Stampa t-test kollu ...


IT-TNEJN

TAL-XIV IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tat-Tnejn tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Infaħħru bil-hena ’l-Mulej, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Dan ħin tajjeb biex nisimgħu

leħen l-anġlu qed iħabbar

li l-Għarus, ħallieq tas-saltna

tas-smewwiet, dalwaqt iħabbat.

 

Ix-xebbiet għaqlin bl-imsiebaħ

mixgħulin f’idejhom jiġu

biex jilqgħuh; u wiċċhom jixhed

il-ferħ kbir li jimla qalbhom.

 

Iżda l-boloh, meta jaslu

bil-musbieħ bla żejt u mitfi,

jibqgħu barra għax isibu

bieb is-saltna magħluq f’wiċċhom.

 

Mela nishru u nħejju ruħna

b’dawl il-fidi w nar l-imħabba,

ħalli meta l-Mulej jiġi

jistħoqqilna nidħlu miegħu.

 

Sultan twajjeb, int mexxina

lejn is-saltna mbierka tiegħek,

fejn ninġabru lkoll madwarek

b’għana ta’ tifħir għal dejjem. Ammen.

  

II. Matul il-jum

Ħajja tal-ġusti, triq u tama tagħna,

għajn ta’ kull tjieba, Kristu, sliem tad-dinja,

minn qalbna w fommna lilek noffru innu

ta’ ferħ u glorja.

 

Dak kollu li hu ġid u tjieba fina

jixhed il-qawwa tiegħek: iomħabbitna,

il-ħila u x-xewqat tagħna, kull ma aħna,

kollox ġej minnek.

 

Agħtina s-sliem fi żmienna, qawwi l-fidi,

għin lid-dgħajfin, u sawwab fuqna l-maħfra,

qassam b’idejk miftuħa l-grazzji tiegħek

lil ħutek kollha.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier, int l-Iben, u l-Ispirtu:

u lilkom trodd bla heda d-dinja kollha

tifħir u glorja. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

 

Salm 30 (31):1-17, 20-25

 

I

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wennisni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

Int tobgħod 'il min iqim allat fiergħa; *

imma jien fil-Mulej nittama.

 

Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, †

int, li rajt l-hemm tiegħi, *

li għaraft id-diqa ta' qalbi.

Ma tlaqtnix f'idejn l-għedewwa, *

imma qegħedtli fil-wisa' riġlejja.

 Glorja.

 

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.

 

II

 

Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm, †

infnew għajnejja minħabba d-dwejjaq, *

ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.

Infniet ħajti bl-għali, *

u bl-ilfiq is-snin ta' ħajti;

minħabba fil-hemm naqsitni saħħti, *

u tmermer għadmi kollu.

 

Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, *

jien sirt ħaġa ta' min ikasbarha;

Ħaġa ta’ twerwir għall-ġirien tiegħi, *

u ta’ biża’ għal min jafni.

Dawk li jarawni barra *

jaħarbu minni.

 

Intlift minn sensija bħal wieħed mejjet, *

sirt bħal ġarra mkissra.

Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi; *

biża' minn kullimkien madwari.

Jiftiehmu bejniethom kontrija, *

jonsbuni biex jeħduli ħajti.

 

Imma jien fik nittama, Mulej; *

jien ngħidlek: "Alla tiegħi int!"

F'idejk hi xortija, †

eħlisni minn id l-għedewwa, *

minn id dawk li jeħduha kontrija.

Uri d-dawl ta' wiċċek lill-qaddej tiegħek; *

fit-tjieba tiegħek eħlisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.

Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.

 

III

 

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej, *

li inti rfajt għal min jibża' minnek,

li int ħejjejt għal min jafda fik, *

quddiem il-bnedmin kollha!

 

Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom *

kontra t-tnassis tal-bnedmin;

fl-għarix tiegħek taħbihom *

kontra t-tqassis ta' l-ilsna.

 

Imbierek il-Mulej li minn belt qawwija *

għamel miegħi għeġubijiet ta' tjieba.

Jien għedt fil-fixla li kelli: *

"Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk."

Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi *

meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.

 

Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha. †

Lit-twajbin iħarishom il-Mulej, *

imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.

Issaħħu u qawwu qalbkom, *

intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.

 

V/. Mexxini fis-sewwa tiegħek, Mulej, u għallimni.

R/. Għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mil-Tieni Ktieb ta’ Samwel 2 Sam 15:7-14. 24-30; 16:5-13

 

It-tixwixa ta’ Absalom u l-ħarba ta’ David

 

F’dawk il-jiem, Absalom qal lis-sultan David: “Ħa mmur u ntemm il-wegħda li għamilt lill-Mulej f'Ħebron. Għax il-qaddej tiegħek għamel wegħda meta ġejt lura minn Gesur f'Aram u għedt: 'Jekk il-Mulej ireġġagħni lura lejn Ġerusalemm, inservi lill-Mulej.’ ”

U s-sultan qallu: “Mur bis-sliema”. U hu qam u mar f’Ħebron. U Absalom bagħat messaġġiera għand it-tribù ta' Iżrael jgħidilhom: “Meta tisimgħu leħen it-tromba, għidu: 'Absalom sultan f'Ħebron!' ” U ma' Absalom marru mitejn raġel mistiedna minnu; marru bi ħsieb tajjeb, għax ma kienu jafu b'xejn.

Absalom bagħat ukoll għal Aħitofel il-Giloni, kunsillier ta' David, mill-belt tiegħu ta' Gilu. Hu u joffri s-sagrifiċċji, il-konfoffa ssaħħet u l-poplu kompla żdied u mar ma' Absalom. U marru jgħarrfu lil David u jgħidulu: “Il-qalb ta' l-Iżraelin daret għal wara Absalom.” U David qal lill-qaddejja kollha tiegħu li kienu miegħu Ġerusalemm: “Qumu, ħa naħarbu, għax m'hemmx ħelsien għalina minn quddiem Absalom. Fittxu għaġġlu, li ma jgħaġġilx aktar minna u jilħaqna u jġib il-ħsara fuqna, u jaħbat għall-belt u jgħaddiha minn xifer is-sejf.”

U, ara, magħhom kien hemm Sadok ukoll, u l-leviti kollha miegħu jġorru l-Arka tal-Patt ta' Alla. U qiegħdu l-arka ta' Alla ħdejn Abjatar sakemm ħareġ mill-belt il-poplu kollu.

U s-sultan qal lil Sadok: “Erġa’ ħu l-Arka ta' Alla fil-belt. Jekk insib ħniena quddiem il-Mulej, huwa jreġġagħni lura, u naraha hemmhekk f'postha. Iżda jekk jgħid: 'Ma għoġobtni xejn, arawni, ħa jagħmel bija li jogħġbu.' ”

U ssokta jgħid is-sultan lil Sadok il-qassis: “Erġa' lura lejn il-belt bis-sliem; u ħu miegħek lil ibnek Aħimas u lil Ġeħonatan, bin Abjatar; iż-żewġ uliedkom. Araw! Jien noqgħod nistenna fil-mogħdijiet tad-deżert, sakemm tasalli xi kelma jew aħbar mingħandkom”.

U Sadok u Abjatar reġgħu lura bl-Arka f’Ġerusalemm u baqgħu hemm. U David tela' l-għolja taż-żebbuġ - tiela' u jibki, b'rasu mgħottija u miexi ħafi. U baqgħu telgħin u jibku l-poplu kollu li kien miegħu, kulħadd b'rasu mgħottija.

U David wasal sa Baħurim. U joħroġ minn hemm raġel mit-tribù tal-familja ta' Sawl, li kien jismu Semgħi, bin Gera, miexi u jisħet u jwaddab iż-żrar għal David u għall-qaddejja kollha tas-sultan David u l-kotra kollha; imma l-kotra kollha u l-qalbenin kienu madwaru fuq ix-xellug u fuq il-lemin. U dan beda jgħid Semgħi hu u jisħet: “Itlaq 'l hemm! Itlaq 'l hemm, ja bniedem imċappas bid-demm! bniedem mill-agħar! Ħa jreġġa' fuqek il-Mulej id-demm kollu ta' dar Sawl, li dħalt issaltan floku, u jagħti l-Mulej is-saltna lil ibnek Absalom. Arak issa fl-għali tiegħek, għax bniedem kollok dmija int”.

U Abisaj bin Sarwija qal lis-sultan: “Għalfejn dan il-kelb mejjet qiegħed jisħet lil sidi s-sultan? Ħa mmur u naqtagħlu rasu barra!” U s-sultan wieġeb: “X'hemm bejni u bejnek, bin Sarwija? Jekk qiegħed jisħet, jisħet għax ordnalu l-Mulej: 'Isħet lil David'; u min jista' jgħidlu: 'Għax qiegħed tagħmel hekk?’ ”

U David qal lil Abisaj u lill-qaddejja tiegħu kollha: “Araw, ibni li ħareġ mill-ġewwieni tiegħi, qiegħed ifittixli ħajti, kemm aktar issa, wieħed minn ulied Benjamin. Ħalluh jisħet, għax il-Mulej qallu. Għandu mnejn il-Mulej jixħet għajnejh fuq l-hemm tiegħi, u jroddli l-ġid flok is-saħta ta' llum.” U s-sultan u l-qaddejja tiegħu baqgħu sejrin għal triqthom. U Semgħi kien miexi mal-ġenb ta' l-għolja, miexi u jisħet u jwaddab iż-żrar u jtajjar it-trab.

 

RESPONSORJU Salm 40(41):10; Mk 14:18a

 

R/. Mqar ħabibi, li fih kont nafda, * Li kiel minn ħobżi, intrefa’ kontrija.

V/. Wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi, * Li kiel minn ħobżi, intrefa’ kontrija.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ittra tal-Papa San Klement l-Ewwel lill-Korintin

 

Kull wieħed għandu jfittex dak li hu ta’ siwi għal kulħadd

u mhux dak li jaqbel lilu

 

Hemm miktub: Imxi mal-qaddisin, għax min jimxi mal-qaddisin jitqaddes. U f’xi mkien ieħor insibu: Ma’ min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija, ma’ min hu safi inti timxi bis-safa, ma’ min jgħawweġ inti timxi bil-għaqal. Għalhekk aħna ningħaqdu ma’ dawk li huma safja u bla ħtija, għaliex huma l-magħżulin ta’ Alla. Għaliex hemm il-piki, il-korla, il-firda, it-tilwim, u l-ġlied bejnietkom? Mhux Alla wieħed għandna, u Kristu wieħed, u Spirtu wieħed ta’ grazzja, li ssawwab fina, u sejħa waħda fi Kristu? Għaliex naqsmu u nqaċċtu l-membri tal-ġisem ta’ Kristu, u niħraxu kontra l-ġisem kollu, u fil-ġenn tagħna, naslu biex ninsew li aħna membri ta’ xulxin? Ftakru fi kliem Sidna Ġesù Kristu: Ħażin għalih! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn milli jkun ħtija ta’ skandlu lil xi wieħed mill-magħżulin tiegħi: ikun jaqbillu jekk jorbot ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jixħtuh il-baħar, milli jagħti skandlu lil wieħed mill-magħżulin tiegħi. L-aġir tagħkom kien ta’ skandlu għal ħafna, dejjaq lil ħafna, ħawwad lil ħafna, u nikket lilna lkoll: u intom għadkom twebbsu raskom!

Ħudu f’idejkom l-ittra ta’ l-appostlu San Pawl. X’kitbilkom fil-bidu tax-xandir ta’ l-Evanġelju fostkom? Imnebbaħ mis-sema, kitbilkom fuqu nnifsu, fuq Kefa u fuq Apollo, għaliex f’dak iż-żmien ukoll fostkom kien hemm firdiet u partiti. Il-firda ta’ dak iż-żmien kienet ta’ ħsara anqas għalikom milli l-firda ta’ llum, għaliex f’dak iż-żmien kontu qegħdin tinfirdu f’partiti favur żewġ appostli magħrufin għax-xhieda tagħhom u favur bniedem li kien miġjub minnhom.

Inħaffu nbiegħdu minna din il-firda; ninxteħtu f’riġlejn il-Mulej u bid-dmugħ f’għajnejna, fix-xejn tagħna, nitolbuh biex iħenn għalina u jerġa’ jħabbibna miegħu ħa jreġġagħna lura għal dik il-ħajja safja u xierqa ta’ qabel, fl-imħabba ta’ xulxin bħal aħwa. Dan hu l-bieb tal-ġustizzja li jwassal għall-ħajja, kif inhu miktub: Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej. Dan hu bieb il-Mulej: il-ġusti jidħlu minnu. Hemm ħafna bibien miftuħa, imma l-bieb tal-ġustizzja hu l-bieb ta’ Kristu: henjin dawk li jidħlu minnu u jimxu fi triqthom bil-ġustizzja u l-qdusija, u jagħmlu kollox bla biża’. Kull min jemmen, ħa jħabrek biex bil-qawwa kollha juri dak li jaf, bl-għerf jiġġudika dak li jisma’, u jkun żgur f’kull ma jagħmel: aktar ma jidhirlu li hu kbir, aktar għandu jiċċekken u jfittex mhux dak li jaqbel lilu imma dak li hu ta’ siwi għal kulħadd.

 

RESPONSORJU 1 Kor 9:19a. 22; Ġob 29:15-16a

 

R/. Għad li jien ma jien marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd. Sirt dgħajjef mad-dgħajfin, * Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd.

V/. Għajn kont għall-għama u riġel għall-magħtub, missier kont jien għall-foqra. * Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd.

 

Talba

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu; imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu Alla, xemx ta’ ruħna,

bid-dawl tiegħek, kbir u qawwi,

tkeċċi minna l-lejl tal-ħtija,

u tferraħna b’jum il-grazzja.

 

Int tassew id-dawl tad-dinja,

mhux il-kewkba ta’ filgħodu,

li, bid-dija fietla tagħha,

tħabbar sbiħ il-jum lill-bniedem.

 

Iżd’int aqwa mix-xmux kollha,

dawl u jum oħrajn m’hemmx ħliefek,

int li d-dija tiegħek tinfed

sa ġol-qiegħ ta’ ruħ il-ħlejjaq.

 

Dawl tal-glorja ta’ Missierek,

ejja fina, bik imliena,

għax, mingħajr il-grazzja tiegħek,

dlam u biża’ jaħkmu fuqna.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?

 

Salm 41 (42)

 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, *

hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi.

Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; *

meta niġi u nara wiċċ Alla?

Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, *

meta l-jum kollu kienu jgħiduli:

 "Fejn hu Alla tiegħek?"

Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, *

kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

 sad-dar ta' Alla,

fost l-għajat ta' ferħ u ta' radd il-ħajr, *

qalb folla ferħana.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

Tintelaq ruħi ġo fija; †

għalhekk fik niftakar *

minn art il-Ġordan u mill-Ħermon

 u mill-muntanja ta' Misgħar.

Minn irdum għal irdum jidwu *

 il-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek;

il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek *

għaddew minn fuqi.

 

Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; *

jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi,

qishom qed ikissruli għadmi; *

meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

Glorja.

 

Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?

Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.

 

Kantiku Sir 36:1-5. 10-13

 

Ħenn għalina, Mulej, Alla tal-ħlejjaq kollha, †

u ħares lejna ; *

xerred il-biża’ tiegħek fuq il-ġnus kollha.

Erfa' idek kontra l-ġnus barranin, *

ħalli jaraw il-qawwa tiegħek.

Uri lilna l-kobor tiegħek fihom, *

bħalma wrejt lilhom qdusitek fina.

Hekk huma jagħrfu, kif għarafna aħna, *

li ma hemmx, Mulej, Alla ieħor ħliefek.

Erġa agħmel il-mirakli u tenni għeġubijietek ; *

Sebbaħ lil idek u d-driegħ tal-lemin tiegħek.

 

Iġbor it-tribù kollha ta' Ġakobb ; *

Roddilhom il-wirt li kellhom qabel.

Ħenn, Mulej, għall- poplu li jġib ismek, *

għal Iżrael, li int tqisu b'ibnek il-kbir.

Ikollok ħniena mill-belt qaddisa tiegħek, *

Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.

Imla 'l Sijon bl-għana ta' tifħirek, *

u s-santwarju tiegħek b’sebħek.

Glorja.

 

Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.

Ant. 3: Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema.

 

Salm 18 (19) A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħinhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn tarf is-smewwiet hi toħroġ,

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 3: Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 15:16

 

Jiena sibt kliemek u kiltu; u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta’ qalbi; għax jiena msemmi għalik, Mulej, Alla ta’ l-eżerċti.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; * Jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. Għannu.

V/. Għannulu għanja ġdida. * Jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. Glorja. Għannu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, għax ġie jżurna u ħelisna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Imbierek il-Mulej, għax ġie jżurna u ħelisna.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna għamilna saltna u qassisin, biex noffru sagrifiċċju li jogħġob lil Alla. Ngħidulu b’radd ta’ ħajr:

Mulej, żommna fis-servizz tiegħek.

Kristu, inti l-Qassis ta’ dejjem, li tajt saċerdozju qaddis lill-poplu tiegħek;

- agħmel li noffru bla heda sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla.

Fil-ħniena tiegħek, imliena bil-frott ta’ l-Ispirtu s-Santu;

- agħtina s-sabar, it-tjieba u l-ħlewwa ma’ kulħadd.

Agħmel li nħobbuk, biex ikollna lilek, li inti mħabba;

- għinna ngħixu sewwa, hekk li ħajjitna tkun ta’ tifħir għalik.

Agħmel li nfittxu dak li hu ta’ ġid għal ħutna;

- għallimna nħaffulhom it-triq tas-salvazzjoni.

 

Missierna

  

Talba

 

Mulej, Alla li tista’ kollox, int wassaltna f’dan il-bidu ta’ jum ieħor; salvana llum bil-qawwa tiegħek, biex matul din il-ġurnata ma nersqu lejn ebda dnub, iżda nfittxu li bi kliemna, bi ħsibijietna u għemilna, nagħmlu dejjem dak li hu ġust quddiemek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Ħenjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.

 

Salm 118 (119):41-48

 

VI (Waw)

 

Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej, *

u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.

Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni, *

għax jiena nafda fil-kelma tiegħek. 

Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa, *

għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.

Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem, *

u għal dejjem ta' dejjem.

 

U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi, *

għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek *

quddiem is-slaten, u ma nistħix.

 

Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek, *

li jiena ħabbejt.

Nerfa' jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek, *

u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Ħenjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.

Ant.2 L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier.

 

Salm 39 (40):2-14, 17-18

 

I

 

Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej; *

hu niżel ħdejja u sama' l-għajta tiegħi.

Minn bir waħxi tellagħni, *

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja, *

u saħħaħli l-mixi tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida, *

għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.

 

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu, *

u jittamaw fil-Mulej.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, *

u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.

Bla għadd l-għemejjel tiegħek, *

Mulej, Alla tiegħi;

ta' l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; *

ħadd ma jħabbatha miegħek!

Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; *

iżda huma ħafna biex insemmihom.

 

Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti; *

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. *

Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi *

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni; *

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."

 Glorja.

 

Ant.2 L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier.

Ant.3 Jien, fqajjar u msejken, għandi ‘l Sidi jaħseb fija.

 

II

 

Xandart il-ġustizzja tiegħek f'ġemgħa kbira; †

xufftejja ma żammejthomx magħluqa. *

Mulej, dan inti tafu.

Ma ħbejtx f'qalbi l-ġustizzja tiegħek; *

il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;

ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek *

lill-ġemgħa kbira.

 

Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; *

it-tjieba u l-fedeltà tiegħek

 iħarsuni għal dejjem!

Għax għalquni minn kull naħa

ħsarat li ma jingħaddux; *

 ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;

huma aktar mix-xagħar ta' rasi; *

għandi qalbi maqtugħa.

 

Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; *

Mulej, fittex għinni.

Jithennew u jifirħu bik *

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir il-Mulej!" *

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

Imma jien, fqajjar u msejken, *

għandi 'l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; *

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!

 Glorja.

Ant.3 Jien, fqajjar u msejken, għandi ‘l Sidi jaħseb fija.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 31:33

 

Dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej : Inqiegħed il-liġi tiegħi fihom u niktibha f’qalbhom ; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.

 

V/. Oħloq fija qalb safja, o Alla.

R/. La twarrabx minn quddiemek.

 

Talba

 

O Alla, Missier it-tjieba, int ridt li l-bnedmin jaħdmu, biex bix-xogħol tagħhom jgħinu dejjem lil xulxin ħalli jiksbu ħwejjeġ aqwa; agħmel li aħna nħabirku bla heda, hekk li ngħixu għalik fl-ispirtu ta’ wliedek u nħobbu lil kulħadd bħal aħwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 32:40

 

Dan jgħid il-Mulej: Nagħmel magħhom patt għal dejjem li ma nerġax lura milli nagħmlilhom il-ġid; inqiegħed il-biża’ tiegħi f’qalbhom, biex ma jitbegħdux minni.

 

V/. F’Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi.

R/. Fih il-kenn tiegħi.

 

Talba

 

O Alla, sid u għassies tal-ħsad u d-dielja, inti ssejjaħ il-ħaddiema għax-xogħol u tagħtihom il-ħlas tajjeb li jistħoqqilhom; agħmel li aħna nilqgħu bil-qalb il-piż tal-jum, hekk li qatt ma ngemgmu kontra dak li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Eżek 34:31

 

 Intom il-merħla tiegħi, il-merħla tal-mergħa tiegħi, u jien Alla tagħkom, jgħid Sidi l-Mulej.

 

V/. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

R/. F’mergħat kollhom ħdura jqegħedni.

 

Talba

 

O Alla, int qiegħed issejħilna f’dak l-istess ħin li fih l-Appostli kienu jitilgħu fit-tempju; isma’ t-talb li qegħdin nagħmlulek b’fehma sinċiera f’isem Ġesù, biex bih naqilgħu mingħandek is-salvazzjoni għal dawk kollha li jsejjħu dan l-isem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej, Missier id-dawl, fit-tjieba tiegħek,

keċċi minn moħħna d-dlam tad-dnub u l-ħażen,

agħtina li niżżejnu biss bid-dija

tal-grazzja tiegħek.

 

Issa li għadda l-jum bit-taħbit tiegħu,

inġbarna biex inroddu ħajr lil ismek,

għax int żammejtna qawwijin f’saħħitna

matul ħidmietna.

 

Id-dawl tal-jum ġa naqas, u fid-dalma

tal-lejl dalwaqt jinsatru l-ħwejjeġ kollha;

int, Xemx ħanina, ibqa’ iddi fuqna

fil-mistrieħ tagħna.

 

Aħsel lil ruħna b’raġġ tas-safa tiegħek,

roddilha l-bjuda tat-twelid ġdid tagħha,

biex, waqt l-irqad tal-ġisem, tibqa’ tishar,

tistenna lilek.

 

Alla Missier, nagħtuk kull ġieħ u glorja,

lilek, lil Ibnek, u ‘l–Ispirtu s-Santu,

li sa minn dejjem kbira s-saltna tagħkom,

u tibqa’ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk.

 

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

lsieni pinna ta' kittieb ħafif.

 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,

kollha fwieħa lbiesek. *

Mill-palazzi ta' l-avorju

 jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana

 mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk.

Ant. 2: Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh!

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel;

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem! 

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh!

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ried li, meta tasal il-milja taż-żminijiet, kollox jinġabar taħt Kristu.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 2:13

 

Niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna, ilqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi: dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Isma’ leħni, Mulej, * Jiena u nsejjaħlek. Isma’.

V/. Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek. * Jiena u nsejjaħlek. Glorja. Isma’.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Tfaħħar dejjem ruħi l-kobor tiegħek, Alla tiegħi.

 

PREĊI

 

Kristu jħobb il-Knisja tiegħu, u jmantniha u jieħu ħsiebha. Infaħħruh, u b’fidi kbira nitolbuh:

Mulej, temm ix-xewqat tal-poplu tiegħek.

Mulej Ġesù, agħmel li l-bnedmin kollha jagħrfu l-verità tiegħek:

- agħti lil kulħadd is-salvazzjoni.

Ħares lill-Papa u lill-Isqof tagħna:

- għinhom bil-qawwa tiegħek.

Ħu ħsieb dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol li għalih għandhom il-jedd:

- agħtihom li jgħixu fis-sliem, mingħajr il-biża tal-qgħad u l-faqar.

Kun int, Mulej, il-kenn tal-fqir:

- kun l-għajnuna tiegħu fl-hemm.

Nirrikkmandawlek lil dawk li f’ħajjithom tajthom il-ġieħ tal-ministeru mqaddes:

- tellagħhom fis-sema biex ifaħħruk għal dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, illum int tajtna s-saħħa fil-ħidmiet tagħna, qaddejja tiegħek li ma niswew għal xejn; ilqa’ dan it-tifħir li qegħdin noffrulek bħala s-sagrifiċċju tagħna fil-għaxija, biex inroddulek ħajr tal-grazzji kollha li tajtna f’dan il-jum. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li kiegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; Ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.