Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGHA

 

TAT-XXXII ĠIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ġimgħa tar-IV gimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Il-leħen, li fil-għodu kmieni widdeb

lil Pietru ħati w qanqlu għall-indiema,

qiegħed isejjaħ lilna wkoll biex nersqu

quddiemek. Sid il-ħniena.

 

Fis-skiet tal-lejl inżilt, Mulej, mis-sema,

ġejt fostna bniedem biex tkun dawk id-dinja,

b’mewtek irbaħt il-mewt, u s-sliem u l-ħajja

raddejt lil kull min jindem.

 

Feddej għażiż, bil-grazzja tiegħek agħmel

li ruħna teħles minn kull dlam ta’ ħażen,

ħa tgħix fid-dawl qaddis il-ħajja vera

ta’ wlied is-saltna mbierka.

 

Ġieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill Ispirtu s-Santu faraġ tagħna;

it-tlieta Alla wieħed għajn ħanina

ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Dawl tal-glorja ta’ Missierek,

Verb ta’ dejjem, ejja fostna,

għax mingħajr il-grazzja tiegħek

jaqgħu fuqna d-dlam u l-biża’.

 

Jekk nimtlew bl-Ispirtu tiegħek,

jiġi Alla jgħammar fina,

u jsaħħaħna bħal fortizza

kontra l-ħbit ta’ l-għadu tagħna.

 

Hekk il-ħajja w ħtiġijietha

ma jħarbtux is-sliem ta’ ruħna,

iżda ngħixu hienja w kwieti

fil-ħarsien tal-liġi tiegħek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Titwarrabx, o Alla, mit-talb umli tiegħi minħabba l-għajat tal-ħżiena.

 

Salm 54 (55): 2-15, 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi! 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsara, *

fil-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

 

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 Glorja.

 

Ant. 1: Titwarrabx, o Alla, mit-talb umli tiegħi minħabba l-għajat tal-ħżiena.

Ant. 2: Il-Mulej jeħlisna minn idejn l-għadu u l-qarrieq.

 

II

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk, kont nissaporti.

M'huwiex xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jeħlisna minn idejn l-għadu u l-qarrieq.

Ant. 3: Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek.

 

III

 

Imma jien lill-Mulej insejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlied li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 

Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

Imma jien fik nittama.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek.

 

V/. Ibni, agħti widen għall-għerf tiegħi.

R/. Iftaħ widnejk għall-għaqal tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Danjel Dan 10:1-21

 

Id-dehra ta’ bniedem liebes l-għażel u d-dehra ta’ l-anġlu

 

Fit-tielet sena ta' Ċiru, sultan tal-Persja, kien hemm kelma rivelata lil Danjel, li jissejjaħ bl-isem ta' Beltessar; din il-kelma, li hi minnha, tgħid li t-tiġrib ikun kbir. Huwa fehem il-kelma u ara x'kienet id-dehra. F'dak iż-żmien, jien, Danjel, għaddejt tliet ġimgħat fin-niket. Ebda ikel ma kilt, ebda laħam u nbid ma daħal f'ħalqi, u b'xejn ma ndlikt sa ma għaddew it-tliet ġimgħat. Mbagħad, fl-erbgħa u għoxrin ta' l-ewwel xahar, sibt ruħi f'xatt ix-xmara l-kbira, it-Tigre. Erfajt għajnejja nħares, u ara, kien hemm raġel liebes l-għażel, bi ħżiem tad-deheb fin ta' Ufaz ma' ġenbejh. Ġismu kien qisu ħaġar ta’ Tarsis, wiċċu jiddi bħal beraq, għajnejh bħal xrariet tan-nar, u dirgħajh u riġlejh jiddu bħal bronż ileqq, u l-ħoss ta’ kliemu bħal ħoss ta' kotra kbira.

Jien, Danjel, waħdi rajt id-dehra; l-irġiel li kienu miegħi ma rawx id-dehra, imma qabadhom biża’ hekk kbir li ħarbu u nħbew. Jiena bqajt waħdi nara din id-dehra kbira; ma baqax fija saħħa, wiċċi tbiddel u tħassar u bqajt bla saħħa. U smajt kliemu, u mal-ħoss ta' kliemu waqajt wiċċi fl-art mitluf. U, ara, id messitni u qajjmitni fuq irkubbtejja u qiegħ idejja. U qalli: "Danjel, int għażiż; isma’ l-kliem li se ngħidlek; qum bilwieqfa, għax jien mibgħut għandek." Kif smajt dan il-kliem qomt bilwieqfa, kollni mriegħed. U qalli: "Tibżax, Danjel, għax mill-ewwel jum li għamilt il-ħsieb li tiċċekken quddiem Alla biex tifhem aħjar, kliemek kien mismugħ, u minħabba kliemek jien ġejt hawn. Il-prinċep tas-saltna tal-Persjaniżammni għal wieħed u għoxrin jum, imma Mikiel, wieħed mill-prinċpijiet il-kbar, ġie jgħinni, u jien bqajt hemm ħdejn il-prinċep tas-slaten tal-Persja. Jien ġejt biex ngħidlek x'se jiġri mill-poplu tiegħek fiż-żmien li ġej, għax din hi dehra oħra ta’ dan iż-żmien”. Huwa u jgħidli dan il-kliem, jiena nżilt wiċċi fl-art imbikkem. U, ara, wieħed qisu bin il-bniedem ġie u messli fommi biex nitkellem u għedt lil dak li kien qiegħed quddiemi: “Sidi, uġigħ kbir qabadni mad-dehra u bqajt bla saħħa. Kif jista' issa l-qaddej ta' Sidi meta ma baqax saħħa fija u lanqas nifs?” U reġa’ messni dak li kien qisu bin il-bniedem u tani s-saħħa, u qalli: “Tibżax! Int għażiż. Is-sliem għalik! Agħmel il-ħila! Qawwi qalbek!” Huwa u jkellimni ħassejtni b’saħħti, u għedt: “Ħa jitkellem Sidi, għax tajtni s-saħħa”. U qalli: “Taf għalfejn ġejt għandek! Ġejt biex ngħarrfek x’hemm miktub fil-Ktieb tal-Verità. Se nerġa’ lura biex nitqabad mal-prinċep tal-Persja, u meta neħles minnu mbagħad jiġi l-prinċep ta’ Ġavan, u f’dan kollu ma jkolli lil ħadd min jgħinni ħlief lil Mikiel, il-prinċep tagħkom”.

  

RESPONSORJU ara Iż 54:6. 8; Eżek 16:60

 

R/. Mill-ewwel jum li għamilt il-ħsieb li tiċċekken quddiem Alla biex tifhem aħjar * Kliemek kien mismugħ.

V/. Tibżax, Danjel; ġejt biex ngħarrfek x’hemm miktub fil-Ktieb tal-Verità, għax * Kliemek kien mismugħ.

 

LEZZJONI II

 

Qari minn Omilija ta’ kittieb tat-tieni seklu

 

Induru lejn Alla li sejjħilna

M’hux ta’ ftit siwi, fil-fehma tiegħi, il-parir li jien tajtkom fuq ir-rażan, u min jagħti widen għalih ma jollux sogħba, imma jasal biex isalva hu u jaqla’ s-salvazzjoni għalija li tajt dak il-parir. Għax m’hux żgħir il-ħlas ta’ min ireġġa’ lura lejn it-triq tas-salvazzjoni lil xi ruħ li tkun tbiegħdet u qabdet it-triq tat-telfien. Dan il-ħlas nistgħu nrodduh lil Alla, li ħalaqna, jekk min jitħaddet u min jisma’ jitħaddet u jisma’ bil-fidi u bl-imħabba.

Ejjew, għalhekk, nibqgħu sħaħ fit-twemmin li ħaddanna, bit-tjieba u l-qdusija, u nitolbu bit-tama lil Alla li jgħidilna: Waqt li ssejjaħli jiena inwieġbek: Hawn jien. Dan il-kliem huwa rahan ta’ wegħda kbira; għax jgħarrafna li eħfef hu l-Mulej biex jagħtina milli aħna biex nitolbuh. Aħna, għalhekk, li għandna sehem minn ħniena hekk kbira, m’għandniex ngħiru wieħed għall-ieħor minħabba fil-ġid li l-ieħor ikun qala’. Għax daqs kemm dan il-kliem inissel ferħ f’min jagħmel is-sewwa daqshekk jiswa ta’ kundanna għal min jikser ir-rieda ta’ Alla. Mela, ħuti, quddiem din is-sejħa biex nindmu u waqt li għandna ż-żmien, ejjew induru lejn Alla, li sejjħilna, sakemm hu lest li jilqagħna. Jekk aħna niċħdu l-ġibdiet żienja u ma nħallux lil ruħna tingħeleb mix-xewqat ħżiena, ikollna sehem mill-ħniena ta’ Ġesù. Kunu afu, iżda, li wasal il-jum tal-ħaqq qisu nar jaqbad, bis-smewwiet ‘l hawn u ‘l hinn jiġġarrfu u l-art kollha tinħall bħaċ-ċomb ġon-nar, u wara jkunu magħrufa l-għemejjel tal-bnedmin, kemm dawk moħbija u kemm dawk mikxufa. Hija tajba l-għajnuna lill-foqra bħala tpattija għad-dnub; is-sawm jiswa aktar mit-talb, imma l-għajnuna lill-foqra tiswa aktar minnhom it-tnejn; l-imħabba tistor kotra ta’ dnubiet, imma t-talb li joħroġ minn qalb safja jaqla’ l-ħelsien mill-mewt. Hieni l-bniedem li jkun laħaq il-milja ta’ dawn l-għemejjel tajba; għax l-għajnuna lill-foqra tagħti l-ħelsien mid-dnub.

Ejjew, għalhekk, nindmu b’qalbna kollha biex ħadd minn ma jintilef. Jekk aħna għandna d-dmir li nagħmlu kull ma nistgħu biex inwarrbu lill-oħrajn mill-allat fiergħa u ngħallmuhom, kemm aktar ir-ruħ li tagħraf lil Alla ma jmisshiex tintilef? Għandna, mela, ngħinu lil xulxin biex inreġġgħu lura lejn it-tajjeb ukoll lil min hu dgħajjef, u nwiddbu u ndawwru wieħed lill-ieħor lejn Alla, ħalli nsalvaw ilkoll.

 

RESPONSORJU 1 Tess 2:4. 3.

 

R/. Żommu rwieħkom fl-imħabba ta’ Alla. * Stennew il-ħniena ta’ Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem.

V/. Inwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja biex ngħixu bir-rażan u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien. * Stennew il-ħniena ta’ Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem.

 

TALBA

 

 O Alla ħanin li tista’ kollox, fit-tjieba tiegħek biegħed minna kull għawġ, biex inkunu ħielsa fir-ruħ u l-ġisem, u naqduk bla xkiel ta’ xejn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, dawl tassew, bla bidu,

int li ħlaqt id-dawl, ismagħna:

dawwal bik il-jum li bdejna,

ħa ngħadduh għall-glorja tiegħek.

 

Bil-għajnuna tiegħek, għadda

dlam il-lejl minn fuq wiċċ artna:

iż-żerniq bi bjuda fietla

kesa d-djar u r-r-raba’ tagħna.

 

Diġà ntfew il-kwiekeb kollha,

qtar in-nida jleqq bil-ħmura;

taħt in-nar tax-xemx li tielgħa

qed jitliegħeb fwar il-ħajja.

 

Int il-jum tal-jiem, o Alla,

dawl u dija fik innifsek:

sebħ u ġmiel il-libsa tiegħek,

xemx saltnatek qatt ma tinżel.

 

Iddi fuqna, Dawl ta’ dejjem,

u ħeġġiġna b’nar imħabbtek,

biex naraw fil-glorja lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek

 Glorja.

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

 

Kantiku Tob 13:8-11, 13-14ab. 15-16ab

 

Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

Agħmlulu festi ta’ ferħ, u agħtuh glorja.

Int, Ġerusalemm, belt ta’ Alla, *

Għal kull m’għamilt b’idejk il-Mulej sawwtek.

 

Rodd il-ħajr lill-Mulej għall-ġid li għamillek, *

bierek lil Alla ta’ dejjem;

ħalli fik jerġa jibni t-tempju tiegħu, †

u jroddlok lura l-imjassra kollha, *

biex għal dejjem ta’ dejjem tithenna.

 

B’dija ta’ l-għaġeb għad tiddi; *

tagħtik ġieħ l-art kollha minn tarf għall-ieħor.

Ġnus mill-bogħod għad jiġu għandek, †

bid-doni f’idejhom, *

biex fik jaduraw lill-Mulej.

Artek għalihom tkun art qaddisa, *

għax fik jiġu jsejjħu l-isem kbir tal-Mulej.

Int għad titgħaxxaq b’uliedek, *

għax ilkoll għad jitbierku

u jinġabru quddiem il-Mulej.

 

Hienja dawk kollha li jħobbuk, *

li jifirħu bis-sliem tiegħek.

Bierku, ruħ tiegħi, il-Mulej! †

Għax il-Mulej, Alla tagħna, *

ħeles lil Ġerusalemm, il-belt tiegħu,

mill-hemm kollu tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. 

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA Gal 2:19b-20

 

Jiena ssallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux jien. Iżda Kristu jgħix fija. Il-ħajja li ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta’ ruħu għalija.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Insejjaħ lil Alla l-Għoli, * Alla, li jieħu ħsiebi. Insejjaħ.

V/. Jibgħat mis-sema jsalvani. * Alla, li jieħu ħsiebi. Glorja. Insejjaħ.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

 

PREĊI

 

Alla jieħu ħsieb il-ħlejjaq kollha tiegħu li fdiehom permezz ta’ Ibnu. Għalhekk inqawwu qalbna bit-tama u nitolbuh:

Wettaq, Mulej, il-qawwa li ħaddimt għalina.

O Alla ħanin, mexxi l-passi tagħna fi qdusija sinċiera:

Agħtina li naħsbu f’kull ma hu veru u xieraq, f’kull ma jiġbed l-imħabba.

Minħabba f’ismek, Mulej, la titlaqniex għalkollox:

- la tħassarx il-patt tiegħek.

B’qalbna mgħaffġa u ruħna mċekkna, jalla nkunu ningħoġbu quddiemek:

- għax xejn ma jitħawwdu dawk li jittamaw fik.

Int, permezz ta’ Kristu, sejjaħtilna għall-uffiċċju profetiku:

- ieqaf magħna biex inxandru l-għemejjel sbieħ tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

Mulej, sawwab il-kotra tal-grazzja tiegħek fuqna, qaddejja umli tiegħek, u għinna nħarsu l-kmandamenti tiegħek, biex ingawdu l-faraġ f’din il-ħajja u naslu fl-hena ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l’Ispirtu s-Santu, Alla, għall dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Hemm sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, Mulej.

 

Salm 118 (119):161-168

 

XXI (Sin)

 

Il-kbarat għal xejn b'xejn jagħmlu għalija, *

imma minn kelmtek tibża' qalbi.

Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek, *

bħal min isib xi priża kbira.

 

Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu, *

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

Seba' darbiet kull jum infaħħrek *

għad-digrieti ġusti tiegħek.

 

Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; *

ma hemm ebda tfixkil għalihom.

Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

u nħares il-kmandamenti tiegħek.

 

Ruħi tħares il-preċetti tiegħek; *

u jiena nħobbhom ħafna.

Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek; *

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.

Glorja.

 

Ant.1 Hemm sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, Mulej.

Ant.2 Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu ruħ waħda u qalb waħda.

 

Salm 132 (133)

 

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, *

li l-aħwa jgħammru flimkien! 

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, *

li jinżel mal-leħja tiegħu,

li jinżel mal-leħja ta' Aron, *

sa fuq l-għonq ta' ħwejġu.

Hu bħan-nida tal-Ħermon, *

li tinżel fuq l-għoljiet ta' Sijon;

għax hemm il-Mulej jagħti l-barka, *

hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant.2 Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu ruħ waħda u qalb waħda.

Ant.3 Żommni minn idejn il-ħżiena, Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Salm 139 (140):1-9. 13-14

 

Eħlisni, Mulej, mill-bnedmin ħżiena, *

min-nies tad-dnewwa ħarisni,

li f'qalbhom inisslu ħsibijiet ħżiena, *

li jqajjmu l-ġlied kuljum.

Ilsienhom daqs tas-serp isinnu, *

semm ta' lifgħa taħt xufftejhom.

 

Żommni, Mulej, minn idejn il-ħżiena, †

minn-nies tad-dnewwa ħarisni, *

li ħsiebhom hu li jfixkluni.

Nies kburin ħejjewli nassa, †

firxuli l-ħbula bħal xibka, *

u tul it-triq nasbu għalija.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Alla tiegħi; *

isma', Mulej, leħen it-tħannin tiegħi."

Sidi Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi, *

inti l-għata ta' rasi f'jum it-taqbida. 

Taqtgħalhomx xewqithom, Mulej, lill-ħżiena, *

tħallihomx jilħqu l-għanijiet tagħhom.

 

Jien naf li l-Mulej jagħmel ħaqq ma' l-imsejken, *

u jagħti raġun lill-fqajjar.

Iva, il-ġusti jfaħħru ismek; *

u t-tajbin jgħammru quddiemek.

 Glorja.

 

Ant.3 Żommni minn idejn il-ħżiena, Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:17a. 19b-21

 

Troddu lil ħadd deni b’deni. Għax hemm miktub: Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej. Imma jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk, tkun qiegħed tiġma ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.

 

 V/. It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.

 R/. Is-sewwa tiegħu ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, madwar id-disgħa ta’ filgħodu ħaduk għall-mewt tas-salib biex hekk issalva d-dinja; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dejjem tagħtina l-maħfra tiegħek għal ħtijietna l-imgħoddija, u tħarisna bla heda għal li ġej. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:16

 

B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li hu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.

 

 V/. Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb.

 R/. Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, meta sallbuk, għalkemm bla ħtija, biex tifdina, minn nofsinhar ‘il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu; agħmel li dejjem jiddi fuqna dak id-dawl li bih jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 4:9-11

 

B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu ‘l xulxin.

 

 V/. Ħares, o Alla, tarka tagħna.

 R/. Ħares lejn Kristu tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int ħfirt lill-ħalliel it-tajjeb għax nidem, u, wara li miet fuq is-salib, daħħaltu fis-saltna tiegħek; aħna wkoll nistqarru li aħna midinbin, u b’fiduċja kbira nitolbuk biex wara l-mewt tagħna tilqagħna fl-hena tal-ġenna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Niżżuk ħajr , Mulej, li tajtna

jum ix-xogħol fil-għalqa tiegħek:

frott il-ħidma noffruh lilek,

bħal qaddejja umli tiegħek.

 

Rodd, għalhekk, il-ħlas imwiegħed

lill-ħaddiema li qdewk sewwa,

biex ifaħħru ‘l min ‘l min qabbadhom,

Sid ħanin u qalbu tajba.

 

Int li qiegħed issejjħilna,

għax ħlas kbir hemm jistenniena,

għinna nerfgħu l-piż li jmissna,

kun is-serħ wara t-tbatija.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb jintradd lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

 

Salm 143 (144)

 

I

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

 

II

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', *

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, *

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.

Int tiftaħ idek, *

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, *

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, *

jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, *

imma lill-ħżiena jeqridhom.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi; †

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu *

għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis: † 

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:1-2

 

Ma hemm ebda kundanna għal dawk li jgħixu fi Kristu Ġesù. Għax il-liġi ta’ l-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mill-liġi tal-mewt u tad-dnub.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu miet għal dnubietna. * Biex iressaqna lejn Alla. Kristu.

V/. Tawh il-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ. * Biex iressaqna lejn Alla. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ftakar, Mulej, fil-ħniena tiegħek, bħalma wegħedt lil missirijietna.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ftakar, Mulej, fil-ħniena tiegħek, bħalma wegħedt lil missirijietna.

 

PREĊI

 

Dawk kollha li għarfu l-isem ta’ Kristu jqiegħdu t-tama tagħhom fih. Aħna wkoll nimtlew bil-fiduċja u ngħidulu:

Mulej, ħniena.

Ftakar, Feddej ħanin, li aħna bnedmin dgħajfa u malajr naqgħu:

- qawwina u wettaqna dejjem bil-grazzja tiegħek.

Aħna midinbin imsejkna u noffenduk għal kull ħaġa ta’ xejn:

- eħlisna minn ħżunitna u agħmel li dejjem nitolbuk maħfra.

Aħna nregħxu bi ħtijietna, imma int twarrab minn fuqna l-korla tiegħek meta nindmu:

 - biegħed minna l-kastigi tiegħek li jistħoqqulna minħabba dnubietna.

Int ħfirt lill-midinba li nidmet, u rfajt fuq dirgħajk in-nagħġa li kienet mitlufa:

- la ċċaħħadna qatt mill-ħniena tiegħek.

Kun twajjeb ma’ dawk li ttamaw fik tul ħajjithom fuq l-art:

- daħħalhom minn bwieb is-sema li ftaħtilna b’salibek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, int ridt li Ibnek ibati u jmut għas-salvazzjoni tad-dinja kollha; agħmel li l-poplu tiegħek iħabrek biex joffrilek lilu nnifsu bħala vittma ħajja u jseħħlu jasal fil-milja ta’ mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

 o Verġni glorjuża u mbierka.