Stampa t-test kollu ...


11 ta’ Lulju

SAN BENEDITTU, ABBATI

 

FESTA

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/.Mulej, iftaħli xufftejja.

R/.U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant.Alla hu ta’ l-għaġeb fil-qaddisin tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/.O Alla, ejja eħlisni.

R/.Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-belt tas-sema tiddi bil-kuruni

li rebħu l-qaddisin għall-merti tagħhom;

u fosthom tiegħek, Benedittu, tisboq

tax-xemx id-dija!

 

Sa minn ċkunitek dhert misjur fil-għaqal,

xejn ma qanqlitek l-art bil-ġibdiet tagħha,

għalik insibek ġmielha, w żammejt ħsiebek

fi ħwejjeġ ogħla.

 

Għalhekk tbegħidt minn artek u minn niesek

biex tgħix miġbur u sieket qalb l-imsaġar,

fejn tajt bil-kitba twissijiet qaddisa

għall-ħajja hienja.

 

Bħalma sejjaħt lill-popli biex joqogħdu

għall-liġijiet u r-rieda ta’ l-Imgħallem,

hekk għinna b’talbek biex infittxu dejjem

ħwejjeġ is-sema.

 

Sebħ lill-Missier u lill-Waħdieni tiegħu,

tifħir u qima lill-Ispirtu s-Santu,

li tawk bil-grazzja tagħhom glorja kbira

fid-dawl ta’ dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-ħajja talbek, Mulej, u int tajthielu, ġieħ u ġmiel int qegħedt fuqu.

 

Salm 20 (21):2-8. 41

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; *

 kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu, *

 ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, *

 kuruna ta' deheb fin qegħidtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu, *

 għomor twil minn żmien għal żmien.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; *

 ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem, *

 tferrħu u thennih bis-sebħ ta' wiċċek.

Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, *

 għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.

 

Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! *

 Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Il-ħajja talbek, Mulej, u int tajthielu, ġieħ u ġmiel int qegħedt fuqu.

Ant. 2: It-triq tat-tajbin għad-dawl ta’ l-għodwa li żżid id-dawl tagħha sal-milja tal-jum.

 

Salm 91 (92)

 

I

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

 li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

 u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

 u bid-daqq taċ-ċetra.

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

 għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

 kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

 u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

 u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

ilkoll għad jinqerdu għal dejjem; *

 imma int, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

Glorja.

 

Ant. 2:It-triq tat-tajbin għad-dawl ta’ l-għodwa li żżid id-dawl tagħha sal-milja tal-jum.

Ant. 3:Il-bniedem ġust bħal palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber.

 

II

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †

 l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

 jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

 żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

 widnejja jisimgħu bit-telfa

 tal-ħżiena li qamu għalija.

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

 bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

 iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

 kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *

 u ebda qerq ma jinsab fih.

Glorja.

 

Ant. 3:Il-bniedem ġust bħal palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber.

V/.Il-Mulej mexxa lill-ġust triqat dritti.

R/.U wrieh is-saltna ta’ Alla.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-KolossinKol 3:1-17

 

Ħajjitkom moħbija ma’ Kristu f’Alla

 

Ħuti: jekk intom irxuxtajtu ma' Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta' Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f'dawk ta' l-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma' Kristu f'Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, mbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu ta' l-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u l-idolatrija tar-regħba. Minħabba dan tilħaq il-korla ta' Alla lil dawk li ma jobdux. Hekk intom kontu timxu wkoll meta kontu tgħixu fihom.

Iżda issa intom ukoll, ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, kliem mhux xieraq minn fommkom. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skond ix-xbieha ta' min ħalqu, u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, barbru jew Xita, ilsir jew ħieles, iżda f’kollox Kristu u f'kulħadd.

Intom il-magħżulin ta' Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta' ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b'xulxin, u jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma' ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.

U fuq dan kollu ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta' Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed. U ta' dan roddu ħajr lil Alla. Ħalli l-bxara ta' Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b'salmi u innijiet u b'għana spiritwali, u b'radd il-ħajr kantaw f'qalbkom innijiet lil Alla.

Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

RESPONSORJU Gal 3:27-28; Ef 4:24

 

R/.Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu: issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg; * Għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.

V/.Ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew. * Għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.

 

LEZZJONI II

 

Qari mir-Regola ta’ San Benedittu, abbati

 

Tqiegħdu xejn qabel Kristu

 

L-ewwelnett, qabel ma tibda xi ħaġa tajba, itlob b’ħerqa kbira lil Alla biex jagħmilha hu, għax wara li għoġbu jilqagħna fost uliedu, ma għandna qatt innikktuh bl-għemil ħażin tagħna. Hu jagħtina ħafna ġid, u jmissna nuruh li dejjem qegħdin ninqdew bih sewwa. Għalhekk inqisu li hu ma jkunx għalina bħal missier inkurlat li se jħalli lil uliedu barra mill-wirt, anqas bħal sid tal-biża, imbaqbaq għal ħżunitna li se jixħetna fit-telfien ta’ dejjem bħal qaddejja mill-agħar li ma ridux jimxu warajh sal-glorja.

Mela nqumu saflaħħar, l-Iskrittura tqajjimna u tgħidilna: Waslet is-siegħa li intom tqumu minn-ngħas. Niftħu għajnejna għad-dawl tas-sema, u b’widnejn mistagħġba nisimgħu lil Alla li kuljum iwissina b’leħen għoli u jgħid: M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu: La twebbsux qalbkom; u: Min għandu widnejn, ħa jisma’ xi jgħid l-Ispirtu lill-Knejjes.

U xi jgħid? Ejjew, uliedi, isimgħu lili: jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom. Ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawlm biex id-dlam tal-mewt ma jilħaqkomx.

Il-Mulej ifittex il-ħaddiem tiegħu f’nofs poplu kotran u jsejjaħ u jgħid: Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu riżq? Jekk int tisimgħu u twieġbu: “Jiena hu”, Alla jgħidlek: “Jekk tassew trid tgħix għal dejjem, ħares ilsienek mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, fittex is-sliem u imxi warajh. Jekk tagħmel dan, għajnejja jkunu lejk, u widnejja miftuħa għall-għajta tiegħek; jekk biss issejjħali, inwieġbek: Hawn jien”.

Ħuti għeżież, x’hemm aktar ħelu għalina minn din l-għajta ta’ l-istedina tal-Mulej? Araw, fit-tjieba tiegħu l-Mulej jurina t-triq tal-ħajja.

Mela nħażżmu ġenbejna bil-fidi u l-għemejjel tajba, u nissuktaw miexja fit-triq ta’ l-Evanġelju, biex jistħoqqilna naraw lil dak li sejjħilkom għas-saltna tiegħu. Jekk irridu nidħlu fl-għamara tas-saltna tiegħu, m’aħniex se naslu jekk ma nħaffux permezz ta’ l-għemejjel tajba.

Bħalma hemm għira ħażina li timla l-qalb bl-imrar, li tifridna minn Alla u twassalna fl-infern, hekk hemm għira tajba li tifridna mill-vizzju u twassalna għand Alla fil-ħajja ta’ dejjem. U l-għira ta’ mħabba l-iżjed imħeġġa li l-irħieb imissu jkollhom hija din: li jżommu wieħed lill-ieħor aqwa minnhom fil-ġieħ; jistabru ħafna b’min hu dgħajjef fil-ġisem u r-ruħ; ifittxu bil-ħerqa li jkunu ubbidjenti; ma jagħmlux kull wieħed li jaqbillu, imma li jaqbel lill-oħrajn; ikollhom imħabba safja bejniethom bħal aħwa; jibżgħu minn Alla bl-imħabba; iħobbu lis-superjur tagħhom b’għożża mill-qalb u umli; u ma jqiegħdu xejn u xejn qabel Kristu, li jwassalna flimkien għall-ħajja ta’ dejjem.

 

RESPONSORJU

 

R/. Benedittu ħalla d-dar u l-ġid ta’ missieru, u, bix-xewqa li jgħix għal Alla waħdu, talab il-libsa mqaddsa reliġjuża, * U għex waħdu fil-ġabra quddiem l-Għassies tas-sema.

V/.Huwa twarrab minn kulħadd u għażel il-bluha tad-dinja biex jikseb l-għerf ta’ Alla. * U għex waħdu fil-ġabra quddiem l-Għassies tas-sema.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

 O Alla, inti tajtna lil San Benedittu, abbati, b’mgħallem għeref fl-iskola tas-servizz tiegħek: agħmel li nħobbu lilek fuq kollox u li nimxu b’qalb kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/.Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/.O Alla, ejja eħlisni.

R/.Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Sawwart bil-għaqal liġijiet qaddisa,

mgħallem ta’ għerf is-sema, Benedittu;

għall-merti tiegħek kbar, wettaqna dejjem

bid-dawl ta’ Kristu.

 

Bik tferrex b’mod ta’ l-għaġeb ma’ l-art kollha

ordni soċjali ġdid, li l-popli għaqqad,

u ‘l kulħadd ġbidt sabiex bil-ħlewwa joqgħod

għall-jedd imqaddes.

 

Kemm ħielsa u kemm ilsiera ġbarthom f’ġemgħa

dixxipli ta’ Ġesù b’regola kbira,

u lkoll qalb waħda ngħaqdu qishom aħwa

fit-talb u l-ħidma.

 

Ibqa’ mexxina magħqudin bejnietna

id f’id u b’riżq xulxin f’kull xogħol ta’ fejda,

biex inħabirku hienja w nagħtu sehemna

għad-don tal-paċi.

 

Sebħ lill-Missier u lill-waħdieni tiegħu,

tifħir u qima lill-Ispirtu s-Santu,

li tawk bil-grazzja tagħhom glorja kbira

fid-dawl ta’ dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:Il-Mulej tahom glorja bla tmiem u għamlilhom isem għal dejjem.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1:Il-Mulej tahom glorja bla tmiem u għamlilhom isem għal dejjem.

Ant. 2: Qaddejja tal-Mulej, bierku l-Mulej għal dejjem.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Qaddejja tal-Mulej, bierku l-Mulej għal dejjem.

Ant. 3:Il-ħbieb ta’ Alla jithennew bil-glorja, ferħanin fis-saltna tiegħu.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Il-ħbieb ta’ Alla jithennew bil-glorja, ferħanin fis-saltna tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:1-2

 

Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla, b’qima spiritwali. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ moħħkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. B’qalbu kollha * Ħabb il-liġi ta’Alla tiegħu. B’qalbu.

V/. Qatt ma tfixkel fil-mixi tiegħu. * Ħabb il-liġi ta’ Alla tiegħu. Glorja. B’qalbu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Benedittu, raġel ta’ ħajja mimlija bil-ġieħ, kien imbierek bil-grazzja u f’ismu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Benedittu, raġel ta’ ħajja mimlija bil-ġieħ, kien imbierek bil-grazzja u f’ismu.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, ngħollu bit-tifħir lil Kristu, Alla l-Qaddis, u nitolbuh il-grazzja biex naqduh tul ħajjitna kollha bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu. B’ferħ kbir ngħidulu:

Mulej, int waħdek qaddis.

Int ridt li tkun imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub:

- ħenn għalina, Mulej Ġesù.

Int sejjaħtilna biex inkunu lkoll perfetti fl-imħabba:

- qaddisna, Mulej Ġesù.

Int wissejtna biex inkunu l-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja:

- dawwalna, Mulej Ġesù.

Int ġejt biex taqdi, mhux biex tkun moqdi:

- agħmilna qaddejja umli tiegħek u ta’ ħutna, Mulej Ġesù.

Inti d-dija tas-sebħ ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu:

- agħtina li naraw il-wiċċ igglorifikat tiegħek, Mulej Ġesù.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti tajtna lil San Benedittu, abbati, b’mgħallem għeref fl-iskola tas-servizz tiegħek: agħmel li nħobbu lilek fuq kollox u li nimxu b’qalb kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

Salmodija tal-Erbgha tat-II ġimgħa

V/.O Alla, ejja eħlisni.

R/.Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119):57-64

 

VIII (Ħet)

 

Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi, *

li nħares il-kelma tiegħek."

Quddiemek nitlob b'qalbi kollha; *

ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.

 

Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, *

u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ngħaġġel u ma nitnikkirx, *

biex inħares il-kmandamenti tiegħek.

Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni, *

imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

F'nofs il-lejl inqum infaħħrek *

minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.

Nissieħeb ma' kull min għandu l-biża' tiegħek, *

ma' dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.

Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek; *

għallimni l-kmandamenti tiegħek. 

Glorja.

 

Ant.1Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.

Ant.2Biża’ u tregħid jiġu fuqi; ismagħni u weġibni, Mulej.

 

Salm 54 (55):2-15. 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!

 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsarat, *

fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

 

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

Glorja.

 

Ant.2Biża’ u tregħid jiġu fuqi; ismagħni u weġibni, Mulej.

Ant.3Lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.

 

II

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk,kont nissaporti.

M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 

Imma jien lil Alla nsejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlieda li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 

Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

 Imma jien fik nittama.

Glorja.

 

Ant.3Lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 1:61-17a

 

F’dak iż-żmien lill-imħallfin tagħkom ordnajtilhom u għedtilhom: Isimgħuhom lil ħutkom, u għamlu l-ħaqq skond is-sewwa bejn bniedem u ieħor, sew jekk ħuh sew jekk barrani għalih. Tħarsux lejn l-uċuħ fil-ħaqq li tagħmlu; isimgħu kemm liż-żgħir u kemm lill-kbir, u la tibżgħu minn ħadd, għax dan il-ħaqq huwa ta’ Alla.

 

V/.Ġust il-Mulej, u jħobb il-ġustizzja.

R/.Wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lil-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub; agħtina l-grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Iż 55:8-9

 

Il-fehmiet tiegħi ma humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi ma humiex triqatkom, jgħid il-Mulej; għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

 

V/.Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, min hu bħalek?

R/.Int qawwi, Mulej, u l-fidili tiegħek madwarek.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtina ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħgob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA1 Sam 16:7b

 

Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fil-għajn, imma l-qalb.

 

 V/.Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi.

R/.Mexxini fit-triq ta’ dejjem.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjemta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/.Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/.O Alla, ejja eħlisni.

R/.Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-belt tas-sema tiddi bil-kuruni

li rebħu l-qaddisin għall-merti tagħhom;

u fosthom tiegħek, Benedittu, tisboq

tax-xemx id-dija!

 

Sa minn ċkunitek dhert misjur fil-għaqal,

xejn ma qanqlitek l-art bil-ġibdiet tagħha,

għalik insibek ġmielha, w żammejt ħsiebek

fi ħwejjeġ ogħla.

 

Għalhekk tbegħidt minn artek u minn niesek

biex tgħix miġbur u sieket qalb l-imsaġar,

fejn tajt bil-kitba twissijiet qaddisa

għall-ħajja hienja.

 

Bħalma sejjaħt lill-popli biex joqogħdu

għall-liġijiet u r-rieda ta’ l-Imgħallem,

hekk għinna b’talbek biex infittxu dejjem

ħwejjeġ is-sema.

 

Sebħ lill-Missier u lill-Waħdieni tiegħu,

tifħir u qima lill-Ispirtu s-Santu,

li tawk bil-grazzja tagħhom glorja kbira

fid-dawl ta’ dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Instab li kien bla tebgħa, bniedem perfett: għalhekk ikun igglorifikat għal dejjem.

  

Salm 14 (15)

 

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? *

Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, *

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu, †

ma jagħmilx deni lil ġaru, *

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin, *

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu; †

min jislef u ma jitlobx imgħax, *

u ma jieħu xejn kontra minhu bla ħtija.

 

Min jagħmel dan, *

qatt ma jitħarrek.

Glorja.

 

Ant. 1:Instab li kien bla tebgħa, bniedem perfett: għalhekk ikun igglorifikat għal dejjem.

Ant. 2:Alla juri tjieba u ħniena mal-qaddisin tiegħu, u jieħu ħsieb il-magħżulin tiegħu.

 

Salm 111 (112)

 

Hieni l-bniedem li jibża' mill-Mulej, *

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!

Kbar fuq l-art ikunu wliedu; *

nisel it-tajbin ikun imbierek.

Ġid u għana jkunu f'daru; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin; *

twajjeb u ħanin hu l-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef, *

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

 

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel; *

għal dejjem tibqa' t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża' minn aħbar ħażina; *

qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej.

Qalbu qawwija, m'għandux m’niex jibża', *

sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu.

Iqassam u jagħti lill-foqra; †

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu; *

rasu merfugħa bil-ġieħ.

 

Jarah il-ħażin u jinkedd, †

jheżheż snienu u jtertaq qalbu. *

Imma x-xewqa tal-ħżiena tibqa' bla temma.

Glorja.

 

Ant. 2:Alla juri tjieba u ħniena mal-qaddisin tiegħu, u jieħu ħsieb il-magħżulin tiegħu.

Ant. 3:Il-qaddisin għannew għanja ġdida quddiem it-tron ta’ Alla, u leħinhom baqa’ jidwi ma’ l-art kollha.

 

KantikuApok 15:3-4

 

Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek,*

 Mulej, Alla li tista' kollox;

sewwa u veri t-triqat tiegħek,*

 Sultan tal-ġnus.

 

Min, Mulej, ma jibżax minnek? *

 Min ma jsebbħux?

Għaliex int waħdek qaddis;†

 il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek,*

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3:Il-qaddisin għannew għanja ġdida quddiem it-tron ta’ Alla, u leħinhom baqa’ jidwi ma’ l-art kollha.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:28-30

 

Aħna nafu li Alla, ma dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ġust il-Mulej, * U jħobb il-ġustizzja. Ġust.

V/. Wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa. * U jħobb il-ġustizzja. Glorja. Ġust.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu; għax dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

PREĊI

 

Nitolbu lil Alla l-Missier, li hu l-għajn ta’ kull qdusija, biex, bl-eżempju u t-talb tal-qaddisin, jagħtina li ngħixu ħajja qaddisa. Ngħidulu bl-umiltà:

Agħmilna qaddisin, għax int qaddis.

Missier qaddis, int ridt li aħna nissejjħu wliedek, u nkunu hekk tassew:

- agħmel li l-Knisja tistqarrek fid-dinja kollha.

Missier qaddis, int tridna ngħixu sewwa kif jixraq lilek u nogħġbuk f’kollox:

- agħmel li jkollna l-frott ta’ kull opra tajba.

Missier qaddis, inti rġajt ħabbibtna miegħek bis-saħħa ta’ Kristu:

- ħarisna f’ismek, biex inkunu lkoll ħaġa waħda bejnietna.

Missier qaddis, inti ssejjħilna għall-ikla tal-mejda tas-sema:

- agħtina li ngħixu dejjem iżjed fl-imħabba, bil-qawwa tal-ħobż li jinżel mis-sema.

Missier qaddis, aħfer il-ħtijiet kollha tal-midinbin:

- ilqa’ lil ħutna l-mejtin kollha fid-dawl ta’ dejjem quddiemek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti tajtna lil San Benedittu, abbati, b’mgħallem għeref fl-iskola tas-servizz tiegħek: agħmel li nħobbu lilek fuq kollox u li nimxu b’qalb kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1:Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2:Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2:Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

LEZZJONI QASIRAEf 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.