Stampa t-test kollu ...


16 ta’ Lulju

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAL-KARMNU

 

Salmodija tat-Tnejn tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija: nifirħu u nfaħħru l-Mulej.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

F’ġuf Marija niżel jgħammar

dak li s-sema, l-art u l-baħar

ixandruh u jagħtuh qima,

għax hu Alla li ħalaqhom.

 

Ħdan il-Verġni, mimli grazzja,

jilqa’ fih lis-Sid il-Għoli,

li jaqduh ix-xemx u l-qamar,

l-univers bil-ħlejjaq tiegħu.

 

Hienja l-omm, li ġewwa ċ-ċokon

tal-ġuf safi tagħha niżel

il-ħallieq, li xejn ma jesgħu,

u f’qiegħ idu jżomm id-dinja.

 

Hienja dik li emmnet l-anġlu

u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu,

ġiebet fostna ‘l Alla bniedem,

il-mixtieq tal-ġnus mill-qedem.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

Bin Marija, Omm u Verġni;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla tagħna ġej bid-dieher, u ma jibqax sieket.

 

Salm 49 (50)

 

I

 

Tkellem il-Mulej, Alla fuq l-allat, *

u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel, *

minn Sijon, il-ġmiel tagħha, Alla wera d-dija tiegħu.

Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket; *

quddiemu nar li jeqred, madwaru tempesta qalila.

Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli, *

u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:

"Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi, *

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."

U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu, *

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.

 Glorja.

 

Ant. 1: Alla tagħna ġej bid-dieher, u ma jibqax sieket.

Ant. 2: Agħti ‘l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr.

 

II

 

"Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem, †

Iżrael, għax se nixhed kontrik. *

Jiena Alla, Alla tiegħek.

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek; *

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek, *

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.

 

Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri, *

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru, *

taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'. 

Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek, *

għax tiegħi l-art u kull ma fiha.

 

Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, *

jew nixrob id-demm tal-gidjien?

Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.

Mbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq; *

jien neħilsek, u int tweġġaħni."

 Glorja.

 

Ant. 2: Agħti ‘l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr. Hallelujah.

Ant. 3: Jien tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ‘l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

 

III

 

Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu: †

"Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi, *

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib, *

u tixħet kliemi wara dahrek?

Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu; *

u sehmek taqsam maż-żienja.

Fommok ftaħt għall-ħażin, *

u lsienek il-qerq jinseġ.

 

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ, *

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; *

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, *

u dan kollu nqiegħed quddiemek.

 

Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla, *

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa *

nurih is-salvazzjoni ta' Alla."

 Glorja.

 

Ant. 3: Jien tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ‘l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

 

V/. Isma’ poplu tiegħi, għax se nitkellem.

R/. Jiena Alla, Alla tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten 1 Slat 18:16b-40

 

Elija jirbaħ lill-qassisin ta’ Bagħal

 

F’dawk il-jiem: Aħab mar jiltaqa’ ma’ Elija. U ġara li malli Aħab ra lil Elija, Aħab qallu: “Int hawn, int li qiegħed taqleb lil Iżrael ta' taħt fuq?” U hu wieġbu: “Le, mhux jien li qiegħed naqleb lil Iżrael ta' taħt fuq, imma int u dar missierek, għax intom tlaqtu l-kmandamenti tal-Mulej u mortu wara l-Bagħalim, allat oħra. U issa ibgħat u iġborli lil Iżrael kollu fuq il-muntanja tal-Karmel u l-erba' mija u ħamsin profeta ta' Bagħal u l-erba' mija ta' l-Axera, li jieklu mill-mejda ta' Ġeżabel.” U Aħab bagħat messaġġiera ma' Iżrael kollu, u ġabar il-profeti fuq il-Karmel. Elija resaq lejn il-poplu kollu, u qalilhom: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.” Il-poplu ma għarafx iwieġeb.

Elija qal lill-poplu: “Mill-profeti tal-Mulej jiena waħdi bqajt, u l-profeti ta' Bagħal ilaħħqu erba' mija u ħamsin wieħed. Agħtuna żewġ gniedes; ħallu 'l dawn jagħżlu gendus għalihom u jqattgħuh bċejjeċ, u jqegħduh fuq il-ħatab bla ma jkebbsu n-nar. U jiena nħejji l-gendus l-ieħor u nqiegħdu fuq il-ħatab bla ma nkebbes n-nar. Intom sejjħu l-alla tagħkom, u jiena nsejjaħ isem il-Mulej. Dak l-alla li jwieġeb permezz tan-nar, ikun hu Alla veru.” “Sewwa!” wieġeb il-poplu. Mbagħad Elija kellem il-profeti ta' Bagħal: “Agħżlu l-gendus u ibdew intom, għaliex intom l-iktar fil-għadd. Sejjħu l-alla tagħkom bla ma tqabbdu n-nar.” Huma ħadu l-gendus li tawhom, ħejjewh, u bdew mis-sbiħ sa nofsinhar isejjħu isem Bagħal u jgħajjtu: “Bagħal, weġibna!” Iżda ebda kelma ma kien hemm, u ebda tweġiba; u baqgħu jaqbżu quddiem l-artal li kienu għamlu. F'nofsinhar Elija beda jiddieħak bihom u jgħidilhom: “Għajjtu b'leħen ogħla, għax tassew hu alla: għandu mnejn jinsab imħasseb x’jagħmel, jew imħabbat, jew imsiefer; inkella rieqed, ħa jistenbaħ!” U bdew jgħajjtu b'leħen ogħla, u jqattgħu ġisimhom, skond id-drawwa tagħhom, bi sjuf u skieken, sa ma ċarċar id-demm fuqhom. Għadda nofsinhar, u baqgħu iħabbru sa ma wasal il-ħin ta' l-offerta tal-vittma, iżda ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba, ebda widen.

 Elija kellem il-poplu kollu: “Ersqu lejja.” U l-poplu kollu resaq lejh. U hu reġa’ waqqaf l-artal tal-Mulej li kien iġġarraf. Elija ħa tnax-il ġebla, skond l-għadd tat-tribù ta' Ġakobb li lilu l-Mulej kien qallu: Iżrael ikun ismek.” U b'dan il-ġebel bena artal għal isem il-Mulej, ħaffer madwaru gandott jesa' daqs sigħan żerriegħa, qiegħed sewwa l-ħatab, qatta' l-gendus, u qiegħdu fuq il-ħatab. Mbagħad qalilhom: Imlew seba’ ġarar ilma u ferrgħuhom fuq il-vittma u fuq il-ħatab.” U hekk għamlu. “Erġgħu għat-tieni darba,” qalilhom; u reġgħu għat-tieni darba. “Erġgħu għat-tielet darba,” reġa’ qalilhom; u reġgħu għat-tielet darba. L-ilma tferrex madwar l-artal, u l-gandott ta' madwaru mtela bl-ilma. Fil-ħin li joffru s-sagrifiċċju, il-profeta Elija ħareġ fin-nofs u għajjat: “Mulej, Alla ta' Abraham, ta' Iżakk, u ta' Iżrael, uri llum li int Alla fost Iżrael, u li jiena l-qaddej tiegħek, u li dan kollu għamiltu għall-kelma tiegħek. Weġibni, Mulej, weġibni, ħalli jkun jaf dan il-poplu li int, Mulej, int Alla, u li int dawwartilhom qalbhom lura!” U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma u l-ħatab u l-ġebel u t-trab, u xorob l-ilma fil-gandott. U dan kollu rah il-poplu, u niżlu wiċċhom fl-art jistqarru: “Il-Mulej hu Alla! Alla hu l-Mulej!” U Elija qalilhom: “Aqbdu l-profeti ta' Bagħal, tħallu lil ħadd minnhom jeħles.” U qabduhom, u Elija niżżilhom fil-wied ta' Qison u qatilhom hemm.

 

RESPONSORJU 1 Slat 18:21ab; Mt 6:24aċ

 

R/. Elija resaq lejn il-poplu kollu, u qalilhom: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra?” * Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh.

V/. Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien: ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus. * Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir

 

Marija nisslet fl-ispirtu qabel ma nisslet fil-ġisem

 

 Alla għażel lil Marija, minn-nisel tas-sultan David, biex il-Verb Ibnu jsir bniedem minnha. Imma hi nisslitu f’ruħha qabel ma nisslitu fil-ġuf. Skond il-pjan ta’ Alla, il-Verb kien se jsir bniedem bl-opra ta’ l-Ispirtu s-Santu. Biex hi ma tibqax fid-dlam dwar dak li kien se jsir fiha, u wkoll biex ma tibżax tilqa’ dan it-tnissil mhux tas-soltu, Alla bagħat l-anġlu biex jgħarrafha b’kollox. B’hekk saret taf li xbubitha ma kinitx se tittiefes meta ssir Omm Alla. Alla l-Għoli wegħedha li jixħet id-dell tal-qawwa tiegħu fuqha; x’seta’ jaqtgħalha qalbha minn dan il-mod ġdid ta’ tnissil? Hija emmnet, u l-anġlu wettaqha fil-fidi billi qalilha bl-għaġeb li kien diġà sar f’Eliżabetta li, għalkemm ma setgħetx u ma stennietx li jkollha t-tfal, Alla taha li tnissel. Hekk Marija qawwiet qalbha li Alla kien se jagħmel ma’ xebba verġni dak li għamel ma mara bla tfal.

 Il-Verb ta’ Alla, Alla, Bin Alla, li kien fil-bidu għand Alla, li kollox sar bih, u mingħajru ma sar xejn, sar bniedem biex jeħles lill-bniedem mill-mewt ta’ dejjem; huwa niżel saċ-ċokon tagħna bla ma naqqas xejn mill-kobor tiegħu; baqa’ li kien, u sar dak li ma kienx; ħa n-natura ta’ lsir billi għaqqadha ma’ dik in-natura li biha hu daqs Alla l-Missier, u rabathom flimkien b’mod li la l-glorja ma tfiet lin-natura tal-bniedem, u lanqas l-għaqda ma’ din ma ċekknet lin-natura ta’ Alla.

 Xejn ma ntmess minn dak li hu proprju fl-essenza tat-tnejn; ingħaqdu biss f’persuna waħda, il-kobor maċ-ċokon, il-qawwa mad-dgħufija, dak li hu ta’ dejjem ma’ dak li jmut. Biex jitħallas id-dejn tagħna msejknin, in-natura li xejn ma jista’ għaliha ngħaqdet man-natura li tista’ tbati, u fil-persuna waħda tal-Mulej deher Alla veru u bniedem veru, biex il-medjatur wieħed u l-istess bejn Alla u l-bniedem seta’ jbati f’dak li hu tal-bniedem u jirxoxta b’dak li hu ta’ Alla, kif kien xieraq għas-salvazzjoni tagħna. Bil-ħaqq kollu, mela, li l-verġnità sħiħa ma ttiefset xejn bit-twelid tas-Salvatur, għax il-modestja sabet il-ħarsien fil-Verità li dehret fid-dinja.

 Ħuti għeżież, dan hu t-twelid li kien jixraq lil Kristu, li hu l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Permezz ta’ dan it-twelid, Kristu sar bniedem biex jixbah lilna, filwaqt li baqa’ Alla ogħla minna. Għax kieku ma kienx tassew Alla, ma kienx isalvana; kieku ma kienx tassew bniedem, ma kienx jagħtina eżempju.

 Kien għalhekk li, meta twieled il-Mulej, l-anġli għannew Glorja ‘l Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u ħabbru sliem fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Għax huma raw lil Ġerusalemm tas-sema tibda tinbena mill-ġnus kollha ta’ l-art. U jekk jifirħu daqshekk l-anġli, fil-kobor kollu tagħhom, kemm għandhom għax jithennew il-bnedmin, fiċ-ċokon tagħhom, quddiem għemil bħal dan tat-tjieba ta’ Alla, għemil li ħadd ma’ jista’ jfissru bil-kliem!

 

RESPONSORJU

 

R/. B’tifkira ta’ ġieħ kbir, niċċelebraw din il-festa ta’ Marija, il-Verġni glorjuża, li l-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tagħha. * Mat-tħabbira ta’ l-anġlu, hija nisslet lis-Salvatur tad-dinja.

V/. Nagħtu glorja lil Kristu f’din il-festa qaddisa tal-kbira Omm Alla. * Mat-tħabbira ta’ l-anġlu, hija nisslet lis-Salvatur tad-dinja.

  

TALBA

 

 Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisha, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sidt glorjuża, li fil-għoli

fuq il-kwiekeb ġejt imtellgħa,

nagħtuk ġieħ, għax int, b’ħalibek

safi, sqejt lil dak li ħalqek.

 

B’Ibnek sewwejtilna l-ħsara

li d-dnub t’Eva ġibed fuqna;

bi tjubitek ftaħt mogħdija

biex l-imsejkna jidħlu s-sema.

 

Inti l-bieb tas-Sultan Għoli

bieb li minnu d-dawl feġġ fuqna;

ħa jifirħu l-ġnus mifdija,

għax bik, Verġni, sabu l-ħajja.

 

Agħmel int li nsebbħu f’kollox

lill-Missier, lil Kristu Ibnek,

u ‘l-Ispirtu, li bħal b’libsa

ta’ ġmiel kbir żejjnuk bil-grazzja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Hieni min jgħammar fit-tempju tiegħek, Mulej.

 

Salm 83 (84)

 

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, *

Mulej ta' l-eżerċti!

Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; *

ngħanni ferħan b'ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.

Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, *

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, *

Mulej ta' l-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!

 

Henjin dawk li jgħammru f'darek; *

huma jfaħħruk għal dejjem.

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, *

li għandhom għal qalbhom

 il-pellegrinaġġ għat-tempju.

 

Huma u għaddejja minn wied niexef, †

ibiddluh f'nixxiegħa ta' ilma; *

u x-xita bikrija tbiddlu f'għadajjar.

Jimxu minn belt għal belt, *

sa ma jidhru quddiem Alla f'Sijon.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, isma' talb tiegħi; *

agħti widen, Alla ta' Ġakobb.

Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna, *

ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek *

aħjar minn elf jum f'post ieħor;

aħjar noqgħod fuq l-għatba ta' dar Alla tiegħi *

milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.

 

Għax xemx u tarka l-Mulej Alla, *

ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.

Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej *

lil min jimxi bis-sewwa.

Mulej ta' l-eżerċti, *

hieni l-bniedem li jittama fik!

 Glorja.

 

Ant. 1: Hieni min jgħammar fit-tempju tiegħek, Mulej.

Ant. 2: Ejjew nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej.

 

Kantiku Iż 2:2-5

 

Għad jiġri fl-aħħar jiem †

li l-għolja tad-dar tal-Mulej *

togħla 'l fuq mill-qċaċet tal-muntanji;

hija tintrefa 'l fuq mill-għoljiet, *

u lejha għad jiġru l-ġnus kollha.

 

Kotra sħiħa ta’ popli *

għad jiġu u jgħidu:

"Ħa mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, *

lejn id-dar ta' Alla ta' Ġakobb,

biex jgħallimna t-triqat tiegħu, *

u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

Għax minn Sijon toħroġ il-liġi, *

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm."

 

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus, *

u jaqta' s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jbiddlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet, *

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor, *

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Ejja, dar ta’ Ġakobb, *

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

Glorja.

 

Ant. 2: Ejjew nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej.

Ant. 3: Għannu lill-Mulej, bierku ismu.

 

Salm 95 (96)

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida; *

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! *

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, *

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.

 Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

tal-biża' aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli; *

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!

Ġmiel u sebħ huma quddiemu, *

qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli, †

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu!

Ġibulu l-offerti, †

u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *

inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art! *

Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan!"

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek; *

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art, *

ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,

ħa jifraħ ir-raba' u kull ma fih, *

u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk

quddiem il-Mulej, għax ġej, *

għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, *

u mill-popli bis-sewwa tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Għannu lill-Mulej, bierku ismu.

 

LEZZJONI QASIRA ara Iż 61:10

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-gawhar tagħha.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għażilha l-Mulej, * U ħatarha fost kulħadd. Għażilha.

V/. Daħħalha tgħammar fid-dar tiegħu. * U ħatarha fost kulħadd. Glorja. Għażilha

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fit-talb tiegħi fittixt l-għerf bla ebda ħabi, u hu ta l-frott bħal dielja tal-bikri.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fit-talb tiegħi fittixt l-għerf bla ebda ħabi, u hu ta l-frott bħal dielja tal-bikri.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna għoġbu jitwieled minn Marija Verġni. Infaħħruh u nitolbuh:

Tidħol għalina quddiemek Ommok, Mulej.

Salvatur tad-dinja, bil-grazzja qawwija tal-fidwa tiegħek int ħarist minn qabel lil Ommok minn kull tebgħa ta’ dnub:

- żommna safja u mbiegħda mid-dnub.

Feddej tagħna, int għamilt lill-Verġni bla tebgħa Marija għamara tiegħek l-iżjed qaddisa u santwarju ta’ l-Ispirtu s-Santu:

- agħmilna tempju li fih jgħammar dejjem l-Ispirtu tiegħek.

Verb etern, int għallimt lil Ommok tagħżel għaliha s-sehem it-tajjeb;

- agħtina li nagħmlu bħalha, billi nfittxu l-ikel li jsaħħaħna għall-ħajja ta’ dejjem.

Sultan tas-slaten, int ridt li Ommok tkun imtellgħa ħdejk fis-sema bir-ruħ u l-ġisem:

- agħtina l-grazzja li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema.

Sid is-sema u l-art, int qegħedt lil Marija sultana fil-leminija tiegħek:

- agħmel li jkun jistħoqqilna nissieħbu magħha fil-glorja.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisha, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Jiena nfittex il-preċetti tiegħek, Mulej, għax bihom int tagħtini l-ħajja.

 

Salm 118 (119):89-96

 

XII (Lamed)

 

Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek; *

hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.

Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek; *

fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.

 

B'digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum; *

għax kollox hu għall-qadi tiegħek.

Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek, *

kont nintemm fin-niket tiegħi.

 

Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek, *

għax bihom int tagħtini l-ħajja.

Tiegħek jien; salvani int! *

Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

 

Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni; *

imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.

Jien rajt it-tmiem ta' kull ma jgħaddi; *

imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Jiena nfittex il-preċetti tiegħek, Mulej, għax bihom int tagħtini l-ħajja.

Ant.2 Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

 

Salm 70 (71)

 

I

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; *

agħtini widen u fittex eħlisni.

 Kun sur ta' kenn għalija; †

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, *

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin, *

minn id il-qarrieq u l-kiefer.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi; *

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek intlaqt sa minn twelidi, †

sa minn ġuf ommi inti ħadtni; *

inti dejjem it-tifħir tiegħi.

Ħafna huma dawk li stagħġbu bija, *

iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.

 

Mimli fommi b'tifħirek, *

u b'sebħek il-jum kollu.

Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; *

titlaqnix meta tħallini saħħti.

Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; *

dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.

"Alla nsieh!", huma jgħidu, *

"Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu."

 

O Alla, toqgħodx 'il bogħod minni; *

Alla tiegħi, fittex għinni.

Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; *

jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni.

 Glorja.

 

Ant.2 Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Ant.3 Mqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla.

 

II

 

Imma jien nibqa' dejjem nittama, *

u nkattar it-tifħir kollu tiegħek.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek, †

il-jum kollu l-għemejjel ta' l-għajnuna tiegħek, *

għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.

 

Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi, *

biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; *

u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.

Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, *

la tinsinix, o Alla;

sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, *

il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.

 

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, o Alla! †

Ħwejjeġ kbar int għamilt; *

min hu bħalek, o Alla!

Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni; †

iżda int terġa' tagħtini l-ħajja, *

minn qiegħ l-art terġa' ttellagħni.

Kattarli l-kobor tiegħi; *

erġa' agħtini l-faraġ tiegħek.

 

U jiena nfaħħrek bl-arpa †

għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi; *

ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta' Iżrael.

Jifirħu xufftejja jien u ngħannilek; *

tifraħ ruħi, li inti fdejtli.

U lsieni l-jum kollu jitħaddet

fuq il-ġustizzja tiegħek, *

 għax waqa' fl-għajb u l-mistħija

min iridli d-deni.

 Glorja.

 

Ant.3 Mqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 13:11

 

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni. Isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.

 

 V/. Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti.

 R/. U widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

 

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu biex bix-xogħol tagħhom jgħinnu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda hekk li ngħixu għalik fl-ispirtu ta’ wliedek u nħobbu lil kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 6:22

 

Issa li ħlistu mid-dnub u sirtu lsiera ta’ Alla, qegħdin taħsdu għalikom infuskom frott li jieħu għall-qdusija, u għandkom bħala tmiem il-ħajja ta’ dejjem.

 

 V/. Mulej, inti terġa’ tagħtina l-ħajja.

 R/. Biex jifraħ bik il-poplu tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, sid u għassies tal-ħsad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 1:21-22

 

Intom ukoll kontu ‘l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu minħabba l-ħażen ta’ ħsibijietkom u għemilkom; imma issa sirtu ħbieb tiegħu permezz tal-mewt tal-ġisem veru ta’ Ibnu, biex dan iressaqkom quddiemu qaddisa, safja u bla għajb.

 

 V/. Għannu lill-Mulej ħbieb tiegħu.

 R/. Faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

 

Talba

O Alla, inti qiegħed issejjħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju: isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex bih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sliem għalik, kewkba tal-baħar,

Omm qaddisa w kbira t’Alla,

dejjem Verġni bla mittiefsa,

bieb il-hena w ferħ tas-sema.

 

Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima

Gabrijel qed isemmagħlek,

ibdel fiha l-isem t’Eva,

ħalli jerġa s-sliem fid-dinja.

 

Qaċċat kull irbit lill-ħatja,

ġib id-dawl lill-għomja kollha,

biegħed minna l-ħażen tagħna,

niżżel fuqna l-ġid mis-sema.

 

Uri li tassew int Ommna,

wassal talbna quddiem Alla,

li fi ħnientu twieled minnek

biex isir għalina bniedem.

 

Verġni fost kulħadd magħżula,

ta’ qalb ħelwa fost il-ħlejjaq,

itlob ‘l Ibnek biex jagħtina

maħfra, safa w spirtu ħlejju.

 

Għinna ngħaddu ħajja mseddqa,

żommna sħaħ fit-triq iż-żgura,

sa ma niksbu l-ferħ tad-dehra

ta’ Ġesù għal dejjem miegħek.

 

Lill-Missier it-tifħir tagħna,

ġieħ u setgħa ‘l Kristu Sidna,

lill-Ispirtu s-Santu l-qima,

sebħ lit-Tlieta, Alla wieħed. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Għajnejna dejjem lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.

 

Salm 122 (123)

 

Lejk nerfa' għajnejja, *

int li tgħammar fis-smewwiet.

 

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *

sa ma jkollu ħniena minna.

 

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *

għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *

biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 Glorja.

 

Ant. 1: Għajnejna dejjem lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.

Ant. 2: L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej li għamel is-sema u l-art.

 

Salm 123 (124)

 

Li ma kienx il-Mulej magħna *

 - ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna, *

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna, *

 meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

 

L-ilma kien jgħarraqna, *

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi *

mewġ ta' l-ilma qawwi.

 

Imbierek il-Mulej, *

li ma telaqniex priża għal snienhom.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

 

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 Glorja.

 

Ant. 2: L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej li għamel is-sema u l-art.

Ant. 3: Alla ddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ibnu.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

skond ma għoġob lir-rieda tajba tiegħu, 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *

 li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda,

li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ibnu.

 

LEZZJONI QASIRA Ġal 4:4-5

 

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja: Il-Mulej miegħek. Sliem.

V/. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Il-Mulej miegħek. Glorja. Sliem.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Marija kienet tisma’ l-kelma ta’ Alla u tħarisha, u taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Marija kienet tisma’ l-kelma ta’ Alla u tħarisha, u taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.

 

PREĊI

 

Alla, il-Missier li jista’ kollox, ried li kull nisel ifaħħar lil Marija, Omm Ibnu. Insebbħuh u ngħolluh bit-tifħir, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Tidħol għalina quddiemek Marija, mimlija bil-grazzja.

O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja:

- ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ.

Int, li tajtna lil Marija bħala ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-imnikktin, aħfer lill-midinbin:

- agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem.

Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja:

- ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek.

Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda u ruħ waħda fl-imħabba:

- agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ sultana tas-sema:

- agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fl-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisha, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

 Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.