l-allat u iżjed minn hekk, jekk għada bħalissa ma nkunx għamilt minn ħajtek kull ma sar mill-ħajja ta' kull wieħed minnhom.”

U beża' Elija u qabad u telaq biex isalva ħajtu, u mar Birsaba’, li hemm f'Ġuda, u ħalla l-qaddej tiegħu hemm. Il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi, waqaf, nxteħet taħt siġra tal-ġummar, intelaq għal mejjet, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli 'l ħajti, għax m'iniex aħjar minn missirijieti!” U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad. Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: “Qum u kul!” Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u reġa’ mtedd. Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u reġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek.” U Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta' dak l-ikel baqa' miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.

Hemmhekk daħal fl-għar u għadda lejl ġewwa fih. U waslitlu l-kelma tal-Mulej tgħidlu: “Oħroġ u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.” U hemm hu l-Mulej għaddej; riħ qawwi, b'saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f'dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f'din it-theżhiża. U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f'bieb il-għar. U fil-ħin jisma' leħen jgħidlu: “X'inti tagħmel hawn, Elija?” U hu wieġeb: “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-artali tiegħek, u l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxuli ħajti.” Il-Mulej qal lil Elija: “Itlaq u erġa’ aqbad triqtek lejn id-deżert ta' Damasku. U malli tasal, idlek lil Ħażael bħala sultan ta' Aram; hekk ukoll lil Ġeħu bin Nimsi, idilku sultan ta' Iżrael; u lil Eliżew bin Safat, ta' Abel-Meħola, idilku profeta flokok. Jekk xi ħadd jeħles mix-xabla ta' Ħażael, joqtlu Ġeħu; u jekk xi ħadd jeħles mix-xabla ta' Ġeħu, joqtlu Eliżew. Jiena nħalli f'Iżrael sebat elef, jiġifieri dawk kollha li ma niżlux għarkubbtejhom quddiem Bagħal, u dawk kollha li ma bisuhx b'xufftejhom.”

Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew, bin Safat, waqt li kien qiegħed jaħrat bi tnaxil żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi t-tnaxil wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: “Ħallini mmur insellem lil missieri u 'l ommi, mbagħad niġi warajk.” “Mur,” qal Elija, “u erġa’ ejja; għaliex x'għamiltlek jiena?” Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U hu mar wara Elija u beda jservih.

 

RESPONSORJU Eż 33:22. 20b; Ġw 1:18

 

R/. Il-Mulej qal lil Mosè: Huwa u għaddej sebħi, inqiegħedek f’xaqq tal-blata u ngħattik b’idi sakemm ngħaddi. *Ebda bniedem ma jara lil Alla, u jibqa’ ħaj.

V/. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier. * Ebda bniedem ma jara lil Alla, u jibqa’ ħaj.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq il-misteri qaddisa ta’ l-isqof San Ambroġ

 

Dan kollu ġralhom b’eżempju

 

 L-Appostlu jgħallimna li missirijietna lkoll kienu taħt sħaba, ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar. U Mosè wkoll fl-għanja tiegħu jgħidilna: Infaħt bir-riħ tiegħek, għattihom il-baħar. F’dan il-mixi tal-Lhud int diġà għandek tara xbieha tal-Magħmudija mqaddsa, għaliex il-Lhud jeħilsu waqt li l-Eġizzjani jinqerdu. M’hux dan nitgħallmu kull jum f’dan il-misteru, li l-ħtija tinqered u d-dnub jitħassar u bla mittiefsa jibqgħu biss it-tjieba u l-innoċenza?

Inti smajt li missirijietna kienu lkoll taħt sħaba, u taħt sħaba tajba għax ittaffi n-nar tal-passjonijiet tal-ġisem, taħt sħaba tajba li tagħti d-dell lil dawk li jżurhom l-Ispirtu s-Santu. Ġiet imbagħad il-Verġni Marija, u l-qawwa ta’ l-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha, u nisslet fi ħdanha s-Salvatur tal-bnedmin. Dan il-miraklu għamlu Mosè taħt xbieha: jekk fix-xbieha kien hemm l-Ispirtu ta’ Alla, kif ma setax ikun hemm meta seħħet il-verità kollha, meta l-Ispirtu s-Santu jgħid: Alla ta l-liġi permezz ta’ Mosè, imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu?

Màra kienet fawwara ta’ ilma morr: fiha Mosè tefa’ l-bastun u l-ilma sar ħelu. L-ilma, mingħajr it-tħabbira tas-salib tal-Mulej, ma jiswa xejn għas-salvazzjoni ta’ dejjem; malli jkun ikkonsagrat bil-misteru tas-salib ta’ Kristu, ikun tħejja għall-ħasil tar-ruħ u bħala xorb tas-salvazzjoni. Kif Mosè, jiġifieri l-profeta, tefa’ l-bastun fl-ilma ta’ Màra, hekk il-qassis jitfa’ fl-ilma tal-Magħmudija t-tħabbira tas-salib ta’ Kristu, u l-ilma jsir ħelu għall-grazzja.

Mela temminx biss f’dak li jaraw l-għajnejn tal-ġisem. Tara aħjar dak li ma jidhirx, għax dak li jidher hu għal ftit żmien imma dak li ma jidhirx hu għal dejjem. Naraw aħjar dak li ma narawx bl-għajnejn tal-ġisem għax narawh bir-ruħ u l-fehma.

Fl-aħħarnett għandu jgħallmek ukoll il-qari li smajt mill-Ktieb tas-Slaten. Nagħman tas-Sirja kien imġiddem u ħadd ma seta’ jfejjqu. Tfajla lsira qalet li f’Iżrael kien hemm profeta li seta’ jfejjqu mill-marda tal-ġdiem. Ħa miegħu deheb u fidda u telaq għal għand is-sultan ta’ Iżrael. Dan, malli sema’ għalfejn ġie jżuru, ċarrat ħwejġu u qal li dak kien xi komplott kontrieh, għax kien qed jiġi mitlub ħaġa li ma kinitx fis-setgħa tiegħu ta’ sultan li jagħtiha. Eliżew bagħat jgħid lis-sultan ħa jibgħatlu lil Nagħman, ħalli dan ikun jaf li hemm Alla f’Iżrael. Meta ġie għandu, bagħtu jogħdos seba’ darbiet fix-xmara Ġordan. Dan beda jgħid bejnu u bejn ruħu li f’pajjiżu x-xmajjar kellhom ilma aħjar u fihom kien niżel kemmil darba iżda l-ġdiem ma kienx ħallieh. Dawn il-ħsibijiet żammewh lura u ma kienx se jobdi l-ordni tal-profeta. Iżda qagħad għat-twissijiet u l-pariri tal-qaddejja tiegħu u niżel fix-xmara, u minnufih tnaddaf mill-ġdiem tiegħu, u għaraf li wieħed jitnaddaf mhux bil-qawwa ta’ l-ilma imma bil-qawwa tal-grazzja.

Hu iddubita qabel fieq int issa mfejjaq, m’għandekx għalhekk għalfejn tiddubita.

 

RESPONSORJU Salm 77(78): 52a. 53; 1 Kor 10:2

 

R/. Il-Mulej ħareġ bħal nagħaġ il-poplu tiegħu, qegħedhom fiż-żgur u ma beżgħux: * Imma l-għedewwa tagħhom għattiehom il-baħar.

V/. Ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar: * Imma l-għedewwa tagħhom għattiehom il-baħar.

 

TALBA

 

 O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba, u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull min jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Iż-żerniq fi ġmielu jħabbar

tlugħ ix-xemx, u l-għodwa jsejjaħ;

diġà beda d-dawl imewweġ

u bl-ilwien ilibbes kollox.

 

Kristu, xemx li dejjem twassal

dawlek ħaj fl-ispirtu tagħna,

lilek ngħannu kull filgħodu,

għax għalik imxennqa ruħna.

 

Int l-għerf safi ta’ Missierek,

il-Verb tiegħu li bik tqassam

b’ordni w ġmiel il-ħolqien kollu

b’kull ma fih, tassew ta’ l-għaġeb.

 

Għinna tul ħajjitna nimxu

bħal ulied id-dawl, bla nieqfu,

ħalli nxandru w nuru l-grazzja

tal-Missier bl-għemil, bl-imġiba.

 

Joħroġ safi minn xufftejna

kull ma t-tjieba tnissel f’qalbna,

biex madwarna nxerrdu l-hena,

li hu l-frott sabiħ tal-veru.

 

Glorja lill-Missier fil-għoli,

rebħ lill-Iben, kull tifħir

lill-Ispirtu, kif jistħoqqlu,

issa w dejjem, hekk isir. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek.

 

Salm 84 (85)

 

Wrejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; *

reġġajt 'il Ġakobb lura mill-jasar.

Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek; *

ħfirtilhom dnubiethom kollha.

Reġġajt lura l-qilla tiegħek; *

taffejt is-saħna tal-korla tiegħek.

 

Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna, *

warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.

Se tibqa' għal dejjem tinkorla għalina? *

Se tibqa' għal dejjem tagħdab kontrina?

M'hux int li terġa' tagħtina l-ħajja, *

biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Ħa nisma' xi jgħid Alla; *

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu, *

u għal dawk li jafdaw fih.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu †

għal dawk li jibżgħu minnu, *

biex jgħammar is-sebħ f'artna.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, *

il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet, *

u l-ġustizzja mis-sema tixref.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, *

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi, *

u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek.

Ant. 2: Ruħi billejl tixtieqek, ifittex bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija.

 

Kantiku Iż 26:1-4, 7-9. 12

 

Għandna belt qawwija; *

bnielha swar u ħitan għas-salvazzjoni tagħna.

Iftħu l-bibien, biex jidħol *

il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.

Il-fehma tiegħu sħiħa; *

inti ssaħħaħlu s-sliem, għax fik ittama.

Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem *

għax il-Mulej hu l-blata ta' dejjem.

 

It-triq tal-ġust hi dritta; *

lill-ġust int twittilu l-mogħdija.

Fi triq il-ġudizzji tiegħek aħna nistennewk Mulej: *

ismek u t-tifkira tiegħek huma xewqa tar-ruħ.

Ruħi billejl tixtieqek, *

ifittxek bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija,

għax meta jingħarfu fuq l-art il-ġudizzji tiegħek, *

kull min jgħammar fid-dinja jitgħallem is-sewwa.

Mulej, int tagħtina s-sliem, *

għax kull għemil tagħna għamiltu int għalina.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ruħi billejl tixtieqek, ifittex bil-ħerqa l-ispirtu tiegħi ġo fija.

Ant. 3: Dawwar, Mulej, għal fuqna d-dija ta’ wiċċek.

 

Salm 66 (67)

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna; *

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, *

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, †

għax trieġi l-popli bis-sewwa, *

 u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla, *

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha; *

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża' minnu *

l-art kollha, minn tarf għall-ieħor!

Glorja.

 

Ant. 3: Dawwar, Mulej, għal fuqna d-dija ta’ wiċċek.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 4:14-15

 

Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun is-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: * Jien fih nittama. Alla.

V/. Hu l-kenn u s-salvazzjoni tiegħi. * Jien fih nittama. Glorja. Alla.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Il-Mulej waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni, bħalma kien wiegħed b’fomm il-profeti tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni, bħalma kien wiegħed b’fomm il-profeti tiegħu.

 

 PREĊI

 

Kristu kiseb poplu ġdid bis-saħħa ta’ demmu. Nadurawh, u bil-ħrara kollha ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-poplu tiegħek.

Sultan u feddej tagħna, ilqa’ t-tifħir li l-Knisja tiegħek qiegħda toffrilek f’din l-għodwa:

- għallimha tagħti glorja bla heda lill-kobor tiegħek.

F’idejk nintelqu, Mulej, għax inti t-tama u l-qawwa tagħna:

- tħalli qatt li jkollna għax ninfixlu.

Ara kemm aħna dgħajfa u fittex għinna:

- mingħajrek ma għandna ħila ta’ xejn.

Ftakar, Missier twajjeb, fil-foqra u l-abbandunati:

- agħmel li din il-ġurnata ma tkunx ta’ piż għalihom, imma ta’ faraġ li jhennihom.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, il-ħolqien tiegħek hu kollu ġmiel u tajjeb; agħtina li nibdew dan il-jum f’ismek bil-ferħ, u li ntemmuh kollu b’għemejjel ta’ mħabba għalik u għal ħutna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 L-imħabba hija l-milja tal-liġi.

 

Salm 118 (119):97-104

 

XIII (Mem)

 

Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! *

Il-jum kollu ħsiebi fiha.

Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi; *

jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.

Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha, *

għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.

Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal, *

għax inħares il-preċetti tiegħek.

 

Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja, *

biex inħares il-kelma tiegħek.

Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed, *

għax int kont li għallimthomli.

 

Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek! *

Oħla mill-għasel għal fommi.

Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek; *

għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.

 Glorja.

 

Ant.1 L-imħabba hija l-milja tal-liġi.

Ant.2 Mulej, ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem.

 

Salm 73 (74)

 

I

 

Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem? *

Għaliex tħeġġeġ qilltek

 kontra n-nagħaġ tal-merħla tiegħek?

Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem, †

it-tribù li int fdejt biex ikun wirtek; *

ftakar f'Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek.

Itla' sal-post li sar ħerba waħda: *

kollox qered l-għadu fis-santwarju.

 

Għajjtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat tiegħek; *

hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom.

Bħal dawk li jxejjru l-mannara fl-għoli *

biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,

hekk huma kissru l-bibien tat-tempju, *

bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.

 

Taw in-nar lis-santwarju tiegħek; *

kasbru għalkollox l-għamara tiegħek.

Qalu f'qalbhom: "Ħa nfarrkuhom għalkollox!" *

Ħarqu kull post imqaddes ta' Alla f'artna.

Ma għadniex naraw sinjali mis-sema,

m'hawnx iżjed profeti; *

 ħadd fostna ma jaf kemm se ndumu hekk.

 Kemm se jdum iżebilħek l-għadu, o Alla? *

Se jibqa' jkasbarlek ismek għal dejjem?

Għaliex qiegħed iżżomm idek lura? *

Għax taħbi f'ħobbok il-leminija tiegħek?

Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem; *

int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.

 Glorja.

 

Ant.2 Mulej, ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem.

Ant.3 Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek.

 

II

 

Int fridt b'qawwietek il-baħar, *

u sħaqt irjus id-draguni ta' l-ilma.

Int farrakt l-irjus tal-Levjatan, *

u tajtu b'ikel lil klieb il-baħar.

Int ftaħt għejun u widien, *

u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.

Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl; *

il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.

Int ħażżejt it-truf kollha ta' l-art; *

is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.

 

Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu, *

kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.

Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek; *

tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.

Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek, *

għax l-art mimlija dlamijiet u qerq.

 

Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija, *

biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.

Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek; *

ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.

 

Tagħlaqx widnejk

għall-għajat ta' l-għedewwa tiegħek, *

 għall-ħsejjes bla heda ta' min jeħodha miegħek.

 Glorja.

 

Ant.3 Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 22:3

 

Agħmlu l-ħaqq u s-sewwa, u eħilsu l-maħqur minn id min jaħqru; tgħakksux il-barrani, l-iltim u l-armla, u tagħmlu deni lil ħadd; u xxerdux demm bla ħtija.

 

 V/. Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja.

 R/. Jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 15:7-8

 

Jekk wieħed minn ħutek isib ruħu fil-faqar f’xi belt tiegħek fl-art li tak il-Mulej, Alla tiegħek, la twebbisx qalbek għal ħuk il-fqir u tagħlaqx idek għalih, imma iftaħ idek sewwa għalih u isilfu kemm ikun biżżejjed għall-ħtiġiet tiegħu.

 

 V/. It-talba ta’ l-imsejknin smajtha, Mulej.

 R/. Int taqtgħalhom ix-xewqa ta’ qalbhom.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Prov 22:22-23

 

Tisraqx lill-fqir, għax fqir hu, u taħqarx lill-imsejken f’bieb il-belt, għax il-Mulej jieħu f’idejh il-kawża tagħhom, u jaħtaf il-ħajja ta’ min jaħtaf lilhom. .

 

 V/. Il-Mulej jeħles lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

 R/. Il-ħajja tal-fqajrin isalva.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sid bla qjies, int ġbart f’post wieħed

l-ilmijiet ta’ taħt is-sema,

u qegħedtilhom it-truf tagħhom

biex tagħżilhom mill-art niexfa.

 

F’dan it-tielet jum, il-ħxejjex

nibtu taħt idejk setgħana,

biż-żerriegħa, skond il-għamla

ta’ kull siġra bil-frott tagħhom.

 

Hekk, Mulej, bil-grazzja tiegħek,

saqqi llum lil ruħna niexfa

bid-dmugħ safi ta’ l-indiema,

ħalli tagħti frott l-imħabba.

 

Tiha l-qawwa, sabiex tisma’

minnek biss, u l-ħażen taħrab;

tfittex l-hena tagħha f’ġidek,

li mill-mewt iżommha ħielsa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej hu madwar il-poplu tiegħu.

  

Salm 124 (125)

 

Min jitma fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

 minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu idejhom għall-ħażen.

 

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta' qalbhom safja.

Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen. *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej hu madwar il-poplu tiegħu.

Ant. 2: Jekk ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Jekk ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:9-12

 

Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor, taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; żommu wieħed lill-ieħor akbar minnkom fil-ġieħ. Tħallux il-ħerqa tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu l-Mulej; kunu ferħanin fit-tama tagħkom, kollkom sabar fl-hemm, itolbu bla waqfien.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Mulej, għal dejjem * Tibqa’ l-kelma tiegħek. Mulej.

V/. Il-fedeltà tiegħek minn nisel għal nisel. * Tibqa’ l-kelma tiegħek. Glorja. Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi.

 

PREĊI

 

Alla jżomm lill-poplu tiegħu sħiħ fit-tama tal-ġid li wiegħdu. Nistqarru ferħana u ngħidu:

Mulej, inti t-tama tal-poplu tiegħek.

Niżżuk ħajr, Mulej, għax stagħnejna f’kollox:

- magħqudin miegħu, aħna mtlejna b’kull don ta’ kliem u għerf.

O Alla, li f’idejk jinsabu l-qlub tas-setgħana, żejjen b’għerfek il-mexxejja tan-nazzjonijiet:

- agħmel li jfittxu d-dawl tiegħek biex jaqdu dmirijiethom, ħalli jogħġbu lilek fil-ħsieb u fl-għemil.

Int tqanqal l-imgħallmin f’kull xorta ta’ arti biex bid-dehen u l-ħila tagħhom jagħtuna ħjiel ta’ ġmielek;

- permezz ta’ l-opri tagħhom wassal f’kull rokna tad-dinja r-raġġi qawwija tat-tama u l-ferħ.

Int ma tħalliniex niġġarrbu aktar milli nifilħu:

- qawwi lil min hu dgħajjef u qajjem lil min waqa’.

Int wegħedtna l-qawmien mill-imwiet b’Ibnek fl-aħħar jum:

- tinsiex għal dejjem lil ħutna li ħarġu minn did-dinja.

 

Missierna

 

Talba

 

Jitla’ quddiem it-tjieba tiegħek, Mulej, dan it-talb tagħna ta’ filgħaxija, u tinżel fuqna l-barka tiegħek, biex bl-għajnuna tiegħek inkunu salvi issa u għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

  

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.