IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT

 

Salmodija tal-Ħadd tat-II ġimgħa

 

L-1 GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int li ħlaqt id-dwal tas-sema,

Kristu, dawl ta’ min fik jemmen,

o Feddej ħanin tal-bniedem,

agħti widen għat-talb tagħna

 

Kif id-dnub fid-dinja daħal,

bdiet il-mewt issaltan fuqna:

iżda int tħassart lill-midneb

u ridt tinżel issalvana.

 

Meta ntemm iż-żmien, int għoġbok

mill-Omm Xebba bla mittiefsa

tiġi fostna bniedem bħalna,

biex fejjaqtna mill-mard tagħna.

 

O Mulej, quddiem setegħtek

fl-art u s-sema l-ħlejjaq kollha

għandhom jinżlu għarkubbtejhom,

u kulħadd jistqarrek b’Sidu.

 

Nitolbuk bil-qalb, o Mħallef

li ġej tagħmel ħaqq mid-dinja,

tul ħajjitna żommna mbiegħda

minn kull ħbit ta’ l-għadu ħajjen.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ifraħ u thenna, Sijon il-ġdida, għax ġej is-Sultan tiegħek, li fil-qalb ħelwa tiegħu se jsalvana.

 

Salm 118 (119):105-112

 

Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, *

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti, *

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

 

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.

Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, *

u għallimni d-digrieti tiegħek.

 

Ħajti dejjem fit-tiġrif, *

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

Il-ħżiena nasbuli x-xibka, *

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; *

huma l-għaxqa ta' qalbi.

Inħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, *

għal dejjem u sa l-aħħar.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Ifraħ u thenna, Sijon il-ġdida, għax ġej is-Sultan tiegħek, li fil-qalb ħelwa tiegħu se jsalvana.

Ant. 2: Qawwu l-idejn mitluqa, agħmlu l-ħila; għidu: Alla tagħna ġej biex isalvana, hallelujah.

  

Salm 15 (16)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi; *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

 

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *

messni sehem tassew għal qalbi.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Qawwu l-idejn mitluqa, agħmlu l-ħila; għidu: Alla tagħna ġej biex isalvana, hallelujah.

Ant. 3: Alla ta l-liġi permezz ta’ Mosè, imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, †

 sar jixbah lill-bniedem *

 u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja.

 

Ant. 3: Alla ta l-liġi permezz ta’ Mosè, imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23-24

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f'kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu. Fidil hu Alla li sejjħilkom, u huwa jagħmel dan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Uri lilna, Mulej, * it-tjieba tiegħek. Uri.

V. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina. * It-tjieba tiegħek. Glorja. Uri.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.

 

Sena B

Ara, jien nibgħat l-Anġlu tiegħi li jwittilek it-triq tiegħi quddiemek.

 

Sena Ċ

Ejja żurna, Mulej, fis-sliem b’qalb sħiħa nifirħu quddiemek.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.

 

Sena B

Ara, jien nibgħat l-Anġlu tiegħi li jwittilek it-triq tiegħi quddiemek.

 

Sena Ċ

Ejja żurna, Mulej, fis-sliem b’qalb sħiħa nifirħu quddiemek.

 

PREĊI

 

Bl-umiltà kollha, ħuti għeżież, nitolbu lil Kristu Sidna, imwieled mill-Verġni Marija, u b’qalbna ferħana ngħidulu:

 Ejja, Mulej Ġesù.

Iben waħdieni ta’ Alla, int ġej fostna tassew bħala l-anġlu tal-patt:

- agħmel li d-dinja tilqgħek u taghrfek.

Int tnissilt fi ħdan il-Missier, u ġejt fostna bħala bniedem permezz tal-Verġni Marija:

- eħles in-natura tagħna l-bnedmin minn kull taħsir.

Int, il-ħajja, ġejt biex tieħu l-mewt:

- tħallina nsofru xejn mill-kundanna tal-mewt.

Int, li meta tiġi għall-ħaqq iġġib il-ħlas tiegħek miegħek, xerred fuqna f’dak il-jum il-ħniena tiegħek:

- kif dejjem ħennejt għalina u fejjaqtna fin-nuqqas ta’ saħħa tagħna.

Kristu Sidna, bil-mewt tiegħek kont ta’ għajnuna għall-mejtin:

- agħti widen għat-talb li qegħdin nagħmlulek għal ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu ma’ l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina gĦall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

 

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Ġej is-Sultan, il-Mulej: ejjew nadurawh

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Verb etern li ġejt mis-sema,

dawl li ħriġt mingħand Missierek,

int, li għoġbok issir bniedem,

reġġa’ d-dinja lejn is-sewwa

 

Imla ‘l qlubna bid-dawl tiegħek,

kebbes fina nar imħabbtek,

ħalli nilqgħu twissijietek

u mill-biża’ nkunu ħielsa.

 

Int għad tiġi bħala Mħallef,

tagħmel ħaqq mill-għemil tagħna,

lil min telqek titlaq lilu,

u lill-ġusti trodd is-saltna.

 

F’dak il-Jum tħallix li mmorru

f’telfien ieħor għal ħtijietna,

iżd’għal dejjem żommna miegħek

f’xirka mal-ħenjin fis-sema.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Is-Sultan għoli ġej b’setgħa kbira biex isalva l-ġnus, hallelujah.

 

Salm 103 (104)

 

I

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej! *

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, *

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda, *

waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek, *

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek, *

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, *

b'mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha; *

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.

 

Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu; *

malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.

Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu; *

posthom, li int tajthom, jieħdu.

Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżejtilhom, *

biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.

 

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien, *

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba', *

u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru, *

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.

Glorja.

 

Ant. 1: Is-Sultan għoli ġej b’setgħa kbira biex isalva l-ġnus, hallelujah.

Ant. 2: Ifraħ u thenna, Ġerusalemm; is-Sultan tiegħek ġej, Sijon, la tibżax, għax dalwaqt tasallek is-salvazzjoni.

 

II

 

Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, *

u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.

Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, *

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,

biex joħroġ il-ħobż mill-art, *

inbid li jferraħ qalb il-bniedem,

żejt li jsebbħilhom wiċċhom, *

u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.

 

Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, *

iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.

Fihom ibejjtu l-għasafar, *

iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.

Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, *

l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.

 

Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, *

u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.

Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl; *

fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.

Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu, *

jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.

Malli titla' x-xemx jinġabru, *

fl-għerien tagħhom jitgeddsu.

U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, *

u jibqa' jaħdem sa filgħaxija. 

 Glorja.

 

Ant. 2: Ifraħ u thenna, Ġerusalemm; is-Sultan tiegħek ġej, Sijon, la tibżax, għax dalwaqt tasallek is-salvazzjoni.

Ant. 3: Ħa jnaddfu qlubhom il-bnedmin għall-miġja tas-Sultan il-kbir, biex immorru nilqgħuh kif jixraq, għaliex hu ġej u ma jiddawwarx.

 

III

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! †

Kollha bl-għerf għamilthom; *

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf, †

li fih jimraħ ħut bla għadd; *

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu; *

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha *

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru; *

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; †

jekk teħdilhom nifishom, imutu, *

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat l-ispirtu tiegħek, jinħolqu, *

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem! *

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Kif hu jħares lejn l-art titheżheż; *

kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.

Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha, *

indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi, *

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.

 

Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, †

u jgħibu l-ħżiena, *

 Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

 

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħa jnaddfu qlubhom il-bnedmin għall-miġja tas-Sultan il-kbir, biex immorru nilqgħuh kif jixraq, għaliex hu ġej u ma jiddawwarx.

 

V/. Qumu u erfgħu raskom.

R/. Għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 22:8-23

 

Kontra t-tkabbir ta’ Ġerusalemm u ta’ Sebna

 

Dakinhar mortu taraw l-armerija ta’ Dar il-Foresta, 

u rajtu kemm kotor it-tiċrit fil-belt ta David;

ġbartu l-ilma tal-ġiebja ta' isfel, 

għoddejtu d-djar ta' Ġerusalemm,

u ħattejtu d-djar biex issaħħu l-ħitan.

U għamiltu ħawt bejn iż-żewġt iswar

għall-ilma tal-ġiebja l-qadima,

imma ma fittixtux ‘il min għamilhom,

u ma tajtux kas ta' min sawwarhom sa mill-qedem.

U sejjħilkom dakinhar is-Sid, il-Mulej ta' l-eżerċti;

sejjħilkom għall-biki u għat-twarrib,

għat-tqarwiż tar-ras u għall-ilbies tax-xkejjer.

Imma, araw, intom tajtuha għall-għors tat-tbahrid,

qtiltu l-baqar u biċċirtu n-nagħaġ,

u kiltu l-laħam u xrobtu l-inbid:

'Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.'

Il-Mulej tal-qtajja' għarrafni f'widinti:

'Le, ma jinħafrilkomx dan il-ħażen sa ma tmutu.'

Għax tkellem Sidi, il-Mulej ta' l-eżerċti.

Dan jgħid Sidi, il-Mulej ta' l-eżerċti:

'Mur, asal wasla sa għand dan il-ministru,

sa għand Sebna, li jagħmel mill-palazz,

mur għidlu:

"X'għandek hawn, u 'l min għandek hawn,

biex qiegħed tibni qabar għalik ?

Bħal min iħaffer għalih qabar fl-għoli

u jaqta' għamara għalih fil-blat?

Ara l-Mulej sa jwaddbek ma' l-art,

ja bniedem setgħani!

Se jgerbek u jwaddbek 'il bogħod bħal ballun

f'medda kbira ta' art.

Hemm issib mewtek bil-karrijiet tal-glorja tiegħek,

ja għajb ta' dar Sidek!

Inwarrbek minn postok,

u nneħħik minn fejn qiegħed.

 Dakinhar

insejjaħ lill-qaddej tiegħi Eljakim, bin Ħilkija,

u nlibbsu l-libsa tiegħek,

inħaddnu bit-terħa tiegħek,

u nagħtih f'idejh il-ħakma tiegħek.

u jkun missier għal min jgħammar f'Ġerusalemm,

u għad-dar ta' Ġuda.

Inqiegħed il-muftieħ ta’ dar David fuq spallejh :

jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;

u jsakkar hu, u ħadd ma jiftaħ.

U nwaħħlu bħal musmar ma' ħajt fis-sod,

u jkun tron glorjuż għal dar missieru”. 

 

RESPONSORJU Apok 3:7-8

 

R/. Dan jgħid il-Qaddis u l-Veru, dak li għandu l-muftieħ ta’ David: * Ara, ftaħtlek quddiemek bieb li ħadd ma jista’ jagħlqu.

V/. Il-kelma tiegħi ħaristha, u ismi ma ċħadtux. * Ara, ftaħtlek quddiemek bieb li ħadd ma jista’ jagħlqu.

  

LEZZJONI II

Qari mit-Tifsir fuq il-Ktieb tal-Profeta Iżaija, ta’ San Ewsebju, isqof ta’ Ċesarija.

 

Leħen jgħajjat fid-deżert

Leħen jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet ta’ Alla tagħna. Jgħid ċar li l-ġrajjiet imħabbra fil-profezija kellhom iseħħu mhux f’Ġerusalemm imma fid-deżert. Hemmhekk, mela, kienet għad trid tidher il-glorja tal-Mulej u tixxandar is-salvazzjoni ta’ Alla lill-bnedmin kollha.

Dan kollu seħħ kelma b’kelma fl-istorja meta Ġwanni l-Battista, fid-deżert tal-Ġordan, xandar li s-salvazzjoni ta’ Alla waslet u deher is-salvatur mibgħut minn Alla. Għax kien f’dak iż-żmien li kulħadd għaraf lil Kristu u l-glorja tiegħu, meta wara l-magħmudija tiegħu nfetħu s-smewwiet, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu f’sura ta’ ħamiema, u l-Missier semma’ leħnu u ta xhieda għal Ibnu: Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.

Dan kollu ntqal għaliex Alla kien se jiġi f’deżert li kien ilu żmien twil battal u magħluq. Għax il-ġnus kollha kienu qishom art battala mill-għarfa ta’ Alla, u t-triq li twassal għal għandhom kienet magħluqa għall-ġusti u l-profeti kollha ta’ Alla.

Kien għalhekk li dak il-leħen ordna li titħejja t-triq għall-Verb ta’ Alla u jitwittew għalih il-mogħdijiet imħarbta, biex Alla, meta jiġi, jkun jista’ jgħaddi minnhom. Ħejju t-triq tal-Mulej: tħejjija li ssir bix-xandir tal-bxara t-tajba u tnissel faraġ ġdid b’xewqa li l-bnedmin kollha jaslu biex jagħrfu s-salvazzjoni ta’ Alla.

Itla’ fuq muntanja għolja, ħabbara tat-tajjeb għal Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, ħabbara tat-tajjeb għal Ġerusalemm. Dawn il-kelmiet jaqblu ħafna ma’ dawk ta’ qabilhom, u hi ħaġa sewwa u f’waqtha li, wara dak li ntqal dwar il-leħen jgħajjat fid-deżert, issa jissemmew ukoll il-ħabbara tat-tajjeb u titħabbar il-miġja ta’ Alla fost il-bnedmin. Għax wara l-profezija dwar Ġwanni l-Battista kien jixraq li jissemmew ukoll l-evanġelisti.

U liema hi din Sijon jekk mhux il-belt li qabel kienet tissejjaħ Ġerusalemm? Hija dik l-istess muntanja li fuqha titkellem l-Iskrittura meta tgħid: Sijon, li fiha bnejt l-għamara tiegħek; l-Appostlu wkoll jgħid: Ersaqtu lejn il-muntanja Sijon. Jistax ikun li f’dan il-kliem hemm imfissra l-ġemgħa ta’ l-appostli magħżulin minn fost il-poplu Lhudi?

Din Sijon u Ġerusalemm hija dik li laqgħet is-salvazzjoni ta’ Alla, hi dik li nbniet fil-għoli fuq il-muntanja ta’ Alla, jiġifieri fuq il-Verb tiegħu, Ibnu l-waħdieni; u hi għandha l-ordni biex titla’ fuq muntanja għolja ħalli xxandar l-aħbar tas-salvazzjoni. U min huma l-ħabbara tat-tajjeb jekk mhux l-evanġelisti? U xi jfisser tkun evanġelista? Ifisser tħabbar lill-bnedmin kollha, u l-ewwelnett lill-ibliet ta’ Ġuda, li Kristu ġie fid-dinja.

 

RESPONSORJU ara Mt 11:11. 9

 

R/. Ġie l-prekursur tal-Mulej, li fuqu Sidna qal: * Fost dawk li twieldu minn-nisa ħadd ma qam aqwa minn Ġwanni l-Battista.

V/. Dan hu l-profeta, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta, li għalih is-Salvatur tagħna qal: * Fost dawk li twieldu minn-nisa ħadd ma qam aqwa minn Ġwanni l-Battista.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu ma l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Leħen qawwi qed jinstema’

biex ikeċċi d-dlamijiet:

ejja nwarrbu t-thewdin fieragħ;

Kristu ġej f’dawl is-smewwiet.

 

Tqum fuq tagħha ruħna mħeddla,

teħles mill-ġerħat tad-dnub;

ġa qed tiddi kewkba ġdida;

dalwaqt l-għadu jkun megħlub.

 

Il-Ħaruf, mibgħut mill-għoli,

ġej iħollna minn kull dejn;

nitolbuh, bl-ilfiq u l-biki,

jagħti l-maħfra, jħenn u jgħin.

 

Biex fit-tieni miġja tiegħu,

bl-art imwerwra taħt riġlejh,

ma narawhx iqis ħtijietna,

‘ma jressaqna b’tjieba lejh.

 

Glorja lill-Missier fil-għoli,

rebħ lill-Iben, kull tifħir

lill-Ispirtu, kif jistħoqqlu,

issa w dejjem, hekk isir. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Sijon, il-belt qawwija tagħna, għandha s-Salvatur sur u ħajt tagħha: iftħu l-bibien, għax Alla magħna, hallelujah.

  

Salm 117 (118)

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

 milli tittama fil-kbarat.

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

 

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

 

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

 

 Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

imma ma telaqnix għall-mewt.

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

 

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom

sa ħdejn l-altar.

 

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr, *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Glorja.

 

Ant. 1: Sijon, il-belt qawwija tagħna, għandha s-Salvatur sur u ħajt tagħha: iftħu l-bibien, għax Alla magħna, hallelujah.

Ant. 2: Intom li bikom il-għatx, ejjew għall-ilma: fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, hallelujah.

  

Kantiku (Dan 3:52-57)

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *

ta’ min ifaħħrek u jgħolik fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ, *

ta’ min ifaħħru sewwa u jgħollih fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, †

li ħarstek tinfed l-abbissi, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Bierku għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

 

 Glorja.

 

Ant. 2: Intom li bikom il-għatx, ejjew għall-ilma: fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, hallelujah.

Ant. 3: Sidna ġej bil-qawwa, u jdawwal għajnejn il-qaddejja tiegħu, hallelujah.

  

Salm 150

 

Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu, *

faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!

Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu, *

faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf!

 

Faħħruh bid-daqq tat-tromba, *

faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!

Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin, *

faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar!

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali, †

faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali! *

Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!

 Glorja.

 

Ant. 3: Sidna ġej bil-qawwa, u jdawwal għajnejn il-qaddejja tiegħu, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 13:11-12

 

Waslet is-siegħa li intom tqumu minn-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb issa minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl.

 

RESPONSORJU QASIR

R. Kristu, Bin Alla l-ħaj * Ħenn għalina. Kristu.

V. Int li ġej fid-dinja. * Ħenn għalina. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: “Ħejju triq il-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

 

Sena B

 Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.

 

Sena Ċ

 Il-kelma ta’ Alla waslet lil Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert, u ġie jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: “Ħejju triq il-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

 

Sena B

 Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.

 

Sena Ċ

 Il-kelma ta’ Alla waslet lil Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert, u ġie jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.

  

PREĊI

 

Ħuti għeżież, Sidna Ġesù Kristu għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin . Nitolbuh u ngħidulu:

Ejja, Mulej Ġesù.

Mulej Ġesù Kristu, int ġejt issalva ‘l-midinbin:

- ħarisna mill-għawġ u t-tiġrib kollu.

Int għad tidher bħala mħallef:

- uri fina l-qawwa tas-salvazzjoni tiegħek.

Agħmel li nħarsu l-liġi u l-kmandamenti tiegħek b’ruħ qawwija:

- biex nistennew bl-imħabba l-miġja tiegħek.

Int, l-imbierek għal dejjem, fit-tjieba tiegħek agħtina li ngħixu ħajja rżina hienja u d-dehra tas-sebħ u l-kobor tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu ma l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. Ħabbru l-profeti li s-Salvatur kellu jitwieled minn Marija Verġni.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Qal l-anġlu Gabrijel lil Marija: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek; imbierka inti fost in-nisa.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Qalet Marija: Xi tfisser din it-tislima? Inħossni mħawwda fija nnifsi: se nġib fid-dinja s-Sultan, u xbubiti tibqa’ bla mittiefsa.

 

Salm 22 (23)

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, †

xejn ma jonqosni; *

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; *

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa *

minħabba l-isem tiegħu.

 Mqar jekk nimxi f'wied mudlam, †

ma nibżax mill-ħsara, *

għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, *

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija *

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi, *

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena *

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej *

sakemm indum ħaj!

 

 Glorja.

 

Salm 75 (76)

 

I

 

Magħruf hu Alla f'Ġuda, *

kbir hu ismu f'Iżrael.

F'Salem hemm l-għarix tiegħu, *

u l-għamara tiegħu f'Sijon.

Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark, *

it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.

 

Int kollok dija u glorja, *

aktar mill-aqwa muntanji.

L-irġiel ta' qalbhom qawwija *

tilfu l-priża tagħhom;

il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda, *

idejhom tmewwtulhom.

Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb, *

f'telfa jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.

 Glorja.

  

II

 

Tal-biża' int; int, min jiqaflek, *

meta tqum fuq tiegħek, Mulej?

Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek; *

twerwret l-art u tbikkmet,

meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, *

biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.

 

Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk; *

u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.

Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom; *

ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni,

 lilu, li hu tal-biża';

lil dak li jifni l-kbarat, *

li jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Ħabbru l-profeti li s-Salvatur kellu jitwieled minn Marija Verġni.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 13:13-14a

 

Ngħixu kif jixraq, bħal f'binhar; mhux bl-ikel iżżejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu.

 

V/. Ikollhom il-ġnus, Mulej, il-biża’ ta’ ismek.

R/. U s-slaten kollha ta’ l-art jagħrfu l-glorja tiegħek.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Qal l-anġlu Gabrijel lil Marija: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek; imbierka inti fost in-nisa.

 

LEZZJONI QASIRA I Tess 3:12-13

 

Jalla l-Mulej ikattar u jfawwar fikom l-imħabba tagħkom għal xulxin u lejn kulħadd, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla u Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!

V/. Ftakar fina, Mulej, f’ġieħ imħabbtek lejn il-poplu tiegħek.

R/. Aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Qalet Marija: Xi tfisser din it-tislima? Inħossni mħawwda fija nnifsi: se nġib fid-dinja s-Sultan, u xbubiti tibqa’ bla mittiefsa.

 

LEZZJONI QASIRA ara 2 Tess 1:6.7.10

 

Alla għad jagħmel is-sewwa, u għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru, kif ukoll lilna, dak in-nhar li l-Mulej Ġesù jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli tal-qawwa tiegħu, biex jieħu l-glorja mingħand il-qaddisin tiegħu u l-ġieħ minn dawk kollha li jkunu emmnu fih.

 

V/. Ejja, Mulej, la tiddawwarx

R/. Eħles il-poplu tiegħek minn ħżunitu.

 

Talba

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu ma l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int li ħlaqt id-dwal tas-sema,

Kristu, dawl ta’ min fik jemmen,

o Feddej ħanin tal-bniedem,

agħti widen għat-talb tagħna

 

Kif id-dnub fid-dinja daħal,

bdiet il-mewt issaltan fuqna:

iżda int tħassart lill-midneb

u ridt tinżel issalvana.

 

Meta ntemm iż-żmien, int għoġbok

mill-Omm Xebba bla mittiefsa

tiġi fostna bniedem bħalna,

biex fejjaqtna mill-mard tagħna.

 

O Mulej, quddiem setegħtek

fl-art u s-sema l-ħlejjaq kollha

għandhom jinżlu għarkubbtejhom,

u kulħadd jistqarrek b’Sidu.

 

Nitolbuk bil-qalb, o Mħallef

li ġej tagħmel ħaqq mid-dinja,

tul ħajjitna żommna mbiegħda

minn kull ħbit ta’ l-għadu ħajjen.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej ġej fis-sħab tas-sema, b’setgħa u qawwa kbira, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

 sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej ġej fis-sħab tas-sema, b’setgħa u qawwa kbira, hallelujah

Ant. 2: Id-dehra tal-Mulej għad isseħħ, u ma tqarraqx; jekk iddum ma tasal, stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx, hallelujah.

 

Salm 113 B (115)

 

Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, †

iżda lil ismek sebbaħ, *

għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Fis-smewwiet hu Alla tagħna; *

hu jagħmel kull ma jogħġbu.

 

Fidda u deheb huma l-allat tagħhom, *

xogħol ta' idejn il-bniedem.

Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;

għandhom l-idejn, u ma jmissux; †

għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; *

ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Iżrael ittama fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dar Aron ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

 

Il-Mulej jiftakar fina u jberikna; *

ibierek 'il dar Iżrael, ibierek 'il dar Aron.

Ibierek 'il dawk li jibżgħu mill-Mulej, *

kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.

 

Ikattarkom ħafna l-Mulej, *

lilkom u 'l uliedkom.

Imberkin intom mill-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; *

imma l-art hu taha lill-bnedmin.

M'humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej, *

anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;

imma aħna li nbierku l-Mulej, *

minn issa u għal dejjem.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Id-dehra tal-Mulej għad isseħħ, u ma tqarraqx; jekk iddum ma tasal, stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx, hallelujah.

 

Ant. 3: Il-Mulej il-leġiżlatur tagħna, il-Mulej is-sultan tagħna: hu ġej biex isalvana.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

 Huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

 Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

 Intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

 intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

 Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

 Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

 u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej il-leġiżlatur tagħna, il-Mulej is-sultan tagħna: hu ġej biex isalvana.

 

LEZZJONI QASIRA Fil 4:4-5

 

 Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafu biha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. Uri lilna, Mulej, * it-tjieba tiegħek. Uri.

V. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina. * It-tjieba tiegħek. Glorja. Uri.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Jiena ngħammidkom bl-ilma għall-indiema, imma min ġej warajja hu aqwa minni: hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

 

Sena B

Ġwanni kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu”.

 

Sena Ċ

Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Jiena ngħammidkom bl-ilma għall-indiema, imma min ġej warajja hu aqwa minni: hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

 

Sena B

Ġwanni kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu”.

 

Sena Ċ

Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, Kristu hu l-Feddej li ġie jsalva l-bnedmin. Nitolbuh b’tama qawwija u ngħidulu:

Ejja, Mulej Ġesù.

Mulej Ġesù Kristu, bil-misteru ta’ l-inkarnazzjoni wrejt lid-dinja l-glorja tiegħek ta’ Alla:

- aħjina bil-miġja tiegħek.

Int sirt dgħajjef bħalna:

- xerred fuqna l-ħniena tiegħek.

Int, fl-ewwel miġja umli tiegħek, fdejt id-dinja mid-dnub:

- fit-tieni miġja tiegħek naddafna mill-ħtija u seddaqna.

Inti tgħix u taħkem fuq kollox:

- fit-tjieba tiegħek agħmel li nilħqu l-wirt ta’ dejjem.

Inti qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier:

- ferraħ lil ħutna l-mejtin bid-dawl ta’ wiċċek.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu ma l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Dell tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġieħu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.