Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGĦA

 

TAS-XXVII ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ġimgha tat-III ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Alla wieħed, tliet Persuni,

li b’setegħtek tmexxi l-ħlejjaq,

isma’ l-kantiku li ninsġu

f’dan il-ħin ta’ skiet b’tifħirek.

 

Ara, Sid ħanin: bakkarna

biex, fil-ħemda ta’ dis-siegħa,

nitolbuk li tagħti ‘l ruħna

fejqan sħiħ mill-ġrieħi tagħha.

 

Jekk il-għadu jqarraq bina

fil-mistrieħ tal-lejl u naqgħu,

ejja minnufih erfagħna

lejk bis-setgħa tas-sebħ tiegħek.

 

Nitolbuk, bit-tama f’qalbna,

biex timliena bid-dawl tiegħek,

ħa nitwarrbu minn kull ħofra

ta’ twegħir fit-triq tas-sema.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Nitolbuk, Mulej, kun fostna,

biex bi mħabbtek timla ‘l qalbna,

waqt li b’sogħba u ndima kbira

nerfgħu lejk bit-talb idejna.

 

Ġesù twajjeb, aħna dnibna,

dorna lura mit-triq tiegħek;

o Mulej ħanin, aħfrilna

l-għelt u l-ħażen kollu tagħna.

 

Bis-salib imqaddes tiegħek,

is-sinjal għażiż tal-fidwa,

kullimkien u dejjem żommna

taħt għajnejk, għax aħna wliedek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi.

 

Salm 68 (69):2-22. 30-37

 

I

 

Salvani, o Alla, *

għax l-ilma laħaq sa griżmejja. 

Sibt ruħi mgħaddas f'ħama fond; *

ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.

Sibt ruħi f'ilma għoli; *

il-mewġ qed ikaxkarni.

Ma niflaħx ngħajjat iżjed, †

griżmejja nħanqu; *

tgħammxu għajnejja, jien u nistenna 'l Alla tiegħi.

Dawk li għal xejn jobogħduni *

huma iżjed mix-xagħar ta' rasi;

dawk li bil-gideb jixluni †

huma b'saħħithom aktar minn għadmi; *

ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx.

 

Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi; *

ħtijieti m'humiex moħbija minnek.

Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik, *

Mulej ta' l-eżerċti;

ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek, *

Alla ta' Iżrael.

 

Għax minħabba fik qiegħed nilqa' t-tmaqdir, *

u l-mistħija tiksili wiċċi.

Sirt barrani għal ħuti; *

ulied ommi ma jagħrfunix.

 

Għax il-ħeġġa għal darek fnietni, *

it-tagħjir ta' min jgħajjar lilek waqa' fuqi.

Għakkist bis-sawm lili nnifsi, *

u swieli biss biex żebilħuni.

 

L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi *

ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.

Jgħidu fuqi bilqiegħda f'bieb il-belt; *

jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi.

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

 

II

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej; *

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta' tjubitek *

u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel; *

ħarisni minn min jobgħodni

 u eħlisni mill-ilma fond.

Tħallix iġorrni l-ilma, *

jew jiblagħni d-dagħbien,

u jingħalaq fuqi l-bir!

 

Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek; *

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.

Taħbix wiċċek mill-qaddej tiegħek; *

fittex weġibni, għax ninsab fil-hemm.

 Ersaq qrib lejja u ifdini; *

eħlisni minħabba l-għedewwa tiegħi.

Int taf bit-tkasbir u l-mistħija u l-għajb tiegħi; *

quddiemek huma l-għedewwa kollha tiegħi.

 

It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni; †

fittixt min jagħdirni, u ma sibt 'il ħadd; *

min ifarraġni, u ma kelli 'l ħadd.

Tawni b'ikel il-velenu; *

sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tawni b’ikel il-velenu, sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

Ant. 3: Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

 

III

 

Imma jiena msejken u batut; *

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta' Alla bl-għana, *

inkabbru b'għana ta' radd il-ħajr.

Dan jogħġob lill-Mulej

aktar minn offerta ta' gendus, *

 jew ta' barri fl-aqwa tiegħu.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu; *

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej, *

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

Ifaħħruh is-sema u l-art, *

l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom.

 

Għax Alla jsalva 'l Sijon, †

u jibni l-bliet ta' Ġuda; *

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu; *

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

Glorja.

 

Ant. 3: Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

 

V/. Il-Mulej jgħallimna t-triqat tiegħu.

R/. U aħna nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju 1 Tim 6:1-10

 

L-ilsiera Għalliema qarrieqa

 

Għażiż : Dawk li huma lsiera taħt il-madmad iqisu lis-sidien tagħhom bħala nies li jistħoqqilhom kull ġieħ, biex ma jkunux imkasbra l-isem ta' Alla u t-tagħlim. Dawk imbagħad li s-sidien tagħhom jemmnu ma għandhomx b'daqshekk jonqsuhom għax huma aħwa; anzi għandhom jaqduhom aħjar, għall-ħsieb li dawk li għalihom qegħdin huma nies li jemmnu u għeżież.

Dan għallem u wissi. Min jgħallem ħaġa oħra, min ma joqgħodx għall-kliem utieq ta' Sidna Ġesù Kristu u għat-tagħlim skond it-tjieba, dan ikun supperv u ma jkun jaf xejn, marid bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għira u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena; u tilwim bejn nies ta' moħħhom maqlub u nieqsa mill-verità; u mingħalihom it-tjieba qiegħda għal qligħ tal-flus.

It-tjieba fiha qligħ kbir tassew għal min hu kuntent b'dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x'nieklu u x'nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. Imma dawk li jridu jistagħnew jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f'xewqat bla sens u ta' ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta' kull ħażen; kien ħtija ta' din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b'niket kbir.

 

RESPONSORJU Mt 6:26; ara 1 Tim 6:8

 

R/. Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu, anqas għal ġisimkom, x’se tilbsu: jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies?

V/. Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. * Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies?

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Twissijiet ta’ San Vinċenz ta’ Lerins, isqof

 

L-iżvilupp tat-tagħlim tal-fidi

 

Hemm xi żvilupp fit-tagħlim tal-Knisja ta’ Kristu? Hemm, iva, u hemm żvilupp kbir. Liema bniedem hekk għajjur għall-bnedmin ħutu u hekk kontra Alla, li jasal biex jiċħad dan? Iżda dan l-iżvilupp fit-tagħlim tal-Knisja għand jkun żvilupp tassew u mhux tibdil fit-tagħlim.Ikun hemm żvilupp fit-tagħlim meta t-tifsir ta’ kull verità jsir dejjem aqwa u aħjar; ikun hemm bidla fit-tagħlim meta l-verità ma tibqax dik li hi u ssir ħaġa oħra.

Jeħtieġ, mela, li jkun hemm dan l-iżvilupp fit-tagħlim; jeħtieġ li kull wieħed minna u kulħadd, li kull bniedem u l-Knisja kollha, f’kull żmien u f’kull ħin, jifhem u jagħraf u jkun jaf sewwa dejjem aktar u aħjar, u bil-qawwa kollha, kull verità tal-fidi, skond in-natura tagħha, bla ma jinbidel it-tifsir u l-fehma tagħha.

Il-kobor fl-għarfien tal-fidi, li jsir fir-ruħ, jixbaħ il-kobor tal-ġisem tal-bniedem. Mal-medda tas-snin il-membri kollha tal-ġisem jikbru u jiżviluppaw, imma dejjem jibqgħu l-istess membri ta’ dak il-ġisem. Hemm medda twila ta’ snin bejn il-fjur tat-tfulija u xjuħija misjura, iżda jsiru xjuħ dawk li kienu ż-żgħażagħ, u għalkemm il-kobor u sura ta’ kull bniedem tinbidel minn barra, jibqa’ dejjem l-istess bniedem fin-natura u l-persuna tiegħu.

Tarbija, li għandha l-membri ta’ ġisimha żgħar u dgħajfa, meta tikber f’żagħżugħ il-membri ta’ ġisimha jkunu kbar u mibrumin, imma huma dejjem l-istess membri; daqskemm għandu membri l-ġisem ta’ tarbija daqshekk ieħor għandu l-ġisem ta’ raġel, u jekk xi membri jidhru fis-sħuħija kollha tagħhom meta l-ġisem ikun kiber, dawn il-membri jkunu ġa jinsabu fil-ġisem tat-tarbija, għalkemm mhux żviluppati; xejn ġdid ma hemm fix-xiħ li ma kienx fit-tifel, għalkemm forsi fit-tifel ma kienx żviluppat.

Mela ma hemmx dubju li din hi r-regola ta’ l-iżvilupp, dan hu l-ordni sħiħ u xieraq ta’ kull kobor. Dak kollu li l-Ħallieq ta’ kollox sawwar fl-għerf tiegħu fil-ġisem ta’ tarbija, matul is-snin jikber u jiżviluppa sa ma t-tarbija ssir raġel.

Issa jekk bniedem jinbidel f’xi ħaġa li m’hix bniedem dan jiġri jew għax jiżdidulu jew għax jitnaqqsulu xi membri ta’ ġismu, imma b’hekk ġismu jew jintemm, jew isir ġisem ta’ mostru, jew jiddgħajjef.

Il-veritajiet tal-fidi fl-iżvilupp tagħhom jimxu wkoll fuq din il-liġi, u għalhekk matul is-snin jissaħħu, jikbru u nifhmuhom aħjar.

Missirijietna f’din l-għalqa tal-Knisja, fl-ewwel żminijiet, żergħu ż-żerriegħa tal-fidi tagħna; tkun tassew ħaġa ta’ għajb u barra minn lokha jekk aħna, wliedhom, illum naħsbu mhux il-qamħ tal-verità imma s-sikrana tal-ħażen li żera’ l-għadu bil-moħbi.

M’hux sewwa u ma jixraqx li fil-Knisja jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn it-tagħlim li kien jingħata fil-bidu u t-tagħlim li qed jingħata llum. Miż-żerriegħa li nżergħet, jiġifieri mit-tagħlim ta’ l-Evanġelju, għandna naħsdu l-qamħ veru jiġifieri l-veritajiet tal-fidi li żviluppaw mit-tagħlim ta’ l-Evanġelju. Għalhekk it-tagħlim li żviluppa mill-bidu, qisu minn żerriegħa, matul iż-żminijiet, aħna għandna nilqgħuh bil-ferħ u nieħdu ħsiebu bil-qalb.

 

RESPONSORJU Dewt 4:1a. 2a; Ġw 6:63b

 

R/. Iżrael, agħti widen għall-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu: * La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu.

V/. Il-kliem li jien għedtilkom huwa spirtu u ħajja. * La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu.

 

TALBA

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tfawwar tjubitek fuq dawk li jitolbuk u tagħtihom aktar milli jistħoqqilhom aktar milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ; xerred fuqna l-ħniena tiegħek, billi taħfrilna kull ma jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna u tagħtina dak li ma għandniex il-ħila nitolbuk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, Verb etern, Bin Alla,

li sirt bniedem minn Omm Verġni,

inti l-ġmiel u l-ferħ tas-sema,

il-qawmien u s-saħħa tagħna.

 

Bħalma d-dawl tax-xemx għall-ħidma

ta’ jum ġdid qed isejjħilna,

hekk fl-ispirtu wkoll nitqanqlu

biex nibdewh bit-tifħir tiegħek.

 

Inżel, Dawl ħanin, u keċċi

dlam il-lejl tad-dnub minn ruħna;

wettaq fina t-tama hienja

tal-qawmien għad-dawl tal-glorja.

 

Ibqa’ magħna w żommna ħielsa

bħala wlied id-dawl f’ħidmietna;

biegħed minna kull ma jħammeġ

il-fehmiet indaf ta’ moħħna.

 

Tkun il-fidi d-dawl ta’ jiemna,

fiha nxettlu t-tama tagħna,

biex naraw il-frott imbierek

ta’ l-imħabba li tqaddisna.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kontrik biss jiena dnibt, Mulej; ikollok ħniena minni.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kontrik biss jiena dnibt, Mulej; ikollok ħniena minni.

Ant. 2: Nistqarru ħżunitna, Mulej, għax dnibna kontrik.

 

Kantiku Ġer 14:17-21

 

Ħa jxerrdu d-dmugħ għajnejja, *

billejl u binhar, bla heda;

għax ħsara kbira ġrat lix-xebba bint il-poplu tiegħi; *

daqqa tal-għaġeb ħadet.

 

Jekk noħroġ fir-raba’, *

nara nies mifnija bil-ġuħ.

Sew il-profeti u sew il-qassisin *

jiġġerrew mal-pajjiż u xejn ma jagħrfu.

Jaqaw int irmejt lil Ġuda? *

Forsi stmellejt f’qalbek lil Sijon?

Għaliex sawwattna *

hekk li m’hemmx fejqan għalina?

Ittamajna fis-sliem, bla ma sibna ebda ġid, *

u flok il-fejqan sibna l-biża’!

Nagħrfu, Mulej, ħtijietna, †

il-ħażen ta’ missirijietna, *

għax aħna dnibna kontrik.

 La tkasbarniex, f’ġieħ ismek; †

la ġġibx fl-għajb it-tron sabiħ tiegħek; *

ftakar, la tħassarx il-patt tiegħek magħna.

 Glorja.

 

Ant. 2: Nistqarru ħżunitna, Mulej, għax dnibna kontrik.

Ant. 3: Jaħweh hu Alla; aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Salm 99 (100)

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, *

nies kollha ta' l-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej, *

idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla; †

hu ħalaqna, u aħna tiegħu, *

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu, †

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *

roddulu ħajr u bierku ismu!

Għax twajjeb il-Mulej, †

għal dejjem it-tjieba tiegħu; *

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3: Jaħweh hu Alla; aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

  

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 12:9b-10

 

 Bil-qalb kollha aktar niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu. Għalhekk, għall-imħabba ta’ Kristu, nifraħ b’dak li hu dgħajjef fija, bit-tagħjir, tbatijiet, persekuzzjonijiet, dwejjaq, għax meta jien dgħajjef, dak il-ħin jien qawwi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, * Għax fik jien nittama. Fakkarni.

V/. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi. * Għax fik jien nittama. Glorja. Fakkarni.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-Mulej ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Il-Mulej ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.

 

 PREĊI

 

Nerfgħu għajnejna lejn Kristu, li twieled, miet u rxoxta, għall-imħabba tal-poplu tiegħu. Nitolbuh b’fiduċja kbira:

Mulej, salva lil dawk li int fdejt b’demmek.

Tkun imbierek, o Ġesù, Salvatur tal-bnedmin, għax għall-imħabba tagħna ma stmerrejtx tilqa’ t-tbatija u l-mewt tas-salib:

- niżżuk ħajr talli xerridt demmek il-għażiż biex tifdina.

Int wegħedtna li tagħtina ilma ġieri li jasal sal-ħajja ta’ dejjem:

- agħti l-Ispirtu tiegħek lill-bnedmin kollha.

Int bgħatt id-dixxipli ħa jxandru l-Bxara t-tajba tiegħek lill-popli:

- għinhom iwasslu ma’ kullimkien l-aħbar tar-rebħa tas-salib tiegħek.

Ieqaf mal-morda u l-imsejknin kollha li int seħibthom miegħek fi tbatijietek:

- imliehom bil-qawwa u s-sabar.

 

Missierna

 

Talba

Ħaddem il-grazzja tiegħek fis-sensi tagħna, Missier li tista’ kollox, ħalli mmiddu l-passi tagħna fid-dawl tal-preċetti tiegħek u nimxu dejjem warajk, li int il-mexxej u l-kap tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

Ant.1 Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.

 

Salm 21 (22)

 

I

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? *

Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix,

ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, *

ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

 

Imma int tgħammar fis-santwarju, *

u lilek ifaħħar Iżrael!

Fik ittamaw missirijietna, *

fik ittamaw, u inti ħlisthom.

Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; *

fik ittamaw u ma tfixklux.

 

Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem, *

żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.

Dawk kollha li jarawni jidħku bija, *

jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

"F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! *

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

Imma int minn ġuf ommi lqajtni; *

fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.

Fuqek qegħduni sa minn twelidi; *

int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.

La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, *

u m'hawn ħadd biex jgħinni.

 Glorja.

 

Ant.1 Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.

Ant.2 Qatgħu x-xorti, u qasmu bejniethom il-ħwejjeġ ta’ Ġesù.

 

II

 

Qatgħa gniedes daru miegħi; *

barrin qawwija ta' Basan għalquni,

b'ħalqhom miftuħ għal fuqi, *

bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.

Ninsab bħall-ilma msawwab, *

għandi għadmi maqlugħ kollu;

qalbi hi bħal xemgħa, *

iddub ġewwa fija.

Ħalqi niexef bħal xaqqufa, †

ilsieni mwaħħal ma' ħnieki; *

ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.

 

Qabda klieb daru għalija; *

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja; *

nista' ngħodd għadmi kollu.

B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja. †

Ħwejġi jaqsmu bejniethom; *

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

 

Mulej, la titbegħidx minni; *

qawwa tiegħi, fittex għinni!

Eħlisli mis-sejf lil ħajti, *

u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.

Minn ħalq l-iljun salvani, *

minn qarn il-gniedes lili msejken.

Inxandar ismek lil ħuti; *

infaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

 Glorja.

 

Ant.2 Qatgħu x-xorti, u qasmu bejniethom il-ħwejjeġ ta’ Ġesù.

Ant.3 Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

III

 

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; †

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; *

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

Għax ma warrabx minnu l-imsejken, *

ma stmellx in-niket tiegħu;

anqas wiċċu ma ħeba minnu, *

imma semgħu meta sejjaħlu.

Għalhekk inti t-tifħir tiegħi f'ġemgħa kbira; *

inrodd il-wegħdiet tiegħi

 quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; †

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh. *

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

Jiftakru t-truf kollha ta' l-art, †

u jerġgħu lura lejn il-Mulej; *

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Għax tal-Mulej hi s-saltna; *

hu fuq il-ġnus isaltan.

Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; *

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

U għalih tgħix ruħi, *

lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi, †

 ixandru l-ġustizzja tiegħu

lill-poplu li għad jitwieled:

 "Dan għamlu l-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant.3 Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 1:16b-17

 

L-Evanġelju huwa l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu. Fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub: Il-ġust bil-fidi jgħix.

 

 V/. Fil-Mulej jinsab l-hena ta’ qalbna.

 R/. Fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, madwar id-disgħa ta’ filgħodu ħaduk għall-mewt tas-salib biex hekk issalva d-dinja; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dejjem tagħtina l-maħfra tiegħek għal ħtijietna l-imgħoddija, u tħarisna bla heda għal li ġej. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 3:21-22a

 

Issa l-ġustizzja ta’ Alla ntweriet, u ntweriet mingħajr il-liġi, għad li l-liġi u l-profeti jixhdu għaliha: ġustizzja ta’ Alla mogħtija permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk kollha li jemmnu.

 

V/. Il-preċett tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

R/. Il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, meta sallbuk, għalkemm bla ħtija, biex tifdina, minn nofsinhar ‘il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu; agħmel li dejjem jiddi fina dak id-dawl li bih jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:8-9

 

Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar.

 

V/. Jingħarfu fuq l-art triqatek, Mulej.

R/. Fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Talba

Mulej Ġesù Kristu, int ħfirt lill-ħalliel it-tajjeb għax nidem, u, wara li miet fuq is-salib, daħħaltu fis-saltna tiegħek; aħna wkoll nistqarru li aħna midinbin, u b’fiduċja kbira nitolbuk biex wara l-mewt tagħna tilqagħna fl-hena tal-ġenna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int għammart, Mulej, b’setegħtek

l-art li ħlaqt, u mtliet bil-bhejjem

ta’ kull razza u ta’ kull sura,

u tgħaxxaqt bl-għemejjel tiegħek.

 

Wara dan sawwart il-bniedem:

skond ix-xbieha tiegħek ħlaqtu

u mal-barka tiegħek tajtu

ħakma sħiħa fuq il-ħlejjaq.

 

Rodd, Mulej, is-sliem tal-bidu

lil din l-art li tajtna naħdmu;

jerġa’ jidher fiha l-ordni

li ridt int fil-pjan ta’ għerfek.

 

Agħti l-grazzja lil uliedek

biex ifittxu li, f’dil-ħidma,

jimxu lkoll id f’id bejniethom,

għas-sebħ tiegħek u l-ferħ tagħhom.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kbir il-Mulej, fuq l-allat kollha Alla Sidna.

 

Salm 134 (135)

 

I

 

Faħħru isem il-Mulej, *

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f'dar il-Mulej, *

fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.

 

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, *

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, *

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

 

Naf tassew li kbir il-Mulej; *

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu †

 fis-smewwiet u fuq l-art, *

fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.

Hu jtella' s-sħab minn truf l-art,

jibgħat il-beraq u x-xita, *

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

 

Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, *

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, *

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

Hu darab ġnus bla għadd, *

u qered slaten qawwija.

Qered ‘il Siħon, sultan ta’ l-Amurrin, †

lil Għog, sultan ta’ Basan, *

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

U l-art tagħhom qassamha b'wirt, *

b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kbir il-Mulej, fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Ant. 2: Bierek, Iżrael, il-Mulej; għannu lil ismu għax hu sabiħ.

  

II

 

Mulej, għal dejjem idum ismek! *

Mulej, minn żmien għal żmien il-fama tiegħek!

Għax il-Mulej jagħmel ħaqq mal-poplu tiegħu, *

juri ħniena mal-qaddejja tiegħu.

 

L-idoli tal-ġnus m'humiex ħlief deheb u fidda, *

xogħol ta' id il-bniedem:

għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej; *

bierek, dar Aron, il-Mulej;

bierek, dar Levi, il-Mulej; *

bierku l-Mulej, intom li tibżgħu mill-Mulej.

Imbierek il-Mulej minn Sijon, *

hu li joqgħod f'Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 2: Bierek, Iżrael, il-Mulej; għannu lil ismu għax hu sabiħ.

Ant. 3: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox;

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minnek? *

 Min ma jsebbħux?

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej.

  

LEZZJONI QASIRA Ġak 1:2-4

 

Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jonqoskom xejn.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna * Bis-saħħa ta’ demmu. Kristu.

V/. U għamilna saltna u qassisin għal Alla. * Bis-saħħa ta’ demmu. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej ħa ħsiebna, qaddejja tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej ħa ħsiebna, qaddejja tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu.

 

PREĊI

 

Numiljaw ruħna quddiem il-Mulej Ġesù, li l-Missier tah minħabba dnubietna u ried li hu jirxoxta għall-ġustifikazzjoni tagħna. Nitolbuh minn qalbna u ngħidulu:

Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.

Isma’, Mulej, it-talb umli tagħna biex tagħtina l-maħfra aħna u nistqarru dnubietna:

- fit-tjieba tiegħek, flimkien mal-maħfra agħtina s-sliem.

B’fomm l-Appostlu Missierna, int għidtilna li fejn kotor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja:

- warrab għalkollox minn quddiem għajnejk il-ħtijiet tagħna.

Dnubietna kbar, Mulej, iżda tjubitek bla qjies:

- agħtina l-grazzja biex nerġgħu niġu għandek.

Mulej, salva lill-poplu tiegħek minn dnubiethom.

- agħmel minnu poplu li fih issib l-għaxqa tiegħek.

Int ftaħt il-ġenna lill-ħalliel imsallab miegħek, għax għarfek u stqarrek bħala s-salvatur:

- tħallix bibien is-sema magħluqa għal ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

Mulej, Missier qaddis, int ridt li Ibnek isir il-prezz tal-fidwa tagħna u jsalvana; agħtina l-grazzja li jseħħilna niksbu l-qawwa tal-qawmien mill-imwiet, billi ngħixu sewwa u nissieħbu fit-tbatijiet ta’ l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsijin l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.