Stampa t-test kollu ...


10 ta’ Awwissu

 

SAN LAWRENZ, DJAKNU U MARTRI

 

FESTA

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Infaħħru ‘l San Lawrenz, id-djaknu martri,

li stmerr il-ġid ta’ l-art u l-frugħa tiegħu,

u qassmu lill fqajrin b’idejh miftuħa

minħabba Kristu.

 

Hu bata n-nar, iżd’aqwa f’qalbu kienet

il-ħeġġa tan-nirien li bihom tkebbes

għall-ħajja ta’ bla tmiem li lejha ntrefa’

bi mħabbtu sħiħa.

 

Il-qtajja’ kbar ta’ l-anġli lkoll ħerqana

tellgħu għall-ħlas fis-sema r-ruħ qaddisa,

fejn dejjem qiegħed joffri t-talb għalina

lil Sid it-tjieba.

 

Għalhekk minn qalbna nitolbuh l-għajnuna

sabiex naqilgħu l-maħfra ta’ ħtijietna,

u b’għira mqaddsa nħarsu bla mittiefes

id-don tal-fidi.

 

Tifħir u glorja lill-Missier tas-sema,

‘l Ibnu l-waħdieni u lill-Ispirtu s-Santu,

li b’setgħa, għerf u mħabba jmexxu l-ħlejjaq

għall-hena tagħhom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi; imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar dan isalva.

 

Salm 2

 

Għaliex jixxewwxu l-ġnus, *

u l-popli jreddnu għal xejn?

Is-slaten ta' l-art iqumu, †

u l-kbarat jiftiehmu bejniethom *

kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:

"Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, *

u ntajjru minn fuqna l-irbit tagħhom!"

 

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, *

il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.

Mbagħad ikellimhom bil-herra, *

bil-qilla tiegħu jkexkixhom:

"Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, *

fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!"

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej; *

hu qalli: "Ibni int, jien illum nissiltek.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b'wirtek, *

u truf l-art bi priża tiegħek.

B'virġa tal-ħadid int tkissirhom, *

bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom."

 

U issa, slaten, ifhmu sewwa; *

twiddbu, intom li taħkmu l-art.

Aqdu lill-Mulej bil-biża', *

u bir-rogħda riġlejh busu,

li ma jagħdabx u intom tinqerdu, *

għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.

Hienja dawk kollha *

li jistkennu fih!

Glorja.

 

Ant. 1: Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi; imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar dan isalva.

Ant.2: It-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mas-sebħ li għad irid jidher fina.

 

Salm 10 (11)

 

Fil-Mulej hu l-kenn tiegħi; †

mela kif tgħiduli: *

"Aħrab bħal għasfur lejn l-għolja;

għax, ara, il-midinbin qed imiddu l-ark, †

u jqabbdu mal-watar il-vleġġa, *

biex jolqtu fid-dlam lin-nies ta' qalb safja.

Jekk is-sisien jinqalbu, *

il-bniedem ġust x'jista' jagħmel?"

 

Il-Mulej hu fit-tempju mqaddes tiegħu, *

il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu;

għajnejh fuq il-bnedmin jitfa', *

bi xfar għajnejh jiflihom. 

Jgħarbel il-Mulej il-ġust u ‘l-ħażin; *

hu jobgħod 'il min iħobb id-dnewwa.

Xita ta' ġamar u kubrit jitfa' fuq il-ħżiena; *

riħ jikwi jkun is-sehem li ħaqqhom.

 

Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja; *

wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.

 Glorja.

 

Ant.2: It-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mas-sebħ li għad irid jidher fina.

Ant. 3: Bħalma d-deheb jgħadduh minn-nar, hekk il-Mulej għadda l-magħżulin tiegħu, u bħal vittma tas-sagrifiċċju laqagħhom għal dejjem.

 

Salm 16 (17)

 

Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, *

ilqa' l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi; *

bla qerq huma xufftejja.

Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija, *

għajnejk jaraw is-sewwa.

 

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, *

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.

Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies; *

ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek, *

qatt ma għotru riġlejja.

 

Nsejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; *

ressaq widintek lejja, isma' kliemi.

Uri t-tjieba tiegħek ta' l-għaġeb; *

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek.

Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni, *

għad-dell ta' ġwenħajk kenninni

mill-ħżiena li jagħfsu fuqi, *

mill-għedewwa qattiela li jdawwruni.

 

Għalqu qalbhom għall-ħniena, *

minn fommhom joħroġ kliem kburi.

Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni, *

ħarsithom fuqi, biex ma' l-art jitfgħuni.

Huma bħal iljun imxennaq għall-priża, *

bħal ferħ ta' ljun moħbi wara l-mansab.

Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu; *

eħlisli ħajti minn id il-ħażin.

B'sejfek, Mulej, b'idek mill-bnedmin eħlisni, *

mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.

Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek, †

ħa jieklu sax-xaba' wliedhom, *

u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek; *

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Bħalma d-deheb jgħadduh minn-nar, hekk il-Mulej għadda l-magħżulin tiegħu, u bħal vittma tas-sagrifiċċju laqagħhom għal dejjem.

 

V/. Id-diqa u n-niket waqgħu fuqi.

R/. Imma l-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-AppostliAtti 6:1-6; 8:1.4-8

 

L-Appostli jagħżlu s-seba’ djakni

 

F'dawk il-jiem, billi n-numru tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied, sar xi tgergir mill-Hellenisti kontra l-Lhud, għaliex (kif bdew jgħidu huma) ma kienx qiegħed jittieħed ħsieb tar-romol tagħhom fit-tqassim ta' kuljum. Għalhekk it-Tnax sejjħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: "M'hux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta' Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f'idejhom. U aħna nibqgħu mogħtijin għat-talb u għall-ministeru tal-kelma."

 Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, raġel mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Pròkoru, lil Nikànor, lil Timon, lil Parmenas, u ‘l Nikola, prosèlitu minn Antjokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-Appostli li, wara li talbu, qiegħdu idejhom fuqhom.

Dak iż-żmien qamet persekuzzjoni kbira kontra l-knisja ta’ Ġerusalemm. Barra mill-Appostli, kulħadd xtered fl-artijiet tal-Lhudija u tas-Samarija.

Dawk li xterdu marru ‘l hawn u ‘l hemm ixandru l-kelma. Filippu ġie f’belt tas-Samarija u lin-nies tagħha xandrilhom ‘il Kristu. Ġmiegħi ta’ nies bi ħġarhom kienu jilqgħu dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħu u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. L-ispirti mniġġsa kienu joħorġu minn ħafna minn dawk li kienu maħkuma minnhom, jgħajjtu b’leħen qawwi; ħafna oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejjqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.

 

RESPONSORJU Mt 10:32; Ġw 12:26a

 

R/. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, jgħid il-Mulej, * Jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.

V/. Jekk xi ħadd irid jaqdini, dan għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi. * Jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ Santu Wistin

 

Qassam id-demm imqaddes ta’ Kristu

 

Illum il-Knisja Rumana tirrikkmandalna biex nagħmlu festa f’jum ir-rebħ ta’ San Lawrenz, il-jum li fih xeħet taħt riġlejh it-tehdid tad-dinja u maqdar iż-żegħil tagħha, u għeleb lix-xitan li ried iħabbtu b’dan it-tehdid u ż-żegħil. Bħalma smajtu bosta drabi, Lawrenz qeda l-uffiċċju ta’ djaknu fl-istess Knisja ta’ Ruma. Hemmhekk qassam id-demm ta’ Kristu; hemmhekk xerred demmu għall-isem ta’ Kristu. Jidher tajjeb li l-Appostlu San Ġwann kellu f’moħħu l-misteru ta’ l-ikla tal-Mulej meta qal: Bħalma Kristu ta ħajtu għalina, hekk aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. Ħuti, San Lawrenz fehmu sewwa dan il-kliem; hekk fehem, u hekk għamel; u dak kollu li ħa minn dik l-ikla, dak stess ħejja. Ħabb lil Kristu f’ħajtu, u sar jixbhu fil-mewt.

Għalhekk aħna, ħuti, jekk tassew inħobbuh, aħna wkoll għandna nsiru nixbħuh. L-aħjar frott li l-imħabba tagħna tista’ tagħti huwa dan: li nsiru nixbhu lill-eżempju: Kristu bata għalikom, u ħallielkom eżempju, biex timxu fuq il-passi tiegħu. B’dan il-kliem l-Appostlu San Pietru donnu ried jgħid li Kristu miet għal dawk biss li jimxu fuq il-passi tiegħu, u li l-mewt tiegħu ma tiswa xejn ħlief għal dawk li jimxu fuq il-passi tiegħu. Dan għamluh il-qaddisin martri, li mxew fuq il-passi ta’ Kristu sat-tixrid ta’ demmhom, sa saru jixħuh fil-mewt. Il-martri għamluh dan, imma mhux huma biss. Għax wara li huma mxew u għaddew, il-pont ma nkisirx; wara li xorbu huma, l-għajn ma nixfitx.

Għax fil-ġnien tal-Mulej, ħuti, insibu, iva, insibu mhux biss ward tal-martri, iżda wkoll ġilji tal-verġni, liedni tal-miżżewġin, u vjoli tar-romol. Ebda bniedem, ħuti għeżież, ma għandu jaqta’ qalbu mis-sejħa tiegħu; anqas xejn: Kristu għal kulħadd miet. Hi kelma tas-sewwa dik li nkitbet fuqu: Irid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu s-sewwa.

Infittxu, mela, biex nifhmu sewwa li, barra mit-tixrid tad-demm, barra mill-periklu tal-mewt, hemm mod ieħor kif in-nisrani għandu jimxi fuq il-passi ta’ Kristu. L-Appostlu tkellem hekk fuq Kristu Sidna: Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla. Araw x’kobor! Imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem u deher minn barra bħal bniedem. Araw x’umiltà!

Kristu ċekken lilu nnifsu: għandek, nisrani ħija, għandek mingħand min tieħu eżempju. Kristu sar ubbidjenti: xi trid titkabbar? Iżda mbagħad, wara ħajja hekk umli, wara r-rebħa fuq il-mewt, Kristu tela’ s-sema: nimxu warajh. Isma’ l-Appostlu xi jgħidlek: Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

RESPONSORJU Salm 17(18):3b

 

R/. Lawrenz għajjat u qal: Jiena nqim lil Alla tiegħi, u naqdi lilu waħdu; * Ma nibżax mill-moħqrija tiegħek.

V/. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: jien nittama fih. * Ma nibżax mill-moħqrija tiegħek.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

O Alla, int ħeġġiġt b’imħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Biex Lawrenz żamm sħiħ fil-fidi,

kellu jxejjen il-qlub xierfa;

xħin in-nies għatxana għal demmu

b’għodda nqdew mill-aktar kiefra.

 

L-ewwel fost is-seba żgħażagħ,

ħdejn l-artal qed jistennew;

Lawrenz iżda ogħla minnhom,

u fejn ismu jintesew.

 

Bi qlubija dam jissielet

bla ma kellu sejf ma qaddu;

xħin milqut minn dak ta’ l-għadu

qalgħu minnu w lura raddu.

 

Hekk, Lawrenz, bil-qima kollha

ngħożżu w nagħrfu tbatijietek;

jekk xi ħadd jitolbok ħniena

ċċaħħdu qatt minn għajunietek.

 

Sakemm wieqfa tibqa’ s-sema

tgħożż int tibqa’ r-rand tar-rebħa;

għax iċ-ċaħda li għamilt

tqarrbek wisq lejn l-akbar debħa.

 

Lill-Missier inbierku u ‘l-Iben,

U ‘l-Ispirtu inqimuh;

jalla b’talb Lawrenz għad niksbu

il-ħlas kollu ta’ dad-dmugħ. Ammen.

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ruħi ngħaqdet miegħek, għax ġismi nħaraq bin-nar għall-imħabba tiegħek, Alla tiegħi.

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Ruħi ngħaqdet miegħek, għax ġismi nħaraq bin-nar għall-imħabba tiegħek, Alla tiegħi.

Ant. 2: Il-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu jeħlisni minn-nar iħeġġeġ madwari, u ma nħraqtx.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Il-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu jeħlisni minn-nar iħeġġeġ madwari, u ma nħraqtx.

Ant. 3: Hieni Lawrenz, li talab u qal: Niżżik ħajr, Mulej, għax stħaqqli nidħol mill-bibien tiegħek.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Hieni Lawrenz, li talab u qal: Niżżik ħajr, Mulej, għax stħaqqli nidħol mill-bibien tiegħek.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:3-5

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta' kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f'kull xorta ta' dwejjaq. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta' Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Il-Mulej.

V/. Hu kien is-salvazzjoni tiegħi. * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 La tibżax, qaddej tiegħi, għax jiena miegħek; mqar jekk tgħaddi minn-nar, ebda ħsara ma jagħmillek, u ebda riħa ta’ ħruq ma tinxtamm fik.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 La tibżax, qaddej tiegħi, għax jiena miegħek; mqar jekk tgħaddi minn-nar, ebda ħsara ma jagħmillek, u ebda riħa ta’ ħruq ma tinxtamm fik.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, permezz tal-martri li taw ħajjithom għall-kelma ta’ Alla, infaħħru s-Salvatur tagħna, li hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, u ngħidulu:

Int fdejtna għal Alla b’demmek.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li b’rieda sħiħa għażlu l-mewt biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom.

- agħmel, Mulej, li aħna nkunu tassew ħielsa.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li stqarrew il-fidi tagħhom sat-tixrid ta’ demmhom,

- agħtina, Mulej, fidi safja u qawwija sa l-aħħar.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li refgħu salibhom u mxew warajk,

- agħmel, Mulej, li b’qalb sħiħa nistabru bl-hemm ta’ din il-ħajja.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf,

- agħtina, Mulej, ir-rebħa fuq il-qerq tal-ġisem u tad-dinja.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int ħeġġiġt b’imħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Antifoni u Salmodija tal-Ġimgħa tat-II gimgha

 

Ant.1 Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, skond il-wegħda tiegħek.

 

Salm 118 (119): 73-80

X (Jod)

 

Idejk għamluni u sawwruni; *

fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.

Jarani u jifraħ min għandu l-biża' tiegħek, *

għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.

 

Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek; *

u li skond is-sewwa għakkistni.

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, *

skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,

Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja; *

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.

Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni; *

imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.

 

Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek, *

dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.

Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek, *

biex ma jkollix għax nistħi.

 Glorja.

 

Ant.1 Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, skond il-wegħda tiegħek.

Ant.2 Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Salm 58 (59):2-5. 10-11. 17-18

 

Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, *

ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, *

salvani min-nies qattiela.

 

Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti, †

nies qalila jinġemgħu kontrija; *

u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.

Għalkemm jien bla ħtija, *

huma jiġru u jlestu għalija.

 

Imma int, Mulej ta’ l-eżerċti, †

Alla ta’ Iżrael, qum, *

ejja u ara b’għajnejk.

Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna, *

għax int, Alla, fortizza tiegħi.

Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni; *

jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.

Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek; *

ngħanni ferħan fil-għodu lit-tjieba tiegħek;

għax int sirt fortizza għalija, *

kenn tiegħi f'jum id-dwejjaq.

Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni; †

għax inti, Alla, fortizza tiegħi, *

Alla tiegħi, mħabba tiegħi!

 Glorja.

 

Ant.2 Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Ant.3 Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek.

 

Salm 59 (60)

 

O Alla, inti warrabtna u kissirtna, *

għadabt għalina; erġa' dur lejna!

 

Int heżhiżt l-art u xaqqaqtha; *

sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.

Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek, *

sqejtna nbid li jsakkar.

 

Waqqaft stendard għal dawk li jibżgħu minnek, *

biex lejh jaħarbu u jitbiegħdu mill-ark,

biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *

għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!

 

Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: †

"Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, *

 nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.

Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse,

Efrajm hu l-elmu ta' rasi, *

u Ġuda x-xettru tiegħi.

Mowab lenbija fejn ninħasel, †

fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *

fuq Filistja nifraħ rebbieħ!"

 

Min se jwassalni fil-belt bis-swar? *

Min se jeħodni sa Edom?

M'hux int, o Alla, li warrabtna, *

u li m'għadikx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna?

 

Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *

għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem.

Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; *

hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.

 Glorja.

 

Ant.3 Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:10-11

 

Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejjħilkom għax-xebħ tiegħu ta' dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa' jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem! Ammen.

 

V/. Il-Mulej libbsu bil-ferħ.

R/. Kuruna ta’ ġmiel kbir qegħidlu fuq rasu.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRAĠak 1:12

 

Hieni l-bniedem li waqt it-tiġrib jistabar, għax, wara li jkun għeleb it-tiġtib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.

 

V/. Qegħidt fil-Mulej it-tama tiegħi.

R/. Ma nibżax: x’jista’ jagħmilli l-bniedem?

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 3:1-2. 3

 

L-erwieħ tat-tajbin huma f’idejn Alla, u ebda turment ma jmisshom. F’għajnejn dawk li ma jemmnux qishom mejtin għalkollox; iżda huma jinsabu fis-sliem.

 

V/. Huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ.

R/. Iġorru l-qatet f’idejhom.

 

Talba

 

O Alla, int ħeġġiġt b’imħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Infaħħru ‘l San Lawrenz, id-djaknu martri,

li stmerr il-ġid ta’ l-art u l-frugħa tiegħu,

u qassmu lill-fqajrin b’idejh miftuħa

minħabba Kristu.

 

Hu bata n-nar, iżd’aqwa f’qalbu kienet

il-ħeġġa tan-nirien li bihom tkebbes

għall-ħajja ta’ bla tmiem li lejha ntrefa’

bi mħabbtu sħiħa.

 

Il-qtajja’ kbar ta’ l-anġli lkoll ħerqana

tellgħu għall-ħlas fis-sema r-ruħ qaddisa,

fejn dejjem qiegħed joffri t-talb għalina

lil Sid it-tjieba.

 

Għalhekk minn qalbna nitolbuh l-għajnuna

sabiex naqilgħu l-maħfra ta’ ħtijietna,

u b’għira mqaddsa nħarsu bla mittiefes

id-don tal-fidi.

 

Tifħir u glorja lill-Missier tas-sema,

‘l Ibnu l-waħdieni w lill-Ispirtu s-Santu,

li b’setgħa, għerf u mħabba jmexxu l-ħlejjaq

għall-hena tagħhom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lawrenz daħal għall-martirju jistqarr isem il-Mulej Ġesù Kristu.

  

Salm 114 (116A)

 

Inħobb il-Mulej, *

għax sama' leħen it-tħannin tiegħi;

għaliex hu tani widen *

fil-jum li fih sejjaħtlu.

 

Il-ħbula tal-mewt dawwruni,

l-irbit ta' l-Imwiet ħakimni; *

fin-niket u l-hemm sibt ruħi.

Imma isem il-Mulej sejjaħt: *

"Mulej, nitolbok, salvani!"

 

Ħanin il-Mulej, u ġust; *

twajjeb hu Alla tagħna.

Iħares id-dgħajfa l-Mulej; *

jien kont magħkus, u hu ħelisni.

 

Erġa', ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek, *

għax il-Mulej għamillek il-ġid.

Għax mill-mewt ħelisli 'l ħajti, *

lil għajnejja mid-dmugħ u 'l riġlejja mit-tfixkil.

Jien nimxi quddiem il-Mulej *

f'art il-ħajjin.

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Lawrenz daħal għall-martirju jistqarr isem il-Mulej Ġesù Kristu.

Ant. 2: Hieni Lawrenz, li b’leħen għoli qal: Nifraħ fuq li nifraħ, għax stħaqqli nkun vittma għal Kristu.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. †

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Hieni Lawrenz, li b’leħen għoli qal: Nifraħ fuq li nifraħ, għax stħaqqli nkun vittma għal Kristu.

Ant. 3: Niżżik ħajr, Mulej Ġesù Kristu, għax stħaqqli nidħol mill-bibien tiegħek.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Niżżik ħajr, Mulej Ġesù Kristu, għax stħaqqli nidħol mill-bibien tiegħek.

 

LEZZJONI QASIRA1 Piet. 4:13-14

 

Għeżież, ifirħu, għax intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, għax aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu. Jekk imaqdrukom minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta’ Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ġarrabtna, o Alla, * Iżda ħriġtna fil-wisa’. Garrabtna.

V/. Għaddejtna mill-prova bħall-fidda. * Iżda ħriġtna fil-wisa’. Glorja, Ġarrabtna.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

San Lawrenz qal: Il-lejl għalija m’huwiex mudlam, iżda kollox jiddi fid-dawl.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

San Lawrenz qal: Il-lejl għalija m’huwiex mudlam, iżda kollox jiddi fid-dawl.

 

PREĊI

 

F’din is-siegħa s-Sultan tal-martri offra lilu nnifsu fl-ikla ta’ l-aħħar u miet fuq is-salib. Inroddulu ħajr u ngħidulu:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk għax ħabbejtna għall-aħħar, int, is-Salvatur tagħna,l-agħjn u l-eżempju ta’ kull qawwa fil-martirju:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax inti ssejjaħ lill-midinbin kollha ħalli jindmu biex tagħtihom il-ħajja.

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax tajt is-setgħa lill-Knisja biex toffri d-demm tiegħek li int xerridt għall-maħfra tad-dnubiet, id-demm tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax illum bil-grazzja tiegħek żammejtna sħaħ fil-fidi:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax illum seħibt miegħek ħafna aħwa fil-mewt:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int ħeġġiġt b’imħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun Ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek,*

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

  

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.