Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


L-ERBATAX IL-ĦADD MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħadd tat-II ġimgħa

 

L-1 GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Alla, għajn tal-ħlejjaq kollha,

kif temmejt l-għemejjel tiegħek,

inti mlejt id-dinja kollha

b’ġabra ta’ kull ġmiel u żîna.

 

Rajt li kollox tajjeb ħafna

u lis-seba’ jum qaddistu;

fih waqaft mill-ħidma tiegħek,

u ridt lilna nqaddsuh f’ġieħek.

 

F’dan il-jum li int innifsek,

ħtart għalik, Mulej naddafna

minn ħtijietna, biex noffrulek

tifħir xieraq kif jistħoqqlok.

 

Żejjen b’kull virtù lil ruħna,

il-ġid tiegħek sawwab fina,

biex kif jasal jum l-Imħallef,

lesti jsibna, fis-sliem miegħek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Musbieħ għal riġlejja kelmtek, Mulej, hallelujah.

 

Salm 118 (119):105-112

 

XIV (Nun)

 

Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, *

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti, *

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

 

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.

Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, *

u għallimni d-digrieti tiegħek.

 

Ħajti dejjem fit-tiġrif, *

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

Il-ħżiena nasbuli x-xibka, *

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; *

huma l-għaxqa ta' qalbi.

Inħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, *

għal dejjem u sa l-aħħar.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Musbieħ għal riġlejja kelmtek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, int timlieni bil-ferħ quddiemek, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi; *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

 

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *

messni sehem tassew għal qalbi.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Mulej, int timlieni bil-ferħ quddiemek, hallelujah.

Ant. 3: Fl-isem ta’ Ġesù, sew fis-sema sew fl-art, kulħadd jinżel għarkubbtejh, hallelujah.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, †

 sar jixbah lill-bniedem *

 u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

 

Ant. 3: Fl-isem ta’ Ġesù, sew fis-sema sew fl-art, kulħadd jinżel għarkubbtejh, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 1:2b-6a

 

 Il-grazzja lilkom u s-sliem minn Alla, il-Missier tagħna! Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbu għalikom, għax smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù, u l-imħabba tagħkom għall-qaddisin kollha, minħabba t-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, u li intom diġà smajtu biha meta tħabbritilkom il-kelma tas-sewwa tal-Bxara t-tajba. Din il-Bxara qiegħda tikber u tagħti l-frott fid-dinja kollha, bħalma għamlet s’issa fostkom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha, * Ikun imfaħħar isem il-Mulej. Minn tlugħ.

V/. Ogħla mis-smewwiet hu sebħu. * Ikun imfaħħar isem il-Mulej. Glorja. Minn tlugħ.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Infaħħrek. Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.

 

Sena B

Il-ħafna nies li semgħu lil Ġesù jgħallem bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? Dan m’huwiex il-mastrudaxxa, bin Marija.

 

Sena Ċ

Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Infaħħrek. Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.

 

Sena B

Il-ħafna nies li semgħu lil Ġesù jgħallem bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? Dan m’huwiex il-mastrudaxxa, bin Marija.

 

Sena Ċ

Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

 

PREĊI

 

Alla jgħin u jħares lill-poplu li hu għażel b’wirtu, biex iżommu dejjem fl-hena. Niżżuh ħajr u, biex ma ninsew qatt it-tjieba tiegħu, intennulu:

 Fik, Mulej, inqiegħdu t-tama tagħna.

Missier ħanin, nitolbuk għall-Papa u għall-Isqof tagħna:

- ħarishom u qaddishom bil-qawwa tiegħek.

Agħmel li l-morda jagħrfu li għandhom sehem mis-sofferenzi ta’ Kristu:

- ħa jħossu dejjem li jaqsmu miegħu wkoll fil-faraġ.

Ħares bit-tjieba lejn min ma għandux saqaf fejn jistkenn:

- agħmel li jsibu dar xierqa ta’ bnedmin li huma.

Bierek ir-raba’ tagħna b’kotra ta’ frott sħiħ u bnin:

- ipprovdi lil kulħadd il-ħobż ta’ kull jum.

Bit-tjieba kbira tiegħek ilqa’ lil ħutna l-mejtin:

- qegħedhom għal dejjem fid-dar tiegħek tas-sema.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn galina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina gĦall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

  

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Fis-sigħat tal-lejl ninġabru

biex, kif jgħallem il-Profeta,

nerfgħu qlubna ‘l fuq lejn Alla

ħa nfaħħruh għall-kobor tiegħu.

 

Nagħtu glorja ‘l-Missier għoli,

‘l Ibnu w lill-Ispirtu s-Santu,

Trinità qaddisa w hienja t’Alla

t’Alla wieħed jista’ kollox.

 

Iżda l-poplu t’Alla ħeles,

l-anġlu għadda minn quddiemhom

bla ma messhom, għaliex lemaħ

is-sinjal tad-demm fi djarhom.

 

F’dak il-lejl ta’ qerda ġarrab

niket kbir l-Eġittu kollu;

Iżrael, bid-demm li nxtered

mill-ħaruf, sab l-hena tiegħu.

 

Iżrael tassew hu aħna;

fik, Mulej, insibu l-hena,

għax demm Kristu l-ħarsien tana

mill-għedewwa w minn kull ħażen.

 

Sultan twajjeb, int mexxina

lejn is-saltna mbierka tiegħek,

fejn ninġabru lkoll madwarek

b’għana ta’ tifħir għal dejjem. Ammen.

 

II Matul il-jum

Insellmulek, jum ta’ glorja,

jum ir-rebħa ta’ min fdiena,

jum ta’ ferħ, qaddis u mbierek,

 jum ewlieni.

 

F’dan il-jum, li dawwal l-għomja,

Kristu ġieb fix-xejn lill-għadu,

qered b’mewtu l-mewt, u ġedded

 kollox f’Alla.

 

Alla l-ġust fl-imgħoddi xeħet

kollox taħt id-dnub, biex jagħti

maħfra w grazzja lil min jemmen

 f’Ġesù Ibnu.

 

Meta d-dinja kienet miexja

fit-telfien bi ħtija tagħha,

Kristu, l-għerf u l-qawwa t’Alla,

 miet għalina.

 

Iżda qam rebbieħ mill-qabar,

u, fil-ferħ tal-ħajja l-ġdida,

refa’ lejn is-sema n-nagħġa

 li ntilfitlu.

 

Reġgħet l-art fis-sliem ta’ l-anġli,

reġgħu fostna l-ħaqq u s-sewwa,

b’ġieħ u sebħ ta’ min fetħilna

 triq il-hena.

 

Ma’ l-għanjiet ħelwin tas-sema

tinseġ innu ommna l-Knisja;

aħna wliedha ntennu magħha:

 Hallelujah.

 

Lill-Missier ħanin infaħħru,

radd ta’ ħajr lil Ibnu Sidna,

glorja w qawwa lill-Ispirtu,

 issa w dejjem. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, Alla tiegħi, bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, bid-dawl, bħal mantell, inti mkebbeb, hallelujah.

 

Salm 103 (104)

 

I

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej! *

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, *

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda, *

waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek, *

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek, *

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, *

b'mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha; *

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.

 

Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu; *

malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.

Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu; *

posthom, li int tajthom, jieħdu.

Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżejtilhom, *

biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.

 

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien, *

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba', *

u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru, *

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.

Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, Alla tiegħi, bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, bid-dawl, bħal mantell, inti mkebbeb, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ħareġ il-ħobż mill-art, u nbid li jferraħ qalb il-bniedem, hallelujah.

 

II

 

Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, *

u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.

Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, *

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,

biex joħroġ il-ħobż mill-art, *

inbid li jferraħ qalb il-bniedem,

żejt li jsebbħilhom wiċċhom, *

u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.

 

Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, *

iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.

Fihom ibejjtu l-għasafar, *

iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.

Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, *

l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.

 

Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, *

u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.

Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl; *

fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.

Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu, *

jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.

Malli titla' x-xemx jinġabru, *

fl-għerien tagħhom jitgeddsu.

U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, *

u jibqa' jaħdem sa filgħaxija. 

 Glorja.

 

Ant.2: Il-Mulej ħareġ il-ħobż mill-art, u nbid li jferraħ qalb il-bniedem, hallelujah.

Ant.3: Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sew ħafna, hallelujah.

 

III

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! †

Kollha bl-għerf għamilthom; *

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf, †

li fih jimraħ ħut bla għadd; *

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu; *

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha *

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru; *

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; †

jekk teħdilhom nifishom, imutu, *

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat l-ispirtu tiegħek, jinħolqu, *

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem! *

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Kif hu jħares lejn l-art titheżheż; *

kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.

Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha, *

indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi, *

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.

 

Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, †

u jgħibu l-ħżiena, *

 Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sew ħafna, hallelujah.

 

V/. Henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw.

R/. Henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel 2 Sam 12:1-15

 

L-indiema ta’ David

 

F’dawk il-jiem: Il-Mulej bagħat ‘il Natan il-profeta għand David. U mar għandu u qallu: “Kien hemm żewġt irġiel mill-istess belt, wieħed sinjur u l-ieħor fqir. Is-sinjur kellu kotra kbira ta' nagħaġ u baqar. Il-fqir ma kellu xejn ħlief ħarufa żgħira, li kien xtara. Hu rabbieha u kibret flimkien miegħu u ma' wliedu, kienet tiekol mill-ftiet tiegħu, tixrob mill-kus tiegħu, u torqod fi ħdanu; għalih kienet qisha bintu.

Darba waħda ġie vjaġġatur għand is-sinjur; dan ma kellux qalb jieħu min-nagħaġ u l-baqar tiegħu biex ilesti l-ikel lill-vjaġġatur li wasal għandu. Ħa l-ħarufa ta' dak l-imsejken raġel, u ħejja l-ikel għal dak li ġie għandu.”

David saħan sewwa għal dan il-bniedem, u qal lil Natan: “Daqs kemm hu ħaj Alla, il-bniedem li għamel dan ħaqqu l-mewt. Il-ħarufa jħallas għaliha seba' darbiet, għax għamel dan u ma kellux ħniena.”

Mbagħad Natan qal lil David: “Inti hu dak il-bniedem! Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jiena dliktek sultan fuq Iżrael, jiena ħlistek minn idejn Sawl, fi ħdanek tajtek id-dar ta' Iżrael u ta' Ġuda; u jekk dan kien għadu ftit, kont inżidlek daqshekk ieħor. Għaliex mela stmerrejt il-kelma tal-Mulej u għamilt il-ħażin f'għajnejh? Drabt lil Urija bix-xabla, ħadtlu 'l martu b'martek, u lilu qtiltu bix-xabla ta' l-Għammonin. U issa ma titwarrab qatt ix-xabla mill-familja tiegħek talli int stmerrejtni, u ħadt lil mart Urija l-Ħitti biex tkun martek.

 ̋Dan jgħid il-Mulej: Arani se naqlagħlek l-inkwiet mill-familja tiegħek stess; neħodlok in-nisa tiegħek minn taħt għajnejk u nagħtihom lil ħaddieħor, u jimtedd magħhom għad-dawl ta' din ix-xemx. Int għamilt kollox bil-moħbi, imma jien nagħmlu għad-dawl tax-xemx, quddiem Iżrael kollu.”

U David qal lil Natan: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!” U Natan wieġbu: “Il-Mulej ukoll ħafirlek, int ma tmutx; imma billi int b'għemilek stmerrejt il-Mulej, it-tarbija li titwelidlek żgur li tmut.”

U Natan mar lura lejn daru.

U l-Mulej darab it-tarbija li wildet lil David mart Urija, u mardet. U David talab lil Alla għat-tifel, u sam u mar u għadda l-lejl mixħut fl-art. U qagħdu x-xjuħ ta' daru ħdejh biex iqajjmuh mill-art, iżda hu ma riedx, u ma kiel xejn magħhom. U ġara li mas-seba' jum it-tarbija mietet; u l-qaddejja ta' David beżgħu jgħarrfuh li t-tarbija mietet, għax qalu: “Araw, sakemm it-tarbija kienet għadha ħajja, tkellimna miegħu u ma semagħniex, u issa kif nistgħu ngħidulu: 'It-tarbija mietet?' Jagħmillu ħażin.” U David ra lill-qaddejja tiegħu jfesfsu bejniethom u fehem li t-tarbija mietet. U David qal lill-qaddejja: “Jaqaw mietet it-tarbija?” U huma wieġbu: “Iva.”

U qam David mill-art, inħasel, indilek, biddel ħwejġu u mar f'dar il-Mulej jagħtih qima wiċċu fl-art. Mbagħad mar id-dar, talabhom jiekol, u lestewlu l-ikel u kiel. U bdew jgħidu: “Din x'inhi li għamilt, somt minħabba t-tarbija meta kienet għadha ħajja u bkejtha, u issa li t-tarbija mietet, qomt u kilt il-ħobż?” U hu wieġeb: “Sakemm it-tarbija kienet għadha ħajja, somt u bkejt, għax, għedt, min jaf jekk il-Mulej iħennx għalija u tgħix it-tarbija?' Issa li mietet, għalfejn insum? Nista' jien nerġa' nġibha lura?”

David imbagħad farrag lil Betseba, martu, u resaq lejha, mtedd magħha u welditlu iben, u semmieh Salamun, u l-Mulej kien iħobbu; u bagħat jgħidlu permezz ta' Natan il-profeta jagħtih l-isem ta' 'Ġedidija', minħabba l-Mulej.

 

RESPONSORJU Talba ta’ Manassi 9, 10. 12; Salm 50(51):5. 6a

 

R/. Dnubieti aktar mir-ramel tal-baħar; kotru ħtijieti u ma jistħoqqlix inħares lejn l-għoli tas-sema minħabba l-kobor ta’ ħżuniti, għax b’għemili qanqalt l-għadab tiegħek, Mulej, * U dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.

V/. Għax jien nagħarfhom ħtijieti, id-dnub tiegħi dejjem quddiemi; kontrik biss jiena dnibt, * U dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-Isqof Santu Wistin

 

Is-sagrifiċċju tiegħi hu l-qalb maqsuma

 

Jiena, jgħid David, nagħrafhom ħtijieti. Jekk jiena nagħrafhom, int aħfirhomli. M’għandniex nippretendu bl-ebda mod li aħna mingħajr dnub, għalkemm qegħdin ngħixu ħajja tajba. Tkun ħaqqha tifħir ħajjitna biss jekk nitolbu maħfra għal dnubietna. Il-ħżiena lanqas jagħtu kas ta’ dnubiethom, imma aktar moħħhom fi dnubiet ħaddieħor. Huma jfittxu mhux x’se jikkoreġu fihom infushom, imma x’jistgħu jsibu biex ikollhom fiex jaqbdu ma’ l-oħrajn. U għax ma jistgħux jiskużaw lilhom infushom, jaraw kif jakkużaw lill-oħrajn. Mhux hekk gaħħlimna David, meta biex jurina kif nitolbu u npattu lil Alla, qal: Jiena nagħarfhom ħtijieti, id-dnub tiegħi dejjem quddiemi. David ma kienx moħħu fi dnubiet ħaddieħor, iżda kien moħħu fih innifsu, u ma kienx iżiegħel bih innifsu imma kien qed jgħarbel lilu nnifsu sal-qiegħ ta’ qalbu. Ma wriex ħniena miegħu nnifsu, u għalhekk meta talab ħniena għalih innifsu ma kienx sfiq it-talb tiegħu.

Trid ittaffi l-korla ta’ Alla? Ara kif qiegħed iġġib ruħek miegħek innifsek u ssir togħġob lil Alla. Ara x’hemm miktub fl-istess salm: Għax lilek ma jogħġbukx sagrifiċċji: noffrilek vittmi maħruqa u ma tilqagħhomx. Kompli isma’ x’hemm miktub: Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu qalb niedma, qalb maqsuma u sogħbiena int ma twarrabhiex, o Alla. Ħalli fil-ġenb dak li kont se toffri, issa taf x’għandek toffri. Fi żmien in-nies ta’ l-imgħoddi kont toffri vittmi meħuda minn fost l-imrieħel, u dawn kienu s-sagrifiċċji. Lilek, Mulej, ma jogħġbukx is-sagrifiċċji: sagrifiċċji bħal dawn int ma tridhomx bħal ma kont tridhom dari, iżda xi sura ta’ sagrifiċċju int għadek tridu.

ittmi maħruqa ma tilqagħhomx. Jekk il-vittmi maħruqa ma tilqagħhomx, se tibqa’, Mulej, mingħajr l-offerta ta’ xi sagrifiċċju? Le, is-sagrifiċċju tiegħi hu qalb niedma: qalb maqsuma u sogħbiena int ma twarrabhiex, o Alla. Dan hu s-sagrifiċċju li għandek toffri ‘l Alla. Toqgħodx tfittex fost l-imrieħel, tbaħħarx sa pajjiżi ‘l bogħod biex minn hemm iġġib fwejjaħ u ħwawar għas-sagrifiċċju. Għarrex f’qalbek ħa ssib hemm dak li jogħġob lil Alla. Qalbek trid tinqasam: għaliex tibża minn dan? Ma taqrax fis-salm: Oħloq fija qalb safja, o Alla? Biex tinħoloq fik qalb safja jeħtieġ tinqered fik il-qalb imniġġsa.

Meta midinbu, għaliex id-dnub ma jogħġobx lil Alla, għandna nfittxu li ma nkunux nogħġbu lilna nfusna wkoll. Jekk ma nistgħux inkunu mingħajr dnub, ejjew almenu nfittxu li nkunu nixbhu lil Alla fl-istmerrija tad-dnub: infittxu li ma jkunx jogħġobna d-dnub d-dnub kif ma jogħġobx lil Alla. B’hekk b’xi mod tkun qed tingħaqad ma’ Alla, għax lilek ma jogħġbokx dak li jobgħod Alla li ħalqek.

 

RESPONSORJU ara Ef 4:1. 3-4

 

R/. Dnubieti, Mulej, bħal vleġeġ weħlu fija; iżda qabel ma jagħmlu ġrieħi fija, * Fejjaqni, Mulej, bid-duwa tas-sogħba u l-indiema.

V/. Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija. * Fejjaqni, Mulej, bid-duwa tas-sogħba u l-indiema.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

 O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jinfirxu d-dellijiet ma’ sbiħ il-għodwa,

u qajla qajl id-dawl jaqtagħhom fl-iswed,

filwaqt li nerfgħu qlubna ‘l fuq lejn Alla

li jista’ kollox.

 

Biex hu mill-għoli tiegħu jħenn għalina,

ibiegħed minna l-hemm jagħtina s-saħħa,

u b’tjieba ta’ missier, jilqagħna għandu

id-dar tas-sema.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu;

u lilha d-dinja kollha trodd bla heda

tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

 milli tittama fil-kbarat.

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

 

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

 

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

 

 Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

imma ma telaqnix għall-mewt.

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

 

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom

sa ħdejn l-altar.

 

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr, *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Glorja.

 

Ant. 1: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Ninsġu għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3:52-57)

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *

ta’ min ifaħħrek u jgħolik fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ, *

ta’ min ifaħħru sewwa u jgħollih fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, †

li ħarstek tinfed l-abbissi, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Bierku għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ninsġu għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna, hallelujah.

Ant. 3: Faħħru lill-Mulej għall-kobor tiegħu bla tarf, hallelujah.

 

Salm 150

 

Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu, *

faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!

Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu, *

faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf!

 

Faħħruh bid-daqq tat-tromba, *

faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!

Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin, *

faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar!

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali, †

faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali! *

Kull ma jieħu nifs,ħa jfaħħar il-Mulej!

 Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru lill-Mulej għall-kobor tiegħu bla tarf, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Eżek 36:25-27

 

Inroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom, mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida, u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida, u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam. U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi u li żżommu l-preċetti tiegħi u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Lilek infaħħru, o Alla, * Ismek inxandru. Lilek.

V/. Għemilek ta’ l-għaġeb inħabbru, * Ismek inxandru. Glorja. Lilek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Ħudu fuqkom il-madmad tiegħu u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

 

Sena B

 Tassew ngħidilkom, ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.

 

Sena Ċ

 Fid-dar fejn tidħlu l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar”, u jistrieħ is-sliem tagħkom fuqha.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Ħudu fuqkom il-madmad tiegħu u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

 

Sena B

 Tassew ngħidilkom, ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.

 

Sena Ċ

 Fid-dar fejn tidħlu l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar”, u jistrieħ is-sliem tagħkom fuqha.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna niżel fid-dinja biex ikun Alla magħna. Inroddulu ħajr, u ngħidulu:

Kristu, Sultan glorjuż, kun id-dawl u l-ferħ tagħna.

Mulej Ġesù, dawl li ġejt iżżurna mill-għoli, inti l-bidu tal-qawmien li nittamaw:

- iġbidna warajk, biex ma nkunux fid-dell tal-mewt, imma nimxu fid-dawl tal-ħajja.

Ħallina naraw tjubitek li int xerridt fil-ħlejjaq kollha:

- hekk nilmħu l-glorja tiegħek f’kollox.

Mulej, la titlaqniex illum taħt is-setgħa tal-Ħażin:

- għinna negħlbu d-deni bl-għemil it-tajjeb.

Int kont ikkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu kif tgħammidt fil-Ġordan:

- mexxina llum bil-grazzja ta’ l-Ispirtu Qaddis tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Il-Mulej iqegħedni f’mergħat kollhom ħdura, hallelujah.

 

Salm 22 (23)

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, †

xejn ma jonqosni; *

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; *

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa *

minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam, †

ma nibżax mill-ħsara, *

għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, *

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija *

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi, *

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena *

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej *

sakemm indum ħaj!

 

 Glorja.

 

Ant.1 Il-Mulej iqegħedni f’mergħat kollhom ħdura, hallelujah.

Ant.2 Kbir hu isem il-Mulej f’Iżrael, hallelujah.

 

Salm 75 (76)

 

I

 

Magħruf hu Alla f'Ġuda, *

kbir hu ismu f'Iżrael.

F'Salem hemm l-għarix tiegħu, *

u l-għamara tiegħu f'Sijon.

Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark, *

it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.

 

Int kollok dija u glorja, *

aktar mill-aqwa muntanji.

L-irġiel ta' qalbhom qawwija *

tilfu l-priża tagħhom;

il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda, *

idejhom tmewwtulhom.

Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb, *

f'telfa jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.

 Glorja.

 

Ant.2 Kbir hu isem il-Mulej f’Iżrael, hallelujah.

Ant.3 Twerwret l-art u tbikkmet, meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, hallelujah.

 

II

 

Tal-biża' int; int, min jiqaflek, *

meta tqum fuq tiegħek, Mulej?

Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek; *

twerwret l-art u tbikkmet,

meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, *

biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.

 

Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk; *

u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.

Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom; *

ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni,

 lilu, li hu tal-biża';

lil dak li jifni l-kbarat, *

li jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.

 Glorja.

 

Ant.3 Twerwret l-art u tbikkmet, meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, hallelujah.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 5:1-2. 5

 

Issa li għandna l-ġustifikazzjoni bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih nidħlu għal din il-grazzja li fiha ninsabu issa. Aħna niftaħru minħabba t-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. U t-tama ma tqarraqx bina, għaliex l-imħabba ta’ Alla ssawbet fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

V/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

R/. F’kull żmien inxandar il-fedeltà tiegħek.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:26

 

L-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem.

 

V/. Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi.

R/. Agħtini d-dehen d-dehen skond il-kelma tiegħek.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:21-22

 

Hu Alla li jwettaq sew lilkom u sew lilna fi Kristu, u li kkonsagrana għalih innifsu; hu li mmarkana wkoll bis-siġill tiegħu u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna.

 

V/. Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

R/. Il-Mulej hu l-kenn tiegħi.

 

Talba

 

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Alla wieħed, tliet Persuni,

dawl qaddis li jdawwal kollox,

wara nżul ix-xemx minn fuqna

imla ‘l qalbna bid-dawl tiegħek.

 

Faħħarnik, Mulej, fil-għodu;

isma’ talbna fil-għaxija;

nitolbuk li l-glorja tagħna

tkun li ntuk tifħir għal dejjem.

Lill-Missier u ‘l Kristu, Ibnu,

u ‘l-Ispirtu, li ġej minnhom,

Alla wieħed ta’ kull setgħa,

nitolbuh li jbierek talbna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kristu l-Mulej hu l-Qassis għal dejjem bħal Melkisedek, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

 sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Kristu l-Mulej hu l-Qassis għal dejjem bħal Melkisedek, hallelujah.

Ant. 2: Alla tagħna hu fis-smewwiet; hu jagħmel kull ma jogħġbu, hallelujah.

 

Salm 113 B (115)

Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, †

iżda lil ismek sebbaħ, *

għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Fis-smewwiet hu Alla tagħna; *

hu jagħmel kull ma jogħġbu.

 

Fidda u deheb huma l-allat tagħhom, *

xogħol ta' idejn il-bniedem.

Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;

għandhom l-idejn, u ma jmissux; †

għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; *

ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Iżrael ittama fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dar Aron ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

 

Il-Mulej jiftakar fina u jberikna; *

ibierek 'il dar Iżrael, ibierek 'il dar Aron.

Ibierek 'il dawk li jibżgħu mill-Mulej, *

kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.

 

Ikattarkom ħafna l-Mulej, *

lilkom u 'l uliedkom.

Imberkin intom mill-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; *

imma l-art hu taha lill-bnedmin.

M'humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej, *

anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;

imma aħna li nbierku l-Mulej, *

minn issa u għal dejjem.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Alla tagħna hu fis-smewwiet; hu jagħmel kull ma jogħġbu, hallelujah.

Ant. 3: Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, iż-żgħar u l-kbar, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

 Huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

 Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

 Intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

 intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

 Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

 Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

 u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, iż-żgħar u l-kbar, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Tess 2:13-14

 

 Aħna għandna niżżuħajr lil Alla minħabba fikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-ewwel frott tal-fidwa bil-qdusija ta’ l-Ispirtu u l-fidi fil-verità. Għal dan Alla sejjħilkom permezz ta’ l-Evanġelju tagħna, biex intom ikollkom sehem fil-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kbir Sidna l-Mulej, * U ta’ qawwa kbira. Kbir.

V/. Bla tarf l-għerf tiegħu. * U ta’ qawwa kbira. Glorja. Kbir.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Il-madmad tiegħu hu ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif , jgħid il-Mulej.

 

Sena B

Ġesù telaq minn pajjiżu u mar idur l-irħula ta’ dawn l-inħawi jgħallem.

 

Sena Ċ

Ifirħu u thennew għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet, jgħid il-Mulej.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Il-madmad tiegħu hu ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif , jgħid il-Mulej.

 

Sena B

Ġesù telaq minn pajjiżu u mar idur l-irħula ta’ dawn l-inħawi jgħallem.

 

Sena Ċ

Ifirħu u thennew għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet, jgħid il-Mulej.

 

PREĊI

 

Infaħħru lil Kristu u nagħtuh ġieħ, għax hu jista’ jsalva għalkollox lil dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom. Nitolbuh bil-qawwa ta’ din il-fidi, u ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-poplu tiegħek.

Xemx tal-ġustizzja, fit-tmiem ta’ dan il-jum insejjħu l-isem qaddis tiegħek fuq il-bnedmin kollha:

- xerred fuq kulħadd il-ġid tad-dawl tiegħek li qatt ma jgħib.

Ħares il-patt li għamilt magħna b’demmek l-għażiż:

- qaddes il-Knisja tiegħek u żommha bla tebgħa.

Mulej, aħna l-ġemgħa tiegħek:

- ftakar fina li nġbarna fil-post fejn int tgħammar.

Mexxi fit-triq tas-sliem u r-riżq lil min jinsab fil-vjaġġ:

- wasslu ferħan u b’wiċċ il-ġid fil-post mixtieq.

Ħu fi ħsiebek lil ħutna l-mejtin:

- agħtihom il-maħfra tiegħek u l-glorja ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn galina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina gĦall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegĦu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgĦu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.