Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


IL-ĦMISTAX IL-ĦADD MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħadd tal-III ġimgħa

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Mulej, ħallieq ta’ kollox,

int tmexxi d-dinja w tqassam

il-ġmiel tad-dawl lill-ġranet

u s-serħ mixtieq lill-ljieli.

 

B’hekk aħna jkollna l-hedu

mill-ħidma li ttaqqalna

il-moħħ isib għajnuna,

u jittaffew id-dwejjaq.

 

Fi tmiem il-jum inroddu

ħajr lilek li wqaft magħna,

fi ftuħ il-lejl nitolbu

lil ħnientek maħfra w grazzja.

 

Mulej, mill-qiegħ ta’ qalbna

infaħħru t-tjieba tiegħek,

u b’nar ta’ mħabba safja

ninxteħtu fl-art quddiemek.

 

Jekk dawl il-jum jitkeffen

fi dlam il-lejl, int agħmel

li l-fidi tagħna tegħleb

id-dlam bil-ferħ ta’ dawlek.

 

Ismagħna, Missier twajjeb,

li m’Ibnek il-Waħdieni

u ma’ l-Ispirtu s-Santu,

issaltnu għala dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha jkun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

 u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ g!al dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha jkun imfaħħar isem il-Mulej!

Ant. 2: Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. †

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.

Ant. 3: Il-Mulej Ġesù ċekken lilu nnifsu, u għalhekk Alla għollieh fil-glorja għal dejjem.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox,

billi ħa n-natura ta’ lsir, †

sar jixbah lill-bniedem *

u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej Ġesù ċekken lilu nnifsu, u għalhekk Alla għollieh fil-glorja għal dejjem.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 13:20-21

 

 Alla tas-sliem, li bis-saħħa tad-demm tal-patt ta’ dejjem qajjem mill-imwiet lil Sidna Ġesù, li hu r-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, iwettaqkom f’kull ħaġa tajba biex tagħmlu r-rieda tiegħu; ħa jagħmel fina hu dak li jogħġob lilu, b’Ġesù Kristu, li lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kemm huma kbar, Mulej, * L-għemejjel tiegħek. Kemm.

V/. Kollha bl-għerf għamilthom. * L-għemejjel tiegħek. Glorja. Kemm.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Ġesù kellem il-folol bil-parabboli u qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’”.

 

Sena B

Ġesù sejjaħ it-Tnax u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena.

 

Sena Ċ

Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, u l-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Ġesù kellem il-folol bil-parabboli u qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’”.

 

Sena B

Ġesù sejjaħ it-Tnax u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena.

 

Sena Ċ

Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, u l-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.

 

PREĊI

 

Kristu ġietu ħasra mill-poplu bil-ġuħ, u għamel l-għeġubijiet ta’ mħabbtu għalihom għalihom. Bit-tifkira ta’ dan quddiem għajnejna, nitolbuh bil-qalb u ngħidulu:

 Mulej, uri l-imħabba tiegħek għalina.

Nistqarru b’radd ta’ ħajr, Mulej, li l-ġid kollu li llum irċevejna tajthulna int fit-tjieba tiegħek:

- agħmel li dan il-jerġax lura għandek b’xejn, imma jibqa’ f’qalbna qisu f’art tajba biex jagħmel il-frott.

Kristu, inti d-dawl u s-salvazzjoni tal-ġnus:

- ħares ix-xhieda tiegħek li bgħatt fid-dinja u żomm in-nar ta’ l-Ispirtu mixgħul fihom.

Agħmel li l-bnedmin kollha jħabirku biex id-dinja tilbes dejjem is-sura li tixraq lid-dinjità għolja tagħha:

- mexxihom int biex iwieġbu bil-ġenerożità għall-bżonnijiet urġenti ta’ żminijietna.

Int , it-tabib tar-ruħ u l-ġisem, qajjem lill-morda u ieqaf mal-moribondi:

- żur u ġedded lilna wkoll bit-tjieba tiegħek.

Ħenn għal ħutna l-mejtin li għandhom ismijiethom fil-ktieb tal-ħajja:

- agħtihom sehem mal-qaddisin fl-hena tas-sema.

 

Missierna

 

Talba

 O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull minn jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

- f’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Infaħħru lill-Mulej, ngħajjtu bil-ferħ lil Alla, is-Salvatur tagħna, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Dan huwa l-jum li fih ingħata bidu

lill-univers li jgħaxxaq bil-ġmiel tiegħu;

fih il-Ħallieq ħareġ rebbieħ fuq mewtu

u radd il-ħajja lilna.

 

Għalhekk inqumu ħfief mir-raqda tagħna

u ma nħallux in-nagħas jorbotna żżejjed;

fil-ħinijiet ħemdin tal-lejl nitolbu

aħjar lil Alla Sidna.

 

Fit-tjieba tiegħu jisma’ talbna, wliedu,

imidd il-leminija tiegħu fuqna,

u minn kull tebgħa ta’ ħtijiet jaħsilna

bid-demm tal-Ħaruf tiegħu.

 

Il-ħin tal-lejl hu ħin qaddis għalina;

‘il bogħod mill-ħamba ta’ binhar ninġabru

aktar fis-sliem, nistgħallu l-ferħ u l-hena

tad-doni sbieħ tas-sema.

 

Insebbħu t-Trinità ta’ Alla wieħed,

ġieħ lill-Missier, tifħir ‘l Ibnu l-Waħdieni,

ħajr lill-Ispirtu s-Santu, Faraġ tagħna,

illum, kuljum u dejjem. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Dan l-ewwel jum tal-ġimgħa kkonsagrajtu

bil-qawmien tiegħek mill-imwiet, o Kristu ,

il-kbir fost dawk li raqdu w qam għall-glorja

 tal-ħajja l-ġdida.

 

Qajjem illum, Mulej, lil ruħna mħeddla,

biex nagħmlu l-qalb u nibqgħu miexja miegħek;

hekk bik mit-tieni mewt ġisimna jeħles,

 xħin terġa’ tiġi.

 

U nemmnu li fil-glorja nsiru bħalek,

għax wiċċ imbwiċċ narawk kif int, o Alla;

niddawwlu bik, id-dawl tassew u l-hena

 li jimla kollox.

 

Ġesù, agħtina d-doni ta’ l-Ispirtu,

biex int toffrina xierqa lil Missierek;

u sseħħ tassew fit-Trinità Qaddisa

 is-saltna t’Alla. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kuljum irrid inbierkek, Mulej, hallelujah.

 

Salm 144 (145)

 

I

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kuljum irrid inbierkek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Saltnatek, Mulej, hi saltna għaż-żminijiet kollha, hallelujah.

 

II

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.2: Saltnatek, Mulej, hi saltna għaż-żminijiet kollha, hallelujah.

Ant.3: Twajjeb il-Mulej f’dak kollu li għamel, hallelujah.

 

III

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', *

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, *

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.

Int tiftaħ idek, *

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, *

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, *

jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, *

imma lill-ħżiena kollha jeqridhom.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi; †

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu *

għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 3: Twajjeb il-Mulej f’dak kollu li għamel, hallelujah.

  

V/. Ibni, agħti widen għal kliemi.

R/. Iftaħ widnejk għal dak li ngħid jien.

  

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten 2 Slat 16:29-17:16

 

Bidu tal-ġrajja tal-profeta Elija fi żmien Aħab,

Sultan ta’ Iżrael

 

 Aħab, bin Għomri, sar sultan ta' Iżrael fis-sena tmienja u tletin ta' Asa, sultan ta' Ġuda; u dan Aħab, bin Għomri, dam isaltan fuq Iżrael f'Samarija tnejn u għoxrin sena. Iżda l-għemil ħażin ta' Aħab, bin Għomri, lill-Mulej xejn ma għoġbu: għamel agħar minn dawk kollha li kien hemm qablu. 

Xejn ma kien iqisha ħaġa kbira li jagħmel huwa wkoll id-dnubiet li fihom kien waqa' Ġerobogħam, bin Nebat; iżżewweġ lil Ġeżabel, bint Etbagħal, sultan tal-poplu ta' Sidon, u wasal biex ta qima lil Bagħal u adurah. Lil dan għamillu wkoll artal fit-tempju li bnielu f'Samarija. Aħab waqqaf l-arblu ta' l-Axera, u żied jagħmel ħwejjeġ oħra ħżiena, hekk li l-Mulej, Alla ta' Iżrael, kien inkurlat għalih iżjed milli għas-slaten kollha ta' Iżrael li kien hemm qablu. Fi żmienu wkoll Ħijel, minn Betel, bena Ġeriko. Il-pedament tagħha swielu l-mewt ta' ibnu l-kbir Abiram u l-bwieb tagħha lil ibnu ż-żgħir Sugub, skond il-kelma tal-Mulej li qal permezz ta' Ġożwè, bin Nun.

 Elija, minn Tisbe ta' Galgħad, qal lil Aħab: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li jien qiegħed quddiemu, ma jkunx hemm din is-sena la nida u lanqas xita, jekk mhux meta nitkellem jien.” Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: “Itlaq minn hawn, iġbed lejn il-lvant, u mur inħeba fil-wied ta' Kerit, biswit il-Ġordan. Inti tixrob mill-wied, u jien ikkmandajt liċ-ċawl jitimgħek”. Elija telaq u għamel kif qallu l-Mulej, u qagħad ħdejn il-wied ta' Kerit, biswit il-Ġordan, u ċ-ċawl kienu jġibulu ħobż mas-sebħ u laħam fil-għaxija. U kien jixrob mill-wied. Wara ftit taż-żmien il-wied nixef, għax ma kinitx għamlet xita fil-pajjiż.

Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: “Qum u mur f'Sarefta f’Sidon u oqgħod hemm. Jien ikkmandajt lil waħda armla minn hemm biex titimgħek.” Qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn il-bieb tal-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejjħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok ġibli f'bieqja belgħa ilma x'nixrob!” Hi u sejra, Elija reġa’ sejjħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f'idejk!” Hija wieġbet: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f'ġarra u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu.” Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma l-ewwel agħmel ftira żgħira għalija u ġibhieli. Għax din hi l-kelma tal-Mulej: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.”

Dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien hi, hu u binha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta' Elija.

 

RESPONSORJU Ġak 5:17. 18; Sir 48:1. 3a

 

R/. Il-profeta Elija talab bil-ħerqa biex ma tagħmilx ix-xita, u x-xita ma għamlitx fuq l-art. * U talab, u s-sema radd ix-xita.

V/. Qam il-profeta Elija bħal nar, kelmtu kienet tħeġġeġ bħal forn; għall-kelma ta’ Alla huwa għalaq is-sema. * U talab, u s-sema radd ix-xita.

 

LEZZJONI II

 

Bidu tat-Trattat fuq il-misteri qaddisa ta’ l-isqof San Ambroġ

 

Tifsir taċ-ċerimonji ta’ qabel il-Magħmudija

 

Kull jum għallimniekom kif għandha tkun l-imġiba tagħkom, aħna u konna nkellmukom fuq il-ġrajjiet tal-patrijarki jew konna nfissrulkom it-twissijiet tal-Ktieb tal-Proverbji, biex, wara li tkunu tgħallimtu dan kollu, u ssaħħaħtu bih, tidraw timxu fit-triq li fiha mxew dawk li ġew qabilkom, ħa tmorru warajhom u tobdu l-kmandamenti tal-Mulej, la darba intom iġġeddidtu fil-Magħmudija u għażlu li tgħixu ħajja li tixraq lil min hu mgħammed.

Issa wasal il-waqt li nkellmukom fuq il-misteri qaddisa u nfissrulkom iċ-ċerimonji li fihom ħadtu sehem. Kieku dan għamilnieh qabel ma tgħammidtu, għemilna kien jitqies bħala tradiment u mhux bħala tagħlim, għaliex intom kontu għadkom ma bdejtux tgħixu l-ħajja nisranija. Id-dawl stess ta’ dawn il-misteri qaddisa, għal dawk li qatt ma semgħu xejn fuqhom sa issa, jiddi b’dija aqwa milli kien jiddi kieku sarilhom xi tifsir fuqhom minn qabel. Iftħu widnejkom u ilqgħu fikom il-fwieħa tal-ħajja ta’ dejjem li xterdet fuqkom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija. Dan aħna fissirnihilkom waqt ir-rit ta’ l-Effeta, u għednielkom: Effeta, jiġifieri infetaħ, biex dawk kollha li jkunu se jersqu ħa jirċievu l-grazzja jkunu jafu x’se jistaqsuhom u jiftakru x’għandhom iwieġbu. Dan għamel il-Mulej, kif naqraw fl-Evanġelju, meta fejjaq it-trux u l-mutu.

Wara dan infetaħ għalik il-bieb tal-post l-aktar qaddis u dħalt fis-santwarju fejn kont se titwieled mill-ġdid. Ftakar x’ġejt mistoqsi; ftakar x’weġibt. Ċħadt ix-xitan u l-għemil kollu tiegħu, ċħadt id-dinja u l-frugħat u l-ħajriet kollha tagħha. Kliemek issa huwa miżmum mhux f’qabar il-mejtin imma fi ktieb il-ħajjin.

Hemm rajt il-levita, hemm rajt il-qassis: toqgħodx tqis il-figura tagħhom, imma qis il-grazzja tal-ministeru li għandhom. Tkellimt quddiem l-anġli, kif inhu miktub: Għax xufftejn il-qassis għandhom iħarsu l-għerf, u n-nies minn fommu jfittxu t-tagħlim, għax hu l-messaġġier – l-anġlu – tal-Mulej ta’ l-eżerċti. Dan m’hux qerq; ma hawn xejn x’wieħed jiċħad: hu anġlu dak li jħabbar is-saltna ta’ Kristu, il-ħajja ta’ dejjem. M’għandekx tqis il-persuna, iżda l-ministeru. Qis x’tak; ara x’għamel; agħraf għalhekk id-dinjità tiegħu.

Int dħalt biex tiltaqa’ ma’ l-għadu ta’ ruħek u tiċħdu f’wiċċu, u għalhekk dort lejn tlugħ ix-xemx, għax min jiċħad lix-xitan idur lejn Kristu, ħa jarah wiċċ imbwiċċ.

 

RESPONSORJU

 

R/. Konna darba bla moħħ, konna nies li ma ridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq; konna ngħixu fil-ħażen u l-għira; konna nies ta’ min jobgħodna u għedewwa ta’ xulxin; * Iżda fl-imħabba tiegħu għalina Alla salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid ta’ l-Ispirtu s-Santu.

V/. Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta’ġisimna, konna minna nfusna wlied il-korla. * Iżda fl-imħabba tiegħu għalina Alla salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull minn jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Meta ħlaqt, Mulej id-dinja,

fridt il-lejl minn-nhar, jum wieħed,

u qassamt it-tul ta’ ħinhom,

għas-serħan u l-ħidma tagħna.

 

Għadda l-lejl, jum ieħor sebaħ,

b’dawl ix-xemx il-ħajja tifraħ,

u mill-qalb ta’ wliedek kollha

jitla’ l-innu ta’ foħritek.

 

Għax illum, Mulej, jum tiegħek,

jum ta’ glorja lil qdusitek,

jum li fih il-ġemgħa mqaddsa

b’heda w sliem tinġabar tqimek.

 

Int, ħanin, la tqisx il-ħażen

li għax dgħajfa lkoll għamilna;

iżda ħares biss lejn qalbna,

hekk bil-għatx għall-paċi tiegħek.

 

Kun id-dawl ta’ moħħna w ruħna,

kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek,

żommna sħaħ fl-Ispirtu tiegħek

biex inwettqu fina t-tama.

 

Kun il-faraġ ta’ dawk ħutna

li jixtiequ w le ma nistgħu

jaqsmu llum fil-ferħ mal-ġemgħa

li tinġabar hienja f’darek.

 

Lilek, o Missier, u miegħek

‘l Ibnek u ‘l Ispirtu s-Santu,

ġieħ jintradd, tifħir u glorja,

kif mill-bidu, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ta’ l-għaġeb il-Mulej fl-għoli, hallelujah.

 

Salm 92 (93)

 

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes, *

libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa.

Iżomm sħiħa d-dinja;

qatt ma titħarrek.

Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem; *

minn dejjem ta' dejjem int.

 

Jgħollu x-xmajjar, Mulej, †

jgħollu x-xmajjar leħinhom, *

jgħollu x-xmajjar il-ħsejjes tagħhom.

Aqwa mill-ħsejjes ta' l-ilma kotran, †

aqwa mill-imwieġ tal-baħar, *

qawwi l-Mulej fl-għoli.

 

Il-kmandamenti tiegħek ta' min joqgħod fuqhom; *

qdusija lil darek tixraq, Mulej,

 sakemm itul iż-żmien.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ta’ l-għaġeb il-Mulej fl-għoli, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, int ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Mulej, int ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem, hallelujah.

Ant. 3: Ħlejjaq kollha tas-smewwiet u l-art, faħħru l-Mulej, hallelujah.

 

Salm 148

 

Faħħru l-Mulej mis-smewwiet, *

faħħruh fl-ogħla smewwiet!

Faħħruh, anġli tiegħu kollha, *

faħħruh, eżerċti tiegħu kollha!

 

Faħħruh, intom xemx u qamar, *

faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu!

Faħħruh, smewwiet l-aktar għolja, *

u intom ilmijiet ta' fuq is-smewwiet!

 

Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej: *

għax hu kkmanda, u huma nħolqu;

hu waqqafhom għal dejjem ta' dejjem; *

tahom ordni li qatt ma tgħaddi.

 

Faħħru l-Mulej minn fuq l-art, *

mostri tal-baħar u abbissi kollha.

In-nar u s-silġ, il-borra u ċ-ċpar, *

l-irwiefen, li jisimgħu kelmtu,

il-muntanji u l-għoljiet kollha, *

is-siġar tal-frott u ċ-ċedri kollha,

il-bhejjem selvaġġi u l-annimali kollha, *

il-bhejjem li jitkaxkru u l-għasafar li jtiru,

is-slaten ta' l-art u l-ġnus kollha, *

il-kbarat u l-imħallfin kollha ta' l-art,

iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, *

ix-xjuħ flimkien mat-tfal:

ħa jfaħħru isem il-Mulej, †

għax ismu waħdu l-għoli, *

sebħu 'l fuq mill-art u s-sema!

 

Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;

dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha, *

għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħlejjaq kollha tas-smewwiet u l-art, faħħru l-Mulej, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Eżek 37:12b-14

 

Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael; mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi; u jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja; nagħtikom il-mistrieħ f’artkom, u tkunu tafu li jiena l-Mulej: hekk għedt, u hekk nagħmel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu, Bin Alla l-ħaj * Ħenn għalina. Kristu.

V/. Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier. * Ħenn għalina. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet: iżda lill-oħrajn bil-parabboli”, qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu.

 

Sena B

 Id-dixxipli ħarġu jxandru biex in-nies jindmu.

 

Sena Ċ

 Wieħed Samaritan, li kien għaddej, resaq lejn dak li kien waqa’ f’idejn il-ħallelin, rah u tħassru u dewwielu l-ġrieħi tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet: iżda lill-oħrajn bil-parabboli”, qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu.

 

Sena B

 Id-dixxipli ħarġu jxandru biex in-nies jindmu.

 

Sena Ċ

 Wieħed Samaritan, li kien għaddej, resaq lejn dak li kien waqa’ f’idejn il-ħallelin, rah u tħassru u dewwielu l-ġrieħi tiegħu.

 

PREĊI

 

Alla bagħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun id-dawl hieni tal-qlub kollha. Nitolbuh bil-ħerqa u ngħidulu:

Mulej, dawwal il-poplu tiegħek.

Mulej, inti tajtna jum ġdid, għall-glorja tiegħek:

- tkun imbierek, o Alla: inti d-dawl tagħna.

Int dawwalt id-dinja bil-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet:

- wassal dan id-dawl lill-bnedmin kollha permezz tal-Knisja tiegħek.

Int bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli ta’ Ibnek biex jimliehom bid-dawl tiegħek:

- sawwbu fuq il-Knisja tiegħek biex iwettaqha fil-fidi sa l-aħħar.

Dawl tal-ġnus, ftakar f’dawk li għadhom fid-dlamijiet:

- iftħilhom għajnejhom, biex jagħrfu lilek, Alla waħdek veru.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull minn jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi, u hu weġibni, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

 u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

Ant.1 Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi, u hu weġibni, hallelujah.

Ant.2 Il-leminija tal-Mulej għollietni, hallelujah.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi, †

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

 

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

iżda ma telaqnix għall-mewt.

Glorja.

 

Ant.2 Il-leminija tal-Mulej għollietni, hallelujah.

Ant.3 Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna, hallelujah.

 

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; *

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni, bil-friegħi f'idejkom, *

sa ħdejn l-artal.

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Ant.3 Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna, hallelujah.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:15-16

 

Intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża, imma rċevejtu l-Ispirtu ta’ adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajjtu: “Abba! Missier!” Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.

 

V/. Għandek, Mulej, hemm l-għajn tal-ħajja.

R/. Fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:22-23

 

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna.

 

V/. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

R/. Hu jifdi lil ħajtek mill-qabar.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Tim 1:9

 

Alla salvana u sejjħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna imma skond il-pjan tiegħu nnifsu, u skond il-grazzja mogħtija lilna fi Kristu Ġesù sa minn dejjem.

 

V/. Il-Mulej qegħedhom fiż-żgur, u ma beżgħux.

R/. U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu.

 

Talba

 

O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull minn jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Għeluq

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Alla tat-tjieba, meta int bdejt taħlaq

s-sema w l-art, qabel kull-tiżjin tagħhom,

ordnajt li jsir id-dawl b’kelmtek setgħana,

 u d-dawl sabiħ infirex.

 

Għażilt id-dawl mid-dlam, u d-dawl ta’ l-għaġeb

sejjaħtlu jum, u lejl id-dlam; hekk b’għerfek

dalam u sebaħ, l-ewwel jum fil-ġrajja

 li nbdiet għall-ħlejjaq tiegħek.

Biegħed, Mulej, minn ruħna d-dlam tal-ħtija,

tħalliha nieqsa qatt mid-don tal-ħajja;

keċċi minn moħħna l-ħsibijiet ta’ frugħa,

 u minn kull dnub eħlisna.

 

Naddfilna r-rieda mill-irbit tal-ħażen,

agħtina nfittxu dak li hut as-sema,

biex jistħoqqilna l-ħlas sabiħ ta’ dejjem,

 fis-sebħ li qatt ma jidlam.

 

Missier it-tjieba, isma t-talba tagħna,

int li ma’ Kristu Ibnek il-Waħdieni

u ma’ l-Ispirtu s-Santu, Faraġ tagħna,

 issaltnu għala dejjem. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej qiegħed lil Sidi fuq il-lemin tiegħu, hallelujah.

 

Salm 109 (110)1-5. 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

 sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej qiegħed lil Sidi fuq il-lemin tiegħu, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ħanin waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu, hallelujah.

 

Salm 110 (111)

 

Inrodd ħajr lill-Mulej b'qalbi kollha, *

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

 

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; *

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; *

twajjeb u ħanin il-Mulej.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża' minnu, *

jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

 

Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta' għemilu, *

meta qassam lilhom art il-ġnus.

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; *

ta' min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,

imwettqa għal dejjem ta' dejjem, *

magħmula bis-sewwa u bid-dritt.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, *

wettaq għal dejjem il-patt tiegħu.

 

Qaddis u tal-biża' hu ismu! *

Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej:

tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, *

għal dejjem jibqa' t-tifħir tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej ħanin waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu, hallelujah.

Ant. 3: Ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

 Huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

 Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

 Intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

 intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

 Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

 Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

 u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:3-5

 

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta' Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wirt li la jitħassar, la jittebba', u lanqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta' Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li hi lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Imbierek int, Mulej, * Fil-wisa’ kollu tas-sema.

V/. Ta’ min ifaħħrek u jsebbħek għal dejjem. * Fil-wisa’ kollu tas-sema. Glorja. Imbierek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

U ż-żerriegħa hija l-kelma ta’ Alla: min jiżragħha huwa Kristu: kulmin jisma’ lilu jibqa’ għal dejjem.

 

Sena B

Id-dixxipli keċċew bosta xjaten u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.

 

Sena Ċ

“Minn jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih”, wieġeb dak. “Mur u agħmel hekk int ukoll”.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

U ż-żerriegħa hija l-kelma ta’ Alla: min jiżragħha huwa Kristu: kulmin jisma’ lilu jibqa’ għal dejjem.

 

Sena B

Id-dixxipli keċċew bosta xjaten u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.

 

Sena Ċ

“Minn jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih”, wieġeb dak. “Mur u agħmel hekk int ukoll”.

 

PREĊI

 

Alla ħalaq id-dinja, fdieha u ġeddidha, u dejjem iqawwiha bi mħabbtu. Bi spirtu ta’ ferħ ngħidulu:

Mulej, gedded l-għeġubijiet ta’ mħabbtek.

O Alla, niżżuk ħajr, għax int turina l-qawwa tiegħek fil-ħolqien:

- inti tgħarrafna l-provvidenza tiegħek fil-ġrajjiet tad-dinja.

Ħares lejn Ibnek, li ġie jxandrilna s-sliem u kiseb ir-rebħa bis-salib:

- permezz tiegħu eħlisna mill-biża’ fieragħ u mill-qtigħ ta’ qalb.

Żomm fi ħsiebek lil dawk li jħobbu l-ġustizzja u jħabirku għaliha:

- agħmel li jaħdmu id f’id u bis-sinċerità biex jibnu d-dinja fis-sliem u l-paċi.

Ieqaf mal-maħqura, eħles l-ilsiera, farraġ lill-imnikkta, itma’ lil minhu bil-ġuħ wettaq lid-dgħajfa:

- uri f’kulħadd il-qawwa rebbieħa tas-salib.

Int qajjimt lil Ibnek għall-glorja wara l-mewt u d-difna tiegħu:

- agħmel li ħutna l-mejtin jaslu biex jgħixu miegħu.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull minn jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kull ma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.