Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


IL-ĦADD WARA L-EPIFANIJA

 

IL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

 

FESTA

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mill-Missier, Iben waħdieni,

ġejt fid-dinja w sirt bin Xebba;

tnissil ġdid fil-fidi tajtna

bil-ħasil tal-magħmudija.

 

Mis-smewwiet inżilt, Verb t’Alla,

għammart fostna, bniedem bħalna;

bil-mewt tiegħek fdejt għemilek,

u bil-ħajja rġajt fawwartna.

 

Nitolbuk, Feddej tal-ħniena,

ejja fina bi tjubitek;

imla qlubna b’dawl il-grazzja,

li tagħmilna nixbhu lilek.

 

Ibqa’ magħna, Mulej Sidna,

keċċi d-dlam tal-lejl minn fuqna;

int naddafna minn kull ħtija,

żommna sħaħ bil-qawwa tiegħek.

 

Għarafniek illum, fid-dija

tal-Missier u ta’ l-Ispirtu:

Ġesù Kristu, int il-Ħajja,

int is-Sewwa; glorja lilek! Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.

 

Salm 134 (135)

 

I

 

Faħħru isem il-Mulej, *

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f'dar il-Mulej, *

fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.

 

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, *

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, *

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

 

Naf tassew li kbir il-Mulej; *

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu †

fis-smewwiet u fuq l-art, *

fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.

Hu jtella' s-sħab minn truf l-art, †

jibgħat il-beraq u x-xita, *

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

 

Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, *

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, *

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

Qered ‘il Sihon, sultan ta’ l-Amurrin, †

lil Għog, sultan ta’ Basan, *

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

 Glorja lill-Missier........

 

Ant. 1: Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.

Ant. 2: Jiena ngħammidkom bl-ilma; hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

 

II

 

Mulej, għal dejjem idum ismek! *

Mulej, minn żmien għal żmien il-fama tiegħek!

Għax il-Mulej jagħmel ħaqq mal-poplu tiegħu, *

juri ħniena mal-qaddejja tiegħu.

 

L-idoli tal-ġnus huma deheb u fidda, *

xogħol ta' id il-bniedem:

għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej; *

bierek, dar Aron, il-Mulej;

bierek, dar Levi, il-Mulej; *

bierku l-Mulej, intom li tibżgħu mill-Mulej.

 

Mbierek il-Mulej minn Sijon, *

u li joqgħod f'Ġerusalemm!

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Jiena ngħammidkom bl-ilma; hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

Ant. 3: Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tela’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu.

 

Kantiku ara 1Tim 3:16

 

R/. Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha.

 

Hu deher fostna bħala bniedem, *

kien iġġustifikat mill-Ispirtu.

R/. Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha.

Deher lill-anġli, *

ixxandar fost il-ġnus.

R/. Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha.

 

Emmnuh il-bnedmin fid-dinja, *

Ittieħed fil-glorja tas-sema.

R/. Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tela’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 10:37-38

 

 Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar il-magħmudija: kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Mulej Alla, * Isma’ l-għajat tal-poplu. Mulej.

V/. Iftħilhom l-għajn ta’ l-ilma tal-ħajja. * Isma’ l-għajat tal-poplu. Glorja. Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Salvatur ġie u tgħammed biex joħloq il-bniedem il-ġdid; permezz ta’ l-ilma reġa’ ressaq lejh in-natura tagħna, li kienet tħassret, u libbisna bl-ilbies tas-salvazzjoni ta’ dejjem.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Salvatur ġie u tgħammed biex joħloq il-bniedem il-ġdid; permezz ta’ l-ilma reġa’ ressaq lejh in-natura tagħna, li kienet tħassret, u libbisna bl-ilbies tas-salvazzjoni ta’ dejjem.

 

PREĊI

 

Il-Feddej tagħna għoġbu jitgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. Nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, sawwab fuqna l-Ispirtu tiegħek.

Kristu, inti l-Qaddej ta’ Alla li għoġobt lill-Missier u fik sab l-għaxqa tiegħu:

- agħmel, Mulej, li nkunu mimlijin bl-Ispirtu tiegħek.

Kristu, inti l-Maħtur ta’ Alla li ma ksirtx il-qasba mġelġla u anqas ma tfejt il-musbieħ inemnem:

- ħenn għal kull min ifittxek tassew.

Kristu, inti Bin Alla l-Missier, li sejjaħlek u għamlek dawl għall-ġnus fil-patt il-ġdid:

- iftaħ għajnejn l-għomja bl-ilma tal-magħmudija.

Kristu, inti s-Salvatur tal-bnedmin li l-Missier ikkonsagrak bl-Ispirtu s-Santu u għamlek ministru tas-salvazzjoni:

- ressaq lejk lil kulħadd biex jarawk u jemmnu fik ħa jkollhom il-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, inti t-tama tagħna, u tmexxi lejn id-dawl tas-salvazzjoni lil min qiegħed fid-dlamijiet:

- ilqa’ lil ħutna l-mejtin fis-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied adottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sa l-aħħar kif jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Kristu, dija w jum imsebbaħ,

bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:

int tassew tad-dawl id-dija,

int xandȃr tad-dawl għall-hienja.

 

Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,

f’dan il-lejl li ġej ħarisna;

ikun fik il-mistrieħ tagħna,

‘tina ftit sigħat ta’ heda.

 

Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,

qalbna tibqa’ tishar miegħek;

midd, Mulej, il-leminija

bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.

 

Ejja, Salvatur setgħani,

qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,

wennes lill-qaddejja tiegħek,

li biex fdejthom xerridt demmek.

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

- f’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu hu l-Iben għażiż, li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġwanni kien fi tmiem il-ħidma;

resaq lejh min ħalaq kollox,

niżel fil-Ġordan jitgħammed,

u bl-Ispirtu qaddes l-ilma.

 

Xejn ma kellu m’niex jitnaddaf

hu, li twieled minn Omm Verġni;

iżda ried bil-ħasil tiegħu

jeħles lilna minn dnubietna.

 

Kif mis-sema, bħal ħamiema,

deher l-Ispirtu s-Santu fuqu,

il-Missier semmgħalna leħnu,

qal: “Dan Ibni, l-għaxqa tiegħi!”

 

B’din is-sejħa misterjuża

feġġ quddiemna s-sies tal-Knisja:

it-twemmin fit-Tliet Persuni

f’Alla wieħed li jsalvana.

 

Għarafniek illum, fid-dija

tal-Missier u ta’ l-Ispirtu:

Ġesù Kristu, int il-Ħajja,

int is-Sewwa; glorja lilek! Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Leħen il-Mulej fuq l-ibħra: Alla tal-glorja jriegħed.

 

Salm 28 (29)

 

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla, *

agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.

Agħtu lill-Mulej il-glorja ta' ismu, *

qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra; *

il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.

Leħen il-Mulej bil-qawwa, *

leħen il-Mulej bil-glorja.

Leħen il-Mulej ikisser iċ-ċedri; *

ikisser il-Mulej iċ-ċedri tal-Libanu.

Iġiegħel il-Libanu jaqbeż bħal għoġol, *

is-Sirjon bħal ferħ ta' gendus selvaġġ.

 

Leħen il-Mulej itajjar ilsna tan-nar.

Leħen il-Mulej jheżheż id-deżert; *

jheżheż il-Mulej id-deżert ta' Kades.

Leħen il-Mulej jobrom il-ballut, *

u jżarma l-foresti;

 Alla tal-glorja jriegħed; *

u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: Glorja!

 

Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar; *

isaltan il-Mulej għal dejjem.

Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu; *

ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 1: Leħen il-Mulej fuq l-ibħra: Alla tal-glorja jriegħed.

Ant. 2: Mulej, l-art kollha tagħtik qima bil-ferħ; inti ġejt fostna biex tkun id-dawl ġdid taż-żminijiet kollha.

 

Salm 65 (66)

 

I

 

Għajjtu bil-ferħ lil Alla, *

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta' ismu, *

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

Għidu lil Alla: *

”Kemm int tal-biża' għemilek!

Għall-kobor tal-qawwa tiegħek, *

jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.

L-art kollha tagħtik qima, *

tgħannilek u tgħanni lil ismek."

 

Ejjew, araw l-għemejjel ta' Alla; *

tal-biża' f'għemilu fost il-bnedmin.

Biddel il-baħar f'art niexfa, †

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara. *

Għalhekk, nifirħu bih!

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem; †

b'għajnejh fuq il-ġnus jgħasses; *

ma jerfgħux rashom in-nies xewwiexa.

 

Bierku, popli, lil Alla tagħna, *

semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.

Hu li jżommna fost il-ħajjin, *

u ma jħallix riġlejna jogħtru.

 

Għax int, o Alla, ġarrabtna, *

għaddejtna mill-prova bħall-fidda.

Ħallejtna naqgħu fix-xibka, *

issikkajtilna bi ħżiem ġenbejna.

Ħallejt in-nies jirkbu fuq rasna, †

għaddejtna min-nar u mill-ilma; *

iżda mbagħad ħriġtna fil-wisa'.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, l-art kollha tagħtik qima bil-ferħ; inti ġejt fostna biex tkun id-dawl ġdid taż-żminijiet kollha.

Ant. 3: Imbierek Alla, li qegħedni fost il-ħajjin u ħariġni fil-wisa’.

 

II

 

Nidħol f'darek bil-vittmi maħruqa, *

intemm il-wegħdiet li għamiltlek;

il-wegħdiet li tennew xufftejja, *

u fommi wiegħed fil-hemm tiegħi.

Sagrifiċċji ta' bhejjem imsemmna, †

duħħan ifuħ ta' ħrief maħruqa, *

mogħoż u gniedes inħejjilek.

 

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom, †

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla, *

ngħidilkom x'għamel miegħi:

Lilu sejjaħ fommi, *

tifħiru kien fuq ilsieni.

Kieku żammejt il-ħażen f'qalbi, *

ma kienx jismagħni Alla Sidi.

Iżda Alla tassew semagħni, *

ta widen għat-talba tiegħi.

 

Imbierek Alla, †

li ma warrabx it-talba tiegħi; *

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 3: Imbierek Alla, li qegħedni fost il-ħajjin u ħariġni fil-wisa’.

 

V/. Dan hu Ibni l-għażiż.

R/. Isimgħu lilu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 42:1-9; 49:1-9

 

Il-Qaddej twajjeb tal-Mulej, dawl tal-ġnus

Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qegħidt ir-ruħ tiegħi fuqu,

biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;

ma jsemmax leħnu fil-pjazez,

qasba mġelġla ma jiksirhiex,

musbieħ inemnem ma jitfihx.

Iġib il-ġustizzja lill-ġnus, 

ma jegħjiex, ma jitfarrakx,

sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art,

għax il-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

Dan jgħid Alla, il-Mulej,

li ħalaq u firex is-smewwiet,

u l-medda ta' l-art bil-frott u l-ħdura tagħha,

li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,

u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:

"Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,

qbadtek minn idek

sawwartek u għamilt minnek patt tal-poplu,

dawl għall-ġnus,

biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,

toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,

u lil dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq.

 Jiena l-Mulej, dan ismi,

u ma nċedix il-glorja tiegħi lil ħaddieħor,

anqas it-tifħir tiegħi lill-idoli.

Il-ġrajjiet li kienu qabel, ara, seħħu ;

u jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda,

u nsemmagħhomlkom qabel jinbtu."

 Isimgħuni, gżejjer; agħtuni widen, popli mbiegħda!

Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli,

minn ħdan ommi ftakar f'ismi.

Għamilli fommi xabla msinna,

taħt id-dell ta' idu ħbieni.

Għamel minni vleġġa maħtura,

fil-barżakka tiegħu ħbieni.

U qalli: "Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,

bik jiena nkun imfaħħar."

U jien għedt: "Għalxejn inkeddejt,

u fix-xejn ħlejt saħħti."

Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej,

u l-ħlas tiegħi mingħand Alla tiegħi.

U issa tkellem il-Mulej,

li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu,

biex għandu nreġġa' lura lil Ġakobb

u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,

għax jien kont imfaħħar f'għajnejn il-Mulej,

u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.

Hu qalli: "Tkun ħaġa żgħira wisq għalik

li inti tkun il-qaddej tiegħi

biex tqajjem biss it-tribù ta' Ġakobb

u treġġa' lura l-fdal ta' Iżrael.

Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,

biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex."

Dan jgħid il-Mulej,

 il-feddej ta' Iżrael, il-Qaddis tiegħu,

dan jgħid lil dak li hu mżeblaħ f’ħajtu,

lil dak li hu mistkerrah mill-ġnus,

lill-ilsir tal-ħakkiema:

"Is-slaten jaraw u jqumu,

il-prinċpijiet jinżlu jagħtu qima,

minħabba l-Mulej, għax hu fidil,

minħabba l-Qaddis ta' Iżrael, li ħatrek."

 Dan jgħid il-Mulej:

"Fiż-żmien li għoġobni jiena smajtek,

u f'jum is-salvazzjoni jiena għentek.

Jien ħaristek u għamiltek patt mal-poplu,

biex nerġa' nqajjem l-art

u nqassam il-wirt li kien tħarbat;

biex ngħid lill-imjassrin: 'Oħorġu,'

u lil dawk li huma fid-dlam, 'Ejjew għad-dawl!"

Huma jirgħu matul it-triq,

u fuq kull għolja għerja jsibu l-mergħa tagħhom.”

 

RESPONSORJU Mt 3:16. 17; Lq 3:22

 

R/. Illum, wara li l-Mulej tgħammed fil-Ġordan, is-smewwiet infetħu, u hu ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel fuqu qisu ħamiema u jieqaf fuqu; u mis-smewwiet instema’ leħen il-Missier jgħid: * Dan hu Ibni l-għażiż; fih sibt l-għaxqa tiegħi.

V/. L-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, f’sura li tidher bħal ħamiema, u ġie leħen mis-sema: * Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt l-għaxqa tiegħi.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-Isqof San Girgor Nazjanzenu

 

Il-magħmudija ta’ Kristu

 

Kristu jimtela bid-dawl; niddawwlu miegħu aħna wkoll. Kristu jitgħammed; ninżlu miegħu fl-ilma, biex miegħu wkoll nitilgħu minnu.

Ġwanni jgħammed, Ġesù jersaq lejh; forsi wkoll biex iqaddes lil min se jgħammdu; imma żgur biex jidfen għalkollox lil Adam il-qadim. U quddiemna u minħabba fina huwa qaddes l-ilma tal-Ġordan, biex bħalma hu nnifsu kien ruħ u ġisem, hekk ukoll il-ħidma tiegħu jibdieha bl-Ispirtu u l-ilma.

Ġwanni għall-ewwel ma riedx, imma Kristu żamm sħiħ. Mbagħad: Jiena hu li jeħtieġli nitgħammed minnek, qal il-musbieħ lix-Xemx, il-leħen lill-Kelma, il-ħabib lill-Għarus, l-aqwa wieħed fost kemm twieldu minn-nisa lill-Kbir fost il-ħlejjaq kollha, dak li qabeż bil-ferħ f’ġuf ommu lil Dak li tqiem fil-ġuf, dak li mexa quddiem u kien għad irid jimxi quddiem, lil Dak li deher u għad irid jidher. Jien hu li jeħtieġli nitgħammed minnek: żid ukoll, u nitgħammed għalik. Għax għandu mnejn Ġwanni seta’ jobsor li kien għad irid jieħu l-magħmudija tad-demm fil-martirju tiegħu; jew ħaseb, bħal Pietru, li ma kienx biżżejjed jaħsel riġlejh biss.

U Ġesù tela’ mill-ilma; flimkien miegħu, huwa tella’ d-dinja ‘l fuq, lejn is-smewwiet. Mbagħad Adam, għalih innifsu u għal nislu, ra s-smewwiet jiċċarrtu u jinfetħu, hu, li kien għalaq il-ġenna bis-sejf tan-nar.

L-Ispirtu s-Santu niżel fuq dak li kien daqsu f’kollox, u xehed li dan kien Alla. U nstema’ leħen mis-sema, għax mis-sema kien dak li għalih ingħatat ix-xhieda. L-Ispirtu deher f’sura ta’ ħamiema fil-ġisem, għax il-ġisem ukoll jistħoqqlu l-ġieħ, ladarba hu Alla bis-saħħa ta’ l-għaqda tiegħu ma’ Alla. Ħafna mijiet ta’ snin qabel kienet ukoll il-ħamiema li ħabbret tmiem id-dilluvju.

Aħna llum qegħdin nagħtu ġieħ lill-magħmudija ta’ Kristu u niċċelebrawha b’festa kif jixraq.

Imma jeħtiġilna tkunu safja u tissaffew dejjem iżjed. Għax lil Alla xejn ma jogħġbu aktar milli li l-bniedem jindem u jsalva; dejjem dan hu l-ħsieb ta’ Alla fil-messaġġi u l-misteri tiegħu kollha. Kunu mela bħal dawl fid-dinja, kunu l-qawwa li tagħti l-ħajja lill-bnedmin l-oħra, biex, bħal dwal li taqdu lid-dawl il-kbir, timtlew bid-dija tiegħu tas-sema, u tisbieħu bid-dawl aktar safi u qawwi tat-tliet Persuni f’Alla wieħed, li għalissa xeħet fuqkom daqsxejn ta’ raġġ biss mid-dija ħierġa minnu, bi Kristu Ġesù Sidna, li lilu l-glorja u setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

RESPONSORJU

 

R/. Illum is-smewwiet infetħu u l-baħar stagħna bil-ħlewwa, l-art imtliet bl-hena, il-muntanji u l-għoljiet bil-ferħ: * Għax Ġwanni għammed lil Kristu fil-Ġordan.

V/. Xi ġralek, baħar, biex taħrab? Xi ġralek, Ġordan, biex terġa’ lura? * Għax Ġwanni għammed lil Kristu fil-Ġordan.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied adottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sa l-aħħar kif jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jinsġu llum flimkien l-insara

għanja ta’ tifħir u glorja

lil Ġesù, li deher quddiemna

feddej twajjeb tal-ġnus kollha.

 

Kellu dwar it-tletin sena

bħala bniedem, meta Kristu

mar għand Ġwanni biex jitgħammed,

għalkemm safi minn kull ħtija.

 

Il-Battista mqaddes feraħ;

b’id imriegħda, niżżel fl-ilma

lill-Ħaruf li, bid-demm tiegħu,

kien se jneħħi d-dnub tad-dinja.

 

Leħen il-Missier mill-għoli

xehed għal Ibnu, li bih tgħaxxaq;

u l-Ispirtu mlieh bil-qawwa

għall-missjoni mbierka tiegħu.

 

Nitolbuk bil-ħeġġa, Kristu,

biex tħarisna w tieqaf magħna;

ġedded fina ruħ nadifa,

ħa noffrulek ħajja safja.

 

Għarafniek illum, fid-dija

tal-Missier u ta’ l-Ispirtu:

Ġesù Kristu, int il-Ħajja,

int is-Sewwa; glorja lilek! Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Is-suldat jgħammed lis-Sultan, l-ilsir lis-Sid, Ġwanni lis-Salvatur; l-ilma tal-Ġordan stagħġeb, il-ħamiema xehdet, u leħen il-Missier instema’: Dan hu Ibni.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Is-suldat jgħammed lis-Sultan, l-ilsir lis-Sid, Ġwanni lis-Salvatur; l-ilma tal-Ġordan stagħġeb, il-ħamiema xehdet, u leħen il-Missier instema’: Dan hu Ibni.

Ant. 2: Kristu wera l-glorja tiegħu lid-dinja u qaddes l-għejun ta’ l-ilma. Imlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni; għax Kristu, Alla tagħna, qaddes il-ħolqien.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2: Kristu wera l-glorja tiegħu lid-dinja u qaddes l-għejun ta’ l-ilma. Imlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni; għax Kristu, Alla tagħna, qaddes il-ħolqien.

Ant. 3: Glorja lilek, o Alla, Feddej tagħna: int bl-Ispirtu u n-nar naddaft lill-bniedem mit-tinġis.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Glorja lilek, o Alla, Feddej tagħna: int bl-Ispirtu u n-nar naddaft lill-bniedem mit-tinġis.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 61:1-2a

 

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs, biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu, Bin Alla l-ħaj, * Ħenn għalina. Kristu.

V/. Int li dhert illum. * Ħenn għalina. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Kristu tgħammed u qaddes lid-dinja kollha; huwa tana l-maħfra ta’ dnubietna billi naddafna lkoll bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Kristu tgħammed u qaddes lid-dinja kollha; huwa tana l-maħfra ta’ dnubietna billi naddafna lkoll bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu.

 

PREĊI

 

Il-Feddej tagħna għoġbu jitgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. Nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, ħniena.

Kristu, inti wrejtna lilek innifsek u mlejtna bid-dawl tiegħek:

- wassal dan id-dawl fuq kull min illum se jsib għajnuna bil-ħidma tagħna.

Int umiljajt ruħek u tgħammidt minn qaddej tiegħek, biex tgħallimna t-triq ta’ l-umiltà:

- sawwab fuqna dan l-ispirtu biex inkunu qaddejja umli ta’ ħutna l-bnedmin.

Int naddaftna bil-magħmudija tiegħek u għamiltna wlied il-Missier:

- agħti l-ispirtu ta’ l-ulied adottivi lil dawk kollha li jfittxuk.

Int qaddist il-ħlejjaq tiegħek bil-magħmudija, u ftaħt il-bieb lill-bnedmin biex iduru lejk u jitgħammdu:

- agħmilna ministri ta’ l-Evanġelju tiegħek fid-dinja.

Int għarraftna l-misteru tat-Trinità Qaddisa fil-magmudija tiegħek:

- ġedded l-ispirtu ta’ l-ulied adottivi fl-imgħammdin kollha li int għamilthom saltna u qassisin.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied adottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sa l-aħħar kif jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

B’qima kbira w tjieba sħiħa,

miġburin f’dis-siegħa mbierka,

nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,

ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.

 

Biex jagħtina d-don li nkunu

tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,

li bħalissa ntbagħat u tqassam

fuq l-appostli skond il-wegħda.

 

Bit-tqassim tad-doni tiegħu,

żejjen kollox bis-sbuħija

il-Missier, li ħejja s-saltna

tas-smewwiet għall-hena tagħna.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Ġwanni ma riedx iħalli ‘l Ġesù jitgħammed, u qallu: Jiena hu li jeħtieġli nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq

biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,

quddiem Alla nressqu talbna,

b’radd il-ħajr u kull foħrija.

 

Għaliex din kienet is-siegħa

li, bis-sagrifiċċju veru

tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna

mis-salib is-salvazzjoni.

 

Lill-Mulej għalhekk nitolbu

biex jimliena b’dawl il-grazzja

tas-salib, li d-dija tiegħu

tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Ġesù wieġeb lil Ġwanni u qallu: Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nimxu biex inkunu għamilna u temmejna s-sewwa kollu.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

F’din it-tielet talba mqaddsa

ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,

b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna

li fi mħabbtu llum bagħtilna.

 

Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb

fil-misteru għoli tiegħu;

u, fid-dawl tal-maġisteru

ta’ San Pietru, lejh inħaffu.

 

F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,

nitolbuhom jgħassu fuqna,

biex il-passi dgħajfa tagħna

jitqawwew bi Kristu Sidna.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Ġwanni xehed u qal: Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

 u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi, †

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

 

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

iżda ma telaqnix għall-mewt.

Glorja.

 

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; *

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni, bil-friegħi f'idejkom, *

sa ħdejn l-artal.

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Ġwanni ma riedx iħalli ‘l Ġesù jitgħammed, u qallu: Jiena hu li jeħtieġli nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?

 

LEZZJONI QASIRA Iż 11:1-3a

 

Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu : fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu ta’ l-għerf u d-dehen, l-ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tax-xjenza u tal-pjetà, u jimtela bl-ispirtu tal-biża’ tal-Mulej.

 

V/. Jeħtieġ li jikber huwa.

R/. U niċkien jiena.

  

F’Nofsinhar

 

Ant. Ġesù wieġeb lil Ġwanni u qallu: Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nimxu biex inkunu għamilna u temmejna s-sewwa kollu.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 42:1

 

Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi, li fih qalbi strieħet. Qegħidt ir-ruħ tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

 

V/. Dan hu l-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen.

R/. Il-maħtur tiegħi, li fih qalbi strieħet.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Ġwanni xehed u qal: Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 49:6

 

Il-Mulej qalli: Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Iżrael. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.

 

V/. Qegħidt ir-ruħ tiegħi fuqu.

R/. Biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied adottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sa l-aħħar kif jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mill-Missier, Iben waħdieni,

ġejt fid-dinja w sirt bin Xebba;

tnissil ġdid fil-fidi tajtna

bil-ħasil tal-magħmudija.

 

Mis-smewwiet inżilt, Verb t’Alla,

għammart fostna, bniedem bħalna;

bil-mewt tiegħek fdejt għemilek,

u bil-ħajja rġajt fawwartna.

 

Nitolbuk, Feddej tal-ħniena,

ejja fina bi tjubitek;

imla qlubna b’dawl il-grazzja,

li tagħmilna nixbhu lilek.

 

Ibqa’ magħna, Mulej Sidna,

keċċi d-dlam tal-lejl minn fuqna;

int naddafna minn kull ħtija,

żommna sħaħ bil-qawwa tiegħek.

 

Għarafniek illum, fid-dija

tal-Missier u ta’ l-Ispirtu:

Ġesù Kristu, int il-Ħajja,

int is-Sewwa; glorja lilek! Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Instema’ mis-smewwiet leħen il-Missier: Dan hu Ibni, li bih tgħaxxaqt; isimgħu lilu.

  

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

 jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

 sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

hu jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier.........

 

Ant. 1: Instema’ mis-smewwiet leħen il-Missier: Dan hu Ibni, li bih tgħaxxaqt; isimgħu lilu.

Ant. 2: Fix-xmara Ġordan is-Salvatur għaffeġ ras is-serpent, u ħelisna lkoll mis-setgħa tiegħu.

 

Salm 111 (112)

 

Hieni l-bniedem li jibża' mill-Mulej, *

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!

Kbar fuq l-art ikunu wliedu; *

nisel it-tajbin ikun imbierek.

Ġid u għana jkunu f'daru; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin; *

twajjeb u ħanin hu l-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef, *

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

 

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel; *

għal dejjem tibqa' t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża' minn aħbar ħażina; *

qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej.

Qalbu qawwija, m'għandux mniex jibża', *

sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu.

Iqassam u jagħti lill-foqra; †

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu; *

 rasu merfugħa bil-ġieħ.

 

Jarah il-ħażin u jinkedd, †

jheżheż snienu u jtertaq qalbu. *

Imma x-xewqa tal-ħżiena tibqa' bla temma.

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Fix-xmara Ġordan is-Salvatur għaffeġ ras is-serpent, u ħelisna lkoll mis-setgħa tiegħu.

Ant. 3: Illum għarafna misteru kbir, meta l-Ħallieq ta’ kollox naddafna minn ħtijietna fil-Ġordan.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek; * 

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għax int waħdek qaddis: † 

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja lill-Missier........

 

Ant. 3: Illum għarafna misteru kbir, meta l-Ħallieq ta’ kollox naddafna minn ħtijietna fil-Ġordan.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 10:37-38

 

Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar il-magħmudija: kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Dan huwa dak li ġie * Bl-ilma u d-demm. Dan.

V/. Ġesù Kristu, Sidna. * Bl-ilma u d-demm. Glorja. Dan.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kristu Ġesù ħabbna, u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu; huwa għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru. Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kristu Ġesù ħabbna, u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu; huwa għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru. Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.

 

PREĊI

 

Il-Feddej tagħna għoġbu jitgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. Nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, sawwab fuqna l-Ispirtu tiegħek.

Kristu, inti l-Qaddej ta’ Alla li għoġobt lill-Missier u fik sab l-għaxqa tiegħu:

- agħmel, Mulej, li nkunu mimlijin bl-Ispirtu tiegħek.

Kristu, inti l-Maħtur ta’ Alla li ma ksirtx il-qasba mġelġla u anqas ma tfejt il-musbieħ inemnem:

- ħenn għal kull min ifittxek tassew.

Kristu, inti Bin Alla l-Missier, li sejjaħlek u għamlek dawl għall-ġnus fil-patt il-ġdid:

- iftaħ għajnejn l-għomja bl-ilma tal-magħmudija.

Kristu, inti s-Salvatur tal-bnedmin li l-Missier ikkonsagrak bl-Ispirtu s-Santu u għamlek ministru tas-salvazzjoni:

- ressaq lejk lil kulħadd biex jarawk u jemmnu fik ħa jkollhom il-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, inti t-tama tagħna, u tmexxi lejn id-dawl tas-salvazzjoni lil min qiegħed fid-dlamijiet:

- ilqa’ lil ħutna l-mejtin fis-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied adottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sa l-aħħar kif jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Kristu, dija w jum imsebbaħ,

bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:

int tassew tad-dawl id-dija,

int xandȃr tad-dawl għall-hienja.

 

Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,

f’dan il-lejl li ġej ħarisna;

ikun fik il-mistrieħ tagħna,

‘tina ftit sigħat ta’ heda.

 

Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,

qalbna tibqa’ tishar miegħek;

midd, Mulej, il-leminija

bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.

 

Ejja, Salvatur setgħani,

qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,

wennes lill-qaddejja tiegħek,

li biex fdejthom xerridt demmek.

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajk, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għad-dell tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Dell tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

Jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.