Stampa t-test kollu ...


9 ta’ Novembru

 

ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILKA TAL-LATERAN

 

FESTA

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Madwarek, Kristu, Sultan twajjeb tagħna,

ninġabru llum hawnhekk fit-talb u l-qima,

b’tifkira hienja tal-konsagrazzjoni

tat-tempju mqaddes t’Alla.

 

Għax hawn tassew dar Alla, s-Sultan għoli;

dan huwa tabilħaqq il-bieb tas-sema,

dejjem miftuħ għal min ħerqan ifittex

il-belt fejn hemm il-ħajja.

 

Din hija d-dar li tiġma’ l-poplu tiegħek,

tgħinu bħal omm bis-sagramenti mqaddsa,

u twieżnu bl-ikel u bix-xorb ta’ l-anġli,

biex jista’ jgħix għal dejjem.

 

Mexxej ħanin, bit-tjieba ħares lejna,

qaddejja tiegħek, miġburin qalb waħda

sabiex bi mħabba kbira nixhdu l-hena

tal-festa tad-dar tiegħek.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien l-Ispirtu,

minn tarf ta’ l-art għall-ieħor. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem.

 

Salm 23 (24)

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; *

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

 

Ant. 1: Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem.

Ant. 2: Għażiża tassew hija d-dar ta’ Alla.

 

Salm 83 (84)

 

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, *

Mulej ta' l-eżerċti!

Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; *

ngħanni ferħan b'ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.

Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, *

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, *

Mulej ta' l-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!

 

Henjin dawk li jgħammru f'darek; *

huma jfaħħruk għal dejjem.

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, *

li għandhom għal qalbhom

 il-pellegrinaġġ għat-tempju.

 

Huma u għaddejja minn wied niexef, †

ibiddluh f'nixxiegħa ta' ilma; *

u x-xita bikrija tbiddlu f'għadajjar.

Jimxu minn belt għal belt, *

sa ma jidhru quddiem Alla f'Sijon.

 

Mulej, Alla ta' l-eżerċti, isma' talb tiegħi; *

agħti widen, Alla ta' Ġakobb.

Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna, *

ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek *

aħjar minn elf jum f'post ieħor;

aħjar noqgħod fuq l-għatba ta' dar Alla tiegħi *

milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.

 

Għax xemx u tarka l-Mulej Alla, *

ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.

Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej *

lil min jimxi bis-sewwa.

Mulej ta' l-eżerċti, *

hieni l-bniedem li jittama fik!

 Glorja.

 

Ant. 2: Għażiża tassew hija d-dar ta’ Alla.

Ant. 3: O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.

 

Salm 86 (87)

 

Il-Mulej bena 'l Sijon *

fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha *

aktar mill-għamajjar kollha ta' Ġakobb.

 

O belt ta' Alla, *

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

"Ngħodd 'il Raħab u 'l Babel *

ma' dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *

dawn twieldu hemm!"

U għal Sijon jingħad: *

"Lkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu *

jwettaqha f'postha."

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *

"Dan twieled hemm!"

U jgħannu, huma u jiżfnu, *

dawk kollha li jgħammru fik.

 Glorja.

 

Ant. 3: O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.

 

V/. B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek.

R/. U nroddlok ħajr, Mulej.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu 1 Piet 2:1-17

 

Inbnew intom ukoll f’dar spiritwali

 

Għeżież: Warrbu ‘l bogħod minnkom kull ħażen u kull qerq; warrbu l-wiċċ b'ieħor, u l-għira u kull xorta ta' tqassis. Bħal trabi tat-twelid, ixxennqu għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni, jekk intom tabilħaqq doqtu kemm hu tajjeb il-Mulej. Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f'dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura:

 

“Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u għażiża;  min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad.” Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux,

din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka u ġebla ta’ tiġrif u tfixkil; tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla; għal dan kienu ddestinati. Imma intom ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru l-glorja ta' dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb. Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta' Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu.

Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-xewqat tal-ġisem li jitqabdu kontra r-ruħ. Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu 'l Alla meta jasal Jum iż-Żjara tiegħu.

Għall-imħabba tal-Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-bnedmin: kemm għas-sultan bħala l-aqwa wieħed, u kemm għall-gvernaturi, li hu qiegħed biex jikkastigaw lil min jagħmel il-ħażin u jfaħħru lil min jagħmel it-tajjeb. Għax din hija r-rieda ta' Alla: li bl-għemil tajjeb tagħkom issikktu fomm l-injuranza ta' nies bla għaqal. Għixu bħala nies ħielsa, mhux biex tinqdew bil-ħelsien tagħkom biex bħallikieku tgħattu l-ħażen, imma bħala qaddejja ta' Alla. Agħtu ġieħ lil kulħadd. Ħobbu lill-aħwa, qimu lil Alla, weġġħu lis-sultan.

 

RESPONSORJU ara Tob 13:21: Apok 21:19-21

 

R/. Il-ħitan tiegħek kollha ħaġar prezzjuż: * It-torrijiet ta’ Ġerusalemm huma tad-deheb.

V/. Il-bibien ta’ Ġerusalemm huma tas-saffiri u l-iżmeraldi, u l-ħitan ta’ madwarha kollha ħaġar prezzjuż. * It-torrijiet ta’ Ġerusalemm huma tad-deheb.

  

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ċesarju ta’ Arles

 

Kull wieħed minna sar tempju ta’ Alla bil-magħmudija

 

Ħuti għeżież, għall-grazzja ta’ Kristu qegħdin niċċelebraw illum bil-ferħ u l-hena t-twelid ta’ dan it-tempju, iżda l-veru tempju ħaj ta’ Alla għandna nkunu aħna. Bir-raġun kollu l-insara, bil-ħeġġa tal-fidi tagħhom, jagħmlu l-festa tal-Knisja Omm, għaliex jafu li permezz tagħha huma twieldu mill-ġdid fir-ruħ. Għax jekk fl-ewwel twelid tagħna konna oġġetti tal-korla ta’ Alla, bit-tieni twelid stħoqqilna nsiru oġġetti tal-ħniena tiegħu. L-ewwel twelid wellidna għall-mewt, it-tieni wieħed sejjħilna għall-ħajja.

Ilkoll kemm aħna, ħuti għeżież, qabel tgħammidna konna tempji tax-xitan; wara li tgħammidna stħoqqilna nkunu tempji ta’ Kristu; u jekk naħsbu sewwa fuq is-salvazzjoni ta’ ruħna għandna naslu biex nagħrfu li l-veru tempju ħaj ta’ Alla huwa kull wieħed minna. Alla ma jgħammarx biss fi djar maħduma bl-idejn, lanqas fid-djar ta’ l-injam jew tal-ġebel, imma jgħammar l-aktar fir-ruħ maħluqa xbieha ta’ Alla, u mibnija b’idejn l-istess mgħallem divin. Dan jgħidilna l-Appostlu San Pawl: Qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom.

U għax Kristu, meta ġie, keċċa minn qlubna x-xitan, biex fina jħejji tempju għalih, għandna nħabirku kemm nistgħu bl-għajnuna tiegħu, biex ma jġarrabx ħsara minħabba l-għemejjel ħżiena tagħna; għax kull min jagħmel il-ħażin, ikun joffendi lil Kristu. Kif ġa għidt, qabel ma fdiena Kristu, konna djar tax-xitan; mbagħad stħoqqilna nkunu djar ta’ Alla; Alla għoġbu jagħmel minna dar għalih.

Mela, ħuti għeżież, jekk irridu niċċelebraw bil-ferħ it-twelid ta’ din il-knisja, m’għandniex neqirdu fina, bl-għemejjel ħżiena tagħna, it-tempju ħaj ta’ Alla. U ngħid dan b’mod li kulħadd jifhimni: kull darba li niġu l-knisja, għandna nfittxu li jkollna ruħna hekk nadifa u mdawwla kif nixtiequ nsibu l-knisja.

Trid issib il-knisja nadifa? Tħammiġx ruħek bit-tbajja’ tad-dnub. Jekk trid li l-knisja tkun imdawwla, Alla jrid li ruħek ma tkunx imdallma, imma, kif hu stess jgħid, ħa jiddi fina d-dawl ta’ l-għemejjel tajba biex ikollu glorja dak li hu fis-smewwiet. Kif int tidħol f’din il-knisja, hekk Alla jrid jidħol f’ruħek, kif wiegħed: Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.

 

RESPONSORJU ara Eżek 47:1. 9

 

R/. Rajt l-ilma ħiereġ mit-tempju minn-naħa tal-lemin, hallelujah, u kull min intlaħaq minn dan l-ilma * Ilkoll raw is-salvazzjoni u jgħidu: hallelujah, hallelujah.

V/. F’jum il-konsagrazzjoni tat-tempju l-poplu għajjat bil-ferħ u fuq fommhom kellhom għana kollu ħlewwa. * Ilkoll raw is-salvazzjoni u jgħidu: hallelujah, hallelujah.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

  

TALBA

O Alla, int ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Mulej fuq il-blat bena daru,

fejn il-ġebla tax-xewka hu Kristu;

hu li jgħaqqad u jsaħħaħ il-bini,

hu li jorbot u jqawwi ħitanha;

kollha ferħ tilqgħu Sijon il-ġdida,

għaliex taf li hu s-sies ta’ twemminha.

 

Fil-belt t’Alla, qaddisa w maħbuba,

jidwi l-għana ta’ sebħ u foħrija,

kif uliedha, fil-ħeġġa ta’ qalbhom

jinsġu innu ta’ qima lill-Għoli,

u jxandruh tliet Persuni magħżula

f’Alla wieħed minn dejjem ta’ dejjem.

 

O Mulej, agħti widen għal talbna

meta niġu f’dat-tempju nsejjħulek;

uri lilna tjubitek ħanina

meta lejk nerfgħu jdejna fil-ħtieġa;

ibqa’ xerred bla heda kull barka

f’dan il-post li għażiltu b’għamartek.

 

Ta’ kull darba li nersqu nħabbtulek

dan il-bieb, tħalliniex bla tweġiba,

tieqaf qatt tħares fina sa l-aħħar

dawk il-grazzji li jogħġbok tagħtina;

sa ma l-ġemgħa ta’ l-aħwa tinġabar

fil-mistrieħ ta’ l-għamara tal-hienja.

 

Jagħtu l-ħlejjaq ta’ l-art u tas-sema

ġieħ u glorja w tifħir ‘l Alla tagħna,

lill-Missier, u lill-Ibnu l-waħdieni,

lill-Ispirtu l-Qaddis li ġej minnhom;

fix-xejn tagħna, quddiemhom ninxteħtu,

għaliex kbira w ta’ dejjem saltnathom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Id-dar tiegħi tissejjaħ dar it-talb.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Id-dar tiegħi tissejjaħ dar it-talb.

Ant. 2: Imbierek int, Mulej, fit-tempju qaddis tiegħek.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Imbierek int, Mulej, fit-tempju qaddis tiegħek.

Ant. 3: Faħħru l-Mulej fil-ġemgħa ta’ ħbiebu.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Faħħru l-Mulej fil-ġemgħa ta’ ħbiebu.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 56:7

Inwassalkom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħkom fid-dar tat-talb tiegħi ; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħkom ikunu jogħġbuni tielgħa minn fuq l-altar tiegħi, għax dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kbir il-Mulej. * Ta’ min ifaħħru ħafna. Kbir.

V/. Fil-belt ta’ Alla tagħna, fl-għolja mqaddsa tiegħu. * Ta’ min ifaħħru ħafna. Glorja. Kbir.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Żakkew, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. Illum lil din id-dar Alla bagħat is-salvazzjoni.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Żakkew, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. Illum lil din id-dar Alla bagħat is-salvazzjoni.

 

PREĊI

 

Aħna l-ġebel ħaj, ilkoll mibnija fuq Kristu, li hu l-ġebla l-magħżula. Nitolbu lill-Missier li jista’ kollox għall-Knisja għażiża tiegħu, u nistqarru l-fidi tagħna fiha u ngħidu:

Din hi d-dar ta’ Alla u l-bieb tas-sema.

Missier, Sid l-għalqa mqaddsa, naddaf id-dielja tiegħek, ħarisha u kabbarha:

- agħmel li hija timla l-art kollha.

Ragħaj ta’ dejjem, kun il-ħarsien tal-merħla tiegħek u kattarha:

- iġma n-nagħaġ kollha flimkien taħt Ibnek, li hu waħdu r-ragħaj tagħhom.

Int li b’setgħa kbira tferrex iż-żerriegħa tiegħek, iżra l-kelma fl-għalqa tiegħek:

- agħtina li tagħmel il-frott bil-milja fil-wieħed għall-ħsad ta’ dejjem.

Bennej għaref, qaddes id-dar u l-familja tiegħek:

- uri quddiem kulħadd fil-glorja tagħha l-belt tas-sema, Ġerusalemm il-ġdida, għarusa ta’ Kristu.

 

Missierna

 

Talba

 O Alla, int ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

Salmodija tal-Ħamis tat-III ġimgħa

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.

 

Salm 21 (22)

 

I

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? *

Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix,

ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, *

ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

 

Imma int tgħammar fis-santwarju, *

u lilek ifaħħar Iżrael!

Fik ittamaw missirijietna, *

fik ittamaw, u inti ħlisthom.

Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; *

fik ittamaw u ma tfixklux.

 

Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem, *

żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.

Dawk kollha li jarawni jidħku bija, *

jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

"F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! *

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

Imma int minn ġuf ommi lqajtni; *

fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.

Fuqek qegħduni sa minn twelidi; *

int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.

La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, *

u m'hawn ħadd biex jgħinni.

 Glorja.

 

Ant.1 Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.

Ant.2 Qatgħu x-xorti, u qasmu bejniethom il-ħwejjeġ ta’ Ġesù.

 

II

 

Qatgħa gniedes daru miegħi; *

barrin qawwija ta' Basan għalquni,

b'ħalqhom miftuħ għal fuqi, *

bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.

Ninsab bħall-ilma msawwab, *

għandi għadmi maqlugħ kollu;

qalbi hi bħal xemgħa, *

iddub ġewwa fija.

Ħalqi niexef bħal xaqqufa, †

ilsieni mwaħħal ma' ħnieki; *

ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.

 

Qabda klieb daru għalija; *

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja; *

nista' ngħodd għadmi kollu.

B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja. †

Ħwejġi jaqsmu bejniethom; *

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

 

Mulej, la titbegħidx minni; *

qawwa tiegħi, fittex għinni!

Eħlisli mis-sejf lil ħajti, *

u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.

Minn ħalq l-iljun salvani, *

minn qarn il-gniedes lili msejken.

Inxandar ismek lil ħuti; *

infaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

 Glorja.

 

Ant.2 Qatgħu x-xorti, u qasmu bejniethom il-ħwejjeġ ta’ Ġesù.

Ant.3 Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

III

 

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; †

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; *

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

Għax ma warrabx minnu l-imsejken, *

ma stmellx in-niket tiegħu;

anqas wiċċu ma ħeba minnu, *

imma semgħu meta sejjaħlu.

Għalhekk inti t-tifħir tiegħi f'ġemgħa kbira; *

inrodd il-wegħdiet tiegħi

 quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; †

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh. *

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

Jiftakru t-truf kollha ta' l-art, †

u jerġgħu lura lejn il-Mulej; *

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Għax tal-Mulej hi s-saltna; *

hu fuq il-ġnus isaltan.

Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; *

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

U għalih tgħix ruħi, *

lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi, †

 ixandru l-ġustizzja tiegħu

lill-poplu li għad jitwieled:

 "Dan għamlu l-Mulej!"

 Glorja.

 

Ant.3 Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 3:16-17

 

Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li intom intom.

 

 V/. Mulej, inħobb id-dar fejn inti tgħammar.

 R/. Il-post fejn tgħammar il-glorja tiegħek.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 6:16

 

Aħna t-tempju ta’ Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla: Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom. Inkun Alla tagħhom; u huma jkunu l-poplu tiegħi.

 

 V/. Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm.

 R/. Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 7:2b. 4-5a. 7a

 

Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej. Isserrħux raskom bi kliem qarrieq u tgħidu: Hawn hu t-tempju tal-Mulej! Għax jekk tassew ittejjbu l-imġiba tagħkom, jiena ngħix magħkom f’dan il-post.

 

 V/. Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tal-Mulej.

 R/. Bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu.

 

Talba

O Alla, int ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

F’dehra kbira ta’ ġmiel u ta’ paċi,

Ġwanni ra lil Ġerusalemm ġdida

nieżla tiddi mis-sema fost l-anġli,

bħal għarusa bil-ġawhar imżejjna,

kollha safja biex, f’għaqda ta’ mħabba,

ma’ l-Għarus li għażilha tintrabat.

 

B’ġebel ħaj, maħdum b’għodod is-sema,

ġiet mibnija dil-belt il-qaddisa;

b’sisien tagħha, qawwija w b’saħħithom,

għandha ħaġar prezzjuż ta’ kull xorta;

sa l-ħitan u t-triqat, u sa l-pjazza,

kollha deheb l-aktar fin jarmi d-dija.

 

Il-bibien, ġawhra sħiħa kull wieħed,

dejjem beraħ, u qatt ma jingħalqu,

biex bil-qawwa tal-merti li jiksbu

hemm ġew jidħlu għall-festa ta’ dejjem

dawk li fl-art tul ħajjithom ibatu

għall-imħabba ta’ Kristu bis-sabar.

 

Għax dawn huma l-ġebliet li l-Imgħallem

iħobb jagħżel, u joqgħod jonġorhom

sa ma jġibhom tal-qjies u perfetti

ħalli jqegħedhom fil-post li jagħtihom;

hekk hu jibni lil Sijon il-ġdida,

belt qaddisa kif tixraq lil Sidha.

 

Jagħtu l-ħlejjaq ta’ l-art u tas-sema

ġieħ u glorja w tifħir ‘l Alla tagħna,

lill-Missier, u lil Ibnu l-waħdieni,

lill-Ispirtu l-Qaddis li ġej minnhom;

fix-xejn tagħna, quddiemhom ninxteħtu,

għaliex kbira w ta’ dejjem saltnathom. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej qaddes l-għamara tiegħu; hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx.

 

Salm 45 (46)

 

Kenn u qawwa hu Alla għalina, *

għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.

Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *

jew jiġġarrfu l-muntanji f'nofs ta' baħar;

anqas jekk jgħajjtu u jogħlew ilmijietu, *

jew jitheżhżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

Hemm xmara li s-swieqi tagħha,

jferrħu l-belt ta' Alla, *

 l-għamara qaddisa ta' l-Għoli.

Hemm Alla f'nofsha, ma titħarrikx; *

jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.

Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *

iddewwbet l-art, malli semma' leħnu.

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

Ejjew, araw x'għamel il-Mulej, *

għemejjel ta' l-għaġeb fuq l-art.

Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †

l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *

jaħraq it-tarki bin-nar, u jgħid:

"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *

għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!"

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej qaddes l-għamara tiegħu; hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx.

Ant. 2: Immorru ferħana f’dar il-Mulej.

 

Salm 121 (122)

 

Fraħt meta qaluli: *

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribú tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

"Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!"

 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna,

nixtieq illi jkollok il-ġid.

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Immorru ferħana f’dar il-Mulej.

Ant. 3: Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddisin kollha tiegħu.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu,iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddisin kollha tiegħu.

  

LEZZJONI QASIRA Apok 21:1a. 2-3. 22. 27

 

Il-belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha. U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Ebda tempju ma rajt fiha, għax il-Mulej hu t-tempju tagħha, Alla li jista’ kollox, u l-Ħaruf. Ma tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa, ħadd minn dawk li jagħmlu ħwejjeġ mistkerrha u ħżiena ma jidħol, imma biss dawk li tniżżlu fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Henjin huma, Mulej, * Dawk li jgħammru f’darek. Henjin.

V/. Huma jfaħħruk għal dejjem. * Dawk li jgħammru f’darek. Glorja. Henjin.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej qaddes l-għamara tiegħu: din hija d-dar ta’ Alla, li fiha jissejjaħ ismu: id-dar li għaliha nkiteb: Ġewwa fiha tingħata qima lil ismi, jgħid il-Mulej.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej qaddes l-għamara tiegħu: din hija d-dar ta’ Alla, li fiha jissejjaħ ismu: id-dar li għaliha nkiteb: Ġewwa fiha tingħata qima lil ismi, jgħid il-Mulej.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna ta’ ħajtu biex jiġbor flimkien l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrda. Fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħudulu:

Ftakar, Mulej, fil-Knisja tiegħek.

Mulej Ġesù, inti bnejt id-dar tiegħek fuq il-blat:

- saħħaħ il-fidi u wettaq it-tama tal-Knisja tiegħek.

Mulej Ġesù, minn ġenbek ħareġ demm u ilma:

- ġedded il-Knisja tiegħek bis-sagramenti tal-patt il-ġdid u ta’ dejjem.

Mulej Ġesù, inti dejjem tinsab f’nofs dawk kollha li jinġabru f’ismek:

- isma’ t-talb li jsirlek b’qalb waħda mill-Knisja kollha tiegħek.

Mulej Ġesù, inti tiġi tgħammar flimkien ma’ Missierek għand dawk li jħobbuk:

- saħħaħ il-Knisja tiegħek fl-imħabba perfetta ta’ Alla.

Mulej Ġesù, int ma tkeċċix ‘il barra lil min jiġi għandek:

- daħħal f’dar il-Missier lil ħutna l-mejtin kollha.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, int ta’ kull sena, tfakkarna fil-jum tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju qaddis tiegħek; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek, u agħtina li hawnhekk naqduk dejjem b’qalb safja u niksbu fidwa sħiħa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsijin l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.