Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGĦA

TAL-XIV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ġimgħa tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Twajjeb il-Mulej: bierku ismu!

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Il-leħen, li fil-għodu kmieni widdeb

lil Pietru ħati w qanqlu għall-indiema,

qiegħed isejjaħ lilna wkoll biex nersqu

quddiemek, Sid il-ħniena.

 

Fis-skiet tal-lejl inżilt, Mulej, mis-sema

ġejt fostna bniedem biex tkun dawl id-dinja,

b’mewtek irbaħt il-mewt, u s-sliem u l-ħajja

raddejt lil kull min jindem.

 

Feddej għażiż, bil-grazzja tiegħek agħmel

li ruħna teħles minn kull dlam ta’ ħażen,

ħa tgħix fid-dawl qaddis il-ħajja vera

ta’ wlied is-saltna mbierka.

 

Ġieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna:

it-tlieta Alla wieħed, għajn ħanina

ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Dawl tal-glorja ta’ Missierek,

Verb ta’ dejjem, ejja fostna,

għax mingħajr il-grazzja tiegħek

jaqgħu fuqna d-dlam u l-biża’.

 

Jekk nimtlew bl-Ispirtu tiegħek,

jiġi Alla jgħammar fina,

u jsaħħaħna bħal fortizza

kontra l-ħbit ta’ l-għadu tagħna.

 

Hekk il-ħajja w ħtiġijieha

ma jħarbtux is-sliem ta’ ruħna,

iżda ngħixu hienja w kwieti

fil-ħarsien tal-liġi tiegħek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, la twiddibnix fis-saħna tiegħek.

 

Salm 37 (38)

 

I

 

Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek, *

la twiddibnix fis-saħna tiegħek!

Għax il-vleġeġ daħlu fija, *

u idek tagħfas fuqi.

 

Xejn m'hu sħiħ f'ġismi minħabba l-għadab tiegħek; *

m'hemmx saħħa f'għadmi minħabba ħtijieti.

Għax dnubieti telgħu 'l fuq minn rasi, *

bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.

Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, la twiddibnix fis-saħna tiegħek.

Ant. 2: Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi.

 

II

 

Irejjħu u jdennu l-ġrieħi tiegħi, *

ħtija tal-bluha tiegħi.

Ninsab milwi u mifni għall-aħħar; *

il-jum kollu ngħaddih fid-dwejjaq.

 

Għax qabadni ħruq f'ġenbejja, *

u xejn sħiħ ma għandi f'ġismi.

Mifni nħossni u mfarrak għalkollox; *

ngħajjat minħabba t-tferfir ta' qalbi.

 

Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi; *

it-tnehid tiegħi m'hux moħbi minnek.

Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni, *

id-dawl ta' għajnejja wkoll naqasni.

Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu; *

qrabati jżommu 'l bogħod minni.

Xibka ħejjewli dawk li jonsbuli ħajti, †

iqassu fuqi dawk li jixtiquli d-deni, *

il-ħin kollu l-qerq inassu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi.

Ant. 3: Ħtijieti nistqarrhom; Sidi, la tħallinix, inti s-salvazzjoni tiegħi.

 

III

 

Imma jien bħal trux li ma jismax; *

bħal imbikkem li ma jiftaħx ħalqu.

Nagħmilha ta' wieħed li ma jismax, *

bħal wieħed li xejn ma għandu xi jgħid.

 

Għax fik, Mulej, jien nittama; *

int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.

Jien għedt: "Ma jifirħux minħabba fija, *

ma jiftaħrux fuqi jekk riġli jogħtor."

Għax jien wasalt biex naqa'; *

u tbatijieti dejjem quddiem għajnejja.

 

Ħtijieti jien nistqarrhom; *

nitħasseb fuq id-dnub tiegħi.

 

Tqawwew dawk li għal xejn b'xejn huma kontrija; *

żdiedu dawk li għal xejn jobogħduni;

dawk li jrodduli għall-ġid id-deni; *

dawk li jiqfuli għax nimxi sewwa.

 

La tħallinix, Mulej; *

Alla tiegħi, titbegħidx minni.

Fittex agħtini l-għajnuna, *

Sidi, is-salvazzjoni tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħtijieti nistqarrhom; Sidi, la tħallinix, inti s-salvazzjoni tiegħi.

 

V/. Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek.

R/. U l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.

  

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten 1 Slat 1:11-35; 2:10-12

 

David jagħżel lil Salamun bħala suċċessur tiegħu

 

F’dawk il-jiem: Natan kellem lil Batseba, omm Salamun, u qalilha: “Ma smajtx int li Adonija bin Ħaggit, sar sultan bla ma jaf xejn sidna David? Issa ejja ħa nagħtik parir u nsalva ħajtek u l-ħajja ta' ibnek Salamun. Mur u idħol għand is-sultan David u għidlu: 'M'hux int sidi s-sultan, li ħlift lill-qaddejja tiegħek u għedtilha: Iva, Salamun, ibnek, isaltan warajja, u hu joqgħod fuq it-tron tiegħi? Għaliex issa sar sultan Adonija?' Ara, kif tkun hemm titkellem mas-sultan, jien nidħol warajk, u nsaħħaħ kliemek.”

U Batseba marret għand is-sultan f'kamartu, u s-sultan kien xjieħ ħafna; u Absag is-Sunamija, kienet iddur bih. U Batseba tbaxxiet wiċċha fl-art u sellmet lis-sultan, u s-sultan qalilha: “X'minnek?” U hi weġbitu: “Ja sidi, inti kont ħlift b’isem il-Mulej, Alla tiegħek, lill-qaddejja tiegħek: 'Salamun, ibnek, isaltan warajja, u hu joqgħod fuq it-tron tiegħi.' U issa, ara, sar sultan Adonija, u s-sultan sidi ma jaf b'xejn. U offra sagrifiċċji ta' baqar u bhejjem u ħafna nagħaġ; u stieden lil ulied is-sultan kollha, lill-qassis Abjatar, u lil Ġowab, il-kmandant ta' l-eżerċtu, imma lil Salamun il-qaddej tiegħek ma stidnux. U issa, ja sultan sidi, għajnejn Iżrael huma kollha fuqek biex ikunu jafu min se joqgħod fuq it-tron wara sidi s-sultan. Għax inkella malli sidi s-sultan imur jistrieħ ma' missirijietu, jiena u ibni Salamun jgħodduna ta' nies ħżiena.”

U, ara, kif kienet għadha titkellem mas-sultan jidħol Natan, il-profeta. U taw l-aħbar lis-sultan, u qalulu: Ara, hawn Natan, il-profeta.” U dan daħal quddiem is-sultan u sellem lis-sultan b'wiċċu fl-art. U Natan qallu: “Ja sidi s-sultan, għedt inti: 'Adonija jsaltan warajja u joqgħod fuq it-tron tiegħi'? Għax illum niżel u offra b'sagrifiċċji baqar, bhejjem imsemmna u ħafna nagħaġ, stieden 'l ulied is-sultan kollha u l-kmandanti ta' l-eżerċtu, lil Abjatar, il-qassis, u bħalissa qegħdin jieklu u jixorbu miegħu, u jgħajjtu: 'Viva s-sultan Adonija.' Imma lili, il-qaddej tiegħek, lil Sadok, il-qassis, u lil Benjaħu, bin Ġeħojada, u lil Salamun, il-qaddej tiegħek, ma stedinniex. Jaqaw dan sar bl-ordni tas-sultan sidi bla ma għarraft lill-qaddejja tiegħek min se joqgħod fuq it-tron tiegħek warajk?”

Is-sultan David wieġeb u qal: Sejjħuli lil Batseba”, u daħlet quddiem is-sultan u qagħdet bilwieqfa quddiemu.U s-sultan ħalef u qal: Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li ħelisli 'l ħajti minn kull għawġ! Bħalma kont ħliftlek bil-Mulej, Alla ta' Iżrael, u għedtlek: 'Salamun ibnek, għad isaltan warajja, u joqgħod fuq it-tron tiegħi minn floki,' hekk nagħmel illum stess.” U Batseba tbaxxiet wiċċha fl-art u qiemet lis-sultan u qalet: Jalla jgħix sidi s-sultan David għal dejjem!”

 U s-sultan David qal: Sejjħuli lil Sadok, il-qassis, u lil Natan, il-profeta, u lil Benjahu, bin Ġeħojada”, u dawn daħlu quddiem is-sultan. U s-sultan qalilhom: Ħudu magħkom il-qaddejja ta' sidkom u rikkbu lil Salamun ibni fuq il-bagħla tiegħi, u niżżluh f'Giħon, u hemm ikkonsagrawh sultan fuq Iżrael. Sadok, il-qassis, u Natan, il-profeta, u intom doqqu t-tromba u għajjtu: 'Viva s-sultan Salamun!' Mbagħad titilgħu warajh, u hu jiġi, u joqgħod fuq it-tron u jsaltan minn floki, għax lilu jien ordnajt li jkun prinċep fuq Iżrael u fuq Ġuda.”

U David strieħ ma' missirijietu, u difnuh fil-belt ta' David. Iż-żmien li dam isaltan David kien ta' erbgħin sena: seba' snin saltan f'Ħebron, u tlieta u tletin sena f'Ġerusalemm. Mbagħad Salamun tela' fuq it-tron flok David missieru u s-saltna tiegħu ssaħħet sewwa.

 

RESPONSORJU Għan 3:11; Salm 71(72):1a. 2b

 

R/. Ejjew, bniet ta’ Sijon, u araw lis-sultan Salamun bil-kuruna li biha żejjnitu ommu * F’jum il-ferħ ta’ qalbu.

V/. O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, biex jiġġudika bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek * F’jum il-ferħ ta’ qalbu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ittra tal-Papa San Klement l-Ewwel lill-Korintin

 

Ħenjin aħna jekk inħarsu l-kmandamenti tal-Mulej

magħqudin flimkien fl-imħabba

 

Araw, għeżież, kemm hi kbira u ta’ l-għaġeb l-imħabba, tant li ħadd ma jista’ jfisser il-perfezzjoni kollha tagħha. Min jixraqlu li jkollu l-imħabba? M’hux dawk biss li Alla jidhirlu li jkun jixirqilhom? Nitolbu, mela, u nerġgħu nitolbu lil Alla biex, fil-ħniena tiegħu, jagħtina li ngħixu dejjem fl-imħabba mingħajr ebda ġibda speċjali lejn xi bniedem jew ieħor. Kull nisel, minn Adam sa llum, għadda u ntemm, iżda dawk li laħqu l-perfezzjoni fl-imħabba permezz tal-grazzja ta’ Alla għandhom post mal-qaddisin, u jkunu magħrufa meta tiġi s-saltna ta’ Kristu. Għaliex hemm miktub: Mur, idħol fil-kmamar tiegħek, inħeba sa ma tgħaddi l-korla, u niftakar fil-jiem it-tajba u nqajjimkom mill-oqbra tagħkom.

Henjin aħna, għeżież tiegħi, jekk inħarsu l-kmandamenti tal-Mulej, magħqudin flimkien fl-imħabba, għax għal din l-imħabba jinħafrulna dnubietna. Hemm miktub: Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-dnub tiegħu mistur! Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej, u ma għandu ebda qerq f’qalbu. Henjin mela jissejjħu dawk li ġew magħżulin minn Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu: lilu glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Nitolbu mela maħfra ta’ kull ma għamilna, ta’ ħtijietna kollha, imqarrqin minn xi qaddej ta’ l-għadu ta’ ruħna. Iżda dawk li kienu l-perċimes ta’ l-inkwiet u tal-firda għandhom jgħarblu sewwa x’inhi t-tama ta’ kulħadd. Dawk li jgħixu bil-biża u fl-imħabba, iridu jaraw ibatu mhux lil għajrhom imma lilhom infushom, irridu jġarrbu huma t-tmaqdir u mhux ix-xirka ta’ bejnietna, li bi ġmiel u ġustizzja li ma bħalhom, wiritna mingħand ta’ qabilna. Aħjar għal bniedem jistqarr dnubietu milli jwebbes qalbu.

Min hemm fostkom qalbu kbira, kollu ħniena u mimli mħabba? Ħa jgħid: “Jekk it-tilwim, l-inkwiet, il-firda seħħu minħabba fija, jiena se nwarrab, immur fejn triduni, u nagħmel dak li intom ukoll tgħiduli, sabiex il-merħla kollha tgħix fis-sliem taħt it-tmexxija tal-presbiteri tagħha, magħżulin skond il-liġi”. Min jagħmel dan, jikseb glorja li ma bħalha fi Kristu u jilqgħuh f’kull imkien; Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha. Dan jagħmlu u jibqgħu jagħmlu dawk li jgħixu l-ħajja tas-sema, ħajja li qatt ma se jisgħob bihom għaliha.

 

RESPONSORJU 1 Ġw 4:21; Mt 22:40

 

R/. Dan hu l-kmandament li tana Alla: * Li min iħobb ‘l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.

V/. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti. * Li min iħobb ‘l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.

 

TALBA

 

 O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, dawl tassew, bla bidu,

int li ħlaqt id-dawl, ismagħna:

dawwal bik il-jum li bdejna,

ħa ngħadduh għall-glorja tiegħek.

 

Bil-għajnuna tiegħek, għadda

dlam il-lejl minn fuq wiċċ artna;

iż-żerniq bi bjuda fietla

kesa d-djar u r-raba’ tagħna.

 

Diġà ntfew il-kwiekeb kollha,

qtar in-nida jleqq bil-ħmura;

taħt in-nar tax-xemx li tielgħa

qed jitliegħeb fwar il-ħajja.

 

Int il-jum tal-jiem, o Alla,

dawl u dija fik innifsek:

sebħ u ġmiel il-libsa tiegħek,

xemx saltnatek qatt ma tinżel.

 

Iddi fuqna, Dawl ta’ dejjem,

u ħeġġiġna b’nar imħabbtek,

biex naraw fil-glorja lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

Ant. 2: Fil-korla tiegħek, Mulej, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.

 

Kantiku Ħab 3:2-4. 13a. 15-19

 

Mulej, waslet f'widnejja l-fama tiegħek, *

mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.

Sa ftit snin oħra ġeddu, †

sa ftit snin oħra għarrfu! *

Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.

Alla ġej minn Teman, *

mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.

 

Sebħu jiksi s-smewwiet, *

foħritu tiksi l-art.

Dijietu qisha dawl, minn idu jleħħu r-raġġi: *

hemmhekk tinsab moħbija l-qawwa tiegħu.

 

Int ħriġt biex issalva l-poplu tiegħek, *

issalva l-midluk tiegħek.

Għaddejt biż-żwiemel tiegħek fuq il-baħar, *

fuq it-tqalligħ ta' l-ilmijiet kotrana.

 

Jien smajt, u ħassejt fija rogħda kbira, *

għal dan il-ħoss xufftejja bdew jirtogħdu;

ħassejt għadmi jitmermer, *

il-passi tiegħi bdew jitriegħdu taħti.

Noqgħod bil-kwiet nistenna jum l-għawġ *

li għad ifeġġ għall-ġens li qed jisħaqna.

 

U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina, *

u xejn ma jagħtu d-dwieli,

u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq, *

u r-raba' xejn ma jibqa' jrodd għall-ikel,

u l-merħla tgħib mill-mandra, *

u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom,

imma jien xorta nifraħ fil-Mulej, *

nithenna f'Alla, is-salvazzjoni tiegħi!

 

Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi; †

riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev, *

u jmexxi l-passi tiegħi u fuq l-għoljiet.

 Glorja.

 

Ant. 2: Fil-korla tiegħek, Mulej, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.

Ant. 3: Glorja lill-Mulej Alla f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa tiegħu.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Glorja lill-Mulej Alla f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:13-16

 

Issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ‘l bogħod, issa tqarribtu, bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Għax hu l-paċi tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna, il-mibegħda ta’ bejnietna, u ħassar fil-ġisem tiegħu l-liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha, biex mit-tnejn jaħlaq fih innifsu ħolqien wieħed, bniedem ġdid, billi jġib il-paċi u jerġa’ jħabbibna ma’ Alla, it-tnejn f’ġisem wieħed, permezz tas-salib, bil-qerda tal-mibegħda ta’ bejnietna fih innifsu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Insejjaħ lil Alla l-Għoli, * Alla, li jieħu ħsiebi. Insejjaħ.

V/. Jibgħat mis-sema jsalvani. * Alla, li jieħu ħsiebi. Glorja. Insejjaħ.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla tagħna ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

 

PREĊI

 

Kristu, li xerred demmu għalina, bl-Ispirtu s-Santu offra lilu nnifsu lill-Missier biex inaddaf il-kuxjenza tagħna mill-għemil mejjet. Nadurawh, u b’qalb sinċiera ngħidulu:

Ir-rieda tiegħek, Mulej, hi s-sliem tagħna.

Fi tjubitek, Mulej, tajtna ġurnata ġdida:

- agħtina wkoll il-grazzja li nibdew ħajja ġdida.

Int ħlaqt kollox, u qiegħed iżżomm kollox bil-provvidenza tiegħek:

- iftħilna għajnejna biex fil-ħlejjaq kollha nilmħu s-siġill etern tiegħek.

Int b’demmek wettaqt il-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem:

- żommna dejjem fidili ma’ dan il-patt billi nagħmlu f’kollox ir-rieda tiegħek.

Meta kont fuq is-salib ħriġt minn ġenbek demm u ilma:

- b’din il-għajn tas-salvazzjoni naddafna minn dnubietna u ferraħ il-belt ta’ Alla.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, li tista’ kollox, agħmel li għal dejjem mal-qaddisin tiegħek iseħħilna nagħtuk wisq aħjar minn issa t-tiħir li qegħdin noffrulek f’din il-għodwa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu S-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, skond il-wegħda tiegħek.

 

Salm 118 (119): 73-80

X (Jod)

 

Idejk għamluni u sawwruni; *

fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.

Jarani u jifraħ min għandu l-biża' tiegħek, *

għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.

 

Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek; *

u li skond is-sewwa għakkistni.

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, *

skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,

Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja; *

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.

Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni; *

imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.

 

Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek, *

dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.

Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek, *

biex ma jkollix għax nistħi.

 Glorja.

 

Ant.1 Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, skond il-wegħda tiegħek.

Ant.2 Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

  

Salm 58 (59):2-5. 10-11. 17-18

 

Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, *

ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, *

salvani min-nies qattiela.

 

Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti, †

nies qalila jinġemgħu kontrija; *

u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.

Għalkemm jien bla ħtija, *

huma jiġru u jlestu għalija.

 

Imma int, Mulej ta’ l-eżerċti, †

Alla ta’ Iżrael, qum, *

ejja u ara b’għajnejk.

Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna, *

għax int, Alla, fortizza tiegħi.

Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni; *

jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.

Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek; *

ngħanni ferħan fil-għodu lit-tjieba tiegħek;

għax int sirt fortizza għalija, *

kenn tiegħi f'jum id-dwejjaq.

Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni; †

għax inti, Alla, fortizza tiegħi, *

Alla tiegħi, mħabba tiegħi!

 Glorja.

 

Ant.2 Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Ant.3 Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek.

 

Salm 59 (60)

 

O Alla, inti warrabtna u kissirtna, *

għadabt għalina; erġa' dur lejna!

 

Int heżhiżt l-art u xaqqaqtha; *

sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.

Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek, *

sqejtna nbid li jsakkar.

 

Waqqaft stendard għal dawk li jibżgħu minnek, *

biex lejh jaħarbu u jitbiegħdu mill-ark,

biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *

għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!

 

Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: †

"Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, *

 nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.

Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse,

Efrajm hu l-elmu ta' rasi, *

u Ġuda x-xettru tiegħi.

Mowab lenbija fejn ninħasel, †

fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *

fuq Filistja nifraħ rebbieħ!"

 

Min se jwassalni fil-belt bis-swar? *

Min se jeħodni sa Edom?

M'hux int, o Alla, li warrabtna, *

u li m'għadikx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna?

 

Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *

għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem.

Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; *

hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.

 Glorja.

 

Ant.3 Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 1:31b

 

Kif bniedem jerfa’ lil ibnu, hekk refgħek il-Mulej, Alla tiegħek, matul it-triq kollha li minnha għaddejt.

 

 V/. Żommni skond il-wegħda tiegħek, Mulej, biex nibqa’ ħaj.

 R/. Tħallix bla temma t-tama tiegħi.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, madwar id-disgħa ta’ filgħodu ħaduk għall-mewt tas-salib biex hekk issalva d-dinja; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dejjem tagħtina l-maħfra tiegħek għal ħtijietna l-imgħoddija, u tħarisna bla heda għal li ġej. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Bar 4:28-29

 

Bħalma fittixtu li titbiegħdu minn Alla, hekk issa duru lejh u fittxuh b’ħeġġa għaxar darbiet aqwa. Għax dak li bagħat fuqkom dan l-hemm kollu, hekk għad isalvakom, għall-ferħ tagħkom bla tmiem.

 

 V/. Għand il-Mulej hemm it-tjieba.

 R/. U l-fidwa għandu bil-kotra.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, meta sallbuk, għalkemm bla ħtija, biex tifdina, minn nofsinhar ‘il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu; agħmel li dejjem jiddi fina dak id-dawl li bih jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 1:13-15

 

Il-mewt m’hix opra ta’ Alla, u Alla ma jiħux gost meta l-ħajjin imutu. Hu ħalaq kollox biex jibqa’, u l-kreaturi għamilhom qawwija u sħaħ: fihom m’hemmx il-velenu tal-qerda, u fuq l-art il-mewt ma kellhiex taħkem. Għax dak li hu tajjeb għandu jibqa’ għal dejjem.

 

V/. Il-Mulej ħelisli ‘l ħajti mill-mewt.

R/. Jien nimxi quddiemu fl-art tal-ħajjin.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int ħfirt lill-ħalliel it-tajjeb għax nidem, u, wara li miet fuq is-salib, daħħaltu fis-saltna tiegħek; aħna wkoll nistqarru li aħna midinbin, u b’fiduċja kbira nitolbuk biex wara l-mewt tagħna tilqagħna fl-hena tal-ġenna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Niżżuk ħajr, Mulej, li tajtna

jum ta’ xogħol fil-għalqa tiegħek:

frott il-ħidma noffruh lilek,

bħal qaddejja umli tiegħek.

 

Rodd, għalhekk, il-ħlas imwiegħed

lill-ħaddiema li qdewk sewwa,

biex ifaħħru ‘l min qabbadhom,

Sid ħanin u qalbu tajba.

 

Int li qiegħed issejjħilna,

għax ħlas kbir hemm jistenniena,

għinna nerfgħu l-piż li jmissna,

kun is-serħ wara t-tbatija.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, eħlisli ‘l ħajti mill-mewt, u ‘l riġlejja mit-tfixkil.

 

Salm 114 (116A)

 

Inħobb il-Mulej, *

għax sama' leħen it-tħannin tiegħi;

għaliex hu tani widen *

fil-jum li fih sejjaħtlu.

Il-ħbula tal-mewt dawwruni,

l-irbit ta' l-Imwiet ħakimni; *

fin-niket u l-hemm sibt ruħi.

Imma isem il-Mulej sejjaħt: *

"Mulej, nitolbok, salvani!"

 

Ħanin il-Mulej, u ġust; *

twajjeb hu Alla tagħna.

Iħares id-dgħajfa l-Mulej; *

jien kont magħkus, u hu ħelisni.

 

Erġa', ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek, *

għax il-Mulej għamillek il-ġid.

Għax mill-mewt ħelisli 'l ħajti, *

lil għajnejja mid-dmugħ u 'l riġlejja mit-tfixkil.

Jien nimxi quddiem il-Mulej *

f'art il-ħajjin.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Mulej, eħlisli ‘l ħajti mill-mewt, u ‘l riġlejja mit-tfixkil.

Ant. 2: L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.

 

Salm 120 (121)

 

Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet; *

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod *

dak li jħares lil Iżrael.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *

anqas il-qamar billejl.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *

minn issa u għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, * 

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 2:7-10a

 

Aħna ngħallmu l-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru, li Alla fassal mill-bidunett għas-sebħ tagħna, għerf li ebda wieħed mill-mexxejja ta’ din id-dinja ma għarfu; għax kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu l-Mulej tas-sebħ. Imma, bħalma hu miktub, aħna nħabbru dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, u li Alla lesta għal dawk li jħobbuh. Għax lilna Alla wrihulna permezz ta’ l-Ispirtu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu miet għal dnubietna, * Biex iressaqna lejn Alla. Kristu.

V/. Tawh il-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ. * Biex iressaqna lejn Alla. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ftakar, Mulej, fil-ħniena tiegħek, bħalma wegħedt lil missirijietna.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ftakar, Mulej, fil-ħniena tiegħek, bħalma wegħedt lil missirijietna.

 

PREĊI

 

Inbierku lil Kristu Sidna, li fit-tjieba u l-ħniena tiegħu jixxotta d-dmugħ ta’ min hu fin-niket. Nitolbuh bl-imħabba kollha u bl-umiltà ta’ qalbna:

Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.

Mulej Ġesù, inti l-faraġ ta’ l-imsejknin:

- agħti kas tal-biki tal-foqra tiegħek.

Alla ħanin, jasal quddiemek it-tnehid tal-moribondi:

- ibagħtilhom l-anġlu tiegħek biex jieqaf magħhom.

Agħmel li l-eżiljati u r-rifuġjati kollha jħossu l-provvidenza tiegħek:

- reġġagħhom lejn art twelidhom sa ma tilqagħhom fil-patrija tas-sema.

Agħti l-grazzja lill-midinbin imsejkna biex jintrebħu minn imħabbtek:

- erġa’ ħabbibhom miegħek u mal-Knisja tiegħek.

Uri tjubitek lil ħutna l-mejtin u salvahom:

- ħa jkollhom ix-xorti li jiksbu l-fidwa sħiħa.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, fl-iskandlu tas-salib inti wrejt b’mod ta’ l-għaġeb l-għerf tiegħek bla qjies; agħmel li nifhmu sewwa l-glorja tal-Feddej tagħna fil-passjoni tiegħu, biex qatt ma jonqosna l-kuraġġ li niftaħru bis-salib ta’ l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu S-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.