Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA

 

TAL-XIV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tlieta tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla kbir hu l-Mulej: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl u kmieni ma’ sbieħ il-jum

Qabel ma jfeġġ mill-lvant id-dawl u jsebbaħ

b’gawhriet fiddiena x-xtut tal-gżejjer tagħna,

inħollu lsienna w b’qalb ferħana ngħannu

tifħir lil Sidna.

 

Ngħaqqdu leħinna ma’ ta’ l-anġli w ngħannu

lis-Sultan twajjeb tagħna, sa nissieħbu

mal-qaddisin u jistħoqqilna nidħlu

fil-ħajja hienja.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu;

u lilha d-dinja kollha trodd bla heda

tifħir u glorja. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Mulej fil-ħniena tiegħek, agħti widen

għall-leħen umli tal-qaddejja tiegħek;

fiċ-ċokon tagħna nersqu lejk, bit-tama

 li tisma’ talbna.

 

Mit-tron tas-saltna tiegħek, ixħet fuqna

ħarsa ta’ tjieba w sliem, u żomm mixgħula

l-imsiebaħ tagħna, li għalik ħejjejna

 biż-żejt tal-fidi.

 

Sultan tas-sema w l-art, Għarus tal-verġni,

kebbes lil qalbna b’nar l-imħabba safja,

biex, meta tiġi w tħabbat, dlonk niftħulek,

 u nidħlu miegħek.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu;

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

 tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu.

 

Salm 36 (37)

 

I

 

La tagħdabx minħabba l-ħżiena, *

la tgħirx għal dawk li jagħmlu d-deni;

għax bħall-ħaxix malajr jidbielu, *

u bħan-nibbieta malajr jinxfu.

 

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; *

għammar fl-art, u tgħix b'moħħok mistrieħ;

qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, *

u jagħtik dak li tixtieq qalbek. 

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, *

afda fih, u jagħmel hu.

Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek, *

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.

 

Serraħ rasek fil-Mulej u ttama fih; *

tinkeddx minħabba f'min jirnexxi

 u f'min jimxi bil-ħżunija.

Ħallik mill-korla u la tirrabjax; *

tinkedd xejn, għax deni jiswielek.

 

Għax il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra; *

min jittama fil-Mulej jikseb l-art.

Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; *

għad tħares fejn kien u ma ssibux.

Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, *

u bi sliem kotran jitgħaxxqu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu.

Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.

 

II

 

Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust, *

u jgħażżeż snienu kontra tiegħu.

Imma l-Mulej bil-ħażin jidħak, *

għax jara li wasal żmienu.

 

Jisiltu s-sejf il-ħżiena, *

u jmiddu l-ark tagħhom,

biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar, *

u joqtlu 'l min jimxi sewwa.

Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom, *

u l-ark tagħhom jitkisser.

Aħjar il-ftit li għandu l-ġust *

mill-ġid kotran tal-ħżiena.

Għax dirgħajn il-ħażin jitkissru, *

imma l-Mulej iżomm il-ġusti.

 

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin, *

u wirthom jibqa' għal dejjem.

Ma jitfixklux f'siegħa ħażina, *

u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.

 

Imma l-ħżiena għad jintilfu; †

l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba', *

u jgħibu kif jgħib id-duħħan.

Jissellef il-ħażin u ma jroddx; *

imma l-ġust iħenn u jagħti.

 

Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art; *

imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu 'l barra.

Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem, *

iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.

Jekk jaqa', ma jmurx għal tulu fl-art, *

għax il-Mulej iżommlu idu.

 

Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, †

u qatt ma rajt il-ġust minsi, *

jew uliedu jittallbu ħobżhom.

Dejjem iħenn u jislef bil-qalb, *

u wliedu jgħixu bil-barka.

 

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

biex tibqa' tgħammar għal dejjem.

Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, *

u ma jitlaqx it-twajbin;

hu jħarishom għal dejjem, *

imma wlied il-ħżiena jeqridhom.

Il-ġusti jirtu l-art, *

u jgħammru fiha għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti.

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.

 

III

 

Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf, *

u lsienu jgħid is-sewwa.

Il-liġi ta' Alla tiegħu għal qalbu, *

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.

Il-ħażin jgħasses għall-ġust, *

u jfittex li jneħħilu ħajtu.

Imma l-Mulej ma jitilqux f'idejh, *

ma jħallihx jaqa' taħt il-ħaqq tiegħu.

 

Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, †

hu jerfgħek biex tikseb l-art; *

mbagħad tara l-ħżiena meqruda.

Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar, *

jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.

Erġajt għaddejt, u ma rajtux; *

fittixtu, u ma sibtux.

 

Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; *

għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.

Imma l-midinbin flimkien jinqerdu; *

ulied il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej; *

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena, *

isalvahom għax fih jistkennu. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.

 

V/. Fehma tajba u għerf għallimni.

R/. Għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel 2 Sam 18:6-17. 24-19:5

 

Il-mewt ta’ Absalom u l-biki ta’ David

 

F’dawk il-jiem: L-eżerċtu ħareġ fir-raba' kontra Iżrael u qamet battalja kbira fil-foresta ta' Efrajm. Hawn l-eżerċtu ta' Iżrael tfarrak quddiem il-qaddejja ta' David; dakinhar saret ħerba kbira, għoxrin elf ruħ intilfu. Billi l-ġlied xtered ma' l-art kollha, dakinhar iktar qerdet nies il-foresta milli qerdet ix-xabla.

 Absalom sab ruħu wiċċ imbwiċċ mal-qaddejja ta' David. Absalom kien riekeb fuq il-bagħal, u l-bagħal għadda minn taħt il-friegħi ta' balluta kbira; ras Absalom tħabblet mal-balluta, u hu baqa' mdendel bejn sema u art, filwaqt li l-bagħal li kien taħtu baqa' għaddej. Kien hemm raġel li rah, u mar jgħarraf b'dan lil Ġowab. “Ara!” qallu, “rajt lil Absalom imdendel ma' balluta.” U Ġowab qal lir-raġel li tah l-aħbar: “U int rajtu, u għala ma waħħaltux hemm ma' l-art? Kont nagħtik għaxar bċejjeċ tal-fidda u ħżiem magħhom.” U r-raġel wieġeb lil Ġowab: “Lanqas li kieku wiżintli elf xekel tal-fidda fil-keffa ta' jdejja ma kont immidd idi fuq bin is-sultan. Għax f'widnejna s-sultan ordna lilek u lil Abisaj u lil Ittaj u qalilkom: 'Ibżgħuli għat-tifel Absalom'. Li kieku jien għamilt xi ħaġa ħażina minn rajja - u xejn ma jibqa' moħbi għas-sultan - int kont tqum kontra tiegħi.” U Ġowab wieġeb: “Imma jien m'hux se noqgħod nistenna ċass quddiemek.” U qabad tliet vleġeġ f'idejh u mar waħħalhom f'qalb Absalom, li kien għadu ħaj f'nofs il-balluta. Mbagħad daru miegħu għaxar żgħażagħ, skudieri ta' Ġowab, darbuh u qatluh. Mbagħad Ġowab daqq it-tromba, u l-eżerċtu ma baqax jiġri wara Iżrael, għax Ġowab żammhom. U qabdu lil Absalom u xeħtuh f'ħofra kbira fil-foresta, u tellgħu fuqu gozz ġebel kbir ħafna. U l-Iżraelin kollha ħarbu, kulħadd għat-tinda tiegħu.

David kien bilqiegħda bejn iż-żewġ bibien. L-għassies tela' fuq is-saqaf tal-bieb li kien hemm fuq is-sur u beda jħares, u, malli dan, lemaħ raġel riesaq jiġri waħdu. L-għassies beda jgħajjat u mar jgħarraf lis-sultan b'dan. U s-sultan staqsieh: “Jekk inhu waħdu aħbar tajba għandu fuq fommu.” U dak baqa' miexi u joqrob. U l-għassies lemaħ raġel ieħor ġej jiġri u l-għassies għajjat lil tal-bieb u qallu: “Ara, ġej raġel jiġri waħdu.” U s-sultan qal: “Dan ukoll b'aħbar tajba ġej.” U l-għassies żied jgħid: “Qiegħed nara li l-ġiri ta' l-ewwel wieħed jixbaħ il-ġiri ta' Aħimas, bin Sadok.” U s-sultan qal: “Dak raġel sewwa; u b'aħbar tajba ġej.”

U Aħimas għajjat u qal lis-sultan: “Is-sliem.” U tbaxxa wiċċu fl-art quddiem is-sultan u qal: “Imbierek il-Mulej, Alla tiegħek, għaliex rażżan in-nies li refgħu idejhom fuq sidi s-sultan.” U s-sultan staqsieh: “Kollox sewwa mat-tifel Absalom?” U Aħimas wieġbu: “Rajt rassa kbira hu u jibgħat Ġowab qaddej tas-sultan u lili l-qaddej tiegħek; imma ma nafx x'kien hemm.” Is-sultan qallu: “Mur fil-ġenb, u oqgħod hemm.” Dak mar fil-ġenb, u qagħad hemm jistenna.

U, ara, wasal il-Kusi, u qal: “Aħbarijiet tajba hemm għal sidi s-sultan. Il-Mulej illum għamel ħaqq miegħek kontra dawk kollha li qamu għalik.” U s-sultan staqsa lill-Kusi: “Absalom it-tifel, jinsab tajjeb?” Il-Kusi wieġeb: “Ħalli jiġrilhom bħal dak iż-żagħżugħ l-għedewwa ta' sidi s-sultan u kull min iqum għalik biex jagħmillek id-deni!”

Mbagħad is-sultan qabditu rogħda. Tala' fil-kamra ta' fuq il-bieb, u hemm beda jibki u jgħajjat: “Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! M'hux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!”

U ħabbru lil Ġowab: “Ara, is-sultan qiegħed jibki u jitniehed minħabba Absalom.” U r-rebħa ta' dakinhar inbidlet f'niket għall-eżerċtu kollu, għaliex dakinhar l-eżerċtu sama' min jgħid: “Is-sultan hu mgħolli minħabba f'ibnu.” Dakinhar l-eżerċtu daħal bħal ħalliel fil-belt, bħalma jidħol bħal ħalliel eżerċtu maħrub wara battalja. Is-sultan kien għatta wiċċu u beda jgħajjat b'leħen qawwi: “Ibni Absalom! Absalom ibni, ibni!”

 

RESPONSORJU Salm 54(55):13a. 14a. 15a; ara 40(41):10b; 2 Sam 19:1

 

R/. Li kien xi għadu dak li ċanfarni, kont nissaporti: * Imma int wieħed bħali, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, int intrefajt kontrija.

V/. Is-sultan qabditu rogħda, tela’ fil-kamra ta’ fuq il-bieb, u hemm beda jibki u jgħajjat: * Imma int wieħed bħali, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, int intrefajt kontrija.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ Santu Wistin fuq is-Salmi

 

Dawk li huma mifrudin minna, irridu jew ma rridux, huma ħutna

 

Ħuti, inħeġġiġkom fuq kollox biex nuru mħabba mhux biss għal xulxin, imma wkoll għal dawk li mahumiex magħna, sew jekk għadhom pagani, u sew jekk jemmnu fi Kristu, iżda huma mifrudin minna, u, għalkemm jistqarru bħalna li Kristu hu r-ras tagħhom, huma mifrudin minn ġismu. Ħa jisgħob bina, ħuti, għalihom, bħala ħutna, għax, irridu jew ma rridux, huma ħutna: ma jibqgħux aktar ħutna biss meta ma jibqgħux jgħidu lil Alla: Missierna.

Il-profeta jgħid dan fuq xi wħud: Lil dawk li jgħidulkom: M’intomx ħutna, weġbuhom: Intom ħutna. Ħarsu dawra madwarkom u araw għal min seta’ jgħid dan il-kliem il-profeta. Forsi għall-pagani? Le; lill-pagani ma nsejjħulhomx ħutna, la skond l-Iskrittura u lanqas skond id-drawwa tal-Knisja. Forsi għall-Lhud, li ma emmnux fi Kristu? Aqraw l-Appostlu u taraw kif il-kelma “ħuti”, meta ma jżid ebda kelma oħra magħha, hu dejjem jgħidha għall-insara: Imma int, għax għandek tagħmel ħaqq minn ħuk? U lil ħuk għaliex għandek tmaqdru? U f’xi mkien ieħor jgħid: L-inġustizzja tagħmluha intom stess u tqarrqu bl-oħrajn, u dan lil ħutkom!

Mela dawk li jgħidulna: “M’intomx ħutna”, qed jgħajjruna li aħna pagani. Għalhekk iriduna nerġgħu nitgħammdu, għaliex aħna ma għandniex dak li jagħtu huma. Minn hawn ġej l-iżball tagħhom li jgħidu li m’aħniex ħuthom. Iżda l-profeta jgħidilna nweġbuhom: “Intom ħutna”, għall-ebda ħaġa oħra ħlief għax aħna nagħrfu li huma għandhom tassew il-Magħmudija, u għalhekk ma nerġgħux ngħammduhom. Huma, għax ma jagħrfux il-Magħmudija tagħna, jgħidu li m’aħniex ħuthom, waqt li aħna ngħidulhom: “Intom ħutna”, mhux għax ma rridux inġeddu l-Magħmudija tagħhom, iżda għaliex inqisu li l-Magħmudija li rċevew hija tagħna.

Huma jgħidulna: “Għalfejn tiġru warajna? Xi tridu minna?” Aħna nweġbuhom: Għax intom ħutna. Huma jgħidulna: “Tbiegħdu minna, ma rridux ikollna x’naqsmu magħhom, għax ilkoll nistqarru Kristu wieħed, u għalhekk għandna nkunu ġisem wieħed taħt ras waħda.

Issa hu ż-żmien li nuru mħabba kbira u kotra ta’ ħniena għal dawn ħutna mifrudin minna, billi nitolbu lil Alla għalihom, ħalli xi darba jagħtihom il-grazzja li jifhmu sewwa u jagħrfu u jaraw li ma għandhom xejn xi jgħidu kontra l-verità li aħna nħaddnu: ma baqgħalhomx ħlief li għadhom xi ftit kontra tagħna, u din l-oppożizzjoni tagħhom għalina, aktar ma tidher li hi qawwija aktar hi dgħajfa. Għalhekk, ħuti, bil-ħerqa kollha nitlobkom, f’ġieħ l-imħabba li tisqina b’ħalibha u ssaħħaħna bil-ħobż tagħha, f’ġieħ Sidna Ġesù Kristu, f’ġieħ it-tjieba tiegħu: ħudu ħsieb dawk li huma dgħajfa, dawk li huma għorrief biss fl-għerf tad-dinja, dawk li huma biss medhijin bl-għemejjel tal-ġisem – ilkoll ħutna, ilkoll jiċċelebraw il-misteri qaddisa bħalna għalkemm mhux magħna, ilkoll iwieġbu l-Amen tagħhom bħalna iżda mhux magħna. Offru ‘l Alla l-imħabba kollha tagħkom għalihom.

 

RESPONSORJU Ef 4:1. 3. 4.

 

R/. Inħeġġiġkom jien fil-Mulej biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejħin: * Ħabirku biex iżżommu Spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem.

V/. Ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejjħa għal tama waħda: * Ħabirku biex iżżommu Spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem.

 

TALBA

 

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jum ta’ dejjem mingħajr għabex,

id-dawl tiegħek qatt ma jonqos;

dlam u lejl imbiegħda minnek,

int li ħlaqt id-dawl fil-bidu.

 

Diġà bjad fil-lvant ix-xefaq,

beda juri l-jum li riesaq,

u, bil-kewkba ta’ filgħodu,

sfaru w għebu l-kwiekeb l-oħra.

 

O Mulej, ħallejna friexna

bla tnikkir, ħa nsebbħu lilek,

inroddulek ħajr għax tajtna

dal-jum ġdid, għall-glorja t’ismek.

 

Tħalliniex inkunu mqarrqa

minn sbuħit ix-xemx li tidher,

imma għinna biex nixtiequ

lilek waħdek, Xemx tas-sewwa.

 

Itfi fina n-nar tal-korla,

rażżan l-ikel u x-xorb żejjed,

żommna lkoll matul ħidmietna

f’għaqda miegħek u bejnietna.

 

Hekk, qawwija w sħaħ fil-fehma,

b’qalb nadifa f’ġisem safi,

nistgħu ngħaddu dil-ġurnata

b’fedeltà ma’ Kristu Sidna.

  

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek.

 

Salm 42 (43)

 

Agħmel ħaqq minni int, Mulej, †

u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi; *

min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.

Inti l-kenn tiegħi, o Alla; għaliex warrabtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek; †

huma jmexxuni; *

iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek

u sa l-għerejjex tiegħek.

U nidħol ħdejn l-artal ta' Alla, *

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U nroddlok ħajr biċ-ċetra, *

Mulej, Alla tiegħi.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek.

Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

 

Kantiku Iż 38:10-14. 17-20

 

"Jien għedt: F'nofs il-medda ta’ ħajti; *

Nitqiegħed f’bibien l-imwiet għall-bqija ta’ snini!”

 

Jien għedt: "M'iniex se nara l-Mulej *

f'art il-ħajjin;

ma nara b'għajnejja ‘l ħadd iżjed *

minn fost dawk li jgħammru fid-dinja !”

 

Tneħħietli l-għamara tiegħi †

u ġiet mwarrba minni, *

bħal għarix ta' ragħaj.

Kebbibtli ħajti, †

kif jagħmel nissieġ biex jaqta’ minn-newl. *

Lejl u nhar inti fnejtni.

Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum : †

bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi. *

Lejl u nhar inti fnejtni.

 

Bħal ħuttafa npespes, bħal ħamiema nokrob ; *

għajnejja mbikkija jħarsu 'l fuq.

Int salvajtli ħajti mill-ħofra tal-qerda ; *

int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.

 

Ma jfaħħrukx l-imwiet, *

anqas il-mewt ma ssebbħek.

Fil-fedeltà tiegħek ma jittamawx aktar *

dawk li jinżlu fil-qabar.

 

Min hu ħaj iroddlok ħajr bħali llum ; *

il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek.

Salvana, Mulej, u aħna ndoqqu ċ-ċetri * 

il-jiem kollha ta' ħajjitna f'dar il-Mulej. 

 Glorja.

 

Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.

 

Salm 64 (65)

 

Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f'Sijon; *

lilek inroddu l-wegħda, int, li tisma' talbna.

Quddiemek jersaq kull bniedem, *

minħabba fi ħtijietu.

Kbar wisq għalina dnubietna; *

iżda inti taħfirhomlna.

 

Hieni l-bniedem li inti tagħżel *

u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek.

Bil-ġid ta' darek nixbgħu *

fit-tempju mqaddes tiegħek.

Ta' l-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, *

o Alla tas-salvazzjoni tagħna.

Int tama ta' min jgħix fi truf l-art *

u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.

 

Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b'qawwietek, *

Inti mħażżem bis-saħħa.

Inti ssikket l-għajat ta' l-ibħra, †

u l-ħsejjes ta' l-imwieġ tagħhom, *

u t-tixwix tal-popli.

U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art *

quddiem l-għeġubijiet tiegħek.

Iż-żerniq u għib il-jum *

inti timliehom bil-ferħ.

 

Inti żżur l-art u ssaqqiha, *

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta' Alla mimli bl-ilma; *

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.

Hekk int tħejjiha: †

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.

 

Fawwart is-sena bi tjubitek, *

triqatek bil-ġid joqtru;

joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, *

u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.

Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, †

il-widien jinksew bil-qamħ; *

jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! 

Glorja.

 

Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:4-5

 

Intom, ħuti, m’intomx hekk fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni Mulej; * Fi kliemek jien nittama. Isma’.

V/. Sa minn qabel is-sebħ jien nitlob l-għajnuna. * Fi kliemek jien nittama. Glorja. Isma’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, salvana minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna bil-qawmien tiegħu mill-imwiet ferrex dawl ta’ glorja fuq id-dinja kollha. Inberkuh, u bl-umiltà kollha nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, żommna miexja warajk fit-triq tiegħek.

Mulej Ġesù, b’dan it-talb tagħna ta’ filgħodu nagħtu ġieħ lill-qawmien tiegħek għall-ħajja:

- agħmel li t-tama tal-glorja tiegħek tkun id-dawl ta’ ħajjitna f’din il-ġurnata.

Ilqa’, Mulej, ix-xewqat u l-fehmiet tajba tagħna:

- noffruhomlok bħala l-bidu ta’ kull ma se nagħmlu llum.

Agħtina li f’dan il-jum nimxu ‘l quddiem fi mħabbtek:

- għinna fit-tħabrik tagħna biex kollox jisfa’ ta’ fejda għalina u għall-proxxmu kollu.

Agħmel, Mulej, li d-dawl tagħna jiddi quddiem il-bnedmin:

- biex jaraw l-għemil tajjeb tagħna u jigglorifikaw lill-Missier.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti d-dawl tassew li ddawwal lill-bnedmin kollha biex isalvaw; agħtina l-qawwa biex minn issa nħejjulek dinja li, meta inti tiġi, issib fiha l-paċi u l-ġustizzja. Inti, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Fil-post fejn jien barrani, jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119):49-56

 

VII (Żajin)

 

Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, *

li biha inti ttamajtni.

Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: *

li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.

Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar; *

imma jiena ma nitbegħidx mil-liġi tiegħek.

Niftakar fid-digrieti tiegħek ta' dari; *

fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.

Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena *

li jitilqu l-liġi tiegħek.

L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek, *

f'dan il-post fejn jien barrani.

 

Billejl f'ismek niftakar, Mulej, *

u nħares il-liġi tiegħek.

Din hi l-barka li messet lili: *

li jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Fil-post fejn jien barrani, jiena nħares il-preċetti tiegħek.

Ant.2 Alla jerġa’ jqajjem il-poplu tiegħu, u aħna nifirħu.

 

Salm 52 (53)

 

Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla!" *

Tħassru l-bnedmin,

għamlu ħwejjeġ ta' min jistmellhom; *

m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

 biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Lkoll intilfu, †

lkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed. 

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu lil Alla?

li jaħtfu l-poplu tiegħi *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

 bla ma kellhom għalfejn;

għax Alla kissrilhom għadamhom lil dawk li dawwruk; *

tħawwdu, għax Alla telaqhom.

 

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem Alla l-poplu tiegħu,

 jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Ant.2 Alla jerġa’ jqajjem il-poplu tiegħu, u aħna nifirħu.

Ant.3 Alla l-għajnuna tiegħi; il-Mulej hu dak li jżommni.

Salm 53 (54):1-6. 8-9

 

B'ismek, o Alla, salvani; *

agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

Isma', o Alla, it-talba tiegħi; *

agħti widen għal kliem fommi.

 

Għax nies barranin qamu kontrija, †

nies kefrin jonsbuli ħajti; *

ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom. 

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi: *

il-Mulej hu dak li jżommni.

 

Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju; *

inrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.

Għax minn kull hemm ħelisni l-Mulej; *

jitpaxxew għajnejja bl-għedewwa mirbuħa.

 Glorja.

 

Ant.3 Alla l-għajnuna tiegħi; il-Mulej hu dak li jżommni.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:4-6

 

Hemm diversi doni, imma wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd.

 

V/. Qrib hi s-salvazzjoni ta’ Alla għal dawk li jibżgħu minnu.

 R/. Biex jgħammar is-sebħ f’artna.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:12-13

 

Bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn spirtu wieħed.

 

V/. Missier qaddis, ħarisna f’ismek.

 R/. Biex isseħħ fina l-milja ta’ l-għaqda.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 12:24b. 25-26

 

Alla qassam il-ġisem b’mod li ma jkunx hemm firda fih, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin. Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; u jekk wieħed ifaħħruh, jifirħu lkoll flimkien.

 

 V/. Mulej Alla tagħna, iġmagħna minn fost il-ġnus.

 R/. Biex inroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazzjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mexxej kbir taż-żmien u l-ġrajja,

bejn il-lejl u n-nhar ridt għażla;

tul in-nhar il-bniedem jaħdem,

tul il-lejl jistrieħ u jorqod.

 

Ibqa’ magħna, ishar fuqna,

u, fid-dlam tal-lejl li riesaq,

ma jiġix il-għadu jwaddab

kontra tagħna l-vleġeġ tiegħu.

 

Biegħed minna kull ħsieb ikrah,

ħa jehdew is-sensi tagħna,

u, fis-sliem u l-kwiet, tiġġedded

u tissaħħah qawwet ruħna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

 

Salm 48 (49)

 

I

 

Isimgħu dan, popli kollha; *

agħtu widen, intom ilkoll li tgħixu fid-dinja;

kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu, *

kemm il-għonja u kemm il-fqar.

 

Fommi jitkellem l-għerf, *

u nxandar il-fehmiet ta' qalbi. 

Nagħti widen għal kliem l-għerf; *

se nfisser fuq iċ-ċetra l-kliem tqil tiegħi.

 

Għax għandi nibża' mill-jiem ħżiena, *

meta jdur għalija l-ħażen ta' dawk li jonsbuni?

F'ġidhom it-tama tagħhom; *

jiftaħru bil-kotra ta' l-għana tagħhom.

 

Ħadd ma jista' jifdi lilu nnifsu, *

jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.

Għoli wisq il-prezz ta' ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed, *

biex wieħed jgħix għal dejjem

 u qatt ma jara il-qabar.

Jara mqar l-għorrief imutu, †

l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu, *

 u lil ta' wrajhom iħallu ġidhom.

 

Qabarhom hu darhom għal dejjem, †

għamara tagħhom minn nisel għal nisel, *

għalkemm għamlu isem f'artijiethom.

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.

 

II

 

Din xortih min jittama fih innifsu; *

hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħa tiegħu.

Bħal nagħaġ lejn l-imwiet mexjin, *

l-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom;

dritt lejn il-qabar jinżlu, *

jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta' xejn.

 

Imma lili Alla jifdili ħajti, *

mis-setgħa ta' l-imwiet żgur jaħtafni.

Tibżax meta xi ħadd jistagħna, *

meta joktor il-ġieħ ta' daru.

Għax xejn ma jieħu f'mewtu, *

ġieħu ma jinżilx warajh.

 

Mqar jekk f'ħajtu jħoss ruħu hieni, *

u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;

imur ukoll mal-ġemgħa ta' missirijietu, *

li qatt aktar ma jaraw id-dawl.

 

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi l-glorja u t-tifħir.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 3:23-25a

 

Ladarba l-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla, huma jsiru ġusti bil-grazzja tiegħu, li hu jagħtihielhom minn rajh, permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù, li Alla qiegħdu bħala mezz ta’ maħfra bid-demm tiegħu, maħfra li tinqala’ bis-saħħa tal-fidi. B’hekk ried juri l-ġustizzja tiegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Quddiemek, Mulej Alla, * Hemm il-milja tal-ferħ. Quddiemek.

V/. F’lemintek hemm l-għaxqa għal dejjem. * Hemm il-milja tal-ferħ. Glorja. Quddiemek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Mulej, agħmel magħna ħwejjeġ kbar, għax inti s-Setgħani, u qaddis ismek.

 

PREĊI

 

Infaħħru lil Kristu, ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħna, li jħobb u jħares lill-poplu tiegħu. Fih inqiegħdu t-tama tagħna u miċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.

Ragħaj ta’ dejjem ħares lill-Isqof tagħna N.:

- u ‘l-Isqfijiet kollha tal-Knisja tiegħek.

Ixħet ħarsa ta’ tjieba lejn dawk kollha li huma ppersegwitati:

- fittex eħlishom mit-taħbit kollu tagħhom.

Ħenn, Mulej, għal dawk l-ulied tiegħek li huma nieqsa mill-bżonnijiet ta’ kull jum:

- iftaħ idejk u pprovdi l-ikel lil min hu bil-ġuħ.

Agħti d-dawl tiegħek lill-leġislaturi ta’ art twelidna u tal-pajjiżi kollha:

- agħmel li f’kollox jimxu bl-għerf u l-għaqal u l-ġustizzja.

Għin lil ħutna l-mejtin, li fdejthom b’demmek:

- agħmilhom denji li jidħlu miegħek għall-festa tat-tieġ ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej Alla, Sid il-jum u l-lejl, agħtina l-grazzja li x-xemx tal-ġustizzja tibqa’ dejjem tiddi fi qlubna, biex nistgħu naslu fid-dawl li fih inti tgħammar. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

  

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.