Stampa t-test kollu ...


IL-ĦAMIS

TAT-XIII IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħamis ta’ l-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

L-ilwien sbieħ insatru kollha

taħt ġwenħajn il-lejl sewdieni;

hekk fid-dlam tad-dnub inbela’

ħtija tagħna l-ġmiel ta’ ruħna.

 

Kristu mħallef ġust ta’ qlubna,

eqred minna l-ħażen kollu,

imla r-ruħ mifdija minnek

b’dawl is-sebħ tal-grazzja tiegħek.

 

Kun ix-xemx li tagħti l-ħajja

tas-smewwiet lil art twelidna;

biegħed minnha l-għawġ u l-ħsara

biex tisseddaq fit-triq tiegħek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Agħti widen għat-talb tagħna,

Kristu, Sid ta’ tjieba w ħniena:

tħalli qatt is-sħab tal-ħażen

ta’ din l-art jgħattilna l-fidi.

 

Jaħrab fis kull ħsieb mhux xieraq

minn ġo moħħna, u ‘l ħadd ma nonqsu;

għaqda w sliem isaltnu fostna

jekk bil-ġid inħallsu d-deni.

 

Tkun nadifa w safja qalbna

mit-tkabbir, mill-qerq u l-korla;

b’ħeġġa mqaddsa negħlbu x-xeħħa,

li hi l-għerq tal-ħażen kollu.

 

Tkun bla wċuħ l-imħabba tagħna

lejn xulxin, għax ilkoll aħwa;

ngħixu dejjem f’rabta sħiħa,

bil-fiduċja u fehma safja.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-kelma tal-Mulej hi tarka għal kull min jistkenn fih.

 

Salm 17 (18):31-51

 

IV

 

Dritta hi t-triq ta' Alla; *

safja hi l-kelma tal-Mulej.

Tarka huwa Alla *

għal kull min jistkenn fih.

Għax min hu Alla ħlief Jaħweh? *

Min hu blata ħlief Alla tagħna?

Hu Alla, li ħażżimni bil-qawwa; *

fetaħli triq dritta quddiemi.

Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja, *

fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.

Idejja jħarriġli għat-taqbida; *

ark tal-bronż jiġbdu dirgħajja.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-kelma tal-Mulej hi tarka għal kull min jistkenn fih.

Ant. 2: Il-leminija tiegħek, Mulej, għenitni.

 

V

 

Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek, *

lemintek għenitni, l-għajnuna tiegħek kabbritni.

Int wessajtli t-triq quddiemi, *

u ma tfixklux riġlejja.

Neħodha għal wara l-għedewwa u nilħaqhom, *

ma nerġax lura qabel neqridhom.

Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha; *

jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.

Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida, *

taħti titfa' 'l dawk li jqumu għalija.

 

Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi; *

jien neqred 'il dawk li jobogħduni.

Jgħajjtu għall-għajnuna, u ħadd ma jgħinhom; *

lill-Mulej isejjħu, u ma jweġibhomx.

 

Bħat-trab itir mar-riħ nagħmilhom, *

bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.

Int teħlisni minn poplu ġellied, †

fuq il-ġnus inti tqegħedni; *

u poplu, li ma nafux, jaqdini.

Malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija; *

il-barranin jinxteħtu sa l-art quddiemi.

Il-barranin jaqgħu mifnija, *

joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-leminija tiegħek, Mulej, għenitni.

Ant. 3: Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

 

VI

 

Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-blata tiegħi! *

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa, *

li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!

Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi, †

tqegħedni fuq min jaħbat għalija, *

teħlisni min-nies tad-dnewwa.

 

Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej, *

u ngħanni t-tifħir ta' ismek.

Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu, †

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu; *

ma' David u nislu għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

 

V/. Mulej, iftaħli għajnejja.

R/. Biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samuel 2 Sam 6:1-23

 

L-Arka tittieħed f’Ġerusalemm

 

F’dawk il-jiem: David ġema' l-aħjar nies ta' Iżrael, tletin elf ruħ.Mbagħad David qam u telaq bil-poplu kollu miegħu minn Bagħala ta Ġuda biex itella' minn hemm l-Arka ta' Alla, li ġġib l-isem tal-Mulej ta' l-eżerċti li qiegħed fuq il-kerubini. U għabbew l-Arka ta' Alla fuq karru ġdid u ġarrewha mid-dar ta' Abinadab, li kienet fuq l-għolja. U Għużża u Aħija, ħuħ, ulied Abinadab, kienu jsuqu l-karru l-ġdid. U ħaduh mid-dar ta’ Abinadab, li kienet fuq l-għolja, bl-Arka ta' Alla fuqu, u Aħija kien miexi quddiem l-arka. U David u d-dar kollha ta' Iżrael kienu jiżfnu u jaqbżu bil-ferħ quddiem il-Mulej b'kemm kellhom saħħa, bl-għana u d-daqq tal-kitarri, ta’ l-arpi, tnabar, u ċnieċel u platti. 

Xħin waslu ħdejn il-qiegħa ta' Nakon, il-gniedes tfixklu, u Għużża medd idu lejn l-arka ta' Alla biex iżommha. Il-Mulej għadab għal Għużża, u Alla laqtu hemm u baqa' mejjet tal-post ħdejn l-arka. David għela għax laqat il-Mulej lil Għużża, u sejjaħ il-post Peres-għużża sa llum. Dakinhar beża’ David mill-Mulej u qal: “Kif nista' ndaħħal l-Arka tal-Mulej għandi?” U David ma riedx idaħħal għandu l-Arka tal-Mulej fil-belt ta' David, u ħadha fid-dar ta' Għobededom, il-Gitti. U l-Arka tal-Mulej baqgħet f'dar Għobededom, il-Gitti, tliet xhur sħaħ. U l-Mulej bierek lil Għobededom u kull ma kellu f’daru kollha. U lis-sultan David qalulu: “Il-Mulej bierek dar Għobededom u ‘l kull ma kellu, minħabba l-Arka ta' Alla.” U mar David u tella' l-Arka ta' Alla fil-belt ta' David, bil-ferħ, mid-dar ta’ Għobededom. Malli r-reffiegħa ta' l-Arka tal-Mulej imxew xi sitt passi, offrew b'sagrifiċċju gendus u muntun. David beda jiżfen b'saħtu kollha quddiem il-Mulej, imlibbes b’efod ta’ l-għażel. U hekk David u wlied Iżrael kollha wasslu l-Arka tal-Mulej b'għajat ta' ferħ u daqq tat-trombi.

Ġara li, hi u dieħla l-Arka tal-Mulej fil-belt ta' David, Mikol, bint Sawl, ittawwlet mit-tieqa, u lemħet is-sultan David jaqbeż u jiżfen quddiem il-Mulej, u stmerritu f'qalbha.

 Ġiebu l-Arka tal-Mulej u qegħduha f'postha, fit-Tabernaklu li kien waqqaf għaliha David. David offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem il-Mulej. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b'isem il-Mulej ta' l-eżerċti, u qassam lill-poplu kollu, lill-kotra ta' Iżrael, irġiel u nisa, ftira ħobż, biċċa laħam, u ċappa żbib kull wieħed. U l-poplu mar, kulħadd f’daru.

Xħin David reġa’ lura d-dar biex isellem lil niesu, ħarġet Mikol, bint Sawl, tilqgħu, u qaltlu: “Kemm kien sabiħ illum is-sultan ta' Iżrael, li nkixef quddiem għajnejn in-nisa qaddejja tiegħu, bħalma jinkixef raġel bla ġieħ!” U David wieġeb lil Mikol: “Il-Mulej kien li għażilni flok missierek u daru kollha, u għamilni prinċep fuq il-poplu ta' Iżrael, il-poplu tal-Mulej; jiena niżfen quddiem il-Mulej, niċċekken aktar minn hekk; ħa nitlef ġieħi f'għajnejk, imma nissebbaħ quddiem il-qaddejja nisa li semmejt int.” U Mikol, bint Sawl, baqgħet bla tfal sa ma mietet.

 

RESPONSORJU Ara Salm 131(132):8. 9; 23(24); 7. 9.

 

R/. Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-Arka tal-qawwa tiegħek. * Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

V/. Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! * Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

 

LEZZJONI II

 

Qari minn Omilija lill-imgħammdin ġodda, fuq is-salm wieħed u erbgħin, ta’ San Ġrolmu, saċerdot.

 

Nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi. Bħalma dawn l-għażżiela jixxennqu għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hekk l-għażżiela tagħna, li ħarġu mill-Eġittu u minn din id-dinja, u qerdu lill-Fargħun fl-ilmijiet tiegħu u l-eżerċtu tiegħu fl-ilmijiet tal-Magħmudija, wara l-qirda tax-xitan jixxennqu għan-nixxigħat tal-Knisja, il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Ġeremija jgħidilna li l-Missier hu nixxiegħa ta’ l-ilma, meta jikteb: Telqu lili, l-għajn ta’ l-ilma ġieri, biex ħaffru għalihom bjar miksura li ma jżommux ilma. Fuq l-Iben f’xi mkien naqraw dan: Telqu l-għajn ta’ l-għerf. U dwar l-Ispirtu s-Santu, l-Evanġelju, wara li jsemmi dan il-kliem tal-Mulej: Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien, isir fih għajn ta’ ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem, minnufih iżid jgħid li s-Salvatur tagħna kien qiegħed jitkellem fuq l-Ispirtu s-Santu. Minn dan kollu jidher ċar li t-tliet nixxigħat tal-Knisja huma l-misteru tat-Trinità qaddisa.

Ruħ min jemmen tixtieq it-Tliet Persuni, ruħ min hu mgħammed tixtieq it-Trinità, u tgħid: Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj. M’hix xi xewqa żgħira din li tara ‘l Alla, imma hi xewqa kollha ħeġġa, għatxana għall-aħħar. Dawk li jemmnu, qabel tgħammdu kienu jgħidu f’qalbhom: Meta niġi u nara wiċċ Alla? Araw, issa seħħ dak li kienu jitolbu; ġew u raw wiċċ Alla, ġew quddiem l-artal tiegħu, raw il-misteru tas-Salvatur, issieħbu fil-ġisem ta’ Kristu, twieldu mill-ġdid fl-għajn li tagħti l-ħajja, u għalhekk bla biża’ issa jitkellmu u jgħidu: Nimxu lejn it-tabernaklu tas-sebħ, sad-dar ta’ Alla. Id-dar ta’ Alla hija l-Knisja, dan hu t-tabernaklu tas-sebħ, fejn hemm l-għajat ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr qalb folla ferħana.

Intom li għadkom kemm ilbistu ‘l-Kristu, u mixjin warajna qiskom ħut żgħir wara s-sunnara, u qegħdin tintrefgħu mill-baħar ta’ din id-dinja bis-sunnara tal-Kelma ta’ Alla, għidu: Inbidlet fina n-natura tagħna. Il-ħut li jittella’ mill-baħar imut; lilna, li konna mejtin, l-appostli staduna u tellgħuna mill-baħar ta’ din id-dinja biex ngħixu. Sakemm konna f’din id-dinja, għajnejna kienu fil-qiegħ u ħajjitna fil-ħama; wara li ħriġna mill-baħar bdejna naraw ix-xemx, bdejna naraw id-dawl veru, u mimlijin hena u ferħ, għedna lil ruħna: Ittama f’Alla, għax jiena nibqa’nfaħħru: hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi

 

RESPONSORJU Salm 26(27):4

 

R/. Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex. * Li ngħammar f’dar il-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajti.

V/. Biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej u nbakkar fit-tempju tiegħu. * Li ngħammar f’dar il-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajti.

 

TALBA

 

 O Alla, int tajtna l-grazzja ta’ l-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl; agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Tielgħa x-xemx, f’nirien ta’ ħmura:

tistedinna lkoll biex nindmu,

u tfakkarna f’kemm mistħija,

naqgħu, jekk fid-dawl nidinbu.

 

Ejja nwarrbu minna l-għama

li żmien twil ilu jfixkilna,

u ħariġna bosta drabi

mit-triq t’Alla ‘l bogħod mis-sewwa.

 

Jalla d-dawl fis-sliem iżommna,

biex inħarsu fommna w qalbna

ħielsa minn kull qerq u ħjiena,

minn kull tebgħa w dell ta’ ħtija.

 

Hekk il-jum ngħadduh fit-tajjeb,

ma jkun qatt fid-dlam ilsienna

jew idejna jew għajnejna,

imma l-ġisem kollu jiddi.

 

Il-Mulej, mill-għoli tiegħu,

ta’ kuljum iħares lejna;

u, minn tlugħ ix-xemx sa nżulha,

hu jqis kollox, kull ma nagħmlu.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu. Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qum, arpa u ċetra! Ħa nqajjem sbiħ il-jum!

 

Salm 56 (57)

 

Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, *

għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;

għad-dell ta' ġwenħajk nistkenn, *

sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.

Insejjaħ lil Alla l-Għoli, *

lil Alla, li jieħu ħsiebi.

 

Jibgħat mis-sema u jsalvani; †

jitfa' l-għajb fuq min jgħaffiġni; *

jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu. 

Ninsab mimdud qalb l-iljuni, *

li jaħtfu lill-bnedmin;

snienhom lanez u vleġeġ, *

u lsienhom sejf misnun.

 Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 

Xibka ħejjewli fil-mogħdija; *

għal ftit ma waqajtx fiha.

Ħofra ħaffruli quddiemi, *

iżda huma waqgħu fiha.

 

Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; *

ħa ngħanni u ninseġ għanja:

"Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra! *

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!"

Infaħħrek, Sidi, fost il-popli, *

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek. 

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha! 

 Glorja.

 

Ant. 1: Qum, arpa u ċetra! Ħa nqajjem sbiħ il-jum!

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Il-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu.

 

Kantiku Ġer 31:10-14

 

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej, *

xandruha 'l bogħod fil-gżejjer:

għidu: 'Dak li xerred lil Iżrael jiġbru, *

u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.”

 

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb, *

ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.

Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta' Sijon, *

u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej;

minħabba l-qamħ, u l-inbid ġdid u ż-żejt, *

u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar;

u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb, *

ma jkunux iżjed mifnija.

 

"Mbagħad jiżfnu x-xbejbiet bil-ferħ, *

jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;

u jiena nbiddel il-vistu tagħhom f'hena, *

infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom.

Il-qassisin nimliehom bl-abbundanza, *

u l-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu".

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Il-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu.

Ant. 3: Il-Mulej hu kbir, u jistħoqqlu t-tifħir f’Sijon.

 

Salm 47 (48)

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna *

fil-belt ta' Alla tagħna.

L-għolja qaddisa tiegħu, għolja mill-isbaħ, *

l-għaxqa ta' l-art kollha.

L-għolja ta' Sijon fil-qalba tat-tramuntana; *

hi l-belt tas-sultan il-kbir. 

Alla fil-fortizzi tagħha *

wera ruħu bħal sur qawwi.

 

Ara, is-slaten ingħaqdu, *

mxew ilkoll flimkien;

kif rawha, baqgħu mistagħġba, *

tfixklu u ħarbu.

Hemm qabdithom rogħda kbira, *

u wġigħ bħal dak tal-ħlas.

Bir-riħ tal-lvant int tfarrak *

l-iġfna ta' Tarsis.

 

Kif smajna, hekk rajna f'belt il-Mulej ta' l-eżerċti, †

fil-belt ta' Alla tagħna. *

Alla jżommha sħiħa għal dejjem!

Naħsbu, o Alla, fuq it-tjieba tiegħek *

f'nofs it-tempju tiegħek.

Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek, †

sa truf l-art jasal. *

Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija.

Tithenna l-għolja ta' Sijon, †

jifirħu l-bliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġudizzji tiegħek.

 

Duru ma' Sijon, duru dawra magħha, *

araw kemmil torri għandha.

Ħarsu sewwa lejn is-swar tagħha, †

duru bir-reqqa l-fortizzi tagħha, *

biex ixxandru lin-nisel ta' wrajkom:

Dan hu Alla! †

Alla tagħna għal dejjem ta' dejjem; *

hu jmexxina għal dejjem!

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej hu kbir, u jistħoqqlu t-tifħir f’Sijon.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 66:1-2

 

Dan jgħid il-Mulej: Is-smewwiet it-tron tiegħi, fuq l-art inserraħ riġlejja. X’inhi d-dar li tistgħu tibnuli? Jew fejn jista’ jkun il-post tal-mistrieħ tiegħi? Dawn kollha idejja għamluhom, u huma kollha tiegħi: kelma tal-Mulej. Fuq min nixħet għajnejja? Fuq il-fqir u l-bniedem ta’ qalbu miksura, u fuq min jibża’ mill-kelma tiegħi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. B’qalbi kollha ngħajjatlek: * Weġibni, Mulej. B’qalbi.

V/. Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek. * Weġibni, Mulej. Glorja. B’qalbi.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija, u jeħlisna mill-għedewwa tagħna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija, u jeħlisna mill-għedewwa tagħna.

 

PREĊI

 

Inroddu ħajr lil Sidna Ġesù Kristu, li ħalliena naraw id-dawl ta’ din il-ġurnata, u minn qalbna ngħidulu:

Mulej, berikna u qaddisna.

Int offrejt lilek innifsek vittma għal dnubietna:

- noffrulek lilna nfusna, b’dak kollu li ħsiebna nagħmlu llum.

Int qiegħed thenni lil għajnejna bid-dawl ta’ jum ġdid:

- kun il-kewkba ta’ filgħodu li ddawwal lil qalbna.

Int ħanin u kollok mogħdrija magħna:

- agħtina grazzja li llum aħna wkoll inġibu ruħna hekk mal-proxxmu.

Fakkarna mas-sebħ fi tjubitek, Mulej:

- ikun il-ferħ tiegħek il-qawwa tagħna tul il-jum.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, miċ-ċokon tagħna noffru talb umli lill-kobor tiegħek, fil-għodu, f’nofsinhar u fil-għaxija; keċċi d-dlamijiet tad-dnub minn qalbna, u imlihielna bid-dawl veru, li hu Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

 F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1. Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

Salm 118 (119): 17-24

 

III (Gimel)

 

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek, *

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

Iftaħli għajnejja, *

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

Barrani jien fuq l-art; *

taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.

Tinfena qalbi l-ħin kollu *

bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.

 

Il-kburin inti ċċanfarhom; *

misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir tagħhom, *

għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 

Mqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi, *

fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa' jaħseb

il-qaddej tiegħek.

Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi, *

huma jagħtuni l-parir tajjeb.

 Glorja.

 

 Ant.1. Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 Ant.2. Mexxini fis-sewwa tiegħek, Mulej.

  

Salm 24 (25)

 

I

 

Lejk jien nerfa' ruħi, *

Mulej, Alla tiegħi.

Fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad; *

ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija.

Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad; *

jitħawwad min malajr jonqsok mill-kelma.

Triqatek, Mulej, għarrafni, *

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, †

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. *

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, *

għax huma minn dejjem, Mulej.

Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti: †

inti tajjeb, Mulej; *

ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej; *

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa, *

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

 

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà *

għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.

Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, *

aħfirli ħżuniti, kbira kemm hi kbira.

 Glorja.

 

 Ant.2. Mexxini fis-sewwa tiegħek, Mulej.

 Ant.3. Dur lejja u eħlisni, Mulej, għax jiena fqajjar u waħdi.

 

II

 

Min hu dak li għandu l-biża' tal-Mulej? *

Lilu hu juri t-triq li għandu jagħżel.

Fil-ġid hu jgħammar, *

uliedu jiksbu l-art.

 

Midħla l-Mulej ta' dawk li jibżgħu minnu, *

lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.

Għajnejja dejjem fil-Mulej, *

għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja.

 

Dur lejja u kun twajjeb miegħi, *

għax jiena fqajjar u waħdi.

Serraħli qalbi mid-dwejjaq, *

minn-niket tiegħi eħlisni.

 

Ara n-niket u d-dwejjaq tiegħi, *

u aħfirli ħtijieti kollha.

Ara kemm kotru l-għedewwa tiegħi, *

x'mibegħda qawwija għandhom għalija.

 

Ħarisli ħajti u eħlisni; *

la nistkenn fik, m'għandix għax ninfixel.

Is-sewwa u d-dritt iħarsuni, *

għax jien fik ittamajt.

 

Eħles, o Alla, lil Iżrael, *

mid-dwejjaq tiegħu kollha!

 Glorja.

 

Ant.3. Dur lejja u eħlisni, Mulej, għax jiena fqajjar u waħdi.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Għam 4:13

 

Araw, dak li jsawwar il-muntanji u jaħlaq ir-riħ, dak li juri l-pjan tiegħu lill-bniedem, li jagħmel iż-żerniq u d-dlam, u jterraq fuq l-għoljiet ta’ l-art, il-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, hu ismu!

 

 V/. Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej.

 R/. Faħħruh u għolluh għal dejjem.

 

Talba

 

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għam 5:8

 

Dak li jsawwar it-trajja u l-imħalel tal-kwiekeb, li jibdel id-dlam fi sbiħ il-jum, u l-jum f’lejl mudlam, li l-ilmijiet isejjħilhom baħar u jxerridhom ma’ wiċċ l-art, il-Mulej hu ismu!

 

 V/. Ġmiel u sebħ huma quddiemu.

 R/. Qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għam 9:6

 

Dak li jibni fis-smewwiet l-għamajjar għolja tiegħu, li qiegħed fuq l-art is-sisien tad-dawra kollha tas-sema, li l-ilmijiet isejjħilhom baħar u jxerridhom ma’ wiċċ l-art, il-Mulej hu ismu!

 

 V/. Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla.

 R/. Għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib, u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Alla l-qawwi, kif il-ħlejjaq

tnisslu b’kelmtek fi ħdan l-ilma,

int qassamthom, xi wħud fl-ajru,

iżd’oħrajn fl-imwieġ ħallejthom.

 

Tajt lil dawn ix-xmajjar, l-ibħra;

mas-smewwiet lil dawk xerridthom;

biex sew fuq sew taħt jiżegħdu,

għalkemm jafu bidu wieħed.

 

Nitolbuk, Mulej, biex aħna,

li bil-mewġ tad-demm tnaddafna,

ma naqgħux fit-tajn tal-ħtija,

ma nerfgħux tal-mewt it-toqol.

 

Tħalliniex bid-dnub nitgħaffġu

jew nintrefgħu bina nfusna,

biex la nsiru frak quddiemek

lanqas nieħdu xi tisbita.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jien sejjaħtlek, u int fejjaqtni, Mulej; infaħħrek għal dejjem.

 

Salm 29 (30)

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni, *

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek; *

sejjaħtlek, u int fejjaqtni.

Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi, *

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu, *

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu, *

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki, *

fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.

Mela jien għedt fl-aħjar tiegħi: *

"Żgur li qatt ma niċċaqlaq! "

Mulej, bil-pjaċir tiegħek *

fuq muntanja qawwija qegħedtni;

mbagħad ħbejt wiċċek minni, *

u jien tħawwadt għalkollox.

Lilek sejjaħt, Mulej; *

lil Sidi tlabt il-ħniena.

 

X'tieħu int jekk inkun mejjet, *

jekk jiena ninżel fil-qabar?

Se jfaħħrek forsi t-trab? *

Se jxandar il-fedeltà tiegħek?

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; *

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

 

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi, *

neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.

Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda; *

Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Jien sejjaħtlek, u int fejjaqtni, Mulej; infaħħrek għal dejjem.

Ant. 2: Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej.

 

Salm 31 (32)

 

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura, *

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej, *

u ma għandu ebda qerq f'qalbu!

 

Jien bqajt sieket, u nfena ġismi, *

jiena u nokrob il-jum kollu.

Għax lejl u nhar it-toqol ta' idek fuqi; *

saħħti nfniet bħal bis-sħana tas-sajf.

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek, *

u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.

Jien għedt: "Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti." *

U int ħfirtli l-ħażen ta’ dnubi.

 

Għalhekk kull min hu twajjeb

lilek jitlob fi żmien in-niket. *

 Jekk ifuru ilmijiet kotrana,

 lilu qatt ma jilħquh.

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni, *

iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; *

inwissik, u nżomm għajnejja fuqek.

Tkunux bla sens bħaż-żiemel u l-bagħal, †

li bil-lġiem u r-riedni trażżanhom, *

biex jirnexxilek tiġbidhom lejk.

 

Ħafna huma t-tbatijiet tal-ħżiena; *

iżda min jittama fil-Mulej jitħaddan bil-ħniena.

Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej; *

għajjtu bil-ferħ, intom ilkoll ta' qalbkom safja. 

 Glorja.

 

Ant. 2: Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej.

Ant. 3: Il-Mulej Alla tah is-setgħa, l-ġieħ u s-saltna, u l-ġnus kollha jaqduh.

 

Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a

 

 Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 Imma ġiet il-korla tiegħek * 

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 

 U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej Alla tah is-setgħa, l-ġieħ u s-saltna, u l-ġnus kollha jaqduh.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:6-9

 

Ifirħu, ukoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu minn-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu. Intom lilu ma rajtuhx, imma tħobbuh; u waqt li issa temmnu fih, għalkemm ma tarawhx, tifirħu b’ferħ li ma jitfissirx u ma jitqiesx, u hekk tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, is-salvazzjoni ta’ ruħkom.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej temagħna * B’qamħ mill-aħjar. Il-Mulej.

V/. Xebbagħna bl-għasel mill-blat. * B’qamħ mill-aħjar. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin.

 

PREĊI

 

Alla hu l-għajnuna tagħna; it-tama kollha tagħna qiegħda fih. Infaħħruh, u b’qima kbira ngħidulu:

Mulej, ħares lejn uliedek.

Mulej Alla tagħna, int għamilt patt għal dejjem mal-poplu tiegħek:

- agħtina grazzja li niftakru dejjem fl-għemejjel kbar tiegħek.

Agħmel li s-saċerdoti kollha tiegħek ikunu perfetti fl-imħabba:

- żomm il-fidili tiegħek dejjem magħquda lkoll fi spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem.

Kun fostna biex is-soċjetà tal-bnedmin fuq l-art nibnuha flimkien miegħek:

- tħallix li aħna l-bennejja nkunu tħabatna għal xejn.

Ibgħat ħafna ħaddiema għall-ħsad tiegħek:

- wassal il-kelma tiegħek lill-ġnus kollha biex ikabbru ismek.

Ilqa’ lil qrabatna u l-benefatturi tagħna mejtin fost il-qaddisin tiegħek:

- agħtina li ngħixu bil-qdusija biex nistgħu nissieħbu magħhom.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int qegħedt id-dawl fis-sema biex idawwlu l-lejl, u wara d-dlam tferraħ kullimkien bid-dija tax-xemx; agħmel li ma niltaqgħu ma’ ebda tfixkil tax-xitan f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada ma’ sbiħ il-jum niġu quddiemek u nroddulek il-ħajr. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

 

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Fil-kwiet immur nistrieħ.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

  

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.