Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAT-XIII IL-ĠIMGHA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tal-I ġimgha

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu sid l-art u kull ma fiha: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Alla ta’ kull tjieba w ħniena,

bidu w għajn tal-ħlejjaq kollha,

int f’setgħetek Alla wieħed,

imma tlieta fil-Persuni.

 

Waqt li nfaħħru t-tjieba tiegħek,

nersqu bit-tnehid quddiemek;

saffi ‘l qalbna biex nitgħaxxqu

dejjem iżjed bil-ġid tiegħek.

 

Lil ġenbejna dgħajfa saħħaħ

bin-nirien ta’ mħabba safja,

ħalli nkunu mħażżmin dejjem,

nistennew il-miġja tiegħek.

 

Ilqa’ mela, t-talb li wliedek

fis-sigħat tal-lejl jagħmlulek,

sabiex jitħejjew kif jixraq

għal kull don u grazzja tiegħek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

u int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Fi tjubitek, Kristu Sidna,

ieqaf magħna w ħenn għalina,

int li bgħatt is-seba’ doni

ta’ l-Ispirtu fuq min jemmen.

 

Rodd is-saħħa ‘l-morda kollha,

biegħed kull tfixkil mid-dgħajfa,

rażżan il-ġibdiet tal-ħażen,

agħti s-serħ lill-qlub muġugħa.

 

Sawwab f’moħħna s-sliem u l-heda,

mexxi w temm kull xogħol ta’ fejda,

isma’ t-talb ta’ min jgħajjatlek,

u wassalna lkoll fil-ħajja.

 

Meta mbagħad, fi tmiem il-ħidma,

jagħlaq żmien il-ġimgha tagħna,

it-tmien jum ifeġġ, u jsejjaħ

lill-bnedmin għall-ħaqq quddiemek.

 

F’dak il-jum, Sultan u Mħallef,

qegħedna n-naħa ta’ lemintek,

biex, man-nagħaġ imbierka tiegħek,

nieħdu b’wirtna s-saltna mwiegħda.

 

Hekk isseħħ ix-xewqa tagħna:

fejn tkun int inkunu aħna,

biex naraw il-glorja tiegħek,

u nagħtuk tifħir għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

 

Salm 130 (131)

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi, *

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, *

jew wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ, *

bħal tarbija f'ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, *

hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

Glorja.

 

Ant. 1: L-akbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir.

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

 

Salm 131 (132)

 

I

 

Ftakar, Mulej, f'David *

u fil-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, *

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta' Ġakobb:

 "Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, *

ma jitlax fuq il-friex ta' soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod *

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej, *

għamara għal Alla l-Qawwi ta' Ġakob."

 

Araw, smajna bl-Arka f'Efrata, *

sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.

Ħa nidħlu fil-għamara tiegħu, *

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta' riġlejh!

 

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, *

int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, *

igħajtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, *

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla tiegħi, jien offrejtlek kollox tassew minn qalbi.

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

II

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David, *

u żgur li ma jerġax lura minnha:

"Wieħed min-nisel tiegħek *

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

 

Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi *

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem *

joqogħdu fuq it-tron tiegħek."

 

Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, *

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

"Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! *

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

 

Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, *

bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.

Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, *

bil-ferħ igħajtu l-ħbieb tagħha.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David, *

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, *

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej ħalef wegħda sħiħa lil David: hu wettaqlu s-saltna tiegħu għal dejjem.

 

V/. Ejjew, araw x’għamel il-Mulej.

R/. Għemejjel ta’ l-għaġeb fuq l-art.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel 2 Sam 11:1-17. 26-27

 

Dnub David

 

Ġara li fil-bidu tas-sena, meta s-slaten soltu joħorġu għall-gwerra, David bagħat lil Ġowab u l-qaddejja tiegħu u lil Iżrael kollu għall-gwerra; wara li ħarbtu l-art ta' l-Għammonin, dawwru l-belt ta' Rabba. David baqa' Ġerusalemm.

Ġara li, għall-ħabta ta' filgħaxija, David qam minn friexu u mar jagħmel mixja fuq is-setaħ tal-palazz tas-sultan u minn fuq is-setaħ jilmaħ mara qiegħda tinħasel. Il-mara kienet sabiħa ħafna. David bagħat jistaqsi min kienet dik il-mara. Qalulu: “Dik Batseba, bint Eligħam, mart Urija l-Ħitti.” David bagħat il-messaġġiera tiegħu għaliha u daħlet għandu, u mtedd magħha - kienet għadha kemm tnaddfet mill-inġiesa tax-xahar tagħha. U l-mara tqalet u bagħtet tgħid lil David u qaltlu: “Jiena tqila.”

Mbagħad David bagħat jgħid lil Ġowab: “Ibgħatli lil Urija l-Ħitti.” U Ġowab bagħat lil Urija għand David. Meta Urija wasal, David staqsieh jekk kienx tajjeb Ġowab, kienx tajjeb l-eżerċtu, u jekk kinitx sejra tajjeb il-gwerra. U fl-aħħar qallu: “Inżel id-dar tiegħek, u aħsel riglejk.” Urija ħareġ mill-palazz tas-sultan, u dan bagħatlu rigal. Iżda Urija raqad wara l-bieb tal-palazz tas-sultan mal-qaddejja ta' sidu, u ma marx id-dar. U għarrfu b'dan lil David: “Urija,” qalulu, “ma marx f'daru.” David għalhekk qal lil Urija: “M'intix ġej mit-triq? Għaliex ma nżiltx f'darek?” U Urija wieġeb lil David: “L-arka ta' Iżrael u Ġuda qegħdin fit-tined, u l-qaddejja ta' sidi għall-beraħ tar-raba', u mbagħad jien immur f'dari niekol u nixrob, u norqod ma' marti? F'ħajjietek u ħajjet ruħek, dan ma nagħmlu qatt.” David wieġeb lil Urija: “Oqgħod hawn illum ukoll, u għada nibagħtek.” U Urija baqa' Ġerusalemm dakinhar. U l-għada David stiednu biex jiekol u jixrob miegħu, u sakkru. Fil-għaxija Urija mar jorqod fuq friexu mal-qaddejja ta' sidu, u d-dar ma niżilx.

L-għada David kiteb ittra lil Ġowab u bagħathielu ma' Urija. Fl-ittra kitiblu dan il-kliem: “Qiegħed lil Urija fl-eħrex tat-taqbida quddiemnett, u intom tbiegħdu minn warajh, ħalli joqtluh u jmut.” Meta Ġowab ħabat għall-belt qiegħed lil Urija fil-post fejn kien jaf li kien hemm nies mill-aktar qalbiena. In-nies tal-belt ħarġu u ħabtu għal Ġowab. Ħafna mill-eżerċtu, fosthom ukoll qaddejja ta' David, waqgħu, u miet ukoll Urija l-Ħitti.

Il-mara ta' Urija semgħet li r-raġel tagħha Urija miet, u bkiet lil żewġha. Malli għadda żmien il-vistu, David bagħat għaliha u daħħalha f'daru: iżżewwiġha u wilditlu tifel. Imma dan għemil David ma għoġobx lill-Mulej.

 

RESPONSORJU ara 2 Sam 12:9; Eż 20:2, 13. 14

 

R/. Drabt lil Urija bix-xabla, u ħadtlu ‘l martu b’martek: * Għaliex mela stmerrejt il-kelma tal-Mulej u għamilt il-ħażin f’għajnejh?

V/. Jiena l-Mulej Alla tiegħek li ħriġtek mill-art ta’ l-Eġittu. La toqtolx. La tiżnix. * Għaliex mela stmerrejt il-kelma tal-Mulej u għamilt il-ħażin f’għajnejh?

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Katekeżi ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Ġerusalemm

 

Stqarr ħtijietek fiż-żmien it-tajjeb

 

 Jekk hawn xi ħadd qaddej tad-dnub, ħa jħejji ruħu bil-fidi biex jitwieled mill-ġdid fil-ħelsien ta’ wlied Alla, ħa jbiegħed minnu l-jasar kiefer tad-dnub u jidħol għall-qadi mbierek tal-Mulej, biex hekk ikun jistħoqqlu jikseb il-wirt tas-saltna tas-sema. Bl-istqarrija tal-fidi tagħkom inżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar mix-xewqat ħżiena tiegħu, u ilbsu l-bniedem il-ġdid li jiġġedded skond ma jagħraf lil min ħalqu. Iksbu r-rahan ta’ l-Ispirtu s-Santu bil-fidi tagħkom, ħa jilqgħukom fl-għamajjar ta’ dejjem. Ersqu ħa tirċievu s-siġill mistiku biex Sidkom jagħraf li intom tiegħu. Ingħaddu mal-merħla qaddisa u għaqlija ta’ Kristu biex titqiegħdu fuq il-lemin tiegħu u tirtu l-ħajja li tħejjiet għalikom.

 Dawk li għad għandhom imwaħħla magħhom il-libsa tqila ta’ dnubiethom, qegħdin fuq ix-xellug għaliex ma resqux lejn il-grazzja ta’ Alla, li tingħata minn Kristu fil-ħasil tat-twelid ġdid: twelid ġdid mhux fil-ġisem, imma twelid ġdid tar-ruħ fl-ispirtu. Ġisimna jiġi fid-dinja permezz tal-ġenituri tagħna, ruħna titwieled mill-ġdid bil-fidi, għaliex ir-riħ fejn irid jonfoħ. Għad tisma’ l-kelmiet: Tajjeb, qaddej fidil u għaqli, jekk ikun jistħoqqlok, jiġifieri meta l-kuxjenza tiegħek ma jkollha ebda tinġis ta’ ħaġa b’oħra.

 Jekk hawn xi ħadd fostkom li jidhirlu jista’ jwaqqa’ fit-tiġrib il-grazzja ta’ Alla, dak qiegħed jitqarraq bis-sħiħ, għax ma jafx x’inhi l-qawwa tagħha. Fittex, o bniedem, li jkollok ruħek bla għelt u bla ħażen, minħabba dak li jifli u jgħarbel il-qlub.

 Dan hu żmien tajjeb biex fih tistqarr dak li għamilt, bil-kliem u bl-għemil, binhar u billejl. Stqarr ħtijietek issa li hu ż-żmien it-tajjeb, u irċievi t-teżor tas-sema f’dan il-jum tas-salvazzjoni.

 Tnaddaf biex tirċievi kotra akbar ta’ grazzji: il-maħfra tad-dnubiet tingħata ndaqs lil kulħadd, imma l-għaqda ma’ l-Ispirtu s-Santu tingħata lil kull wieħed skond id-daqs tal-fidi tiegħu. Jekk ħdimt ftit, ftit tieħu; jekk ħdimt ħafna, ħlasek ikun kbir: qed tiġri għalik innifsek, ara, mela, x’jaqbillek.

 Jekk għandek xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfirlu. Ersaq ħa tikseb il-maħfra ta’ dnubietek, imma jeħtieġ ukoll li taħfer lil min hu ħati għalik.

 

RESPONSORJU Prov 28:13; 1 Ġw 1:9

 

R/. Min jaħbi ħtijietu ma jkollux riżq: * Min jistqarrhom u jħallihom jikseb ħniena.

V/. Jekk nistqarru dnubietna, Alla hu fidil u ġust hekk li jaħfrilna dnubietna. * Min jistqarrhom u jħallihom jikseb ħniena.

 

TALBA

 

 O Alla, int tajtna l-grazzja ta’ l-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl; agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Għadda l-lejl mudlam, li jgħatti

kollox fl-art bi star sewdieni;

dawl il-għodwa qed jinfirex

mas-smewwiet, u l-jum ġa sebaħ.

 

Jitlaq mela wkoll minn ruħna

dlam id-dnub u l-kruha tiegħu,

u timtela b’dawl il-grazzja,

ħa naraw u nimxu sewwa.

 

Meta tisbaħ l-aħħar għodwa,

li b’tant ħrara nixtiquha,

hi tibdielna l-jum ta’ dejjem,

fil-mistrieħ u d-dawl tas-sema.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

 

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

 

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

 

Kantiku Eż 15:1-4a. 8-13. 17-18

 

 Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ; * 

 żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.

 

 Qawwieti u għanjieti l-Mulej: *

 għalija sar is-salvazzjoni. 

 Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar; *

 Alla ta' missieri, u lilu ngħolli!

 Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu! *

 Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu

Tefagħhom fil-baħar; 

 

 Mar-riħ qawwi ta’ mnifsejk inġemgħu l-ilmijiet, †

 bħal gods twaqqfu l-gliegel, *

 għaqdu l-imwieġ f’nofs il-baħar.

 Qal l-għadu: 'Niġri warajhom, nilħaqhom; *

 naqsam il-priża, u jkolli bix-xaba’; 

 is-sejf tiegħi nislet, *

idi teqridhom”.

 Infaħt bir-riħ tiegħek, †

għattiehom il-bahar, *

 għerqu bħaċ-ċomb fl-ilmijiet qawwija.

 

 Min hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

 min hu bħalek, kbir fil-qdusija ?

 Int tal-biża' fil-glorji tiegħek ; *

int li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb !

 Int meddejt il-leminija tiegħek, *

 u belgħethom l-art ġo fiha.

 Fi tjubitek mexxejt dan il-poplu li fdejt; *

 b'ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.

 Twassalhom u tħawwilhom *

 fuq il-muntanja, wirt tiegħek; 

 il-post, Mulej, li int għamiltu l-għamara tiegħek, * 

 il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.

 Il-Mulej isaltan *

għal dejjem ta' dejjem.”

 Glorja.

 

Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Piet 1:10-11

 

Ħuti, b’ħeġġa akbar għandkom tfittxu li tiżguraw is-sejħa u l-għażla tagħkom ; għax, jekk tagħmlu dan, ma titfixklu qatt. U hekk ikollkom miftuħ beraħ quddiemkom il-bieb u d-dħul fis-saltna ta’ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Lilek, Mulej, insejjaħ; * Inti l-kenn tiegħi. Lilek.

V/. Inti sehmi f’art il-ħajjin. * Inti l-kenn tiegħi. Glorja. Lilek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dawwal, Mulej, lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

 

PREĊI

 

Kristu sar jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun il-qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Inberkuh u ngħidulu:

Iftħilna, Mulej, it-teżori ta’ mħabbtek.

Inti x-xemx tal-ġustizzja, li fil-Magħmudija mlejtna bid-dawl tiegħek u tajtna ħajja ġdida:

- lilek nikkonsagraw dan il-jum ġdid li tajtna.

Aħna rridu nberkuk fis-sigħat kollha ta’ din il-ġurnata:

- f’kull ma nagħmlu rridu nfaħħru lil ismek.

Imliena bil-ħerqa ta’ Ommok Marija biex nisimgħu l-kelma tiegħek:

- mexxi l-passi tagħna fit-triq tat-tagħlim tiegħek.

Inti nżilt mis-sema biex tagħtina xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla:

- agħmel li l-emigranti tagħna jkunu xhieda tiegħek fid-dinja.

 

Missierna

 

Talba

 

Mulej, dawwal il-qalb tagħna bid-dija tal-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet, biex inkeċċu minna d-dlamijiet tal-mewt u jseħħilna naslu fid-dawl ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 33-40

 

V (He)

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; *

jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek *

u nagħmilha b'qalbi kollha.

 

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, *

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, *

u mhux lejn ir-regħba.

 

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; *

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, *

li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.

 

Warrab minni l-għajb li nibża' minnu, *

għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; *

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

 Glorja.

 

Ant.1 Mexxini, Mulej, mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh, u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, *

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

Ant.2 Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,*

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej lejn il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant.3 Fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA I Slat 8:60-61

 

Jagħraf kull poplu ta’ l-art li l-Mulej hu Alla u ma hemm ħadd ħliefu. Jalla qalbkom tkun kollha kemm hi mal-Mulej Alla tagħna, biex timxu skond id-digrieti tiegħu, u tħarsu l-kmandamenti tiegħu.

 

 V/. Alla tiegħi, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 R/. Mexxini fis-sewwa tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 17:9-10

 

Qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha? Jien hu l-Mulej, li nifli l-moħħ, u ngħarbel il-qlub biex nagħti ‘l kull wieħed skond l-imġiba tiegħu, skond ma jkun jistħoqqlu għemilu.

 

 V/. Minn dak li ma nafx bih saffini, Mulej.

 R/. Ħares lill-qaddej tiegħek mill-kburija.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 7:27a; 8:1

 

Għalkemm waħdu, l-għerf ta’ Alla jista’ kollox: għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Huwa jifrex il-qawwa tiegħu minn tarf ta’ l-art, u jqassam kollox sewwa.

 V/. Kemm huma kbar l-għemejjel tiegħek, Mulej.

 R/. Kemm huma għolja ħsibijietek.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.