Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAL-XIV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tat-I1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

O dawl ta’ dejjem, dija ta’ Missierek,

int Xemx li qatt ma tgħib għal min iħobbok;

inroddu lil tjubitek ħajr għax ħlistna

 mid-dlam tal-mewt u l-ħtija.

 

Fi sbiħek, Xemx ħanina, r-ruħ tistaħja,

għas-sejħa tiegħek tqum ħawtiela w tħabrek,

twarrab l-imgħoddi msejken tagħha w tħaffef

 fit-triq imdawwla b’dawlek.

 

Bik ksibna r-rebħa fuq il-mewt u s-saltna

tad-dlamijiet li għal żmien twil ħakmuna;

u bil-għajnuna tiegħek nibqgħu miexja

 f’ħelsien id-dawl ta’ dejjem.

 

Ġieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna:

it-tlieta Alla wieħed, għajn ħanina

 ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Alla, setgħa, mingħajr bidu,

Alla, għerf, minn Alla mnissel,

Alla, mħabba, li ġej minnhom,

fittex għinna w ieqaf magħna.

 

Int, ix-xewqa kollha tagħna,

kun il-hena u l-ferħ ta’ qalbna:

ħa tkun fuqna l-ħniena tiegħek,

kif fik hija t-tama tagħna.

 

O Missier u Sid il-ħlejjaq,

flimkien m’Ibnek, frott il-Verġni,

tina b’don l-Ispirtu s-Santu,

ħa jmexxina f’kull ma nagħmlu.

 

Trinità Qaddisa, ftakar

fl-opra kbira ta’ tjubitek:

int mix-xejn sawwart il-bniedem

u bid-demm għażiż salvajtu.

 

Alla wieħed tah il-ħajja,

Kristu ħabbu w tah il-fidwa;

ħa s-salib għalih għax ħabbu,

w issa jħobbu għaliex għażlu.

 

Lilek, Alla, tliet Persuni,

hena w qawwa, sliem u ħakma,

ġieħ u setgħa fl-art u s-sema,

ferħ, tifħir, imħabba w qima. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej waħdu jagħmel għeġubijiet kbar: għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Salm 135 (136)

 

I

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu waħdu jagħmel għeġubijiet kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Li firex l-art fuq l-ilmijiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Li għamel id-dawl il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Għamel ix-xemx biex taħkem fuq il-jum, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Il-qamar u l-kwiekeb biex jaħkmu fuq il-lejl *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej waħdu jagħmel għeġubijiet kbar: għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Hu ħareġ lil Iżrael minn ġo nofs l-Eġizzjani, b’id qawwija u bi driegħ mifrux.

 

II

 

Hu darab l-Eġizzjani f'uliedhom il-kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħariġhom b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U għadda lil Iżrael minn ġo nofsu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu

 fil-Baħar tal-Qasab, *

 għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 2: Hu ħareġ lil Iżrael minn ġo nofs l-Eġizzjani, b’id qawwija u bi driegħ mifrux.

Ant. 3: Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet; hu ħelisna mill-għedewwa tagħna.

 

III

 

Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U xejjen slaten qawwija, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered slaten kbar, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Qered lil Siħon, sultan ta' l-Amurrin, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U 'l Għog, sultan ta' Basan, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

B'wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Meta konna magħkusin ftakar fina, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

U ħelisna mill-għedewwa tagħna, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet; hu ħelisna mill-għedewwa tagħna.

 

V/. Triqtek, Mulej, għarrafni.

R/. Il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak Sir 47:14-31

 

Il-ġrajja tal-missirijiet: minn David sa Ġerobogħam

 

Wara David laħaq iben bil-għaqal

li minħabba fih saltan fuq art kbira.

Salamun saltan fi żmien ta’ paċi

u Alla serrħu ma’ kullimkien

biex jibni dar lil ismu

u jwaqqaf tempju li jibqa’ għal dejjem.

Kemm kont għaref f’żgħożitek!

Bħal xmara tfawwar tagħlimek;

l-art ksejtha bl-għerf tiegħek

u mlejtha bi proverbi u tixbihat.

Ismek wasal sa gżejjer fil-bogħod

u kont maħbub għas-sliem tiegħek.

Bl-għana u l-proverbi u l-parabboli

u t-tifsir tiegħek stagħġbu l-artijiet.

Kont imsemmi bl-isem ta’ ġieħ

li bih ukoll jissemma Iżrael.

Ġbart id-deheb bħal ħadid

u l-fidda bħaċ-ċomb.

Iżda inti meddejt ġenbejk għan-nisa

u tajthom is-setgħa fuq ġismek.

B’hekk inti tebbajt ġieħek

u niġġist nislek,

ġibt l-għadab fuq uliedek

u tnikktu minħabba l-bluha tiegħek,

għax infired il-poplu tiegħek

u minn Efrajm ħarġet saltna bla tjieba.

Iżda l-Mulej ma jinsa qatt it-tjieba tiegħu,

u ma jħalli jintemm ebda għemil ta’ jdejh;

ma jħallix bla wlied il-magħżul tiegħu

u ma jeqridx in-nisel tal-maħbub tiegħu.

Ħalla għalhekk fdal lil Ġakobb,

u lil David rimja minnu.

 Salamun strieħ ma’ missirijietu

u ħalla warajh iben bla għaqal,

kollu bluha u nieqes minn moħħu,

Robogħam, li b’għemilu xewwex lill-poplu.

 U Ġerobogħam, bin Nabat,

waqqa’ lil Iżrael fid-dnub

u qabbad lil Efrajm it-triq tal-ħtija,

biex ibegħedhom minn arthom.

Waqgħu f’kull xorta ta’ ħażen,

sakemm laħqet fuqhom il-qilla.

 

RESPONSORJU Eżek 37:21ċ. 22b. 23a. 24a; Ġw 10:16

 

R/. Se niġma’ ‘l ulied Iżrael, u ma jkunux iżjed żewġt iġnus u ma jitniġġsux aktar bl-allat foloz tagħhom. * Ikunu għalija l-poplu tiegħi, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd.

V/. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel: lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, biex ikun hemm merħla waħda. * Ikunu għalija l-poplu tiegħi, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof Santu Wistin fuq is-Salmi

 

Sidna Ġesù Kristu hu l-veru Salamun

 

Meta Salamun bena t-tempju tal-Mulej, dan it-tempju kellu jkun xbieha tal-Knisja li kellha tiġi, xbieha tal-ġisem tal-Mulej. Għalhekk fl-Evanġelju l-Mulej jgħid: Ħottu dan it-tempju u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu. Kif Salamun bena t-tempju ta’ Ġerusalemm, hekk Sidna Ġesù Kristu, il-veru Salamun, il-veru sultan tas-sliem, bena tempju veru għalih. Isem Salamun ifisser wieħed li jħobb is-sliem: issa jħobb is-sliem tassew dak li fuqu San Pawl jgħid: Hu s-sliem tagħna li minna t-tnejn għamel poplu wieħed. Kristu hu tassew is-sliem tagħna għaliex għaqqad flimkien fih innifsu ż-żewġ ħitan, ġejjin minn żewġ naħiet kontra xulxin, u b’hekk sar il-ġebla tax-xewka; għamel Knisja waħda minn żewġ popli, għaliex għaqqad flimkien lil dawk li emmnu minn fost il-poplu tal-Lhud, li għandhom iċ-ċirkonċiżjoni, u lil dawk li emmnu minn fost il-ġnus, li m’għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni: kien għalihom il-ġebla tax-xewka, u għalhekk hu tassew is-sliem tagħhom.

Salamun, bin David minn Batseba, is-sultan ta’ Iżrael, kien, bħala sultan tas-sliem, xbieha tal-veru Salamun meta bena t-tempju lill-Mulej. Biex wieħed ma jaħsibx li kien dan Salamun li bena dar lil Alla, l-Iskrittura ssemmilna Salamun ieħor, u għalhekk tibda s-salm b’dan il-kliem: Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Il-Mulej mela jibni d-dar, Sidna Ġesù Kristu jibni daru. Ħafna huma l-bennejja imma, jekk ma jkunx hu li jibni, għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Min huma l-bennejja? Huma dawk kollha li fil-Knisja ta’ Alla jħabbru l-Kelma tal-Mulej, il-ministri tal-misteri qaddisa ta’ Alla. Ilkoll b’xi mod niġru, ilkoll naħdmu, ilkoll nibnu; qabilna wkoll kien hemm min ġera, u ħadem, u bena; iżda jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Għalhekk, mela, l-Appostli, u l-aktar San Pawl, meta raw li xi wħud kienu ġġarfu, qalu: Tħarsu l-jiem, l-istaġuni u s-snin: qiegħed nibża’ li t-taħbit li tħabatt għalikom kien kollu għal xejn. L-Appostlu kien jaf li f’ruħu nbena mill-Mulej, u għalhekk sogħob bih jara lil xi wħud jaħdmu għal xejn. Aħna nitkellmu minn barra, il-Mulej jibni fir-ruħ. Aħna naraw kif tilqgħu kliemna; x’taħsbu, Alla biss jafu, għax hu biss jara ħsibijietkom. Hu jibni, hu jwissi, hu jhedded, hu jagħti l-fehma, hu jwassal għall-fidi, u aħna lkoll naħdmu bħala bennejja miegħu.

 

RESPONSORJU Ġw 2:19

 

R/. Inbena t-tempju u l-glorja tal-Mulej imliet il-btieħi tiegħu: feraħ is-sultan, u qal: * Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, f’kull ma qal lil David, missieri.

V/. Ħottu dan it-tempju u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu. * Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, f’kull ma qal lil David, missieri.

 

TALBA

 

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Reġa’ fuqna d-dawl, jum ieħor:

niżżu ħajr bil-ferħ lil Alla,

u nfaħħruh, għax għoġbu jtina

din il-grazzja b’Ibnu Sidna.

 

Permezz tiegħu l-kobor t’Alla

tana l-lejl u l-jum fid-dinja:

ħin ta’ dlam biex fih nistrieħu,

ħin ta’ dawl biex naħdmu bieżla.

 

Iżda għalih m’hemmx ħin u ieħor,

jaħdem dejjem, qatt m’hu wieqaf;

ebda dlam jew dell madwaru,

għaliex huwa d-dawl ta’ dejjem.

 

Jalla ngħaddu dil-ġurnata

f’ħidma wtieqa, nfittxu l-glorja

tal-Missier, ħa nogħġbu ‘l Kristu,

mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u billejl il-fedeltà tiegħek.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra. 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem; *

imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u bil-lejl il-fedeltà tiegħek.

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

 

Kantiku Dewt 32:1-12

 

Agħtu widen, smewwiet, ħa nitkellem, *

ħa tisma' l-art il-kliem ta’ fommi.

Ħa jinżel tagħlimi bħax-xita, *

u kliemi bħal qtar tan-nida, 

bħal irxiex fuq raba' jħaddar, *

bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.

 

Jien isem il-Mulej se nxandar; *

agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna. 

Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; *

u ġusti triqatu kollha. 

Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx; *

 Hu Alla ġust u sewwa.

 

Ġiebu ruħhom ħażin miegħu, † 

 m'humiex iżjed uliedu 

minħabba l-għajb tagħhom; *

 kollu qerq u tagħwiġ dan in-nisel.

Mela hekk lill-Mulej tafuhulu, *

ja poplu iblah u bla għaqal? 

M'hux hu missierek li nisslek, * 

li sawwrek u għamlek poplu?

 

Ftakar fil-jiem ta' dari, * 

qis is-snin, iż-żmien li gerbeb; 

staqsi lil missierek u jurik, *

lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek.

 

Meta Alla l-Għoli ta lill-ġnus artijiethom *

 u fired il-bnedmin minn xulxin,

qata’ l-limiti ta’ l-art lill-popli * 

skond l-għadd ta' wlied Alla.

Imma sehem il-Mulej hu l-poplu tiegħu, * 

Ġakobb il-wirt li messu.

 

F'art imwarrba mar isibu, *

f'deżert waħxi u bla nies. 

Hu qagħad madwaru u għallmu, * 

u ħarsu bħal ħbub għajnejh.

Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, *

u tisseqqer fuq il-frieħ tagħha, 

hekk huwa l-ġwienaħ firex, * 

ħadu u refgħu fuqhom. 

Il-Mulej waħdu kien il-mexxej tiegħu, *

ma kellux miegħu alla barrani.

 Glorja.

 

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

Kollox taħt riġlejk qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:14-16a

 

Bierku lil dawk li jippersegwitawkom: bierku, u la tisħtu ‘l ħadd. Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Ħossu għal xulxin l-istess; taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Jifirħu xufftejja, * Jien u ngħannilek. Jifirħu.

V. U lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek. * Jien u ngħannilek. Glorja. Jifirħu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

PREĊI

 

Kristu tana lilu nnifsu biex narawh u nħobbuh f’ħutna kollha, l-aktar f’dawk li huma batuti. Infaħħru t-tjieba u l-għerf tiegħu, u bil-ħrara kollha nitolbuh:

Mulej, agħtina l-imħabba perfetta.

Ilqa’ t-talb tagħna, aħna u nġeddu f’din l-għodwa t-tifkira tal-qawmien tiegħek għall-ħajja:

- nixtiequ li l-bnedmin kollha jieħdu mill-ġid tal-fidwa li tajtna.

Agħtina li llum inkunu xhieda tiegħek, Mulej:

- kun magħna biex permezz tiegħek noffru sagrifiċċju qaddis li jogħġob lill-Missier.

Agħmel li nagħrfu x-xbieha tiegħek fil-proxxmu kollu:

- u li f’kull wieħed u waħda minn ħutna naqdu lilek stess.

Kristu, inti d-dielja vera, u aħna l-friegħi:

- ħa nibqgħu fik, biex nagħmlu ħafna frott, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Missierna

 

Talba

 

Infaħħruk, Mulej, b’xufftejna, b’ruħna, bil-ħajja kollha tagħna; u ladarba l-eżistenza tagħna nafuha lilek, lilek ukoll noffru kull nifs li nieħdu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. 1 Il-Mulej jgħid: Is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 

Salm 118 (119):81-88

 

XI (Kof)

 

Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek; *

jien nittama fil-kelma tiegħek.

Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek; *

u jien nistaqsi: "Meta se tfarraġni?"

 

Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan; *

imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek? *

Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?

Ħaffru l-kburin ħofra għalija, *

dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.

Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha; *

għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.

 

Għal ftit ma qerdunix minn din l-art; *

imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.

Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja; *

u jiena nħares il-preċetti ta' fommok.

 

 Glorja.

 

Ant. 1 Il-Mulej jgħid: Is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Ant. 2 Mulej, int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.

 

Salm 60 (61)

 

Isma', o Alla, l-għajta tiegħi, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

Minn truf l-art lilek insejjaħ, *

meta nkun qalbi maqtugħa;

minn hemm inti mexxini *

lejn il-fortizza fuq l-għolja.

 

Għax int sirt kenn għalija, *

torri qawwi quddiem l-għadu.

M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem, *

nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!

Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, *

u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.

 

Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu; *

ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.

Isaltan quddiem Alla għal dejjem. *

Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.

 

Hekk infaħħar ismek għal dejjem, *

jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 2 Mulej, int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.

Ant. 3 Mill-biża ta’ l-għadu ħarisli ħajti, Mulej.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iħarrek rasu.

U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla,

 u għemilu jxandru, *

u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant. 3 Mill-biża ta’ l-għadu ħarisli ħajti, Mulej.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 8:5b-6

 

Bħalma bniedem jgħallem lil ibnu, hekk jgħallmek il-Mulej, Alla tiegħek. Mela ħares il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tiegħek, biex timxi fi triqatu u jkollok il-biża’ tiegħu.

 

 V/. Il-biża’ tal-Mulej sinċier, u jibqa’ għal dejjem.

 R/. Il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox.

 

TALBA

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Slat 2:2b-3

 

Qawwi qalbek u oħroġ ta’ raġel. Ħares il-liġi tal-Mulej Alla tiegħek: imxi fit-triqat tiegħu, u oqgħod għall-liġijiet, għat-twissijiet, għad-digrieti u għall-preċetti li għamel hu, biex f’kull ma tagħmel issib ir-riżq.

 

 V/. Mulej, mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

 R/. Għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

 

TALBA

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Qalet Marija: Xi tfisser din it-tislima? Inħossni mħawwda fija nnifsi: se nġib fid-dinja s-Sultan, u xbubiti tibqa’ bla mittiefsa.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 6:16

 

Ieqfu fit-triqat, u ħarsu; staqsu dwar il-mogħdijiet ta’ żmien ilu, liema hi t-triq it-tajba, u imxu fiha, ħalli ssibu l-mistrieħ tagħkom.

 

V/. Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem.

R/. Huma l-għaxqa ta’ qalbi.

 

TALBA

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.